Kif Nistgħu Nipprovdu Virtù lill-Fidi Tagħna?
“Ipprovdu lill-fidi tagħkom virtù.”—2 PIETRU 1:5.
1, 2. Għala għandna nistennew li n-nies taʼ Jehovah jagħmlu dak li hu virtuż?
JEHOVAH dejjem jaġixxi b’mod virtuż. Hu jagħmel dak li hu sewwa u tajjeb. Għalhekk, l-appostlu Pietru setaʼ jitkellem dwar Alla bħala dak li sejjaħ lill-Kristjani midlukin ‘permezz tal-glorja u l-virtù Tiegħu.’ Għarfien eżatt dwar Missierhom virtuż tas-sema wriehom x’kien meħtieġ biex isegwu ħajja taʼ devozzjoni vera lejn Alla.—2 Pietru 1:2, 3.
2 L-appostlu Pawlu jħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘isiru imitaturi t’Alla, bħala tfal maħbubin.’ (Efesin 5:1) Bħal Missierhom tas-sema, l-adoraturi taʼ Jehovah għandhom jagħmlu dak li hu virtuż fi kwalunkwe sitwazzjoni. Imma x’inhi l-virtù?
X’Inhi l-Virtù
3. Il-“virtù” kif ġiet definita?
3 Id-dizzjunarji moderni jiddefinixxu “virtù” bħala “eċċellenza morali; tjubija.” Hi “azzjoni u ħsieb sewwa; tjubija taʼ karattru.” Wieħed virtuż hu twajjeb. Il-virtù ġiet definita wkoll bħala “li tikkonforma maʼ livell tas-sewwa.” Għall-Kristjani, m’għandniex xi ngħidu, il-“livell tas-sewwa” hu determinat minn Alla u jintgħamel ċar fil-Kelma Sagra tiegħu, il-Bibbja.
4. Liema kwalitajiet imsemmijin fit-2 Pietru 1:5-7 iridu l-Kristjani jaħdmu iebes biex jiżżviluppaw?
4 Il-Kristjani veri jikkonformaw mal-livelli taʼ tjieba t’Alla Jehovah, u jwieġbu għall-wegħdi prezzjużi tiegħu billi jeżerċitaw il-fidi. Huma jagħtu kas ukoll il-parir taʼ Pietru: “Billi tikkontribwixxu bi tweġiba l-isforz ħerqan kollu tagħkom, ipprovdu lill-fidi tagħkom virtù, lill-virtù tagħkom għarfien, lill-għarfien tagħkom kontroll fuqkom infuskom, lill-kontroll tagħkom fuqkom infuskom sabar, lis-sabar tagħkom devozzjoni lejn Alla, lid-devozzjoni tagħkom lejn Alla affezzjoni tal-aħwa, lill-affezzjoni tagħkom tal-aħwa mħabba.” (2 Pietru 1:5-7) Kristjan irid jaħdem iebes biex jiżżviluppa dawn il-kwalitajiet. Dan ma jsirx fi ftit ġranet jew snin imma jirrikjedi għomor sħiħ taʼ sforz kontinwu. Iva, li nipprovdu l-virtù lill-fidi tagħna hu sfida fih innifsu!
5. X’inhi l-virtù minn ħarsa Skritturali?
5 Il-lessikografu M. R. Vincent igħid li s-sens oriġinali klassiku tal-kelma Griega tradotta “virtù” tissinjifika “eċċellenza taʼ kull xorta.” Pietru uża l-forma tagħha fil-plural meta qal li l-Kristjani kellhom jiddikjaraw barra ’l pajjiż “l-affarijiet eċċellenti,” jew virtujiet, t’Alla. (1 Pietru 2:9) Minn ħarsa Skritturali, il-virtù hi deskritta mhux bħala passiva imma bħala “qawwa morali, enerġija morali, saħħa tar-ruħ.” Meta semma l-virtù, Pietru kellu f’moħħu l-eċċellenza kuraġġuża morali li qaddejja t’Alla huma mistennijin li juru u li jżommu. Ladarba aħna imperfetti, madankollu, nistgħu verament nagħmlu dak li hu virtuż fil-ħarsa t’Alla?
Imperfetti imma Virtużi
6. Għalkemm aħna imperfetti, għala jistaʼ jingħad li aħna nistgħu nagħmlu dak li hu virtuż fil-ħarsa t’Alla?
6 Aħna writna l-imperfezzjoni u d-dnub, u għalhekk nistgħu niddubitaw kif nistgħu verament nagħmlu dak li hu virtuż fil-ħarsa t’Alla. (Rumani 5:12) Ċertament li għandna bżonn il-għajnuna taʼ Jehovah biex ikollna qlub puri, li minnhom jistgħu joħorġu ħsibijiet, kliem, u azzjonijiet virtużi. (Qabbel Luqa 6:45.) Wara li dineb f’konnessjoni maʼ Batxeba, is-salmista niedem David ittallab: “Oħloq fija saħansitra qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” (Salm 51:10) David irċieva l-maħfra t’Alla u l-għajnuna meħtieġa biex isegwi korsa virtuża. Għalhekk, jekk żballjajna serjament imma aċċettajna b’mod niedem il-għajnuna t’Alla u tal-anzjani tal-kongregazzjoni, aħna nistgħu nirritornaw lejn mogħdija virtuża u nibqgħu fiha.—Salm 103:1-3, 10-14; Ġakbu 5:13-15.
7, 8. (a) Jekk irridu nibqgħu virtużi, x’inhu neċessarju? (b) Il-Kristjani liema għajnuna għandhom f’li jkunu virtużi?
7 Minħabba l-istat midneb li writna, irridu nagħmlu ġlieda kontinwa ġewwinija biex nagħmlu dak li l-korsa taʼ virtù tirrikjedi minna. Jekk irridu nibqgħu virtużi, qatt ma nistgħu nħallu lilna nfusna li nsiru rsiera tad-dnub. Minflok, irridu nkunu “rsiera tat-tjieba,” billi dejjem naħsbu, nitkellmu, u naġixxu b’mod virtuż. (Rumani 6:16-23) M’għandniex xi ngħidu, ix-xewqat tal-laħam u l-inklinazzjonijiet midinbin tagħna huma qawwijin, u għandna f’idejna konflitt bejn dawn u bejn l-affarijiet virtużi li Alla jitlob minna. Mela, x’għandu jsir?
8 Ħaġa li rridu nagħmlu hi li nsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, jew forza attiva, taʼ Jehovah. Għandna għalhekk nagħtu kas il-parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu imxu bl-ispirtu u ma se twettqu l-ebda xewqa tal-laħam affattu. Għax il-laħam hu kontra l-ispirtu fix-xewqa tiegħu, u l-ispirtu kontra l-laħam; għax dawn huma opposti għal xulxin, biex l-istess affarijiet li tixtiequ tagħmlu ma tagħmluhomx.” (Galatin 5:16, 17) Iva, bħala forza għat-tjieba, għandna l-ispirtu t’Alla, u bħala gwida għal kondotta xierqa, għandna l-Kelma tiegħu. Għandna wkoll il-għajnuna taʼ mħabba tal-organizzazzjoni taʼ Jehovah u l-pariri tal-“irsir fidil u diskret.” (Mattew 24:45-47) B’hekk, nistgħu nagħmlu ġlieda b’suċċess kontra tendenzi midinbin. (Rumani 7:15-25) M’għandniex xi ngħidu, jekk xi ħsieb maħmuġ jidħol ġewwa moħħna, irridu nkeċċuh mill-ewwel u nitolbu għall-għajnuna t’Alla biex nirreżistu kull tentazzjoni biex naġixxu b’xi mod nieqes mill-virtù.—Mattew 6:13.
Il-Virtù u l-Ħsibijiet Tagħna
9. Kondotta virtuża titlob għal liema xorta taʼ ħsieb?
9 Il-virtù tibda bil-mod kif wieħed jaħseb. Biex ingawdu l-favur divin, irridu naħsbu dwar affarijiet taʼ tjieba, taʼ qalb tajba, u virtużi. Pawlu qal: “Ħuti, l-affarijiet kollha li huma veri, l-affarijiet kollha li huma taʼ tħassib serju, l-affarijiet kollha li huma taʼ tjieba, l-affarijiet kollha li huma nodfa, l-affarijiet kollha li huma taʼ min iħobbhom, l-affarijiet kollha li jitkellmu tajjeb dwarhom, kull virtù li hemm u kull ħaġa taʼ min ifaħħarha li hemm, ibqgħu kkunsidraw dawn l-affarijiet.” (Filippin 4:8) Irridu nitfgħu l-imħuħ tagħna fuq affarijiet taʼ tjieba u kasti, u kull ħaġa nieqsa mill-virtù m’għandhiex tħajjarna. Pawlu setaʼ jgħid: “L-affarijiet li tgħallimtu kif ukoll aċċettajtu u smajtu u rajtu f’konnessjoni miegħi, ipprattikawhom.” Jekk aħna bħal Pawlu—virtużi fil-ħsieb, fil-kliem, u fl-azzjoni—se nkunu ħbieb tajbin u eżempji mill-aħjar fil-għixien Kristjan, u ‘dak Alla taʼ paċi se jkun magħna.’—Filippin 4:9.
10. L-applikazzjoni persunali tal-1 Korintin 14:20 kif se tgħinna nibqgħu virtużi?
10 Jekk hi x-xewqa tagħna li nibqgħu virtużi fil-ħsieb u b’hekk nogħġbu lil Missierna tas-sema, hemm bżonn li napplikaw il-parir taʼ Pawlu: “Issirux tfal żgħar fil-qawwiet tal-fehma, imma kunu trabi għal dak li hu ħażen; madankollu siru nies li kibru fil-qawwiet tal-fehma.” (1 Korintin 14:20) Dan ifisser li bħala Kristjani aħna ma nfittxux għarfien dwar jew esperjenza fil-ħażen. Minflok ma nħallu l-imħuħ tagħna jitħassru b’dan il-mod, aħna nagħżlu b’mod għaqli li nibqgħu bla esperjenza u innoċenti bħal trabi f’dan l-aspett. Fl-istess ħin, aħna nifhmu bis-sħiħ li l-immoralità u l-ħażen huma midinbin fil-ħarsa taʼ Jehovah. Xewqa ħerqana mill-qalb biex nogħġbuh billi nkunu virtużi se tkunilna taʼ benefiċċju, għax se tqanqalna biex nevitaw għamliet maħmuġin taʼ divertiment u influwenzi oħrajn li jikkorrompu mentalment taʼ did-dinja li qiegħda taħt il-qawwa taʼ Satana.—1 Ġwann 5:19.
Il-Virtù u Kliemna
11. Li nkunu virtużi jitlob għal liema xorta taʼ kliem, u f’dan ir-rigward, liema eżempji għandna f’Alla Jehovah u f’Ġesù Kristu?
11 Jekk ħsibijietna huma virtużi, dan għandu jkollu effett profond fuq dak li ngħidu. Li tkun virtuż jirrikjedi kliem nadif, bnin, taʼ verità, u li jibni. (2 Korintin 6:3, 4, 7) Jehovah hu “dak Alla tal-verità.” (Salm 31:5) Hu leali fl-aġir kollu tiegħu, u l-wegħdi tiegħu huma żguri għaliex hu ma jistax jigdeb. (Numri 23:19; 1 Samwel 15:29; Titus 1:2) L-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, hu “mimli qalb tajba mhix mistħoqqa u verità.” Meta kien fuq l-art, hu dejjem tkellem il-verità kif kien ħadha mingħand Missieru. (Ġwann 1:14; 8:40) Iktar minn hekk, Ġesù “ma kkommetta ebda dnub, lanqas ma nstab qerq ġewwa fommu.” (1 Pietru 2:22) Jekk aħna verament qaddejja t’Alla u taʼ Kristu, se ngħidu dejjem il-verità u nkunu retti fil-kondotta tagħna, bħal li kieku ‘ġenbejna mħażżmin bil-verità.’—Efesin 5:9; 6:14.
12. Jekk irridu nkunu virtużi, liema xorta taʼ kliem irridu nevitaw?
12 Jekk aħna virtużi, hemm tipi taʼ diskors li se nevitaw. Se niġu ggvernati mill-parir taʼ Pawlu: “Ħallu kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżieq u kliem t’abbuż jittieħed lil hinn minnkom flimkien mal-ħażen kollu.” “Ħallu ż-żina u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba lanqas biss jissemmew fostkom, sewwa sew bħalma jixraq lil nies qaddisin; la mġieba taʼ mistħija la kliem iblah u lanqas ġesti oxxeni, affarijiet li ma jixirqux, imma minflok il-għoti taʼ ħajr.” (Efesin 4:31; 5:3, 4) Oħrajn se jsibuh riffreskanti li jkunu fil-kumpanija tagħna għaliex il-qlub tagħna taʼ tjieba jqanqluna nevitaw kliem mhux Kristjan.
13. Il-Kristjani għala jridu jikkontrollaw l-ilsien?
13 Xewqa biex nogħġbu lil Alla u biex ingħidu affarijiet virtużi se tgħinna nikkontrollaw l-ilsien. Minħabba inklinazzjonijiet midinbin, ilkoll kemm aħna nitfixklu fil-kliem xi drabi. Madankollu, id-dixxiplu Ġakbu jgħid li “jekk inpoġġu lġiem f’ħalq iż-żwiemel,” huma jobdu u jmorru fejn nidderiġuhom aħna. Għaldaqstant, għandna naħdmu iebes biex inliġġmu l-ilsien u nipprovaw nużawh biss b’modi virtużi. Ilsien bla kontroll “huwa kostitwit dinja taʼ nuqqas taʼ tjieba.” (Ġakbu 3:1-7) Kull xorta taʼ xeħta mill-agħar taʼ din id-dinja mingħajr Alla hi assoċjata mal-ilsien mhux imrażżan. Hu responsabbli għal affarijiet taʼ ħsara bħalma huma xiehda falza, tmaqdir, u kkalunnjar. (Isaija 5:20; Mattew 15:18-20) U meta lsien bla kontroll jagħmel rimarki t’abbuż, li jweġġgħu, jew li jikkalunnjaw, hu mimli b’velenu li jġib il-mewt.—Salm 140:3; Rumani 3:13; Ġakbu 3:8.
14. Il-Kristjani liema livell doppju fil-kliem iridu jevitaw?
14 Kif jindika Ġakbu, ikun inkonsistenti li ‘tbierek lil Jehovah’ billi titkellem tajjeb dwar Alla imma mbagħad tuża ħażin l-ilsien biex ‘tisħet lil bnedmin’ billi tixtiqilhom id-deni. Kemm hi ħaġa midinba li tkanta t-tifħir lil Alla fil-laqgħat u mbagħad toħroġ u titkellem affarijiet ħżiena dwar kredenti sħabek! Ilma ħelu u morr ma jistax joħroġ mill-istess għajn. Jekk qegħdin naqdu lil Jehovah, oħrajn għandhom id-dritt li jistennewna ngħidu affarijiet virtużi minflok ma nitkellmu kliem bla sugu. Ejjew għalhekk naħarbu kliem mill-agħar u nfittxu li ngħidu affarijiet li se jibbenefikaw lil ħbiebna u jibnuhom spiritwalment.—Ġakbu 3:9-12.
Il-Virtù u l-Azzjonijiet Tagħna
15. Għala hu tant importanti li tevita li tirrikorri għal modi qarrieqa?
15 Ladarba l-ħsieb u l-kliem Kristjani jridu jkunu virtużi, xi ngħidu dwar l-azzjonijiet tagħna? Li nkunu virtużi fil-kondotta hu l-uniku mod biex niksbu l-approvazzjoni t’Alla. L-ebda qaddej taʼ Jehovah ma jistaʼ jabbanduna l-virtù, jagħtiha għall-qerq u l-ingann, u jaħseb b’mod xieraq li affarijiet bħal dawn se jiġu aċċettati minn Alla. Proverbji 3:32 igħid: “Il-qarrieqi hu xi ħaġa mistmerra għal Jehovah, imma l-intimità Tiegħu hi mar-retti.” Jekk aħna ngħożżu r-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah, dawk il-kelmiet li jqanqlu l-ħsieb għandhom iżommuna lura milli nikkomplottaw affarijiet ħżiena jew nagħmlu xi ħaġa qarrieqa. Iva, fost is-sebaʼ affarijiet mistmerrin minn ruħ Jehovah hemm “qalb li qiegħda toħloq proġetti li jikkaġunaw uġigħ”! (Proverbji 6:16-19) Għaldaqstant, ejjew nevitaw azzjonijiet bħal dawn u nagħmlu dak li hu virtuż, għall-benefiċċju tal-bnedmin sħabna u għall-glorja taʼ Missierna tas-sema.
16. Il-Kristjani għala m’għandhomx jieħdu sehem f’xi azzjonijiet ipokriti?
16 Li nuru l-virtù jirrikjedi li nkunu onesti. (Ebrej 13:18) Persuna ipokrita, li l-azzjonijiet tagħha ma jaqblux maʼ kliemha, m’hijiex virtuża. Il-kelma Griega tradotta “ipokrita” (hy·po·kri·tesʹ) tfisser “wieħed li jwieġeb” u tindika wkoll attur tal-palk. Peress li l-atturi Griegi u Rumani kienu jilbsu l-maskri, din il-kelma saret tintuża metaforikament għal wieħed li jagħmel taʼ bir-ruħu. L-ipokriti huma “wħud mhux leali.” (Qabbel Luqa 12:46 maʼ Mattew 24:50, 51.) L-ipokrezija (hy·poʹkri·sis) tistaʼ tissinjifika wkoll ħażen u makakkerija. (Mattew 22:18; Mark 12:15; Luqa 20:23) Kemm hi ħaġa taʼ niket meta wieħed li jafda jispiċċa jsir vittma permezz taʼ tbissim, kumplimenti, u azzjonijiet li huma biss maskri! Imma hi ħaġa li tqawwi l-qalb meta nkunu nafu li qegħdin nittrattaw maʼ Kristjani taʼ min jafdahom. U Alla jberikna jekk inkunu virtużi u mhux ipokriti. L-approvazzjoni tiegħu tistrieħ fuq dawk li juru “affezzjoni mhix ipokrita tal-aħwa” u li jippossjedu “fidi mingħajr ipokrezija.”—1 Pietru 1:22; 1 Timotew 1:5.
Il-Virtù Hi Tjubija Attiva
17, 18. Hekk kif nuru l-frotta tal-ispirtu tat-tjubija, kif se nittrattaw maʼ oħrajn?
17 Jekk nipprovdu l-virtù mal-fidi tagħna, se nistinkaw biex inżommu lura milli naħsbu, ngħidu, u nagħmlu affarijiet li m’humiex aċċettabbli għal Alla. Madankollu, li nuru virtù Kristjana jirrikjedi wkoll li nipprattikaw tjubija attiva. Fil-fatt, il-virtù ġiet definita bħala tjubija. U t-tjubija hija frotta tal-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, mhux il-prodott taʼ sempliċi sforz uman. (Galatin 5:22, 23) Hekk kif nuru l-frotta tal-ispirtu tat-tjubija, se nkunu mqanqlin li naħsbu tajjeb dwar oħrajn u li nifirħulhom għall-kwalitajiet tajbin tagħhom minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. Qdew huma lil Jehovah bil-fedeltà għal snin sħaħ? Mela għandna nuruhom rispett u nitkellmu tajjeb dwarhom u dwar is-servizz tagħhom lejn Alla. Missierna tas-sema jagħti kas tal-imħabba li huma juru għal ismu u tax-xogħlijiet taʼ fidi virtużi tagħhom, u hekk għandna nagħmlu aħna.—Neħemija 13:31b; Ebrej 6:10.
18 Il-virtù tagħmilna paċenzjużi, nifhmu u nagħdru. Jekk wieħed minn sħabna fil-qima taʼ Jehovah qed isofri niket jew dippressjoni, se nipprovaw nikkonslawh u nfittxu li nagħtuh xi faraġ, saħansitra bħalma Missierna tas-sema taʼ mħabba jfarraġ lilna. (2 Korintin 1:3, 4; 1 Tessalonkin 5:14) Aħna nissimpatizzaw maʼ dawk li huma mnikktin, forsi minħabba t-telfa taʼ xi ħadd maħbub fil-mewt. Jekk nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex innaqqsu xi ftit it-tbatija, nagħmluha, għax spirtu virtuż iqanqal azzjoni benevolenti u taʼ mħabba.
19. Oħrajn kif x’aktarx li se jistmawna jekk aħna virtużi fil-ħsieb, fil-kliem, u fil-għemil?
19 Bħalma aħna nbierku lil Jehovah billi nitkellmu tajjeb dwaru, oħrajn wisq probabbli se jbierku lilna jekk aħna virtużi fil-ħsieb, fil-kliem, u fil-għemil. (Salm 145:10) Proverbju għaqli jgħid: “Il-barkiet huma għar-ras tat-twajjeb, imma rigward fomm dawk li huma mill-agħar, dan igħatti lill-vjolenza.” (Proverbji 10:6) Bniedem mill-agħar u vjolenti hu nieqes mill-virtù li se tagħmlu għażiż għal oħrajn. Hu jaħsad dak li jiżraʼ, għax in-nies ma jistgħux bl-onestà jagħtuh il-barka tagħhom billi jitkellmu tajjeb dwaru. (Galatin 6:7) Kemm hu aħjar għal dawk li jaħsbu, jitkellmu, u jaġixxu b’modi virtużi bħala qaddejja taʼ Jehovah! Huma jirbħu l-imħabba, il-fiduċja, u r-rispett taʼ oħrajn, li jiġu mqanqlin li jberkuhom u jitkellmu tajjeb dwarhom. Barra minn dan, il-virtù tagħhom taʼ tjieba tirriżulta fil-barka imprezzabbli taʼ Jehovah.—Proverbji 10:22.
20. Ħsibijiet, kliem, u azzjonijiet virtużi jistgħu jkollhom liema effett f’kongregazzjoni tal-poplu taʼ Jehovah?
20 Ħsibijiet, kliem, u azzjonijiet virtużi ċertament li se jibbenefikaw lil kull kongregazzjoni tal-poplu taʼ Jehovah. Meta kredenti mseħbin ikollhom ħsibijiet taʼ affezzjoni u taʼ rispett lejn xulxin, l-imħabba tal-aħwa tiffjorixxi bejniethom. (Ġwann 13:34, 35) Kliem virtuż, li jinkludi li nagħtu prosit u nkuraġġiment sinċier, irawwem sentiment imqanqal taʼ koperazzjoni u għaqda. (Salm 133:1-3) U azzjonijiet virtużi, li jqanqlu l-qalb, iħajru lil oħrajn biex jaġixxu b’mod simili. Fuq kollox, meta wieħed jipprattika l-virtù Kristjana jirriżulta fl-approvazzjoni u l-barka taʼ Missierna virtuż tas-sema, Jehovah. Jalla għalhekk nagħmluha l-mira tagħna li nwieġbu għall-wegħdi prezzjużi t’Alla billi neżerċitaw fidi. U fuq kollox ejjew nagħmlu sforz ħerqan biex nipprovdu mal-fidi tagħna l-virtù.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
◻ Kif tiddefinixxi l-“virtù,” u nies imperfetti għala jistgħu jkunu virtużi?
◻ Il-virtù titlob liema xorta taʼ ħsibijiet?
◻ Il-virtù kif għandha teffettwa l-kliem tagħna?
◻ Il-virtù x’effett għandha jkollha fuq l-azzjonijiet tagħna?