LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 7/15 pp. 15-20
  • Ankrati bit-Tama, Imqanqlin mill-Imħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ankrati bit-Tama, Imqanqlin mill-Imħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Negħlbu l-​Maltempata tal-​“Biżaʼ mis-​Setet”
  • It-​Tribulazzjoni Tipproduċi s-​Sabar
  • Għala xi Wħud Iġarrbu Nawfraġju
  • It-​Tama Mqabbla maʼ Ankra
  • Imqanqlin mill-​Imħabba u l-​Ispirtu Qaddis
  • Nibqgħu Mexjin lejn id-​Destinazzjoni Tagħna!
  • Żomm it-Tama Tiegħek Soda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • L-Affarijiet li Nittamaw Għalihom Se Jiġru Żgur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Fejn Tistaʼ Ssib Tama Vera?
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 7/15 pp. 15-20

Ankrati bit-​Tama, Imqanqlin mill-​Imħabba

“Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-​tlieta jibqgħu. Il-​kbira fosthom l-​imħabba.”—1 KORINTIN 13:13.

1. Liema twissija jagħtina l-​appostlu Pawlu?

L-​APPOSTLU Pawlu jwissina li, bħal bastiment, il-​fidi tagħna tistaʼ titfarrak. Hu jitkellem dwar li ‘nżommu fidi u kuxjenza tajba,’ u li “xi wħud, għax warrbu l-​kuxjenza, tfarrku fil-​fidi.” (1 Timotju 1:19) Fl-​ewwel seklu E.K., il-​bastimenti kienu jinbnew bl-​injam. Kemm kienu kapaċi jifilħu għall-​baħar kien jiddependi fuq il-​kwalità taʼ l-​injam u s-​sengħa taʼ dak li jibnihom.

2. Il-​bastiment tal-​fidi tagħna għala jrid ikun mibni tajjeb, u dan x’jirrikjedi minna?

2 Dak li jistaʼ jissejjaħ il-​bastiment tal-​fidi tagħna jrid jibqaʼ jbaħħar fost l-​ibħra mqallba taʼ l-​umanità. (Isaija 57:20; Apokalissi 17:15) Għalhekk, irid ikun mibni sod, u dan jiddependi minna. Meta l-​“ibħra” tad-​dinja Lhudija u dik Rumana kienu qed isiru mqallba b’mod partikulari għall-​Kristjani bikrin, Ġuda kiteb: “Għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-​fidi l-​aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-​Ispirtu s-​Santu; żommu rwieħkom fl-​imħabba taʼ Alla, stennew il-​ħniena taʼ Sidna Ġesù Kristu għall-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġuda 20, 21) Peress li Ġuda tkellem ukoll dwar li niġġieldu għall-​‘fidi li ngħatat lill-​qaddisin,’ l-​espressjoni l-​“fidi l-​aktar qaddisa” għandu mnejn tirreferi għall-​għadd sħiħ taʼ tagħlim Kristjan, inkluż l-​aħbar tajba taʼ salvazzjoni. (Ġuda 3) Kristu hu l-​pedament taʼ din il-​fidi. Fidi qawwija hija meħtieġa biex inkunu kapaċi niggranfaw mal-​fidi Kristjana vera.

Negħlbu l-​Maltempata tal-​“Biżaʼ mis-​Setet”

3. Xi wħud kif qed jużaw il-​“biżaʼ mis-​setet”?

3 Fi snin reċenti, kien hemm ħafna każi orribbli taʼ suwiċidji tal-​massa, qtil, u attakki terroristiċi li kienu jinvolvu setet sigrieti. Bir-​raġun, ħafna individwi, inkluż xi mexxejja politiċi sinċieri, urew tħassib dwar il-​protezzjoni taʼ nies innoċenti, partikolarment dawk taħt l-​età, minn setet perikolużi bħal dawn. “L-​alla taʼ din id-​dinja,” li bla dubju huwa wara dawn l-​atti kriminali kiefra, b’hekk ħoloq dak li xi wħud isejħulu biżaʼ mis-​setet, u dan qed jużah kontra l-​poplu taʼ Jehovah. (2 Korintin 4:4; Apokalissi 12:12) Xi wħud sfruttaw din is-​sitwazzjoni biex iqajmu oppożizzjoni għax-​xogħol tagħna. F’xi pajjiżi, dawn organizzaw kampanja immirata biex għat-​taparsi tipproteġi lin-​nies minn “setet perikolużi” imma b’mod żbaljat semmew lix-​Xhieda taʼ Jehovah, u b’hekk qed jakkużawna indirettament. Dan għamel diffiċli l-​għoti taʼ xiehda minn dar għal dar f’xi pajjiżi Ewropej, u lil xi nies li kienu qed jistudjaw il-​Bibbja magħna ġagħalhom iwaqqfu l-​istudju tagħhom. B’riżultat t’hekk, dan kellu effett negattiv fuq xi wħud minn ħutna.

4. L-​oppożizzjoni għala m’għandhiex tiskuraġġina?

4 Madankollu, l-​oppożizzjoni mhux talli m’għandhiex tiskuraġġina, imma talli għandha ssaħħaħ il-​konvinzjoni tagħna li aħna qed nipprattikaw il-​Kristjanità vera. (Mattew 5:11, 12) Il-​Kristjani bikrin kienu akkużati bħala li kienu setta sedizzjuża, u li kullimkien kienu ‘jiħduha kontriha.’ (Atti 24:5; 28:22) Iżda l-​appostlu Pietru żgurahom lill-​kredenti sħabu, billi kiteb: “Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-​forġa qalila tan-​nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-​soltu. Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-​tbatijiet taʼ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-​dehra tal-​glorja tiegħu.” (1 Pietru 4:12, 13) Bl-​istess mod, membru tal-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu kiteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-​tiġrib tal-​fidi tagħkom inissel is-​sabar. Ħallu li s-​sabar ikollu l-​milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:2-4) Bħalma l-​irjieħ b’forza taʼ riefnu jittestjaw kemm bastiment ikun kapaċi jiflaħ għall-​baħar qawwi, maltempati taʼ oppożizzjoni se jirrivelaw xi dgħjufijiet li jistaʼ jkollu l-​bastiment tal-​fidi tagħna.

It-​Tribulazzjoni Tipproduċi s-​Sabar

5. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​fidi tagħna hija stabbli meta tiġi taħt tribulazzjoni?

5 Il-​Kristjani jistgħu jkunu ċerti mis-​sabar tagħhom u minn kemm hija stabbli l-​fidi tagħhom biss wara li jkunu għelbu l-​maltempati taʼ tribulazzjoni. Is-​sabar tagħna se ‘jkollu l-​milja tiegħu fina’ qalb ibħra mqallba biss jekk aħna nkunu ‘perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqosna xejn,’ inkluż fidi qawwija. Pawlu kiteb: “F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla, bis-​sabar kollu fit-​tiġrib, fit-​tbatija, fid-​djieqa.”—2 Korintin 6:4.

6. Għala għandna ‘nithennew bis-​sofferenzi,’ u dan kif isaħħaħ it-​tama tagħna?

6 L-​irjieħ b’forza taʼ riefnu taʼ xi tribulazzjoni li kultant għandna mnejn nesperjenzaw għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet biex nagħtu prova li l-​bastiment tal-​fidi tagħna huwa sod u stabbli. Lill-​Kristjani f’Ruma, Pawlu kitbilhom: “Niftaħru [“nithennew,” NW] wkoll bis-​sofferenzi, għax nafu li s-​sofferenza ġġib is-​sabar, is-​sabar irawwem il-​ħila, il-​ħila t-​tama. U din it-​tama ma tqarraqx bina.” (Rumani 5:3-5) Is-​sodizza meta nkunu għaddejjin mill-​provi ġġibilna l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. Din, mill-​banda l-​oħra, issaħħaħ it-​tama tagħna.

Għala xi Wħud Iġarrbu Nawfraġju

7. (a) Bħalma juri l-​kliem taʼ Pawlu, xi wħud kif esperjenzaw nawfraġju spiritwali? (b) Xi wħud illum kif tbegħdu mill-​verità?

7 Meta Pawlu wissa dwar li wieħed jesperjenza “nawfraġju,” kellu f’moħħu lil xi wħud li kienu “warrbu” l-​kuxjenza tajba tagħhom u kienu tilfu l-​fidi tagħhom. (1 Timotju 1:19) Fosthom kien hemm Imeni u Alessandru li waqgħu fl-​apostasija, billi tbegħdu mill-​verità u tkellmu b’mod abbużiv. (1 Timotju 1:20; 2 Timotju 2:17, 18) Illum, l-​apostati, li jitbegħdu mill-​verità, isawtu bil-​kliem lill-​“ilsir leali u diskret” (NW) billi fil-​fatt jigdmu l-​id li kienet titmagħhom spiritwalment. Xi wħud jixbhu lill-​“qaddej ħażin,” billi jgħidu ċar u tond, “Sidi jiddawwar ma jiġi.” (Mattew 24:44-49; 2 Timotju 4:14, 15) Huma jiċħdu li t-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar huwa qrib u jikkritikaw lill-​klassi taʼ l-​ilsir, li hija attenta spiritwalment, talli żammet sens t’urġenza fost il-​poplu taʼ Jehovah. (Isaija 1:3) Dawn l-​apostati jirnexxilhom “iħawwdu l-​fidi f’xi wħud,” billi jikkaġunawlhom nawfraġju spiritwali.—2 Timotju 2:18.

8. X’kien li ġiegħel lil xi wħud ifarrku jew jgħarrqu l-​bastiment tal-​fidi tagħhom?

8 Kristjani dedikati oħrajn farrku l-​bastiment tal-​fidi tagħhom billi warrbu fil-​ġenb il-​kuxjenza tagħhom u ntelqu għall-​ġiri bla rażan wara l-​pjaċiri taʼ din id-​dinja u l-​immoralità sesswali tagħha. (2 Pietru 2:20-22) Jerġaʼ oħrajn jgħarrqu l-​bastiment tal-​fidi tagħhom għaliex fil-​ħarsa tagħhom il-​menqa tas-​sistema ġdida t’affarijiet għadha ma tidhirx li qed tfeġġ fuq ix-​xefaq. Billi ma jistgħux jagħmlu kalkoli taż-​żmien rigward it-​twettiq taʼ ċerti profeziji, u billi f’moħħhom jipposponu “jum il-​Mulej,” huma jabbandunaw il-​qima vera. (2 Pietru 3:10-13; 1 Pietru 1:9) Huma malajr jerġgħu jsibu ruħhom lura fl-​ilmijiet imqallba u mdardra tas-​sistema preżenti t’affarijiet. (Isaija 17:12, 13; 57:20) Xi wħud li ma baqgħux jassoċjaw mal-​kongregazzjoni Kristjana għadhom jemmnu li din tipprattika l-​vera reliġjon. Madankollu, milli jidher dawn m’għandhomx il-​paċenzja u s-​sabar meħtiġin biex jistennew id-​dinja l-​ġdida li wiegħed Alla Jehovah. Il-​ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art ma ġietx malajr biżżejjed għalihom.

9. Xi ftit Kristjani dedikati x’inhuma jagħmlu, u dawn il-​fatti x’għandhom iwassluna biex nikkunsidraw?

9 Xi ftit Kristjani dedikati f’xi nħawi tad-​dinja donnhom li ċekknu l-​qlugħ tal-​bastiment tal-​fidi tagħhom. Il-​bastiment għadu jbaħħar, imma minflok m’huma għaddejjin b’saħħa ’l quddiem b’fidi sħiħa, dawn qed jiħduha bil-​lajma u b’pass komdu għalihom. Imħajrin bit-​tama taʼ “Ġenna taʼ l-​art dalwaqt,” xi wħud kienu lesti li jagħmlu kull sforz biex jiksbuha​—żelużi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u regulari fl-​attendenza għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet kollha. Billi issa qed jaħsbu li r-​realizzazzjoni tat-​tamiet tagħhom hija fil-​bogħod iżjed milli kienu antiċipaw, m’għadhomx lesti li jagħmlu daqs kemm kienu jagħmlu qabel. Dan huwa evidenti mill-​attività mnaqqsa fl-​ippridkar, l-​irregolarità għal-​laqgħat, u mill-​mod kif ikunu lesti li jitilfu partijiet mill-​programm fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet. Oħrajn qed jiddedikaw iżjed ħin għar-​rikreazzjoni u biex jiksbu l-​kumditajiet materjali. Dawn il-​fatti jwassluna biex nikkunsidraw x’għandha tkun il-​motivazzjoni f’ħajjitna fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah. Għandu ż-​żelu tagħna fis-​servizz tiegħu jiddependi fuq it-​tama taʼ “Ġenna taʼ l-​art dalwaqt”?

It-​Tama Mqabbla maʼ Ankra

10, 11. Pawlu maʼ xiex xebbah it-​tama tagħna, u dan il-​paragun għala kien addattat?

10 Pawlu indika li Jehovah kien għamel wegħda taʼ barkiet li kellhom jiġu permezz taʼ Abraham. Imbagħad l-​appostlu spjega: “Alla . . . rabat lilu nnifsu b’ġurament, biex bis-​saħħa taʼ żewġ atti li ma jitreġġgħux lura [kelmtu u l-​ħalfa tiegħu], u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna, li sibna l-​kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-​tama li hemm lesta għalina. Din it-​tama hija għalina bħal ankra tar-​ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:17-19; Ġenesi 22:16-18) It-​tama mqegħda quddiem il-​Kristjani midlukin hija dik taʼ ħajja immortali fis-​sema. Illum, il-​maġġuranza vasta tal-​qaddejja taʼ Jehovah għandhom it-​tama brillanti taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. (Luqa 23:43) Mingħajr din it-​tama, wieħed ma jistax ikollu fidi.

11 Ankra hija apparat qawwi taʼ sigurtà, indispensabbli biex iżżomm bastiment f’postu u ma tħallihx jitkaxkar mal-​kurrent. L-​ebda baħri ma jażżarda joħroġ ’il barra mill-​port mingħajr ankra. Peress li Pawlu kien ġie nawfragat kemm-il darba, kien jaf mill-​esperjenza li l-​ħajja taʼ dawk li jivvjaġġaw bil-​baħar kienet taʼ spiss tiddependi fuq l-​ankra tal-​bastiment tagħhom. (Atti 27:29, 39, 40; 2 Korintin 11:25) Fl-​ewwel seklu, bastiment ma kellux magna biex tgħin lill-​kaptan jimmanuvrah kif kien jixtieq hu. Ħlief għall-​bastimenti tal-​gwerra li kienu misjuqin bl-​imqadef, il-​bċejjeċ tal-​baħar kienu jiddependu primarjament mir-​riħ biex jimxu. Jekk il-​bastiment tiegħu kien fil-​periklu li jinġarr għal fuq il-​blat, l-​unika soluzzjoni tal-​kaptan kienet li jitfaʼ l-​ankra u jistenna sakemm tbatti l-​maltempata, bit-​tama li l-​ankra ma tinqalax minn maʼ qiegħ il-​baħar. Pawlu għalhekk qabbel it-​tama taʼ Kristjan maʼ “ankra tar-​ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:19) Meta nintlaqtu minn maltempati taʼ oppożizzjoni jew nesperjenzaw xi provi oħrajn, it-​tama tagħna taʼ l-​għaġeb hi bħal ankra li tissodana bħala erwieħ ħajjin, sabiex il-​bastiment tal-​fidi tagħna ma jitkaxkarx mal-​kurrent għal fuq is-​sikek perikolużi tad-​dubju jew il-​blat diżastruż taʼ l-​apostasija.—Lhud 2:1; Ġuda 8-13.

12. Kif nistgħu nevitaw li nitbegħdu minn Jehovah?

12 Pawlu wissa lill-​Kristjani Lhud: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-​nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-​firda minn Alla l-​ħaj.” (Lhud 3:12) Fit-​test Grieg, ‘iwassal għall-​firda’ letteralment ifisser “tieqaf ’il bogħod,” jiġifieri, tagħmel apostasija. Iżda aħna nistgħu nevitaw nawfraġju totali bħal dan. Il-​fidi u t-​tama se jgħinuna nintrabtu maʼ Jehovah saħansitra matul l-​agħar maltempati taʼ prova. (Dewteronomju 4:4; 30:19, 20) Il-​fidi tagħna ma tkunx bħal bastiment imkaxkar ’l hawn u ’l hemm mill-​irjieħ taʼ tagħlim apostat. (Efesin 4:13, 14) U bit-​tama bħala l-​ankra tagħna, se nkunu kapaċi negħlbu l-​maltempati tal-​ħajja bħala qaddejja taʼ Jehovah.

Imqanqlin mill-​Imħabba u l-​Ispirtu Qaddis

13, 14. (a) L-​ankra tat-​tama tagħna għala m’hijiex suffiċjenti fiha nfisha? (b) X’għandha tkun il-​forza li timmotivana biex nagħtu servizz sagru lil Jehovah, u għala?

13 Kristjan ma jipprogressax lejn is-​sistema l-​ġdida jekk l-​uniku motiv tiegħu biex jaqdi lil Jehovah hu t-​tama li jgħix għal dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Filwaqt li jżomm l-​ankra tiegħu taʼ tama bħala fattur li jissodah fil-​ħajja, hu jeħtieġ li jżid magħha u mal-​fidi tiegħu l-​forza li tqanqal taʼ l-​imħabba. Pawlu enfasizza dan il-​fatt meta kiteb: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-​tlieta jibqgħu. Il-​kbira fosthom l-​imħabba.”—1 Korintin 13:13.

14 Il-​forza li timmotivana biex nagħtu servizz sagru għandha tkun imħabba mill-​qalb għal Jehovah, b’apprezzament għall-​imħabba bla qjies li għandu għalina. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-​imħabba taʼ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-​waħdieni fid-​dinja, biex ngħixu bih. Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-​ewwel.” (1 Ġwann 4:8, 9, 19) Bi gratitudni lejn Jehovah, it-​tħassib ewlieni tagħna għandu jkun, mhux li niksbu s-​salvazzjoni persunali, imma li nkunu xhieda tat-​taqdis taʼ l-​isem qaddis tiegħu u taʼ l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu taʼ tjieba.

15. Imħabbitna għal Jehovah kif inhi relatata mal-​kwistjoni tas-​sovranità tiegħu?

15 Jehovah jridna naqduh għaliex inħobbu lilu, u mhux biss il-​Ġenna taʼ l-​art. L-​enċiklopedija tal-​Bibbja Insight on the Scripturesa tgħid: “Jehovah jigglorifika mill-​fatt li s-​sovranità tiegħu u l-​appoġġ għaliha mill-​ħlejjaq tiegħu huma bbażati primarjament fuq l-​imħabba. Hu jixtieq biss lil dawk li jħobbu s-​sovranità tiegħu minħabba l-​kwalitajiet sbieħ tiegħu u minħabba li hija taʼ tjieba, li jippreferu s-​sovranità tiegħu minn kwalunkwe oħra. (1 Kor. 2:9) Huma jippreferu jaqdu taħt is-​sovranità tiegħu minflok ma jipprovaw ikunu indipendenti​—dan minħabba l-​għarfien tagħhom dwaru u dwar l-​imħabba, il-​ġustizzja, u l-​għerf tiegħu, li bħalma jirrealizzaw jisboq ferm lil tagħhom. (Salm 84:11, 12 [Salm 84:10, 11, NW])”​—It-​Tieni Volum, paġna 275.

16. L-​imħabba għal Ġesù kif inhi forza li tqanqalna f’ħajjitna?

16 Bħala Kristjani, aħna nuru wkoll imħabba għal Ġesù b’apprezzament għal imħabbtu għalina. Pawlu rraġuna: “L-​imħabba taʼ Kristu ġġegħelna naħsbu dan; li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Korintin 5:14, 15) Kristu hu dak l-​istess pedament li fuqu huma mibnijin il-​ħajjiet spiritwali, il-​fidi, u t-​tama tagħna. L-​imħabba tagħna għal Kristu Ġesù tirrinforza t-​tama tagħna u tissoda l-​fidi tagħna, speċjalment fi żminijiet taʼ maltempati taʼ provi.—1 Korintin 3:11; Kolossin 1:23; 2:6, 7.

17. Jehovah liema forza dinamika jipprovdilna, u l-​importanza tagħha kif inhi murija f’Atti 1:8 u Efesin 3:16?

17 Filwaqt li mħabbitna għal Alla u għal Ibnu hija l-​forza ewlenija li tqanqalna fil-​ħajja tagħna bħala Kristjani, Jehovah jipprovdi xi ħaġa oħra li tqanqalna, tagħtina l-​enerġija u s-​saħħa biex nimxu ’l quddiem fis-​servizz tiegħu. Din hija l-​forza attiva, jew spirtu qaddis, tiegħu. Il-​kelmiet bl-​Ebrajk u bil-​Grieg li jiġu tradotti “spirtu” bażikament jirreferu għall-​moviment dinamiku taʼ l-​arja, bħalma hu r-​riħ. Bastimenti tal-​qlugħ bħal dawk li kien jimbarka fuqhom Pawlu kienu jiddependu mill-​forza inviżibbli tar-​riħ biex jaslu fid-​destinazzjoni tagħhom. Bl-​istess mod, aħna għandna bżonn l-​imħabba u l-​azzjoni tal-​forza inviżibbli u attiva t’Alla biex il-​bastiment tal-​fidi tagħna jmexxina ’l quddiem fis-​servizz taʼ Jehovah.—Atti 1:8; Efesin 3:16.

Nibqgħu Mexjin lejn id-​Destinazzjoni Tagħna!

18. X’inhu li se jgħinna nissaportu kwalunkwe provi futuri tal-​fidi tagħna?

18 Il-​fidi u l-​imħabba tagħna għandhom mnejn jiġu mġarrbin bl-​aħrax qabel ma naslu fis-​sistema ġdida t’affarijiet. Imma Jehovah pprovdielna ankra “sħiħa u qawwija”​—it-​tama tagħna taʼ l-​għaġeb. (Lhud 6:19; Rumani 15:4, 13) Meta nkunu bbombardjati mill-​oppożizzjoni jew xi provi oħrajn, aħna kapaċi nissaportu jekk inkunu ankrati fis-​sod permezz tat-​tama tagħna. Wara li tbatti maltempata waħda imma qabel ma tfaqqaʼ xi oħra, ejja nkunu determinati li niffortifikaw it-​tama tagħna u nsaħħu l-​fidi tagħna.

19. Kif nistgħu nżommu l-​bastiment tal-​fidi tagħna fuq ir-​rotta tiegħu u naslu fil-​menqa tad-​dinja l-​ġdida t’Alla?

19 Qabel ma semma l-​“ankra tar-​ruħ,” Pawlu qal: “Jiena nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-​istess ħerqa [“bżulija,” NW], biex it-​tama tagħkom tilħaq il-​milja tagħha sa l-​aħħar. Ma nixtiqukomx li taqgħu fl-​għażż, imma li tgħixu fuq l-​eżempju taʼ dawk li bil-​fidi u s-​sabar jiksbu l-​wegħdiet.” (Lhud 6:11, 12) Imqanqlin mill-​imħabba għal Jehovah u għal Ibnu u msaħħin mill-​ispirtu qaddis, ejja nżommu l-​bastiment tal-​fidi tagħna fuq ir-​rotta tiegħu sakemm naslu fil-​menqa tad-​dinja l-​ġdida mwegħda minn Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikata mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Bħala Reviżjoni

◻ Rigward il-​fidi tagħna, Pawlu liema twissija tana?

◻ Xi wħud kif esperjenzaw nawfraġju spiritwali, u oħrajn kif qed imajnaw?

◻ Liema kwalità divina jeħtieġ takkumpanja l-​fidi tagħna?

◻ X’se jgħinna naslu fil-​menqa tad-​dinja l-​ġdida mwegħda minn Alla?

[Stampa f’paġna 16]

Il-​bastiment tal-​fidi tagħna jrid ikun mibni tajjeb sabiex ikun kapaċi jiflaħ għall-​maltempati tal-​ħajja

[Stampa f’paġna 17]

Il-​fidi tagħna tistaʼ ġġarrab nawfraġju

[Stampa f’paġna 18]

It-​tama hija ankra għal ħajjitna bħala Kristjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja