Il-Fidi Tqanqalna għall-Azzjoni!
“B’hekk tara kif il-fidi [t’Abraham] ħadmet id f’id maʼ l-għemil tiegħu, u kif bil-ħila taʼ l-għemil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha.”—ĠAKBU 2:22.
1, 2. Kif se naġixxu jekk ikollna l-fidi?
ĦAFNA jgħidu li għandhom fidi f’Alla. Madankollu, fidi bil-kliem biss hija bla ħajja daqs katavru. “Il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. Qal ukoll li Abraham, raġel bil-biżaʼ t’Alla, kellu fidi li “ħadmet id f’id maʼ l-għemil tiegħu.” (Ġakbu 2:17, 22) Kliem bħal dan x’sinjifikat għandu għalina?
2 Jekk għandna fidi vera, m’aħniex biss se nemmnu dak li nisimgħu fil-laqgħat Kristjani. Se nagħtu evidenza tal-fidi minħabba li nkunu Xhieda attivi taʼ Jehovah. Iva, il-fidi se ġġagħalna napplikaw il-Kelma t’Alla f’ħajjitna u se tqanqalna għall-azzjoni.
Il-Favoritiżmu Mhux Kompatibbli Mal-Fidi
3, 4. Il-fidi kif għandha teffettwa l-mod kif nittrattaw m’oħrajn?
3 Jekk għandna fidi ġenwina f’Alla u fi Kristu, ma nurux favoritiżmu. (Ġakbu 2:1-4) Xi wħud li lilhom Ġakbu kiteb ma kinux qed juru dik l-imparzjalità meħtieġa mill-Kristjani veri. (Rumani 2:11) Għalhekk, Ġakbu jgħid: “Tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ.” Jekk xi raġel għani li mhux taʼ l-istess twemmin ġie għal xi laqgħa bi ċrieket tad-deheb u ħwejjeġ mill-isbaħ fil-waqt li ġie wkoll wieħed mhux taʼ l-istess twemmin li hu “fqir liebes imċerċer,” it-tnejn li huma kien imisshom ġew milqugħin tajjeb, imma attenzjoni speċjali kienet qiegħda tingħata lill-għonja. Kienu jingħataw postijiet ‘komdi,’ fil-waqt li wħud mhux taʼ l-istess twemmin, li kienu fqar, kien jintqalilhom joqogħdu bil-wieqfa jew ipoġġu fl-art ħdejn saqajn xi ħadd.
4 Jehovah pprovda s-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu għall-għonja u għall-fqar l-istess. (2 Korintin 5:14) Li kieku kellna niffavorixxu lill-għonja, għalhekk, konna nkunu qed nitbiegħdu mill-fidi taʼ Kristu, li ‘ftaqar sabiex aħna nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.’ (2 Korintin 8:9) Ejjew ma niġġudikaw qatt lin-nies b’dak il-mod—li nonoraw lill-bnedmin għal skop ħażin. Alla mhux parzjali, imma jekk aħna nuru parzjalità, inkunu qed insiru “mħallfin qarrieqa.” (Ġob 34:19) B’xewqa li nogħġbu ’l Alla, żgur li m’aħniex se nċedu għat-tentazzjoni li nuru favoritiżmu jew li ‘nżiegħlu bin-nies f’wiċċhom ħalli niksbu xi ħaġa minnhom.’—Ġuda 4, 16.
5. Alla lil min għażel biex “jistagħnu fil-fidi,” u kif spiss jaġixxu dawk li huma għonja materjalment?
5 Ġakbu jidentifika lil dawk li huma għonja tassew u jħeġġeġ li tintwera mħabba lil kulħadd bla preferenzi. (Ġakbu 2:5-9) ‘Alla għażel lill-foqra biex jistagħnew fil-fidi u jsiru werrieta tas-saltna.’ Dan hu l-każ għaliex il-foqra huma taʼ spiss iżjed disposti li jwieġbu għall-aħbar tajba. (1 Korintin 1:26-29) Bħala klassi, l-għonja materjalment jgħakksu lil oħrajn rigward djun, pagi, u azzjonijiet legali. Huma jitkellmu ħażin dwar Kristu u jippersegwitawna għaliex inġorru ismu. Imma ħalli nkunu ddeterminati li nobdu “l-aqwa liġi,” li tirrikjedi mħabba tal-proxxmu—li nuru l-istess imħabba lejn l-għonja u lejn il-foqra. (Levitiku 19:18; Mattew 22:37-40) Ladarba Alla jirrikjedi dan, jekk nuru favoritiżmu nkunu qegħdin ‘nidinbu.’
“[I]l-Ħniena Tirbaħ Fuq Il-Ħaqq”
6. Kif inkunu qegħdin niksru l-liġi jekk ma nittrattawx bil-ħniena m’oħrajn?
6 Jekk nonqsu mill-ħniena u nuru favoritiżmu, inkunu qegħdin niksru l-liġi. (Ġakbu 2:10-13) Jekk nagħmlu pass żbaljat f’dan ir-rigward, inkunu qed niksru l-liġijiet t’Alla kollha. Iżraeliti li ma kkommettewx adulterju imma li kienu ħallelin saru ħatja li kisru l-Liġi Mosajka. Bħala Kristjani, aħna ġġudikati “bil-liġi taʼ poplu liberu”—Iżrael spiritwali fil-patt il-ġdid, li għandu l-liġi tiegħu f’qalbu.—Ġeremija 31:31-33; Ġakbu 2:12, NW.
7. Dawk li jibqgħu juru favoritiżmu għala ma jistgħux jistennew ħniena mingħand Alla?
7 Jekk ngħidu li għandna l-fidi imma nippersistu f’li nuru favoritiżmu, ninsabu fil-periklu. Dawk li ma jurux imħabba u ħniena se jingħataw ġudizzju mingħajr ħniena. (Mattew 7:1, 2) Ġakbu jgħid: “[I]l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq.” Jekk naċċettaw il-gwida taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah billi nuru ħniena maʼ kulħadd, ma niġux ikkundannati meta nkunu ġġudikati. Minflok, se nesperjenzaw il-ħniena u b’hekk se nittrijonfaw fuq ġustizzja stretta jew ġudizzju kontrina.
Il-Fidi Tipproduċi Xogħlijiet Mill-Aħjar
8. X’inhi s-sitwazzjoni taʼ bniedem li jgħid li għandu l-fidi imma nieqes mix-xogħlijiet?
8 Minbarra li tgħinna nuru mħabba u ħniena, il-fidi tipproduċi xogħlijiet oħrajn mill-aħjar. (Ġakbu 2:14-26) M’għandniex xi ngħidu, fidi bil-kliem biss u nieqsa mix-xogħlijiet mhix se ssalvana. Veru, ma nistgħux naqilgħu waqfa taʼ tjieba m’Alla permezz taʼ xogħlijiet tal-Liġi. (Rumani 4:2-5) Ġakbu qed jitkellem dwar xogħlijiet imqanqlin, mhux minn xi kodiċi tal-liġi, imma mill-fidi u l-imħabba. Jekk inkunu mmexxijin minn kwalitajiet bħal dawn, m’aħniex sempliċement se nesprimu xewqat taʼ ġid għal xi adoratur seħibna fil-bżonn. Se nagħtu għajnuna materjali lil xi ħu jew oħt neqsin mill-ikel jew l-ilbies. Ġakbu jistaqsi: ‘Jekk tgħid lil xi ħu fil-bżonn: “Mur bis-sliem, isħon u kul sa ma tixbaʼ” imma ma tipprovdilux in-neċessitajiet, x’jiswa?’ Xejn. (Ġob 31:16-22) “Fidi” bħal dik hi bla ħajja!
9. X’juri li aħna għandna l-fidi?
9 Forsi qegħdin nassoċjaw mhux ħażin mal-poplu t’Alla, imma huma biss ix-xogħlijiet mill-qalb li jistgħu jappoġġjaw dak li ngħidu dwar li għandna l-fidi. Hija ħaġa tajba jekk irrifjutajna d-duttrina tat-Trinità u nemmnu li hemm biss Alla wieħed veru. Iżda, sempliċi twemmin m’huwiex fidi. ‘Ix-xjaten jemmnu,’ u “jitriegħdu” bil-biżaʼ għax hemm il-qerda tistenniehom. Jekk verament għandna l-fidi, din se tqanqalna biex nipproduċu xogħlijiet bħalma huma l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba u l-għoti taʼ ikel u lbies lil kredenti sħabna fil-bżonn. Ġakbu jistaqsi: “Imma kif ma tridx taf, iblah li int [nieqes mill-għarfien eżatt dwar Alla], li l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa?” Iva, il-fidi tirrikjedi azzjoni.
10. Abraham għala jissejjaħ “il-missier taʼ dawk kollha li jemmnu”?
10 Il-fidi tal-patrijarka devot Abraham qanqlitu għall-azzjoni. Bħala “l-missier taʼ dawk kollha li jemmnu,” hu “mill-għemil kien iġġustifikat meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal.” (Rumani 4:11, 12; Ġenesi 22:1-14) X’kien jiġri kieku Abraham naqsitu l-fidi li Alla setaʼ jqajjem lil Iżakk u jwettaq il-wegħda Tiegħu dwar żerriegħa permezz tiegħu? F’dak il-każ Abraham żgur li ma kienx jipprova joffri lil ibnu. (Lhud 11:19) Kien permezz tax-xogħlijiet ubbidjenti t’Abraham li “l-fidi [tiegħu] laħqet fl-aqwa tagħha,” jew intgħamlet sħiħa. B’hekk, “seħħet l-Iskrittura [Ġenesi 15:6] li tgħid: ‘Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah.’” Ix-xogħlijiet t’Abraham f’li pprova joffri lil Iżakk ikkonfermaw dak li Alla kien qal qabel li Abraham kien twajjeb. B’xogħlijiet taʼ fidi, wera mħabbtu għal Alla u ġie msejjaħ il-“ħabib taʼ Alla.”
11. Liema evidenza taʼ fidi għandna fil-każ taʼ Raħab?
11 Abraham wera “li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss.” Dak kien minnu wkoll dwar Raħab, prostituta f’Ġeriko. “Bl-għemil kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera [Iżraeliti] u bagħtithom minn triq oħra” u b’hekk ħelsu mill-għedewwa Kangħanin tagħhom. Qabel ma ltaqgħet maʼ l-ispiji Iżraeliti, hi rrikonoxxiet lil Jehovah bħala dak Alla veru u, b’dak li qalet wara u billi abbandunat il-prostituzzjoni, tat evidenza tal-fidi tagħha. (Ġożwè 2:9-11; Lhud 11:31) Wara dan it-tieni eżempju taʼ fidi murija b’xogħlijiet, Ġakbu jgħid: “Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ [“spirtu,” NW] hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil.” Meta bniedem imut, ma jkun hemm ebda forza tal-ħajja, jew “spirtu,” ġo fih, u ma jkun jistaʼ jwettaq xejn. Fidi bil-kliem biss hi bla ħajja u bla siwi sewwa sew bħal ġisem mejjet. Iżda, jekk għandna fidi vera, din se tqanqalna għal azzjoni li togħġob lil Alla.
Ikkontrolla Dak L-Ilsien!
12. L-anzjani tal-kongregazzjoni x’għandhom iqisu?
12 Il-kliem u t-tagħlim ukoll jistgħu jipprovdu evidenza taʼ fidi, imma hemm bżonn ir-rażna. (Ġakbu 3:1-4) Bħala għalliema fil-kongregazzjoni, l-anzjani għandhom responsabbiltà tqila u jridu jagħtu kont kbir lil Alla. Għaldaqstant, għandhom bl-umiltà jeżaminaw il-motivi u l-kwalifiki tagħhom. Minbarra għarfien u abbiltà, dawn l-irġiel irid ikollhom imħabba profonda għal Alla u għall-kredenti sħabhom. (Rumani 12:3, 16; 1 Korintin 13:3, 4) L-anzjani għandhom jibbażaw il-pariri tagħhom fuq l-Iskrittura. Li kieku anzjan kellu jiżbalja fit-tagħlim tiegħu u dan jirriżulta fi problemi għal oħrajn, Alla permezz taʼ Kristu jagħmel ħaqq minnu. L-anzjani, għalhekk, għandhom ikunu umlin u mogħtijin għall-istudju, waqt li jżommu fedelment mal-Kelma t’Alla.
13. Għala nitfixklu bil-kliem?
13 Anki għalliema mill-aħjar ‘jiżbaljaw taʼ sikwit’—kif fil-fatt nagħmlu lkoll kemm aħna—għax imperfetti. Wieħed mill-iktar nuqqasijiet spissi u li jistaʼ jikkaġuna ħsara hu li wieħed jiżbalja fil-kliem. Ġakbu jgħid: “Jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” B’kuntrast maʼ Ġesù Kristu, aħna m’għandniex kontroll perfett fuq ilsienna. Kieku kellna, konna nkunu nistgħu nikkontrollaw il-membri l-oħrajn taʼ ġisimna. Wara kollox, l-ilġiem u l-brilji jġagħlu liż-żwiemel imorru fejn nidderiġuhom aħna, u permezz taʼ tmun żgħir, saħansitra bastiment kbir milqut minn irjieħ qawwija jistaʼ jiġi mmexxi kif jixtieq it-tmunier.
14. Ġakbu kif jisħaq fuq il-ħtieġa għal sforz biex jiġi kkontrollat l-ilsien?
14 Ilkoll kemm aħna jkollna nammettu bl-onestà li hu meħtieġ sforz qawwi biex nikkontrollaw l-ilsien. (Ġakbu 3:5-12) Imqabbel maʼ żiemel, ilġiem hu żgħir; l-istess hu tmun meta tqabblu maʼ bastiment. U meta tqabblu mal-ġisem uman, l-ilsien hu żgħir “imma jistaʼ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar.” Ladarba l-Iskrittura tagħmilha ċara li l-ftaħir ma jogħġobx ’l Alla, ejjew infittxu l-għajnuna tiegħu biex inżommu ’l bogħod minnu. (Salm 12:4, 5 [Salm 12:3, 4, NW]; 1 Korintin 4:7) Jalla nrażżnu wkoll ilsienna meta niġu pprovokati, billi niftakru li kulma hemm bżonn hu ftit ġamar biex tqabbad foresta. Bħalma jindika Ġakbu, “l-ilsien huwa nar” bl-abbiltà li jikkaġuna ħsara kbira. (Proverbji 18:21) Iva, ilsien bla rażan “huwa dinja taʼ ħażen”! Kull tendenza mill-agħar taʼ din id-dinja li tiċħad ’l Alla hija assoċjata maʼ l-ilsien mhux ikkontrollat. Huwa responsabbli għal affarijiet taʼ ħsara bħalma huma kkalunnjar u tagħlim falz. (Levitiku 19:16; 2 Pietru 2:1) X’taħseb? M’għandhiex il-fidi tagħna tqanqalna naħdmu iebes biex nikkontrollaw ilsienna?
15. Liema ħsara tistaʼ ssir jekk ma nliġġmux ilsienna?
15 Ilsien mhux imliġġem ‘iniġġisna’ kompletament. Per eżempju, jekk ninqabdu nigdbu ripetutament, għandna mnejn insiru magħrufin bħala giddibin. Iżda, ilsien bla rażan kif “[i]kebbes ir-ritmu tal-ħajja”? Billi jagħmel il-ħajja bħal ċirku vizzjuż. Kongregazzjoni sħiħa tistaʼ titħarbat b’ilsien wieħed mhux ikkontrollat. Ġakbu jsemmi “l-infern [“Geħenna,” NW],” il-Wied taʼ Ħinnom. Dan il-post li darba kien jintuża għas-sagrifiċċji tat-tfal, sar miżbla fejn l-iskart taʼ Ġerusalemm kien jinqered bin-nar. (Ġeremija 7:31) Għalhekk Geħenna huwa simbolu taʼ qerda totali. F’ċertu sens, Geħenna ta l-qawwa distruttiva tiegħu lill-ilsien bla rażan. Jekk ma nliġġmux ilsienna, għandna mnejn aħna stess insiru vittmi tal-ħuġġieġa li nkunu qabbadna. (Mattew 5:22) Nistgħu saħansitra nitkeċċew mill-kongregazzjoni talli bi kliemna nkunu kasbarna lil xi ħadd.—1 Korintin 5:11-13.
16. Minħabba l-ħsara li tistaʼ ssir minn ilsien bla rażan, x’għandna nagħmlu?
16 Bħalma forsi taf mill-qari tiegħek tal-Kelma t’Alla, Jehovah ddikjara li l-bniedem għandu jkollu l-annimali suġġetti lejh. (Ġenesi 1:28) U kull xorta taʼ ħlejjaq ġew immansati. Per eżempju, falkuni mrawmin intużaw għall-kaċċa. Il-“bhejjem li jitkaxkru” li jsemmi Ġakbu jistgħu jinkludu sriep ikkontrollati minn mużiċisti li jsaħħruhom. (Salm 58:5, 6 [Salm 58:4, 5, NW]) Il-bniedem jistaʼ saħansitra jikkontrolla l-baleni, imma bħala bnedmin imperfetti ma nistgħux nimmansaw għalkollox ’l-ilsien. Madankollu, għandna nevitaw li ngħaddu rimarki abbużivi, li jweġġgħu, jew li jimmalafamaw. Ilsien bla rażan jistaʼ jkun strument perikoluż mimli b’velenu qattiel. (Rumani 3:13) Jiddispjaċina ngħidu li l-ilsna t’għalliema foloz biegħdu lil xi Kristjani bikrin ’il bogħod minn Alla. Mela ejjew qatt ma nħallu lilna nfusna nintrebħu minn espressjonijiet apostati, velenużi, kemm bil-kliem u kemm bil-kitba.—1 Timotju 1:18-20; 2 Pietru 2:1-3.
17, 18. Liema inkonsistenza tiġi indikata f’Ġakbu 3:9-12, u x’għandna nagħmlu f’dan ir-rigward?
17 Fidi f’Alla u xewqa li nogħġbuh jistgħu jipproteġuna mill-apostasija u jistgħu jżommuna lura milli nużaw l-ilsien b’mod inkonsistenti. Waqt li jindika l-inkonsistenza taʼ xi wħud, Ġakbu jgħid li ‘bl-ilsien aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin maħluqin fix-xbieha t’Alla.’ (Ġenesi 1:26) Jehovah hu Missierna għaliex “jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox.” (Atti 17:24, 25) Huwa wkoll Missier il-Kristjani midlukin f’sens spiritwali. Ilkoll kemm aħna “xbieha taʼ Alla” inkwantu għall-kwalitajiet mentali u morali, inklużi l-imħabba, il-ġustizzja, u l-għerf li jiddistingwuna mill-annimali. Mela, allura, kif għandna naġixxu jekk għandna fidi f’Jehovah?
18 Li kieku kellna nisħtu lil xi ħadd, ikun ifisser li nkunu qed nixtiequ, jew nitolbu, li jiġi d-deni fuqu. Ladarba m’aħniex profeti mnebbħin minn Alla u awtorizzati biex nitfgħu saħta fuq xi ħadd, kliem bħal dan ikun evidenza taʼ mibegħda li tagħmel fieragħ il-kliem li bih inbierku lil Alla. Mhux xieraq li “l-barka u s-saħta” joħorġu mill-istess fomm. (Luqa 6:27, 28; Rumani 12:14, 17-21; Ġuda 9) Kemm tkun ħaġa midinba kieku kellna nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Alla fil-laqgħat u wara nitkellmu kontra adoraturi sħabna! Ilma ħelu u ilma salmastru ma jistgħux joħorġu mill-istess għajn. Sewwa sew bħalma ‘siġra tat-tin ma tistax tagħmel iż-żebbuġ jew dielja tagħmel it-tin,’ ilma mielaħ ma jistax jipproduċi ilma ħelu. Hemm xi ħaġa spiritwalment ħażina jekk aħna, li suppost ngħidu dak li hu tajjeb, inlissnu kontinwament kliem taʼ ħsara. Jekk waqajna f’din id-drawwa, ejjew nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah biex ma nibqgħux nitkellmu b’dan il-mod.—Salm 39:2 [Salm 39:1, NW].
Aġixxi B’Għerf Minn Fuq
19. Jekk niġu ggwidati minn għerf tas-sema, kif nistgħu neffettwaw lil oħrajn?
19 Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-għerf biex ngħidu u nagħmlu affarijiet li jixirqu lil dawk li għandhom il-fidi. (Ġakbu 3:13-18) Jekk ikollna biżaʼ reverenzjali lejn Alla, hu jagħtina għerf tas-sema, l-abbiltà li nużaw l-għarfien b’mod xieraq. (Proverbji 9:10; Lhud 5:14) Kelmtu tgħallimna kif għandna nuru “ħlewwa għaqlija.” U peress li jkollna l-ħlewwa, inġibu ’l quddiem il-paċi fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 8:1, 2) Dawk li jiftaħru li huma għalliema mill-aqwa taʼ mseħbin fil-verità qegħdin ‘jigdbu kontra l-verità,’ li tikkundanna l-egoiżmu tagħhom. (Galatin 5:26) L-“għerf” tagħhom huwa “taʼ din l-art”—karatteristika taʼ bnedmin midinbin imbegħdin minn Alla. Huwa “tal-ġisem,” billi hu l-prodott taʼ inklinazzjonijiet tal-laħam. Iva, saħansitra huwa “tax-xitan,” għaliex l-ispirti ħżiena huma kburin! (1 Timotju 3:6) Ħalli mela naġixxu bl-għerf u bl-umiltà biex ma nagħmlu xejn li joħloq atmosfera fejn ikun jistaʼ jiffjorixxi ‘kull xorta taʼ ħażen’ bħalma huma l-immalafamar u l-favoritiżmu.
20. Kif tiddeskrivih l-għerf tas-sema?
20 “L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi,” u jagħmilna ndaf moralment u spiritwalment. (2 Korintin 7:11) Hu għerf “tal-paċi” (NW), li jqanqalna biex insusu wara l-paċi. (Lhud 12:14) Għerf tas-sema jġagħalna nkunu “raġonevoli” (NW), mhux dommatiċi u diffiċli. (Filippin 4:5) Għerf minn fuq huwa “lest biex jobdi” (NW), u jġib ’il quddiem l-ubbidjenza lejn tagħlim divin u l-koperazzjoni maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. (Rumani 6:17) Għerf minn fuq jagħmilna wkoll ħanina u nagħdru. (Ġuda 22, 23) Mimlijin bi “frott tajjeb,” aħna nitqanqlu biex nuru tħassib għal oħrajn u biex l-azzjonijiet tagħna jkunu f’armonija mat-tjubija, it-tjieba, u l-verità. (Efesin 5:9) U bħala nies taʼ paċi, nieħdu gost bil-“frott tal-ġustizzja” li jipprospera f’kundizzjonijiet paċifiċi.
21. Skond Ġakbu 2:1–3:18, il-fidi tagħna f’Alla għal liema azzjonijiet għandha tqanqalna?
21 B’mod ċar, għalhekk, il-fidi tqanqalna għall-azzjoni. Tagħmilna imparzjali, ħanina, u attivi f’xogħlijiet tajbin. Il-fidi tgħinna nrażżnu lsienna u naġixxu b’għerf tas-sema. Imma mhux daqshekk biss nistgħu nitgħallmu minn din l-ittra. Ġakbu għandu iktar pariri li jistgħu jgħinuna nġibu ruħna b’manjiera li tixraq lil dawk li għandhom fidi f’Jehovah. (w97 11/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ X’hemm ħażin f’li turi favoritiżmu?
◻ Il-fidi u x-xogħlijiet kif inhuma relatati?
◻ Għala huwa tant importanti li nikkontrollaw ilsienna?
◻ Iddeskrivi l-għerf tas-sema.