LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/1 pp. 13-18
  • Niddefendu l-Fidi Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Niddefendu l-Fidi Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “[Ir-Raġunevolezza] Tagħkom ħa Jkunu Jafuha l-​Bnedmin Kollha”
  • Meta Tiskot, Meta Titkellem
  • Xi Ngħidu Dwar Pubbliċità Inġurjuża?
  • Niddefendu Legalment l-​Aħbar Tajba
  • Mibgħudin Minħabba l-Fidi Tagħhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Huma x-Xhieda taʼ Jehovah Kult?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Kristjani u s-Soċjetà Umana Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Huma Kristjani Veri?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/1 pp. 13-18

Niddefendu l-​Fidi Tagħna

“Lill-​Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-​għala tat-​tama li għandkom.”—1 PIETRU 3:15.

1, 2. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala ma jissorprendux ruħhom jekk ikollhom oppożizzjoni, imma huma x’jixtiequ?

FIL-​BIĊĊA l-​kbira tal-​pajjiżi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin ġeneralment bħala nies onesti li jgħixu ħajja nadifa. Bosta jqisuhom bħala ġirien tajbin li ma jaqilgħux inkwiet. Ironikament, madankollu, dawn il-​Kristjani li tant iħobbu l-​paċi batew persekuzzjoni inġusta​—kemm fi żmien taʼ gwerra u kemm taʼ paċi. Oppożizzjoni bħal din ma tissorprendihomx. Fil-​fatt, jistennewha. Wara kollox, huma jafu li l-​Kristjani leali taʼ l-​ewwel seklu E.K. kienu ‘mibgħudin,’ mela, dawk li qed jistinkaw biex ikunu segwaċi veri taʼ Kristu llum, għala għandhom għalfejn jistennew li jkunu ttrattati b’mod differenti? (Mattew 10:22) Barra minn hekk, il-​Bibbja tgħid: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.”—2 Timotju 3:12.

2 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jfittxux il-​persekuzzjoni, u lanqas ma jieħdu gost bit-​tbatijiet​—multi, tfigħ fil-​ħabs, jew trattament aħrax—​li din tistaʼ ġġib. Huma jixtiequ ‘jgħaddu ħajja fil-​kwiet u fis-​sliem’ sabiex ikunu jistgħu jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla mingħajr ebda tfixkil. (1 Timotju 2:1, 2) Huma japprezzaw il-​libertà reliġjuża li għandhom fil-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi biex jipprattikaw il-​qima tagħhom, u kuxjenzjożament jagħmlu dak li jistgħu biex ‘jgħixu fil-​paċi maʼ kulħadd,’ inkluż il-​ħakkiema umani fil-​gvern. (Rumani 12:18; 13:1-7) Allura, għala huma ‘mibgħudin’?

3. X’inhi raġuni waħda għala x-​Xhieda taʼ Jehovah ġew mibgħudin inġutament?

3 Bażikament, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew mibgħudin inġustament għall-​istess raġunijiet li għalihom ġew ippersegwitati l-​Kristjani bikrin. L-​ewwel, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaġixxu skond it-​twemmin reliġjuż tagħhom b’modi li ma tantx jagħmluhom popolari m’oħrajn. Per eżempju, huma żelużi f’li jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, imma n-​nies taʼ spiss jinterpretaw ħażin iż-​żelu tagħhom, billi jqisu li l-​ippridkar tagħhom huwa “proselitiżmu aggressiv.” (Qabbel Atti 4:19, 20.) Huma wkoll newtrali fejn jinvolvi l-​politika u l-​gwerer tal-​ġnus, u xi kultant dan ġie interpretat b’mod żbaljat bħala li x-​Xhieda huma ċittadini żleali.—Mikea 4:3, 4.

4, 5. (a) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif kienu l-​mira t’akkużi foloz? (b) Min taʼ spiss huma l-​perċimes prinċipali tal-​persekuzzjoni tal-​qaddejja taʼ Jehovah?

4 It-​tieni, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu l-​mira t’akkużi foloz​—gideb sfaċċat u interpretazzjonijiet mgħawġin taʼ dak li jemmnu. B’riżultat taʼ dan, f’xi pajjiżi kienu l-​mira taʼ attakki mhux iġġustifikati. Barra minn hekk, minħabba li jfittxu kura medika mingħajr l-​użu tad-​demm, li hu fi qbil max-​xewqa tagħhom li jobdu l-​kmand tal-​Bibbja biex ‘jitbiegħdu mid-​demm,’ huma b’mod żbaljat ġew imsejħin “qattiela tat-​tfal” u “kult suwiċida.” (Atti 15:29) Imma jibqaʼ l-​fatt li x-​Xhieda taʼ Jehovah jqisu l-​ħajja bħala taʼ valur għoli, u jipprovaw jiksbu l-​aqwa kura medika disponibbli għalihom infushom u għal uliedhom. L-​akkuża li għadd kbir taʼ tfal tax-​Xhieda taʼ Jehovah jmutu kull sena bħala riżultat talli jirrifjutaw it-​trasfużjonijiet tad-​demm hija totalment infondata. Barra minn hekk, minħabba li l-​verità tal-​Bibbja m’għandhiex l-​istess effett fuq il-​membri kollha tal-​familja, ix-​Xhieda ġew akkużati wkoll li jifirdu l-​familji. Madankollu, dawk li huma familjari max-​Xhieda taʼ Jehovah jafu li dawn għandhom stima kbira lejn il-​ħajja tal-​familja u jipprovaw isegwu l-​kmandi Bibliċi li r-​raġel u l-​mara jridu jħobbu u jirrispettaw lil xulxin u li t-​tfal iridu jobdu lill-​ġenituri tagħhom kemm jekk huma taʼ l-​istess twemmin u kemm jekk m’humiex.—Efesin 5:21–6:3.

5 F’ħafna każi, il-​perċimes prinċipali tal-​persekuzzjoni tal-​qaddejja taʼ Jehovah rriżultaw li kienu l-​avversarji reliġjużi li wżaw l-​influwenza tagħhom maʼ l-​awtoritajiet politiċi u mal-​mezzi tax-​xandir biex jipprovaw joħonqu l-​attivitajiet tax-​Xhieda. Aħna x-​Xhieda taʼ Jehovah, kif għandna naġixxu f’każ t’oppożizzjoni bħal din​—sew jekk minħabba dak li nemmnu u nipprattikaw u sew jekk minħabba akkużi foloz?

“[Ir-Raġunevolezza] Tagħkom ħa Jkunu Jafuha l-​Bnedmin Kollha”

6. Għala huwa importanti li jkollna ħarsa bbilanċjata dwar dawk li m’humiex parti mill-​kongregazzjoni Kristjana?

6 L-​ewwel ħaġa, jeħtieġ li jkollna l-​ħarsa xierqa​—il-​ħarsa taʼ Jehovah—​dwar dawk li m’għandhomx l-​istess konvinzjonijiet reliġjużi tagħna. Inkella, għandna mnejn inġibu fuqna l-​ostilità jew it-​tmaqdir t’oħrajn bla bżonn. “[“Ir-​raġunevolezza,” NW] tagħkom, ħa jkunu jafuha l-​bnedmin kollha,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Filippin 4:5) Għaldaqstant, il-​Bibbja tinkuraġġina biex ikollna ħarsa bbilanċjata dwar dawk barra l-​kongregazzjoni Kristjana.

7. X’hemm involut f’li nżommu ruħna “bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja”?

7 Fuq naħa waħda l-​Iskrittura twissina b’mod ċar biex ‘inżommu ruħna bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja.’ (Ġakbu 1:27; 4:4) It-​terminu “dinja” hawnhekk, bħal f’ħafna postijiet fil-​Bibbja, għandu referenza għall-​massa taʼ l-​umanità apparti mill-​Kristjani veri. Aħna qed ngħixu qalb din is-​soċjetà taʼ nies; niġu f’kuntatt magħhom fuq ix-​xogħol, fl-​iskola u fl-​inħawi fejn noqogħdu. (Ġwann 17:11, 15; 1 Korintin 5:9, 10) Madankollu, aħna nżommu ruħna bla tebgħa mid-​dinja billi naħarbu l-​attitudnijiet, id-​diskors, u l-​kondotta li huma f’konflitt mal-​modi ġusti t’Alla. Huwa vitali wkoll li nirrikonoxxu l-​periklu taʼ sħubija intima maʼ din id-​dinja, partikolarment maʼ dawk li xejn ma jimpurtahom mil-​livelli taʼ Jehovah.—Proverbji 13:20.

8. Il-​parir biex nibqgħu bla tebgħa mid-​dinja għala ma jagħtina ebda bażi biex inċekknu lil oħrajn?

8 Madankollu, il-​parir biex nibqgħu bla tebgħa mid-​dinja ma jagħtina ebda bażi biex aħna nċekknu kategorikament lil dawk li m’humiex Xhieda taʼ Jehovah. (Proverbji 8:13) Tiftakruh l-​eżempju tal-​mexxejja reliġjużi Lhud li ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel? It-​tip taʼ reliġjon li żviluppaw huma ma kisbilhomx il-​favur taʼ Jehovah; lanqas ma kkontribwixxa għal relazzjonijiet tajbin maʼ dawk li ma kinux Lhud. (Mattew 21:43, 45) Mill-​pedestall li kienu fuqu, dawn l-​irġiel fanatiċi li għamluha taʼ qaddisin bdew iqisu lill-​Ġentili bħala inferjuri. Aħna ma rridux inkunu ppreġudikati u nittrattaw lil dawk li m’humiex Xhieda b’disprezz. Bħall-​appostlu Pawlu, ix-​xewqa tagħna hi li dawk kollha li jisimgħu l-​messaġġ taʼ verità tal-​Bibbja jiksbu l-​favur t’Alla.—Atti 26:29; 1 Timotju 2:3, 4.

9. Ħarsa bbilanċjata dwar l-​Iskrittura għandha jkollha liema effett fuq il-​mod kif nitkellmu dwar dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin tagħna?

9 Ħarsa bbilanċjata u bbażata fuq l-​Iskrittura għandha teffettwa l-​mod kif nitkellmu dwar dawk li m’humiex Xhieda. Pawlu ta istruzzjonijiet lil Titu biex ifakkar lill-​Kristjani fuq il-​gżira taʼ Kreta “biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-​tilwim, ikunu umli [“raġunevoli,” NW], jimxu bil-​ħlewwa maʼ kulħadd.” (Titu 3:2) Innota li l-​Kristjani ma kellhom ikasbru lil “ħadd”​—lanqas saħansitra lil dawk li ma kinux Kristjani fi Kreta, u li xi wħud minnhom kienu magħrufin kemm għall-​gideb, l-​iffangar fl-​ikel, u l-​għażż tagħhom. (Titu 1:12) Għalhekk ma jkunx skritturali għalina li nużaw termini degradanti meta nirreferu għal dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna. Attitudni superjuri ma tiġbidx lil oħrajn għall-​qima taʼ Jehovah. Pjuttost, meta nqisu u nittrattaw lil oħrajn fi qbil maʼ l-​istess prinċipji bażiċi tal-​Kelma taʼ Jehovah, aħna nkunu qed nagħmlu “ġieħ lit-​tagħlim” t’Alla.—Titu 2:10.

Meta Tiskot, Meta Titkellem

10, 11. Ġesù kif wera li kien jaf meta kien (a) “żmien li tiskot”? (b) “żmien li titkellem”?

10 Hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem,” jgħid Koħèlet 3:7. Hawnhekk, mela, tinsab l-​isfida: li niddeċiedu meta ninjoraw l-​avversarji u meta nitkellmu biex niddefendu l-​fidi tagħna. Nistgħu nitgħallmu ferm mill-​eżempju taʼ wieħed li dejjem wera diskrezzjoni b’mod perfett​—Ġesù. (1 Pietru 2:21) Kien jaf meta kien iż-​‘żmien li jibqaʼ sieket.’ Per eżempju, meta l-​qassisin il-​kbar u x-​xjuħ għamlu akkużi foloz dwaru quddiem Pilatu, Ġesù “ma wieġeb xejn.” (Mattew 27:11-14) Ma ried jgħid xejn li setaʼ jfixkel ir-​rieda li Jehovah riedu jwettaq. Minflok, għażel li jħalli l-​għemejjel tiegħu li saru fil-​beraħ jitkellmu huma. Kien jaf li lanqas saħansitra l-​verità ma kienet se tbiddel il-​fehmiet u l-​qlub kburin tagħhom. Għalhekk, injora l-​akkuża tagħhom billi rrifjuta li jikser is-​skiet sinjifikanti tiegħu.—Isaija 53:7.

11 Madankollu, Ġesù kien jaf ukoll meta kien ‘iż-​żmien li jitkellem.’ Xi drabi, kien jargumenta bla tlaqliq u apertament maʼ dawk li kienu jikkritikawh, u rribatta l-​akkużi foloz tagħhom. Per eżempju, meta l-​iskribi u l-​Fariżej ipprovaw jiskreditawh quddiem folla kbira billi akkużawh li keċċa d-​demonji permezz taʼ Begħelżebul, Ġesù ra li aħjar jirribatti dawk l-​akkużi foloz. B’loġika li ħarbtithom u b’tixbieha qawwija, ġab fix-​xejn din il-​gidba. (Mark 3:20-30; ara wkoll Mattew 15:1-11; 22:17-21; Ġwann 18:37) Bl-​istess mod, meta Ġesù ġie mkaxkar quddiem is-​Sinedriju, wara t-​tradiment u l-​arrest tiegħu, il-​Qassis il-​Kbir Kajfa ordnalu bil-​makakkerija kollha: “Aħlifli fuq Alla l-​ħaj u għidilna jekk intix il-​Messija Bin Alla!” Dan ukoll kien ‘żmien li jitkellem,’ għax kieku baqaʼ sieket setaʼ ġie interpretat bħala li qed jiċħad li hu l-​Kristu. Għalhekk Ġesù wieġeb: “Jiena hu.”—Mattew 26:63, 64; Mark 14:61, 62.

12. Liema ċirkustanzi qanqlu lil Pawlu u lil Barnaba jitkellmu bil-​qlubija ġewwa Ikonju?

12 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju taʼ Pawlu u Barnaba. Atti 14:1, 2 jistqarr: “Meta kienu Ikonju, daħlu wkoll fis-​sinagoga tal-​Lhud u tkellmu b’mod li kotra kbira taʼ nies, sew Lhud u sew Griegi, emmnu. Imma l-​Lhud li ma laqgħux il-​fidi xewwxu l-​pagani u għawewhom kontra l-​aħwa nsara.” The New English Bible tgħid: “Imma l-​Lhud li ma kkonvertewx xewxu lill-​Ġentili u vvelenawlhom moħħhom kontra l-​Kristjani.” Saħħa huma nfushom ma kinux kuntenti li sempliċement jirrifjutaw il-​messaġġ, l-​avversarji Lhud bdew kampanja taʼ għawi, biex jipprovaw jippreġudikaw lin-​nies Ġentili kontra l-​Kristjani.a Ara kemm kienet profonda l-​mibegħda tagħhom għall-​Kristjanità! (Qabbel Atti 10:28.) Pawlu u Barnaba ħassew li dan kien ‘żmien li jitkellmu,’ peress li d-​dixxipli ġodda setgħu jaqtgħu qalbhom minħabba li n-​nies bdew jitfgħu tmaqdir fuqhom. “Pawlu u Barnaba baqgħu għal ftit żmien sewwa jitkellmu bi qlubija kbira fuq [“bl-​awtorità taʼ,” NW] il-​Mulej,” li wriehom l-​approvazzjoni tiegħu billi tahom il-​qawwa biex iwettqu sinjali mirakolużi. Dan irriżulta f’li xi wħud żammew “mal-​Lhud u oħrajn maʼ l-​appostli.”—Atti 14:3, 4.

13. Jekk xi ħadd jitfaʼ tmaqdir fuqna, meta ġeneralment ikun ‘żmien li nibqgħu siktin’?

13 Allura, kif għandna nwieġbu meta xi ħadd jitfaʼ tmaqdir fuqna? Dan jiddependi fuq iċ-​ċirkustanzi. Xi sitwazzjonijiet jitolbu minna li napplikaw il-​prinċipju taʼ ‘żmien li nibqgħu siktin.’ Dan speċjalment huwa minnu meta xi avversarji determinati jipprovaw idaħħluna f’argumenti bla bżonn. Ma rridux ninsew li xi nies sempliċement ma jridux isiru jafu l-​verità. (2 Tessalonikin 2:9-12) Huwa kollu għal xejn li nagħmlu ħilitna biex nirraġunaw maʼ dawk li qlubhom huma ddeterminati li bil-​kburija kollha ma jemmnux. Iktar minn hekk, li kieku kellna nkunu mehdijin f’li niddibattu kull akkuża falza taʼ dawk kollha li jattakkawna, kieku nistgħu nibdew inwarrbu fil-​ġenb l-​attività premjanti li hija bil-​wisq iktar importanti​—dik li ngħinu lil dawk taʼ qalb onesta li jridu jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja bis-​serjetà. Mela meta niġu kkonfrontati b’antagonisti li moħħhom biex ixerrdu l-​gideb fuqna, il-​parir imnebbaħ hu: “Żommu ’l bogħod minnhom.”—Rumani 16:17, 18; Mattew 7:6.

14. B’liema modi nistgħu aħna niddefendu l-​fidi tagħna quddiem oħrajn?

14 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li m’għandniex niddefendu l-​fidi tagħna. Wara kollox, hemm ukoll ‘żmien biex nitkellmu.’ Bir-​raġun kollu, aħna kkonċernati dwar nies sinċieri li kienu obbligati jisimgħu kritika malafamanti dwarna. Aħna lesti li nagħtu spjegazzjoni ċara lil oħrajn dwar il-​konvinzjonijiet għeżież għalina; u tabilħaqq, nieħdu gost ħafna li jkollna din l-​opportunità. Pietru kiteb: “Lill-​Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-​għala tat-​tama li għandkom; imma wieġbu bil-​ħlewwa u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:15, 16 [1 Pietru 3:15, NW]) Meta xi individwi li jkunu interessati ġenwinament jitolbuna provi dwar it-​twemmin għażiż tagħna, meta jistaqsu dwar l-​akkużi foloz li jagħmlulna l-​avversarji tagħna, huwa d-​dmir tagħna li niddefendu l-​fidi tagħna, billi nipprovdu tweġibiet sodi mill-​Bibbja. Barra minn hekk, il-​kondotta tajba tagħna tistaʼ tgħid ħafna. Hekk kif osservaturi b’moħħhom miftuħ jinnotaw li aħna verament qed nipprovaw ngħixu fi qbil mal-​livelli taʼ tjieba t’Alla, jistgħu faċilment jaraw li l-​akkużi miġjubin kontrina huma foloz.—1 Pietru 2:12-15.

Xi Ngħidu Dwar Pubbliċità Inġurjuża?

15. X’inhu eżempju wieħed taʼ kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu l-​mira taʼ informazzjoni falza fuq il-​mezzi tax-​xandir?

15 Xi drabi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu l-​mira taʼ informazzjoni mgħawġa minn fuq il-​mezzi tax-​xandir. Per eżempju, fl-​1 t’Awissu, 1997, gazzetta Russa ppubblikat artiklu inġurjuż li sostna fost affarijiet oħra, li x-​Xhieda jirrikjedu kategorikament li l-​membri tagħhom ‘iwarrbu lin-​nisa tagħhom, lil żwieġhom, u lill-​ġenituri tagħhom jekk dawn ma jifhmuhomx jew ma jipprattikawx l-​istess fidi tagħhom.’ Kulmin jafhom sew lix-​Xhieda taʼ Jehovah jaf li din l-​akkuża hija falza. Il-​Bibbja tindika li l-​Kristjani jridu jittrattaw lill-​membri tal-​familji tagħhom li m’għandhomx l-​istess twemmin bl-​imħabba u bir-​rispett, u x-​Xhieda jagħmlu ħilithom kollha biex dan jagħmluh. (1 Korintin 7:12-16; 1 Pietru 3:1-4) Minkejja dan, l-​artiklu xorta ġie ppubblikat, u minħabba f’hekk ħafna qarrejja ngħataw informazzjoni żbaljata. Kif nistgħu niddefendu l-​fidi tagħna meta niġu akkużati b’mod falz?

16, 17, u l-​kaxxa f’paġna 16. (a) It-Torri taʼ l-​Għassa x’qal darba dwar kif għandna nirreaġixxu għal informazzjoni fuq il-​mezzi tax-​xandir? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah taħt liema ċirkustanzi għandhom mnejn iwieġbu għal rapporti negattivi fuq il-​mezzi tax-​xandir?

16 Hawnhekk għal darb’oħra, hemm ‘żmien li nisktu u żmien li nitkellmu.’ It-​Torri taʼ l-​Għassa darba poġġieha b’dan il-​mod: “Jekk ninjorawx l-​informazzjoni falza fuq il-​mezzi tax-​xandir jew jekk niddefendux il-​verità b’mezzi xierqa jiddependi fuq iċ-​ċirkustanzi, fuq dak li jqanqal il-​kritika, u b’liema mira ssir.” F’ċerti każi jkun aħjar jekk ninjoraw rapporti negattivi, għax b’hekk ma nagħtux iktar pubbliċità għall-​gideb.

17 F’każi oħrajn għandu mnejn ikun ‘żmien li nitkellmu.’ Ġurnalist jew riporter taʼ l-​affari tiegħu għandu mnejn li jkun ġie informat ħażin dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah u forsi jieħu gost b’informazzjoni eżatta dwarna. (Ara l-​kaxxa “Nikkoreġu Rappreżentazzjoni Mgħawġa.”) Jekk rapporti negattivi fuq il-​mezzi tax-​xandir iqanqlu l-​preġudizzju li jfixkel ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna, rappreżentanti mill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society jistgħu jieħdu l-​inizjattiva biex jiddefendu l-​verità b’mezzi xierqa.b Per eżempju għandu mnejn li xi anzjani kkwalifikati jintalbu biex jippreżentaw il-​fatti, bħal ngħidu aħna f’xi programm televiżiv, u minħabba li jekk ma jmorrux jistaʼ jimplika li x-​Xhieda taʼ Jehovah ma jafux ir-​risposta. Fi kwistjonijiet bħal dawn, Xhieda individwali bil-​għaqal jikkooperaw mad-​direzzjoni mogħtija mill-​Watch Tower Society u r-​rappreżentanti tagħha.—Lhud 13:17.

Niddefendu Legalment l-​Aħbar Tajba

18. (a) Għala m’għandniex bżonn il-​permess mill-​gvernijiet umani biex nippridkaw? (b) Liema korsa nsegwu aħna meta niġu miċħudin il-​permess li nippridkaw?

18 L-​awtorizzazzjoni tagħna biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla tiġi mis-​sema. Ġesù, dak li inkarigana biex nagħmlu dan ix-​xogħol, ngħata “kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18-20; Filippin 2:9-11) Għaldaqstant, m’għandniex bżonn taʼ xi permess mill-​gvernijiet umani biex nippridkaw. Xorta waħda, aħna nirrikonoxxu li jekk ikollna l-​libertà reliġjuża, dan se jgħinna nxerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna. F’pajjiżi fejn għandna l-​libertà biex nipprattikaw il-​qima tagħna, se nużaw kwalunkwe sistema legali biex nipproteġuha. Fejn ġejna miċħudin din il-​libertà, aħna se nistinkaw biex niksbuha, dejjem skond il-​liġi. L-​objettiv tagħna m’huwiex xi riforma soċjali, imma li ‘niddefendu u nwettqu [“nistabbilixxu legalment,” NW] l-​Evanġelju.c—Filippin 1:7.

19. (a) X’jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ li aħna ‘nagħtu lil Alla dak li hu taʼ Alla’? (b) X’aħna determinati li nagħmlu?

19 Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna nirrikonoxxu lil Jehovah bħala s-​Sovran Universali. Il-​liġi tiegħu hija suprema. Bil-​kuxjenza kollha nobdu lill-​gvernijiet umani, u b’hekk aħna ‘nagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.’ Imma ma nħallu xejn ifixkilna milli nwettqu responsabbiltà li hija bil-​wisq iktar importanti​—‘li nagħtu lil Alla dak li hu t’Alla.’ (Mattew 22:21) Aħna konvinti li meta nagħmlu hekk, se niġu ‘mibgħudin’ mill-​ġnus, imma dan naċċettawh bħala parti mill-​prezz li rridu nħallsu talli aħna dixxipli. Ir-​rekord legali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dan is-​seklu 20 huwa testimonjanza tad-​determinazzjoni tagħna biex niddefendu l-​fidi tagħna. Bil-​għajnuna u l-​appoġġ taʼ Jehovah, se nkomplu ‘ngħallmu u nxandru bla waqfien’ l-​aħbar tajba.—Atti 5:42.

[Noti taʼ taħt]

a Matthew Henry’s Commentary on the Whole Bible jispjega li l-​avversarji Lhud “indaħlu fejn ma wesagħhomx u marru apposta għand dawk [il-Ġentili] li kienu jafuhom, u bdew bil-​malizzja kollha jħarrfu u jivvintaw, sabiex inisslu fihom opinjoni fqira u żbaljata għall-​aħħar dwar il-​Kristjanità.”

b Wara li ġie ppubblikat l-​artiklu inġurjuż fil-​gazzetta Russa (imsemmi f’paragrafu 15), ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu appell lill-​Kamra tal-​Federazzjoni Presidenzjali u Ġudizzjali Russa għad-​Disputi tal-​Mezzi tax-​Xandir u talbuhom biex jirrevedu l-​akkużi foloz li saru f’dan l-​artiklu. Dan l-​aħħar il-​qorti ħarġet deċiżjoni fejn ikkastigat bl-​aħrax lill-​gazzetta talli stampat dan l-​artiklu libelluż.​—Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Novembru, 1998, paġni 26-7.

c Ara l-​artiklu “Jipproteġu Legalment l-​Aħbar Tajba,” f’paġni 19-22.

Tiftakar?

◻ Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala huma ‘mibgħudin’?

◻ Kif għandna nqisuhom lil dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna?

◻ Bil-​mod kif Ġesù ttratta lill-​avversarji, x’eżempju bbilanċjat stabbilixxa għalina?

◻ Meta xi ħadd jitfaʼ tmaqdir fuqna, kif nistgħu aħna napplikaw il-​prinċipju li hemm ‘żmien li nisktu u żmien li nitkellmu’?

[Kaxxa f’paġna 16]]

Nikkoreġu Rappreżentazzjoni Mgħawġa

“Ġewwa l-​belt taʼ Yacuiba, fil-​Bolivja, grupp evanġeliku tal-​post għamel arranġamenti biex stazzjon televiżiv juri film li kien evidentement prodott mill-​apostati. Minħabba l-​effetti ħżiena li kellu dak il-​programm, l-​anzjani ddeċidew li jmorru f’żewġ stazzjonijiet televiżivi u joffru li jħallsuhom biex juru lill-​pubbliku l-​vidjos Jehovah’s Witnesses​—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Jehovah​—L-​Organizzazzjoni Wara l-​Isem) u The Bible​—A Book of Fact and Prophecy (Il-Bibbja​—Ktieb taʼ Fatti u Profezija). Wara li propjetarju taʼ stazzjon tar-​radju ra l-​vidjos tas-​Soċjetà tgħidx kemm irrabja minħabba r-​rappreżentazzjonijiet mgħawġin li kien hemm fil-​programm taʼ l-​apostati, u offra lix-​Xhieda taʼ Jehovah li jagħmlilhom reklam bla ħlas għall-​konvenzjoni distrettwali li kienet qorbot. L-​attendenza kienet iktar għolja mis-​soltu, u ħafna wħud taʼ qalb onesta bdew jistaqsu mistoqsijiet sinċieri lix-​Xhieda meta dawn żaruhom fil-​ministeru tagħhom.”​—1997 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 61-2.

[Stampa f’paġna 17]

Xi drabi, Ġesù rribatta apertament l-​akkużi foloz li għamlulu dawk li kienu jikkritikawh

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja