Dak Li Għandek Tkun Taf Dwar L-Għira
X’INHI l-għira? Hija emozzjoni intensa li tistaʼ ġġiegħel persuna tħossha anzjuża, imnikkta, jew irrabjata. Nistgħu nesperjenzaw l-għira meta xi ħadd jidher li jagħmel iktar suċċess minna f’xi biċċa xogħol. Jew nistgħu nħossuna għajjurin meta xi ħabib jirċievi iktar tifħir minna. Imma huwa dejjem ħażin li tkun għajjur?
Nies li tegħlibhom l-għira għandhom tendenza li jkunu suspettużi minn rivali potenzjali. Is-Sultan Sawl taʼ Iżrael tal-qedem kien eżempju taʼ dan. Għall-ewwel hu ħabb lil David, li kien il-wieħed li jġorrlu l-armi, billi saħansitra laħħqu biex ikun mexxej taʼ l-armata. (1 Samwel 16:21; 18:5) Imbagħad ġurnata waħda s-Sultan Sawl semaʼ xi nisa jfaħħru lil David bil-kliem: “L-eluf tiegħu qatel Sawl; u David l-għaxriet taʼ l-eluf tiegħu.” (1 Samwel 18:7) Sawl ma messux ħalla dan jeffettwa r-relazzjoni tajba tiegħu maʼ David. Madankollu, ħa għalih. “U minn dak in-nhar ’il quddiem beda jarah ikrah lil David.”—1 Samwel 18:9.
Persuna għajjura tistaʼ ma tixtieqx id-deni lil ħaddieħor. Hi tistaʼ sempliċement tistmerr is-suċċess taʼ xi sieħeb u tixxennaq biex ikollha l-istess kwalitajiet jew ċirkostanzi. Min-naħa l-oħra, l-invidja hija forma partikolarment negattiva taʼ għira. Persuna li għandha l-invidja tistaʼ bil-moħbi tibqaʼ lura milli tagħmel it-tajjeb lil min iqanqlilha l-għira jew tistaʼ tixtieq li jiġrilu d-deni. Xi drabi, persuna invidjuża ma tkunx tistaʼ taħbi dak li tħoss. Tistaʼ tiġi mġiegħla tweġġaʼ lil ħaddieħor fil-miftuħ, sewwa sew bħalma s-Sultan Sawl ipprova joqtol lil David. F’iktar minn okkażjoni waħda, Sawl waddab lanza f’attentat biex “jolqot lil David bil-lanza u jsammru mal-ħajt.”—1 Samwel 18:11; 19:10.
‘Imma jien m’inix persuna għajjura,’ tistaʼ tirrispondi int. Veru, l-għira tistaʼ ma tikkontrollalekx ħajtek. Sa ċertu punt, madankollu, ilkoll kemm aħna effettwati mill-għira—l-emozzjonijiet għajjurin tagħna nfusna u t’oħrajn. Għalkemm ħfief biex ninnotaw l-għira f’oħrajn, nistgħu nkunu tqal biex narawha fina nfusna.
“Tendenza Għall-Invidja”
L-istorja ddokumentata tan-natura umana midinba kif irrivelata fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, spiss tiġbed l-attenzjoni lejn dnubiet taʼ invidja. Tiftakru int ir-rakkont taʼ Kajjin u Abel? Dawn l-ulied t’Adam u Eva t-tnejn li huma offrew sagrifiċċji lil Alla. Abel għamel hekk għaliex kien bniedem taʼ fidi. (Lhud 11:4) Kellu fidi fl-abbiltà t’Alla li jwettaq l-iskop grandjuż Tiegħu rigward l-art. (Ġenesi 1:28; 3:15; Lhud 11:1) Abel emmen ukoll li Alla kellu jippremja lil bnedmin leali b’ħajja fil-Ġenna taʼ l-art li ġejja. (Lhud 11:6) B’hekk, Alla wera l-pjaċir tiegħu bis-sagrifiċċju t’Abel. Li kieku Kajjin verament ħabb lil ħuh, kien ikun ferħan li Alla bierek lil Abel. Minflok, Kajjin “saħan sewwa.”—Ġenesi 4:5.
Alla ħeġġeġ lil Kajjin biex jagħmel it-tajjeb ħalli hu wkoll ikun jistaʼ jirċievi barka. Imbagħad Alla wissa: “Jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma int tistaʼ trażżnu.” (Ġenesi 4:7) B’sogħba, Kajjin ma rażżanx ir-rabja għajjura tiegħu. Din wasslitu biex joqtol lit-twajjeb ħuh. (1 Ġwann 3:12) Minn dak iż-żmien ’l hawn ġlied u gwerer ħasdu mijiet taʼ miljuni taʼ ħajjiet. “Xi wħud mill-kaġuni bażiċi għall-gwerer jistgħu jkunu xewqa għal iktar art, xewqa għal iktar ġid, xewqa għal iktar poter, jew xewqa għas-sigurtà,” tispjega The World Book Encyclopedia.
Kristjani veri ma jiħdux sehem fil-gwerer taʼ din id-dinja. (Ġwann 17:16) B’sogħba, iżda, Kristjani individwali xi kultant jiġu involuti fi ġlied verbali. Jekk membri oħrajn tal-kongregazzjoni jiġu involuti wkoll, dan il-ġlied jistaʼ jinbidel fi gwerer verbali li jweġġgħu. “Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom?” staqsa l-kittieb tal-Bibbja Ġakbu lil kredenti sħabu. (Ġakbu 4:1) Hu wieġeb dik il-mistoqsija billi kixef ir-regħba materjalistika tagħhom u żied, “Intom tibqgħu . . . tixxennqu,” jew “tgħiru.” (Ġakbu 4:2, nota taʼ taħt, New World Translation of the Holy Scriptures—With References) Iva, il-materjaliżmu jistaʼ jwassal għax-xenqa u li tkun għajjur għal dawk li jidhru li jgawdu ċirkostanzi aħjar. Għal din ir-raġuni, Ġakbu wissa kontra t-“tendenza għall-invidja” umana.—Ġakbu 4:5, NW.
X’benefiċċju hemm f’li nanalizzaw il-kaġuni taʼ l-għira? Sewwa, dan jistaʼ jgħinna biex inkunu onesti u biex nippromwovu relazzjonijiet aħjar m’oħrajn. Jistaʼ jgħinna wkoll biex inkunu iktar taʼ fehma, tolleranti, u kapaċi naħfru. Iktar minn kollox, dan jenfasizza l-bżonn iddisprat tal-bniedem għall-provvediment taʼ mħabba t’Alla taʼ salvazzjoni u salvâr minn tendenzi umani midinbin.—Rumani 7:24, 25.
Dinja Mingħajr Għira Midinba
Minn ħarsa umana, dinja mingħajr għira midinba tistaʼ tidher impossibbli. L-awtur Rom Landau ammetta: “L-għerf akkumulat taʼ bosta snin, b’dak kollu li filosofi . . . u psikologi qalu dwar is-suġġett, ma joffri ebda gwida għall-bniedem itturmentat mill-għira. . . . Qatt xi darba kwalunkwe tabib fejjaq lil xi bniedem mill-għira?”
Imma l-Kelma t’Alla toffri t-tama li wieħed jasal għal ħajja umana perfetta f’dinja ġdida fejn ħadd qatt ma se jkun milqut iktar mill-għira mhix divina jew mill-invidja. Iktar minn hekk, il-paċi taʼ dik id-dinja ġdida m’hijiex se tkun imtellfa minn nies li juru karatteristiċi mill-agħar bħal dawn.—Galatin 5:19-21; 2 Pietru 3:13.
Madankollu, mhux l-għira kollha hija mhix xierqa. Fil-fatt, il-Bibbja tistqarr li Jehovah hu “Alla għajjur.” (Eżodu 34:14) X’ifisser dak? U x’tgħid il-Bibbja dwar l-għira xierqa? Fl-istess ħin, kif tistaʼ persuna tikseb il-kontroll fuq l-għira mhix xierqa? Ara l-artikli li ġejjin.
(w95 9/15)