LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 12/1 pp. 16-21
  • Il-Fidi Ġġagħalna Nieħdu Paċenzja u Nitolbu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Fidi Ġġagħalna Nieħdu Paċenzja u Nitolbu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xewqat Ħżiena Huma Qerrieda
  • Tiġġudikawx Lil Xulxin
  • Tiftaħarx Bik Innifsek
  • Twissija Rigward L-​Għonja
  • Il-​Fidi Tgħinna Nieħdu Paċenzja
  • Il-​Fidi u T-​Talb Tagħna
  • Xi Ħaġa Għalina Lkoll
  • Tgħallem minn Ħu Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Minkejja l-Provi, Iggranfa mal-Fidi Tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Il-Fidi Tqanqalna għall-Azzjoni!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Imita l-Paċenzja taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 12/1 pp. 16-21

Il-​Fidi Ġġagħalna Nieħdu Paċenzja u Nitolbu

“Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-​miġja [“il-​preżenza,” “NW”] tal-​Mulej hi fil-​qrib.”—ĠAKBU 5:8.

1. Għala għandna nirriflettu fuq Ġakbu 5:7, 8?

“IL-​PREŻENZA” tant mistennija taʼ Ġesù Kristu issa hija fatt. (Mattew 24:3-14) Iktar minn qatt qabel, kulmin jgħid li għandu fidi f’Alla u fi Kristu għandu għalfejn jirrifletti fuq dan il-​kliem tad-​dixxiplu Ġakbu: “Ħuti, stabru, sa ma jasal il-​Mulej. Ara, il-​bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-​frott għażiż taʼ l-​art, sa ma jieħu x-​xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-​miġja tal-​Mulej hi fil-​qrib.”—Ġakbu 5:7, 8.

2. X’kienu xi ftit mill-​problemi li ffaċċjaw xi wħud minn dawk li lilhom kiteb Ġakbu?

2 Dawk li lilhom Ġakbu kiteb l-​ittra mnebbħa tiegħu kellhom bżonn jieħdu paċenzja u jsolvu diversi problemi. Bosta kienu qed jaġixxu bil-​kontra taʼ kif kien mistenni minn dawk li jistqarru li għandhom fidi f’Alla. Per eżempju, kien hemm bżonn issir xi ħaġa dwar ċerti xewqat li kienu żviluppaw f’xi qlub. It-​trankwillità kellha bżonn tiġi rrestawrata fost dawk il-​Kristjani bikrin. Kienu jeħtieġu wkoll pariri dwar li jieħdu paċenzja u jitolbu. Waqt li nikkunsidraw dak li qalilhom Ġakbu, ejjew naraw kif nistgħu napplikaw kliemu f’ħajjitna.

Xewqat Ħżiena Huma Qerrieda

3. Liema kienu r-​raġunijiet għal tilwim fil-​kongregazzjoni, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

3 Il-​paċi kienet nieqsa fost xi wħud li kienu jgħidu li huma Kristjani, u x-​xewqat ħżiena kienu l-​kawża prinċipali taʼ din is-​sitwazzjoni. (Ġakbu 4:1-3) Il-​ġlied kien qed joħloq firda, u xi wħud kienu qed jiġġudikaw mingħajr imħabba lil ħuthom. Dan kien qed jiġri għax passjonijiet senswali kienu qed jitqabdu fil-​membri taʼ ġisimhom. Aħna stess forsi għandna bżonn nitolbu għall-​għajnuna biex nirreżistu xenqiet tal-​laħam għal prestiġju, poter, u affarijiet materjali ħalli ma nagħmlu xejn li jkisser il-​paċi tal-​kongregazzjoni. (Rumani 7:21-25; 1 Pietru 2:11) Fost xi Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, ir-​regħba kienet żviluppat sal-​punt li wrew spirtu odjuż u qattiel. Ladarba Alla ma kienx se jwettaq ix-​xewqat ħżiena tagħhom, baqgħu jissaraw biex jilħqu l-​miri tagħhom. Jekk għandna xewqat ħżiena simili, nistgħu nitolbu imma m’aħniex se naqilgħu, ladarba Alla tagħna li hu qaddis ma jweġibx talb taʼ dik ix-​xorta.—Lamentazzjonijiet 3:44; 3 Ġwann 9, 10.

4. Ġakbu għala jsejjaħ lil xi wħud “nies adulteri,” u l-​istqarrija tiegħu kif għandha teffettwana?

4 Fost ċerti Kristjani bikrin kont issib attitudni dinjija, għira, u kburija. (Ġakbu 4:4-6) Ġakbu lil xi wħud isejħilhom “nies adulteri” għax kienu ħbieb tad-​dinja u b’hekk ħatjin t’adulterju spiritwali. (Eżekjel 16:15-19, 25-45) Żgur li ma nixtiqux insiru dinjin fl-​attitudni, fil-​kliem, u fl-​azzjonijiet tagħna, għax dak jagħmilna għedewwa t’Alla. Il-​Kelma tiegħu turina li “mħabba għajjura [“tendenza għall-​invidja,” NW]” hija parti mill-​‘ispirtu,’ jew l-​inklinazzjoni ħażina fil-​bnedmin midinba. (Ġenesi 8:21; Numri 16:1-3; Salm 106:16, 17; Koħèlet 4:4) Għalhekk jekk nirrealizzaw li għandna bżonn niġġieldu kontra l-​għira, il-​kburija, jew xi inklinazzjoni ħażina oħra, ejjew infittxu l-​għajnuna t’Alla permezz taʼ l-​ispirtu qaddis. Dik il-​qawwa, provduta mill-​ħniena mhix mistħoqqa t’Alla, hi akbar minn xi “tendenza għall-​invidja.” U fil-​waqt li Jehovah jopponi lill-​kburin, hu se jurina ħniena mhix mistħoqqa jekk niġġieldu kontra tendenzi midinba.

5. Biex ingawdu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, liema ħtiġijiet irridu nwettqu?

5 Kif nistgħu naqilgħu l-​ħniena mhix mistħoqqa t’Alla? (Ġakbu 4:7-10) Biex ingawdu ħniena mhix mistħoqqa mingħand Jehovah, irridu nobduh, naċċettaw il-​provvedimenti tiegħu, u nissottomettu ruħna għal dak kollu li jrid hu. (Rumani 8:28) Irridu wkoll ‘nopponu,’ jew ‘nieqfu’ lix-​Xitan. Hu se ‘jaħrab minna’ jekk nibqgħu sodi bħala wħud li jappoġġjaw is-​sovranità universali taʼ Jehovah. Għandna l-​għajnuna taʼ Ġesù, li jrażżan il-​qawwiet mill-​agħar taʼ din id-​dinja sabiex l-​ebda ħaġa ma tistaʼ tagħmlilna ħsara permanenti. U qatt tinsa dan: Bit-​talb, bl-​ubbidjenza, u bil-​fidi, nersqu qrib lejn Alla, u hu jkun qrib tagħna.—2 Kronaki 15:2.

6. Ġakbu għala jsejjaħ lil xi Kristjani “midinbin”?

6 Ġakbu għala japplika t-​terminu “midinbin” għal xi wħud li jgħidu li għandhom fidi f’Alla? Għax kienu ħatjin taʼ “ġlied” u taʼ mibegħda qattiela​—attitudnijiet mhux aċċettabbli għal min irid ikun Kristjan. (Titu 3:3) ‘Idejhom,’ mimlijin b’atti ħżiena, kellhom bżonn jitnaddfu. Kellhom ukoll bżonn jippurifikaw ‘qlubhom,’ minfejn jiġi t-​tqanqil. (Mattew 15:18, 19) Dawk “taʼ moħħ imħawwad” ma setgħux jiddeċiedu bejn ħbiberija m’Alla u ħbiberija mad-​dinja. Billi nieħdu twissija mill-​eżempju ħażin tagħhom, ejjew noqogħdu dejjem għassa li affarijiet bħal dawn ma jkissrux il-​fidi tagħna.—Rumani 7:18-20.

7. Ġakbu għala jgħid lil xi wħud biex ‘jibku u jolfqu’?

7 Ġakbu jgħid lill-​qarrejja tiegħu: “Agħrfu l-​miżerja tagħkom, ibku, u olfqu.” Kieku wrew sogħba kif irid Alla, kienet tkun evidenza taʼ ndiema. (2 Korintin 7:10, 11) Illum, xi wħud li jgħidu li għandhom il-​fidi qed ifittxu ħbiberija mad-​dinja. Jekk xi ħadd minna qed jaqbad din il-​korsa, mhux aħjar jagħli għall-​istat spiritwali dgħajjef tiegħu u jieħu passi immedjati biex jirranġa s-​sitwazzjoni? Jekk nagħmlu l-​aġġustamenti meħtieġa u naqilgħu l-​maħfra t’Alla, dan se jnissel fina l-​ferħ li jiġi minn kuxjenza nadifa u l-​prospett hieni taʼ ħajja taʼ dejjem.—Salm 51:12-19 [Salm 51:10-17, NW]; 1 Ġwann 2:15-17.

Tiġġudikawx Lil Xulxin

8, 9. Għala m’għandniex inqassu fuq xulxin u niġġudikaw lil xulxin?

8 Tkun qed tidneb jekk tqassas fuq kredent bħalek. (Ġakbu 4:11, 12) Madankollu xi wħud jikkritikaw lil Kristjani sħabhom, forsi minħabba li jħossuhom tajbin iżjed minn ħaddieħor jew għax iridu jgħollu lilhom infushom billi jbaxxu lil oħrajn. (Salm 50:20; Proverbji 3:29) It-​terminu Grieg tradott ‘tqassas fuq’ jindika ostilità u jimplika l-​ifformar t’akkuża esaġerata jew falza. Dan jammonta għal qtugħ taʼ ġudizzju kontra xi ħu. Dan kif inhu ‘tqassis fuq il-​Liġi u ġġudikar tal-​Liġi’? Sewwa, l-​iskribi u l-​Fariżej ‘ħelu ħelu ġabu fix-​xejn il-​kmandamenti t’Alla’ u ġġudikaw skond il-​livelli tagħhom stess. (Mark 7:1-13) Bl-​istess mod, kieku kellna nikkundannaw lil xi ħu li lilu Jehovah ma jikkundannahx, ma nkunux qegħdin ‘niġġudikaw il-​liġi t’Alla’ u b’mod midneb nimplikaw li din m’hijiex adegwata? U billi nikkritikaw inġustament lil ħuna, ma nkunux qed inwettqu l-​liġi taʼ l-​imħabba.—Rumani 13:8-10.

9 Ejjew niftakru dan: “Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-​Liġi, wieħed biss l-​Imħallef”​—Jehovah. ‘Il-​liġi tiegħu perfetta,’ mhux difettuża. (Salm 19:8 [Salm 19:7, NW]; Isaija 33:22) Alla biss għandu d-​dritt li jistabbilixxi livelli u regoli għas-​salvazzjoni. (Luqa 12:5) Għalhekk Ġakbu jistaqsi: “Int min int biex tiġġudika ’l ħaddieħor?” M’għandniex il-​jedd li niġġudikaw u nikkundannaw lil oħrajn. (Mattew 7:1-5; Rumani 14:4, 10) Jekk nirriflettu fuq is-​sovranità u l-​imparzjalità t’Alla u fuq l-​istat midneb tagħna nfusna, dan għandu jgħinna nżommu lura milli niġġudikaw lil oħrajn għax inħossuna tajbin iżjed minnhom.

Tiftaħarx Bik Innifsek

10. Għala għandna nikkalkulaw lil Jehovah fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum?

10 Għandna dejjem nikkalkulaw lil Jehovah u ’l-liġi tiegħu. (Ġakbu 4:13-17) Billi ma jikkalkulawx ’l Alla, dawk li huma mimlijin bihom infushom jgħidu: “Illum jew għada mmorru f’din jew dik il-​belt u nqattgħu sena hemmhekk, nixtru u nbigħu u nagħmlu l-​flus.” Jekk ‘niġmgħu l-​ġid għalina nfusna bla ma nistagħnew quddiem Alla,’ għandu mnejn li ħajjitna tintemm għada u ma jkollniex opportunità naqdu lil Jehovah. (Luqa 12:16-21) Bħalma jgħid Ġakbu, aħna bħal fwar taʼ fil-​għodu “li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.” (1 Kronaki 29:15) Huwa biss billi neżerċitaw fidi f’Jehovah li aħna nistgħu nittamaw għal ferħ dejjiem u ħajja eterna.

11. X’ifisser li tgħid, “Jekk il-​Mulej irid”?

11 Minflok ma ninjoraw bi ftaħir ’l Alla, għandu jkollna din l-​attitudni: “Jekk il-​Mulej irid, ngħixu u nagħmlu dan jew dak.” Meta ngħidu, “Jekk il-​Mulej irid” jindika li qed nipprovaw naġixxu fi qbil mar-​rieda tiegħu. Forsi jkollna bżonn nagħmlu xi negozju biex immantnu ’l-familja tagħna, nivvjaġġaw fix-​xogħol tas-​Saltna, u affarijiet bħal dawn. Imma ħalli ma niftaħrux. “Kull ftaħir bħal dan huwa ħażen” għax bih nuru li m’aħniex nistrieħu fuq Alla.—Salm 37:5; Proverbji 21:4; Ġeremija 9:22, 23 [Ġeremija 9:23, 24, NW].

12. X’ifisser il-​kliem taʼ Ġakbu 4:17?

12 Milli jidher biex jikkonkludi dak li qal dwar li wieħed ikun fiduċjuż iżżejjed fih innifsu u dwar il-​ftaħir, Ġakbu jgħid: “Jekk mela xi ħadd jagħraf it-​tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.” Kull Kristjan għandu bl-​umiltà jirrikonoxxi li hu jiddependi minn Alla. Jekk ma jagħmilx hekk, “jagħmel dnub.” M’għandniex xi ngħidu, l-​istess prinċipju japplika jekk nonqsu li nagħmlu dak li titlob minna l-​fidi f’Alla.—Luqa 12:47, 48.

Twissija Rigward L-​Għonja

13. Ġakbu x’jgħid dwar dawk li jużaw ġidhom ħażin?

13 Peress li xi Kristjani bikrin kienu saru materjalistiċi jew kienu jammiraw lill-​għonja, Ġakbu għandu kliem iebes kontra ċerti nies sinjuri. (Ġakbu 5:1-6) Nies dinjin li jużaw ġidhom ħażin kienu se ‘jibku, jixhru fuq l-​għawġ li ġej fuqhom’ meta Alla jħallashom skond l-​għemejjel tagħhom. Dak iż-​żmien, il-​ġid taʼ ħafna nies kien jikkonsisti primarjament fi lbiesi, qmuħ, u nbid. (Ġoel 2:19; Mattew 11:8) Xi wħud minn dawn jistgħu jitmermru jew ‘jittieklu mill-​kamla,’ imma Ġakbu qed jenfasizza kemm dan il-​ġid ma jiswa xejn, u mhux kemm jitħassar malajr. Għalkemm id-​deheb u l-​fidda ma jsaddux, xorta kienu jkunu bla valur daqs affarijiet li rabbew is-​sadid kieku kellna nrekknuhom. “Is-​sadid” jindika li l-​ġid materjali ma sarx użu tajjeb minnu. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna niftakru li “xi ħaġa bħal nar” (NW) huwa dak li jkunu ‘ħażnu fl-​aħħar jiem’ dawk li qed jafdaw fil-​ġid materjali tagħhom meta r-​rabja t’Alla tiġi fuqhom. Ladarba qegħdin ngħixu fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” dan il-​kliem għandu tifsir speċjali għalina.—Danjel 12:4; Rumani 2:5.

14. L-​għonja taʼ spiss kif jaġixxu, u x’għandna nagħmlu dwar dan?

14 L-​għonja taʼ spiss jingannaw lill-​ħassada tagħhom, u l-​pagi miżmumin tagħhom ‘jgħajtu’ għal tpattija. (Qabbel Ġenesi 4:9, 10.) Nies sinjuri fid-​dinja ‘għexu fil-​lussu.’ Billi jintelqu bla rażan għall-​pjaċiri senswali, huma jrabbu qlub xierfa u bla reazzjoni u se jibqgħu jagħmlu dan fil-​“jum” maħtur għall-​qatla tagħhom. Huma ‘jikkundannaw u joqtlu lill-​ġust.’ Ġakbu jistaqsi: “Mhux qiegħed jiħodha kontra tagħkom?” (NW) Imma traduzzjoni oħra hi: “[I]l-ġust . . . ma jistax jiqfilkom.” Hu x’inhu l-​każ, m’għandniex inkunu parzjali maʼ l-​għonja. Għandna npoġġu interessi spiritwali l-​ewwel f’ħajjitna.—Mattew 6:25-33.

Il-​Fidi Tgħinna Nieħdu Paċenzja

15, 16. Għala huwa tant importanti li nieħdu paċenzja?

15 Wara li jikkummenta dwar uħud għonja oppressivi fid-​dinja, Ġakbu mbagħad jinkuraġġixxi lil Kristjani oppressi biex jieħdu paċenzja. (Ġakbu 5:7, 8) Jekk dawk li jemmnu jissaportu bil-​paċenzja t-​tbatijiet, huma se jiġu ppremjati għall-​fedeltà matul il-​preżenza taʼ Kristu, meta jiġi l-​ġudizzju fuq l-​opponenti tagħhom. (Mattew 24:37-41) Dawk il-​Kristjani bikrin kellhom bżonn ikunu bħall-​bidwi li bil-​paċenzja jistenna x-​xita bikrija tal-​ħarifa, meta jistaʼ jħawwel, u x-​xita mwaħħra tar-​rebbiegħa li twassal għall-​frott. (Ġoel 2:23) Aħna wkoll għandna bżonn nieħdu paċenzja u nissodaw lil qlubna, speċjalment peress li “l-​preżenza tal-​Mulej” Ġesù Kristu hi hawn!

16 Għala għandna nieħdu paċenzja? (Ġakbu 5:9-12) Il-​paċenzja tgħinna ma nokorbux jew nitniegħdu meta jirritawna sħabna fit-​twemmin. Jekk ‘ingergru kontra xulxin’ bi spirtu ħażin, se niġu kkundannati mill-​Imħallef Ġesù Kristu. (Ġwann 5:22) Issa li l-​“preżenza” tiegħu bdiet u hu qiegħed “quddiem il-​bieb,” ejjew nippromwovu l-​paċi billi nieħdu paċenzja b’ħutna, li jiffaċċjaw ħafna provi tal-​fidi. Il-​fidi tagħna stess tissaħħaħ meta niftakru li Alla ppremja lil Ġob talli ssaporta bil-​paċenzja l-​provi tiegħu. (Ġob 42:10-17) Jekk neżerċitaw fidi u nieħdu paċenzja, se naraw li “l-​Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.”—Mikea 7:18, 19.

17. Ġakbu għala jgħid, “Taħilfux”?

17 Jekk ma niħdux paċenzja, għandna mnejn nużaw ilsienna ħażin meta nkunu taħt stress. Per eżempju, forsi nieħdu xi ġurament bil-​għaġla. “Taħilfux,” jgħid Ġakbu, billi jwissi kontra li nagħmlu dan b’nuqqas taʼ ħsieb. Li kontinwament nieħdu ġuramenti għal kull ħaġa li ngħidu wkoll tidher ħaġa ipokrita. Għalhekk, għandna sempliċement nitkellmu l-​verità, billi nħallu l-​iva tagħna tfisser iva, u l-​le, tfisser le. (Mattew 5:33-37) M’għandniex xi ngħidu, Ġakbu mhux qed jgħid li hu ħażin li tieħu ġurament biex tgħid il-​verità fil-​qrati.

Il-​Fidi u T-​Talb Tagħna

18. Taħt liema ċirkostanzi għandna ‘nitolbu’ bla ma nieqfu u ‘nkantaw is-​salmi’?

18 It-​talb għandu jkollu rwol prinċipali fil-​ħajja tagħna jekk irridu nikkontrollaw kliemna, nieħdu paċenzja, u nżommu fidi soda f’Alla. (Ġakbu 5:13-20) Speċjalment meta nkunu għaddejjin minn xi prova għandna ‘nitolbu’ bla ma nieqfu. Jekk inkunu ferħanin, ejjew ‘inkantaw is-​salmi,’ bħalma għamlu Ġesù u l-​appostli tiegħu meta waqqaf il-​Mafkar taʼ mewtu. (Mark 14:26) Xi drabi, nistgħu nkunu qed inħossu tant gratitudni lejn Alla li nkantawlu tifħir saħansitra f’qalbna. (1 Korintin 14:15; Efesin 5:19) U kemm hu taʼ ferħ li nfaħħru lil Jehovah bil-​kant fil-​laqgħat Kristjani!

19. X’għandna nagħmlu jekk nimirdu spiritwalment, u għala nieħdu dan il-​pass?

19 Għandna mnejn ma jkollniex aptit inkantaw jekk inkunu morda spiritwalment, forsi minħabba kondotta ħażina jew għax nonqsu li nieklu regolarment mal-​mejda taʼ Jehovah. Jekk inkunu f’dak l-​istat, ejjew b’umiltà nsejħu lill-​anzjani biex ikunu jistgħu ‘jitolbu għalina.’ (Proverbji 15:29) Huma sejrin ukoll ‘jidilkuna biż-​żejt f’isem il-​Mulej.’ Bħal żejt li jtaffi l-​uġigħ fuq ferita, il-​kliem tagħhom taʼ faraġ u l-​pariri Skritturali li jagħtuna se jgħinuna ntaffu d-​dipressjoni, id-​dubji, u l-​biżaʼ. ‘It-​talba tal-​fidi se ssalvana’ jekk tkun appoġġjata mill-​fidi tagħna stess. Jekk l-​anzjani jiskopru li l-​mard spiritwali tagħna ġie kkaġunat minħabba xi dnub serju, huma bil-​ħlewwa juruna ċar x’inhu l-​iżball tagħna u jipprovaw jgħinuna. (Salm 141:5) U jekk nuru ndiema, għandu jkollna l-​fidi li Alla se jismaʼ t-​talb tagħhom u jaħfrilna.

20. Għala għandna nistqarru dnubietna u nitolbu għal xulxin?

20 Li ‘nistqarru wieħed lill-​ieħor in-​nuqqasijiet tagħna’ għandu jżommna lura milli nerġgħu nidinbu. Dan għandu jrawwem mogħdrija reċiproka, kwalità li tqanqalna biex ‘nitolbu għal xulxin.’ Nistgħu nkunu ċerti li dan se jkun taʼ benefiċċju għax it-​talb taʼ “bniedem ġust”​—wieħed li jeżerċita fidi u meqjus bħala rett minn Alla—​jaħdem qatigħ maʼ Jehovah. (1 Pietru 3:12) Il-​profeta Elija kellu dgħjufijiet bħal tagħna, imma t-​talb tiegħu kien effettiv. Hu talab, u m’għamlitx xita għal tliet snin u nofs. Meta talab mill-​ġdid, għamlet ix-​xita.—1 Slaten 17:1; 18:1, 42-45; Luqa 4:25.

21. X’nistgħu forsi nagħmlu jekk Kristjan seħibna “jitbiegħed mis-​sewwa”?

21 Xi ngħidu jekk membru tal-​kongregazzjoni “jitbiegħed mis-​sewwa,” billi jiżvija mit-​tagħlim u l-​kondotta xierqa? Forsi nistgħu ndawruh lura mill-​iżball tiegħu permezz taʼ pariri mill-​Bibbja, talb, u għajnuna oħra. Jekk jirnexxilna, dan iżommu taħt il-​fidwa taʼ Kristu u jsalvah mill-​mewt spiritwali u l-​kundanna għall-​qerda. Billi ngħinu lil min jiżbalja, aħna ngħattu kotra minn dnubietu. Meta l-​midneb imwiddeb idur lura mill-​korsa ħażina tiegħu, jindem, u jfittex il-​maħfra, se nifirħu li ħdimna biex dnubietu jitgħattew.—Salm 32:1, 2; Ġuda 22, 23.

Xi Ħaġa Għalina Lkoll

22, 23. Kif għandna niġu effettwati mill-​kliem taʼ Ġakbu?

22 B’mod ċar, l-​ittra taʼ Ġakbu tinkludi xi ħaġa taʼ benefiċċju għalina lkoll. Turina kif niffaċċjaw il-​provi, twissina biex ma nagħmlux preferenzi, u tħeġġiġna biex nieħdu sehem f’xogħlijiet tajbin. Ġakbu jħeġġiġna biex inrażżnu lsienna, biex nirreżistu influwenzi dinjin, u biex nippromwovu l-​paċi. Kliemu għandu wkoll iġagħalna nieħdu paċenzja u nitolbu.

23 Veru, oriġinalment l-​ittra taʼ Ġakbu kienet mibgħuta lill-​Kristjani midlukin bikrin. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna nħallu l-​pariri tagħha jgħinuna niggranfaw mal-​fidi tagħna. Kliem Ġakbu jistaʼ jagħti spinta lill-​fidi biex tqanqalna nieħdu azzjoni deċiżiva fis-​servizz t’Alla. U din l-​ittra mnebbħa minn Alla tibni fidi li tibqaʼ u li ġġagħalna nkunu Xhieda taʼ Jehovah li nieħdu paċenzja u li nitolbu, illum, matul “il-​preżenza tal-​Mulej” Ġesù Kristu. (w97 11/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Xi Kristjani bikrin għala kellhom bżonn ibiddlu l-​attitudni u l-​kondotta tagħhom?

◻ Ġakbu liema twissija jagħti lill-​għonja?

◻ Għala għandna nieħdu paċenzja?

◻ Għala għandna nitolbu regolarment?

[Stampa f’paġna 19]

Xi Kristjani bikrin kellhom bżonn jieħdu iżjed paċenzja bi sħabhom fit-​twemmin

[Stampa f’paġna 21]

Il-​Kristjani għandhom bżonn jieħdu paċenzja, juru mħabba, u jitolbu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja