Ibqaʼ fis-Sigurtà Bħala Parti mill-Organizzazzjoni t’Alla
“Isem il-Mulej [“Jehovah,” “NW”] hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.”—PROVERBJI 18:10.
1. Skond it-talba taʼ Ġesù, il-Kristjani f’liema sitwazzjoni diffiċli jinsabu?
FTIT qabel ma miet, Ġesù talab lil Missieru tas-sema għan-nom tas-segwaċi tiegħu. Bi tħassib imqanqal mill-imħabba, hu qal: “Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin.” (Ġwann 17:14, 15) Ġesù kien jaf li d-dinja kienet se tkun post perikoluż għall-Kristjani. Kienet se turi mibegħda lejhom billi taqlaʼ l-gideb fuqhom u tippersegwitahom. (Mattew 5:11, 12; 10:16, 17) Kienet se tkun ukoll sors taʼ korruzzjoni.—2 Timotju 4:10; 1 Ġwann 2:15, 16.
2. Il-Kristjani fejn jistgħu jsibu post taʼ sigurtà spiritwali?
2 Id-dinja li kienet se tobgħod lill-Kristjani hija magħmula minn dawk li huma mbegħdin minn Alla u li jinsabu taħt il-kontroll taʼ Satana. (1 Ġwann 5:19) Din id-dinja hija wisq akbar mill-kongregazzjoni Kristjana, u Satana nnifsu huwa bil-wisq iktar qawwi minn kull bniedem. Għaldaqstant, il-mibegħda tad-dinja hija theddida reali. Is-segwaċi taʼ Ġesù fejn jistgħu jsibuha s-sigurtà spiritwali? Stqarrija fil-ħarġa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1922, taʼ The Watchtower issuġġeriet it-tweġiba: “Aħna issa ninsabu f’dak il-jum ħażin. Il-ġlieda tinsab għaddejja bejn l-organizzazzjoni taʼ Satana u l-organizzazzjoni t’Alla. Hija ġlieda ħarxa.” F’dan il-konflitt, l-organizzazzjoni t’Alla hija l-post taʼ sigurtà spiritwali. Il-kelma “organizzazzjoni” ma tidhirx fil-Bibbja, u lura fis-snin 20, l-“organizzazzjoni t’Alla” kienet espressjoni ġdida. X’inhi, allura, din l-organizzazzjoni? U kif nistgħu nsibu protezzjoni ġewwa fiha?
L-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
3, 4. (a) X’inhi organizzazzjoni skond dizzjunarju wieħed u The Watchtower? (b) Is-sħubija internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah f’liema sens tistaʼ tissejjaħ organizzazzjoni?
3 Skond il-Concise Oxford Dictionary, organizzazzjoni hija “ġemgħa organizzata.” B’dan f’moħħna, se nifhmu li minħabba li l-appostli organizzaw lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’kongregazzjonijiet lokali taħt l-indokrar taʼ ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm, huwa xieraq li nitkellmu dwar dik ‘is-sħubija taʼ l-aħwa,’ bħala organizzazzjoni. (1 Pietru 2:17, NW) Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum għandhom struttura organizzazzjonali simili. L-unità tal-ġemgħa taʼ l-ewwel seklu kienet imsaħħa permezz taʼ “għotjiet [fi] rġiel,” bħal ngħidu aħna “rgħajja u mgħallmin.” Xi wħud minn dawn ivvjaġġaw minn kongregazzjoni għal kongregazzjoni, waqt li oħrajn kienu anzjani f’kongregazzjonijiet lokali. (Efesin 4:8 [NW], 11, 12; Atti 20:28) “Għotjiet” simili jsaħħu l-unità tax-Xhieda taʼ Jehovah llum.
4 Il-ħarġa taʼ l-1 taʼ Novembru, 1922, taʼ The Watchtower qalet dan dwar il-kelma “organizzazzjoni”: “Organizzazzjoni hija sħubija taʼ persuni bl-iskop li jwettqu għan ippjanat.” The Watchtower kompla jispjega li l-fatt li x-Xhieda taʼ Jehovah jissejħu organizzazzjoni ma jagħmilhomx “setta fis-sens li jiġi wżat dan it-terminu, imma dan sempliċement ifisser li l-Istudenti tal-Bibbja [ix-Xhieda taʼ Jehovah] qed jagħmlu ħilithom biex iwettqu l-iskopijiet t’Alla u dan jagħmluh bil-mod kif il-Mulej jagħmel kollox, bl-ordni.” (1 Korintin 14:33) L-appostlu Pawlu wera li l-Kristjani taʼ żmienu aġixxew bl-istess mod, jiġifieri bl-ordni. Hu qabbel is-sħubija taʼ Kristjani midlukin mal-ġisem uman, li għandu ħafna partijiet, b’kull parti twettaq l-irwol assenjat lilha sabiex il-ġisem jistaʼ jiffunzjona kif suppost. (1 Korintin 12:12-26) X’eżempju eċċellenti taʼ organizzazzjoni hu dan! Il-Kristjani għala kienu organizzati? Sabiex jaqdu “l-iskopijiet t’Alla,” biex jagħmlu r-rieda taʼ Jehovah.
5. X’inhi l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla?
5 Il-Bibbja bassret li l-Kristjani veri llum kellhom ikunu uniti, miġjubin flimkien f’“pajjiż” wieħed bħala “poplu” wieħed, fejn kellhom ‘jiddu fid-dinja bħal kwiekeb.’ (Isaija 66:8; Filippin 2:15) Dan il-“poplu” organizzat issa jgħodd iktar minn ħames miljuni u nofs. (Isaija 60:8-10, 22) Madankollu, l-organizzazzjoni t’Alla testendi iktar minn hekk. Anki l-anġli huma involuti.
6. Minn min hija fformata l-organizzazzjoni t’Alla fil-veru sens tal-kelma?
6 Hemm ħafna okkażjonijiet fejn l-anġli ħadmu flimkien mal-qaddejja umani t’Alla. (Ġenesi 28:12; Danjel 10:12-14; 12:1; Lhud 1:13, 14; Apokalissi 14:14-16) Mela, kien xieraq li fil-ħarġa tal-15 taʼ Mejju, 1925, The Watchtower qal: “L-anġli mqaddsa kollha huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla.” Barra minn hekk, dan qal: “Fuqnett fl-organizzazzjoni t’Alla, [hemm] il-Mulej Ġesù Kristu, li għandu kull qawwa u awtorità.” (Mattew 28:18) Għaldaqstant, fil-veru sens tal-kelma, l-organizzazzjoni t’Alla hija komposta minn dawk kollha fis-sema u fuq l-art li jaħdmu flimkien biex jagħmlu r-rieda t’Alla. (Ara l-kaxxa.) Xi privileġġ taʼ l-għaġeb li tkun parti minnha! U x’ferħ li tħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta kull ħlejqa ħajja, fis-sema u fuq l-art, se tkun organizzata biex tfaħħar lil Alla Jehovah f’unità! (Apokalissi 5:13, 14) Iżda, x’inhi l-protezzjoni li tipprovdi l-organizzazzjoni t’Alla llum?
Protetti fl-Organizzazzjoni t’Alla —Kif?
7. L-organizzazzjoni t’Alla b’liema mod tipproteġina?
7 L-organizzazzjoni t’Alla tistaʼ tgħin biex tħarisna kontra Satana u l-makakkeriji tiegħu. (Efesin 6:11) Satana jippersegwita, jittanta, u jagħmel pressjoni fuq l-adoraturi taʼ Jehovah b’mira waħda biss f’moħħu: biex ibegħedhom mit-‘triq fejn għandhom jimxu.’ (Isaija 48:17; qabbel Mattew 4:1-11.) Dawk l-attakki qatt ma nistgħu nevitawhom għalkollox f’din is-sistema t’affarijiet. Madankollu, ir-relazzjoni intima tagħna m’Alla u maʼ l-organizzazzjoni tiegħu ssaħħaħna u tipproteġina, u b’hekk tgħinna nibqgħu fit-“triq.” Bħala riżultat, m’aħniex se noħorġu tellifin rigward il-premju tat-tama tagħna.
8. L-organizzazzjoni inviżibbli taʼ Jehovah kif tappoġġahom lill-qaddejja tiegħu fuq l-art?
8 L-organizzazzjoni t’Alla kif tipprovdi din il-protezzjoni? L-ewwelnett, aħna għandna l-appoġġ li qatt ma jonqos tal-qaddejja spirti taʼ Jehovah. Meta Ġesù kien taħt pressjoni intensa, ġie anġlu biex jimministralu. (Luqa 22:43) Meta Pietru kien qed jiġi mhedded bil-mewt, hu ġie salvat b’mod mirakoluż minn anġlu. (Atti 12:6-11) Waqt li llum ma jsirux mirakli bħal dawn, in-nies taʼ Jehovah huma mwegħdin appoġġ mill-anġli fl-attività tagħhom taʼ l-ippridkar. (Apokalissi 14:6, 7) Huma taʼ spiss ikollhom qawwa iktar min-normal meta jkunu qed iħabbtu wiċċhom maʼ sitwazzjonijiet diffiċli. (2 Korintin 4:7) Iktar minn hekk, huma konxji li “l-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.”—Salm 34:8 [Salm 34:7, NW].
9, 10. Kif jistaʼ jingħad li “Isem il-Mulej [“Jehovah,” NW] hu torri qawwi,” u dan il-prinċipju kif japplika għall-organizzazzjoni t’Alla in ġenerali?
9 L-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah hija wkoll taʼ protezzjoni. Kif? Fi Proverbji 18:10, naqraw: “Isem il-Mulej [“Jehovah,” NW] hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ [“jingħata protezzjoni,” NW].” Dan ma jimplikax li jekk wieħed sempliċement jirrepeti l-isem t’Alla se jkollu l-protezzjoni. Minflok, li nsibu l-kenn fl-isem t’Alla jfisser li jkollna fiduċja f’Jehovah nnifsu. (Salm 20:2 [Salm 20:1, NW]; 122:4) Ifisser li wieħed jappoġġa s-sovranità tiegħu, jobdi l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu, u jkollu fidi fil-wegħdi tiegħu. (Salm 8:2-10 [Salm 8:1-9, NW]; Isaija 50:10; Lhud 11:6) Dan jinkludi li wieħed jagħti devozzjoni esklussiva lil Jehovah. Dawk biss li jqimu lil Jehovah b’dan il-mod jistgħu jgħidu mas-salmista: “Fih [f’Jehovah] jinsab l-hena taʼ qalbna, fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.”—Salm 33:21; 124:8.
10 Issa dawk kollha fl-organizzazzjoni viżibbli t’Alla jgħidu maʼ Mikea: “Aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 4:5) L-organizzazzjoni taʼ żmienna tinsab miġbura madwar l-“Iżrael taʼ Alla,” li fil-Bibbja jissejjaħ “poplu li jkun tiegħu [“għal ismu,” Karm Żammit].” (Galatin 6:16; Atti 15:14; Isaija 43:6, 7; 1 Pietru 2:17) Għaldaqstant, li wieħed ikun parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah jfisser li jkun parti minn poplu li jfittex, u jirċievi protezzjoni f’isem Alla.
11. L-organizzazzjoni taʼ Jehovah b’liema modi speċifiċi tipprovdi protezzjoni lil dawk li jifformaw parti minnha?
11 Barra minn dan, l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla hija komunità taʼ fidi, sħubija taʼ kredenti mseħbin li jibnu u jinkuraġġixxu lil xulxin. (Proverbji 13:20; Rumani 1:12) Hija l-post fejn rgħajja Kristjani jieħdu ħsieb in-nagħaġ, jinkuraġġixxu lill-morda u lil dawk dipressi, u jipprovaw jirrestawraw lil dawk li żbaljaw. (Isaija 32:1, 2; 1 Pietru 5:2-4) “L-irsir leali u diskret” jipprovdi “l-ikel . . . fi żmien xieraq” permezz taʼ l-organizzazzjoni. (Mattew 24:45, NW) Dak l-“irsir,” li hu kompost minn Kristjani midlukin, jipprovdi l-aqwa affarijiet tajbin spiritwalment—għarfien eżatt, ibbażat fuq il-Bibbja, li jistaʼ jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Grazzi għall-gwida taʼ dan l-“irsir,” il-Kristjani jiġu megħjunin biex iżommu livelli morali għoljin u biex ikunu “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” f’dan l-ambjent perikoluż taʼ madwarhom. (Mattew 10:16) U dawn jiġu megħjunin biex dejjem ‘iħabirku fil-ħidma tal-Mulej,’ li fiha nfisha hija protezzjoni qawwija.—1 Korintin 15:58.
Min Jifforma Parti mill-Organizzazzjoni t’Alla?
12. Min huma dawk identifikati bħala parti mill-organizzazzjoni tas-sema t’Alla?
12 Ladarba din il-protezzjoni hija disponibbli għal dawk li huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla, lil min tinkludi? Rigward l-organizzazzjoni tas-sema, m’hemm ebda dubju x’inhi t-tweġiba għal din il-mistoqsija. Satana u l-anġli tiegħu m’għadhomx fis-sema. Mill-banda l-oħra, l-anġli leali għadhom hemmhekk “f’ġemgħa ferrieħa.” L-appostlu Ġwanni ra li matul l-aħħar jiem, il-“Ħaruf,” il-kerubini (“l-erbaʼ Ħlejjaq Ħajjin”), u “ħafna anġli” kienu se jkunu qrib ferm tat-tron t’Alla. Magħhom kien se jkun hemm l-24 xiħ—li jirrappreżentaw lil dawk il-Kristjani midlukin li diġà daħlu fil-wirt glorjuż tagħhom tas-sema. (Lhud 12:22, 23; Apokalissi 5:6, 11; 12:7-12) Jidher ċar li kollha huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla. Fost il-bnedmin, iżda, l-affarijiet m’humiex daqshekk sempliċi.
13. Ġesù kif identifikahom lil dawk li huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla u lil dawk li m’humiex?
13 Ġesù qal dwar xi wħud li kienu se jsostnu li jsegwuh: “F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Mbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’” (Mattew 7:22, 23) Jekk xi ħadd jagħmel il-ħażen, żgur li dan m’huwiex parti mill-organizzazzjoni t’Alla, isostni kemm isostni, u jmur fejn imur biex iqim. Ġesù wera wkoll kif jistaʼ jiġi identifikat wieħed li hu parti mill-organizzazzjoni t’Alla. Hu qal: “Mhux kull min jgħidli; ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet!”—Mattew 7:21.
14. Liema aspetti tar-rieda t’Alla huma identifikati bħala li huma obbligatorji għal dawk li huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla?
14 Għaldaqstant, biex wieħed ikun parti mill-organizzazzjoni t’Alla—li tagħha s-“Saltna tas-Smewwiet” hija l-parti ċentrali—irid ikun qed jagħmel ir-rieda t’Alla. X’inhi r-rieda tiegħu? Pawlu identifika wieħed mill-aspetti vitali tagħha meta qal: “[Alla] jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu [“għal għarfien eżatt dwar,” NW] l-verità.” (1 Timotju 2:4) Jekk wieħed verament ifittex li jikseb l-għarfien eżatt mill-Bibbja, biex japplikah f’ħajtu, u biex ixerrdu mal-“bnedmin kollha,” hu jkun qed jagħmel ir-rieda t’Alla. (Mattew 28:19, 20; Rumani 10:13-15) Hija r-rieda t’Alla wkoll li n-nagħaġ taʼ Jehovah jiġu mitmugħin u indokrati. (Ġwann 21:15-17) Il-laqgħat Kristjani għandhom parti vitali f’dan. Bniedem li hu ħieles li jattendi dawn il-laqgħat imma jittraskura li jattendi għalihom m’għandu ebda apprezzament għall-post tiegħu fl-organizzazzjoni t’Alla.—Lhud 10:23-25.
Ħbiberija mad-Dinja
15. Ġakbu liema twissija ta lill-kongregazzjonijiet taʼ żmienu?
15 Madwar 30 sena wara li miet Ġesù, Ġakbu, ħuh mill-omm identifika xi fatturi li jistgħu jipperikolaw il-post taʼ dak li jkun fl-organizzazzjoni t’Alla. Hu kiteb: “Nies adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Għadu t’Alla ċertament li m’hu ebda parti mill-organizzazzjoni tiegħu. Allura, x’inhi l-ħbiberija mad-dinja? Ġie spjegat li tistaʼ tieħu forom differenti, bħal li wieħed jikkultiva jew jinvolvi ruħu fi sħubijiet ħżiena. Barra minn hekk, Ġakbu ffoka fuq xi ħaġa ferm speċifika—attitudnijiet mentali żbaljati li jwasslu għal kondotta mhix xierqa.
16. X’kien il-kuntest tat-twissija taʼ Ġakbu dwar li ħbiberija mad-dinja tagħmilna għadu t’Alla?
16 F’Ġakbu 4:1-3, naqraw: “Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u ma ssibu xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar [“leblibiet tagħkom għal gost senswali,” NW].” Kien wara li kiteb dan il-kliem li Ġakbu wissa kontra l-ħbiberija mad-dinja.
17. B’liema mod kien hemm il-“ġlied” u t-“tilwim” fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu?
17 Sekli wara li miet Ġakbu, Kristjani foloz iggwerraw u litteralment qatlu lil xulxin. Madankollu, Ġakbu kien qed jikteb lill-membri taʼ l-ewwel seklu taʼ l-“Iżrael taʼ Alla,” il-‘qassisin u s-slaten’ prospettivi fis-sema. (Rivelazzjoni 20:6, NW) Dawn ma qatlux lil xulxin jew biċċru lil xulxin fil-gwerer litterali. Mela Ġakbu għala qagħad jitkellem dwar dawn l-affarijiet fost il-Kristjani? Sewwa, l-appostlu Ġwanni lil kulmin jobgħod lil ħuh sejjaħlu qattiel. U Pawlu tkellem dwar konflitti taʼ personalità u ostilitajiet fil-kongregazzjonijiet bħala “ġlied” u “tilwim.” (Titu 3:9; 2 Timotju 2:14; 1 Ġwann 3:15-17) Fi qbil maʼ dan, Ġakbu milli jidher kellu f’moħħu li wieħed jonqos li jħobb lil sħabu l-Kristjani. Bejniethom, il-Kristjani kienu qed jaġixxu b’mod li jixbah lil dak li bih in-nies tad-dinja taʼ spiss jittrattaw lil xulxin.
18. X’jistaʼ jwassal biex ikun hemm azzjonijiet u sentimenti taʼ nuqqas taʼ mħabba fost il-Kristjani?
18 Għala kienu jiġru affarijiet bħal dawn fil-kongregazzjonijiet Kristjani? Minħabba attitudnijiet żbaljati, bħalma huma x-xenqa u l-‘leblibiet għal gost senswali.’ Il-kburija, l-għira, u l-ambizzjoni jistgħu wkoll ikissru s-sħubija Kristjana taʼ mħabba li jkun hemm f’kongregazzjoni. (Ġakbu 3:6, 14) Attitudnijiet bħal dawn jagħmlu lil dak li jkun ħabib mad-dinja u, b’konsegwenza taʼ dan, għadu t’Alla. Ebda wieħed li jżomm f’qalbu attitudnijiet bħal dawn ma jistaʼ jistenna li jibqaʼ parti mill-organizzazzjoni t’Alla.
19. (a) Min primarjament jaħti jekk Kristjan isib li ħsieb ħażin qed jinbet f’qalbu? (b) Kristjan kif jistaʼ jegħleb ħsieb żbaljat?
19 F’min nistgħu nwaħħlu jekk insibu li ħsieb ħażin qed jinbet f’qalbna? F’Satana? Sa ċertu punt, iva. Hu l-“kap tas-saltna taʼ l-ajru” taʼ din id-dinja, li fiha dawn l-attitudnijiet huma tant mifruxin. (Efesin 2:1, 2; Titu 2:12) Iżda, ġeneralment l-għeruq taʼ ħsieb żbaljat ikunu ġejjin mill-ġisem imperfett tagħna stess. Wara li wissa kontra ħbiberija mad-dinja, Ġakbu kiteb: “Taħsbu li għalxejn l-Iskrittura tgħid: ‘L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b’imħabba għajjura [“b’tendenza għall-invidja,” NW]’?” (Ġakbu 4:5) Ilkoll kemm aħna għandna tgħammar fina tendenza biex nagħmlu l-ħażin. (Ġenesi 8:21; Rumani 7:18-20) Iżda, dik it-tendenza nistgħu nikkumbattuha jekk nammettu d-dgħjufijiet tagħna u nistrieħu fuq l-għajnuna taʼ Jehovah biex negħlbuhom. Ġakbu jgħid: “Hu [Alla] jagħti grazzja akbar [mit-tendenza għall-invidja li tgħammar fina].” (Ġakbu 4:6) Grazzi għall-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla u għall-appoġġ t’aħwa Kristjani leali, u permezz tal-mertu tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, il-Kristjani leali ma jintrebħux mid-dgħjufijiet taʼ ġisimhom. (Rumani 7:24, 25) Huma jinsabu fis-sigurtà fl-organizzazzjoni t’Alla, ħbieb t’Alla u mhux tad-dinja.
20. Liema barkiet kbar jitgawdew minn dawk li huma parti mill-organizzazzjoni t’Alla?
20 Il-Bibbja twiegħed: “Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!” (Salm 29:11) Jekk aħna verament parti mill-“poplu” tal-lum taʼ Jehovah, l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu, se jkollna sehem mill-qawwa li hu jagħti u ngawdu l-paċi li biha hu jbierek lill-poplu tiegħu. Ħadd ma jistaʼ jiċħad, id-dinja taʼ Satana hija bil-wisq akbar mill-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah, u Satana bil-wisq iktar b’saħħtu minna. Imma Jehovah hu Dak li Jistaʼ Kollox. Il-forza attiva tiegħu hija invinċibbli. L-anġli setgħanin tiegħu wkoll jinsabu magħqudin magħna f’li naqdu lil Alla. B’hekk, minkejja l-mibegħda li niffaċċjaw, aħna nistgħu nieħdu waqfa soda. Bħal Ġesù, aħna nistgħu nirbħu lid-dinja.—Ġwann 16:33; 1 Ġwann 4:4.
Tistaʼ Tispjega?
◻ X’inhi l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla?
◻ L-organizzazzjoni t’Alla b’liema mod tipprovdi protezzjoni?
◻ Min jifforma parti mill-organizzazzjoni t’Alla?
◻ Kif nistgħu nevitaw li nkunu ħbieb tad-dinja?
[Kaxxa f’paġna 9]
X’Inhi l-Organizzazzjoni t’Alla?
Fil-letteratura tax-Xhieda taʼ Jehovah, l-espressjoni “l-organizzazzjoni t’Alla” tintuża bi tliet modi.
1 L-organizzazzjoni inviżibbli taʼ Jehovah fis-sema li hija komposta minn ħlejjaq spirti leali. Din tissejjaħ “Ġerusalemm taʼ fuq” fil-Bibbja.—Galatin 4:26
2 L-organizzazzjoni viżibbli umana taʼ Jehovah. Illum, din tikkonsisti mill-fdal midluk li flimkien miegħu hemm il-folla l-kbira.
3 L-organizzazzjoni universali taʼ Jehovah. Illum, din tikkonsisti fl-organizzazzjoni tas-sema taʼ Jehovah flimkien maʼ l-ulied midlukin u adottati fuq l-art, li għandhom tama spiritwali. Maż-żmien, din se tinkludi wkoll lill-bnedmin fuq l-art li jkunu waslu għall-perfezzjoni.
[Stampa f’paġna 10]
L-aqwa ikel spiritwali jiġi pprovdut permezz taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah