Il-Ħarsa tal-Bibbja
Min Huma d-Demonji?
ĦARES, babaw, waħx, fatat, demonju huma spirti li n-nies f’reliġjonijiet differenti jemmnu fihom u jqisuhom bħala ħżiena jew tajbin, jew it-tnejn. Xi wħud oħrajn ma jemmnux fl-ispirti għax jgħidu li huma sempliċement superstizzjoni jew frott tal-immaġinazzjoni taʼ dak li jkun. Il-Bibbja x’tgħid?
Il-Bibbja tgħallem li l-Ħallieq innifsu hu Spirtu u li l-ewwel ħlejjaq li ħalaq kienu spirti, jew anġli. (Ġwanni 4:24; Ebrej 1:13, 14) Barra minn hekk, il-Bibbja ssemmi l-ispirti mill-agħar, u xi drabi tirreferi għalihom bħala demonji. (1 Korintin 10:20, 21; Ġakbu 2:19) Imma l-Bibbja ma tgħallimx li Alla ħalaq id-demonji. Allura, dawn min huma, u kif bdew jeżistu?
“Anġli li Dinbu”
Meta Alla ħalaq il-ħlejjaq spirti, hu tahom il-libertà tal-għażla, jiġifieri, l-abbiltà li jagħżlu huma stess jekk iridux jagħmlu t-tajjeb jew il-ħażin. B’sogħba, wara l-ħolqien tal-bniedem, numru mhux magħruf taʼ anġli għażlu li jagħmlu l-ħażin billi rribellaw kontra Alla.
L-ewwel spirtu li rribella u l-iktar wieħed magħruf li hu mill-agħar sar Satana. Ġesù Kristu qal li dan “ma żammx sħiħ fil-verità.” (Ġwanni 8:44) X’qanqal lil Satana jiħodha kontra Alla? Hu beda jixxennaq għall-qima li tappartjeni esklużivament lill-Ħallieq, u mbagħad hu aġixxa skont din ix-xewqa billi għamel lilu nnifsu alla rivali. B’dan il-mod, hu għamel lilu nnifsu “Satana,” kelma li tfisser “opponent.” Sekli wara, qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè, anġli oħrajn ngħaqdu maʼ Satana, billi abbandunaw il-pożizzjoni li kellhom fis-sema biex jimmaterjalizzaw ruħhom u jieħdu sura taʼ bniedem u jgħixu fuq l-art. (Ġenesi 6:1-4; Ġakbu 1:13-15) Meta seħħ id-Dilluvju, l-“anġli li dinbu” li kienu mmaterjalizzaw ruħhom, milli jidher reġgħu lura lejn il-qasam tal-ispirti. (2 Pietru 2:4; Ġenesi 7:17-24) Maż-żmien, bdew jissejħu demonji.—Dewteronomju 32:17; Marku 1:34.
Dawn l-anġli diżubbidjenti issa kienu sabu ruħhom f’sitwazzjoni differenti ħafna minn dik li kienu jgawdu qabel ma rribellaw. Ġuda 6 jgħid: “Lill-anġli li ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru, [Alla] żammhom marbutin għal dejjem fi dlam ċappa għall-ġudizzju tal-jum il-kbir.” Tabilħaqq, Alla ma ħalliex lid-demonji jgawdu l-privileġġi li kellhom qabel fis-sema, imma tefagħhom “f’ħofor taʼ dlam ċappa” figurattivi, maqtugħin minn kull tidwil spiritwali.
“Iqarraq bl-Art Abitata Kollha”
Għalkemm id-demonji b’mod evidenti ma tħallewx jimmaterjalizzaw ruħhom mill-ġdid fi bnedmin, huma għad għandhom qawwa u influwenza kbira fuq l-imħuħ u l-ħajjiet tan-nies. Fil-fatt, Satana, flimkien mal-qtajjaʼ taʼ demonji tiegħu, qed “iqarraq bl-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9; 16:14) Kif? Ħafna drabi permezz tat-“tagħlim tad-demonji.” (1 Timotju 4:1) Dan it-tagħlim falz, li spiss huwa tagħlim reliġjuż, għema l-imħuħ taʼ miljuni taʼ nies biex ma jarawx il-verità dwar Alla. (2 Korintin 4:4) Ikkunsidra xi eżempji.
● It-tagħlim li l-mejtin jibqgħu ħajjin. Id-demonji jqarrqu bin-nies permezz taʼ dehriet, ilħna, u atti makakki, ħalli jġegħluhom jemmnu li l-ħajjin jistgħu jikkomunikaw mal-mejtin. Iktar minn hekk, dan il-qerq makakk jistaʼ jġiegħel lil xi nies jemmnu l-gidba li r-ruħ tibqaʼ ħajja wara li jmut il-ġisem. Madankollu, il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Il-mejtin ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5, 6) Peress li ‘niżlu fis-skiet,’ huma lanqas ifaħħru lil Alla ma jistgħu.—Salm 115:17.a
● Nuqqas taʼ morali għoljin. L-1 Ġwanni 5:19 jgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” Satana u d-demonji tiegħu jieħdu vantaġġ mill-qawwa tagħhom billi jużaw il-mezzi tax-xandir u mezzi oħrajn biex jippromwovu l-ħsieb mill-agħar li l-bnedmin għandhom ipaxxu x-xewqat immorali tal-laħam. (Efesin 2:1-3) Għaldaqstant, kull xorta taʼ immoralità, inkluż perverżjonijiet sesswali, hija komuni llum. Imġiba bħal din hi saħansitra kunsidrata bħala normali, filwaqt li l-livelli tal-Bibbja spiss jitqiesu bħala antikwati jew intolleranti.
● Jippromwovu l-ispiritiżmu. L-appostlu Pawlu ltaqaʼ maʼ qaddejja li kienet maħkuma minn “demonju tat-teħbir,” li permezz tiegħu lis-sidien tagħha setgħet “tipprovdilhom ħafna qligħ billi tipprattika l-arti tat-tbassir.” (Atti 16:16) Peress li kien jaf x’kien is-sors tal-abbiltajiet sopranaturali tagħha, Pawlu rrifjuta li jagħti widen għal dak li kienet qed tgħid it-tfajla. Barra minn hekk, hu ma riedx joffendi lil Alla, li jqis kull xorta taʼ spiritiżmu—inkluż l-astroloġija u t-talb lill-ispirti—bħala moqżieża.—Dewteronomju 18:10-12.
Ipproteġi Ruħek mid-Demonji
Kif tistaʼ tipproteġi ruħek mill-ispirti mill-agħar? Il-Bibbja twieġeb: “Issottomettu ruħkom lejn Alla; imma opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Aħna nobdu dan il-kmand meta ngħixu skont it-tagħlim li nsibu fil-Bibbja, l-uniku ktieb sagru li jikxef kompletament lil Satana, lid-demonji, u “t-tnassis,” jiġifieri l-atti makakki, tagħhom. (Efesin 6:11; 2 Korintin 2:11) Il-Bibbja tgħidilna wkoll li l-ispirti mill-agħar, flimkien maʼ dawk kollha li jopponu lil Alla, mhumiex se jibqgħu għal dejjem. (Rumani 16:20) “Huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha,” jgħid Proverbji 2:21.
[Nota taʼ taħt]
a Dwar l-istat veru li jinsabu fih il-mejtin u dwar it-tama Biblika tal-irxoxt, jekk jogħġbok ara kapitli 6 u 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Id-demonji nħalqu minn Alla?—2 Pietru 2:4.
● Tistaʼ titkellem mal-mejtin?—Ekkleżjasti 9:5, 6.
● Kif tistaʼ tipproteġi ruħek mid-demonji?—Ġakbu 4:7.
[Stampa f’paġna 31]
Id-demonji jipprovaw jinfluwenzaw lin-nies b’ħafna modi