Għassu u Ishru!
“[“Ibqgħu,” “NW”] ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”—MATTEW 25:13.
1. L-appostlu Ġwanni lejn liema ħaġa ħares ’il quddiem?
FL-AĦĦAR djalogu fil-Bibbja, Ġesù wiegħed: “Jien dalwaqt ġej!” L-appostlu tiegħu Ġwanni wieġeb: “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” L-appostlu ma kellu ebda dubju li Ġesù kien se jiġi. Ġwanni kien fost l-appostli li kienu staqsew lil Ġesù: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja [“preżenza,” NW] [Grieg, pa·rou·siʹa] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” Iva, Ġwanni ħares ’il quddiem bil-fiduċja kollha lejn il-preżenza futura taʼ Ġesù.—Apokalissi 22:20; Mattew 24:3.
2. Inkwantu għall-preżenza taʼ Ġesù, x’inhi s-sitwazzjoni fir-reliġjonijiet?
2 Fiduċja bħal din hija rari llum il-ġurnata. Ħafna reliġjonijiet għandhom duttrina uffiċjali dwar il-“miġja” taʼ Ġesù, imma ftit mill-membri tagħhom qed jistennewha bis-serjetà. Dan juruh bil-mod li jgħixu. Il-ktieb The Parousia in the New Testament jinnota: “Ftit hemm integrazzjoni pożittiva tat-tama tal-Parousia fil-ħajja, fil-ħsieb u fix-xogħol tal-knisja. . . . L-urġenza kbira li biha l-knisja għandha tattwa d-dmirijiet tagħha taʼ ndiema u taʼ proklamazzjoni missjunarja taʼ l-evanġelju, tiddgħajjef jekk mhux tintilef għalkollox.” Imma mhux għal kulħadd!
3. (a) Il-Kristjani veri kif iħossuhom dwar il-pa·rou·siʹa? (b) Issa x’se nikkunsidraw b’mod partikulari?
3 Id-dixxipli veri taʼ Ġesù qegħdin jistennew bil-ħerqa t-tmiem taʼ din is-sistema preżenti t’affarijiet mill-agħar. Waqt li nagħmlu dan lealment, jeħtieġ li nżommu l-ħarsa xierqa lejn dak kollu li hu involut fil-preżenza taʼ Ġesù u naġixxu fi qbil miegħu. Dan se jgħinna ‘nibqgħu nżommu sħaħ sa l-aħħar u nsalvaw.’ (Mattew 24:13) Waqt li kien qed jagħti l-profezija li nsibu f’Mattew kapitli 24 u 25, Ġesù pprovda parir għaqli li nistgħu napplikawh, għall-ġid dejjiemi tagħna. Kapitlu 25 fih parabboli li int x’aktarx taf bihom, inkluż dik dwar għaxar xebbiet (ix-xebbiet għaqlin u dawk boloh) u l-parabbola tat-talenti. (Mattew 25:1-30) Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn it-tixbihat?
Oqgħod Għassa, Bħalma Kienu l-Ħames Xebbiet!
4. X’inhu l-punt prinċipali tal-parabbola tax-xebbiet?
4 Forsi tixtieq terġaʼ taqra l-parabbola tax-xebbiet misjuba f’Mattew 25:1-13. L-isfond huwa tieġ grandjuż Lhudi li fih l-għarus imur id-dar taʼ missier l-għarusa biex jiħodha lejn id-dar taʼ l-għarus (jew dar missieru). Purċissjoni bħal din setgħet kienet tinkludi mużiċisti u għannejja, u ħadd ma kien ikun jaf eżatt il-ħin tal-wasla tagħha. Fil-parabbola, l-għaxar xebbiet stennew sa tard bil-lejl għall-wasla taʼ l-għarus. Ħamsa minnhom, taʼ boloh li kienu, ma kinux ġabu żejt biżżejjed għall-musbieħ, u b’hekk kellhom imorru jixtru iktar. Il-ħamsa l-oħra, bil-għaqal kollu, kienu ġabu iktar żejt f’reċipjenti sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jimlew l-imsiebaħ tagħhom jekk ikun hemm bżonn waqt li jkunu qed jistennew. Dawn il-ħamsa biss kienu preżenti u mħejjijin meta wasal l-għarus. Għaldaqstant, huma biss tħallew jidħlu għall-festa. Meta l-ħames xebbiet boloh marru lura, kien tard wisq għalihom biex jidħlu.
5. Liema skritturi jitfgħu dawl fuq it-tifsira figurattiva tal-parabbola tax-xebbiet?
5 Ħafna mill-aspetti taʼ din il-parabbola jidhru li huma simboliċi. Per eżempju, l-Iskrittura titkellem dwar Ġesù bħala l-għarus. (Ġwann 3:28-30) Ġesù xebbah lilu nnifsu maʼ bin sultan li tħejjiet festa tat-tieġ għalih. (Mattew 22:1-14) U l-Bibbja tqabbel lil Kristu maʼ raġel miżżewweġ. (Efesin 5:23) Interessanti, li waqt li l-Kristjani f’postijiet oħrajn huma deskritti bħala “l-għarusa” taʼ Kristu, din il-parabbola ma ssemmix għarusa. (Ġwann 3:29; Apokalissi 19:7; 21:2, 9) Din, iżda, issemmi għaxar xebbiet, u f’postijiet oħrajn il-midlukin huma mxebbhin maʼ xebba mwegħda fiż-żwieġ lil Kristu.—2 Korintin 11:2.a
6.Ġesù liema twissija ta meta kien qed jikkonkludi l-parabbola tax-xebbiet?
6 Minbarra dawn id-dettalji u xi applikazzjonijiet profetiċi, ċertament li hemm prinċipji mill-aħjar li nistgħu nitgħallmu minn din il-parabbola. Per eżempju, innota li Ġesù temm din il-parabbola bil-kliem: “[Ibqgħu] ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Għalhekk, il-parabbola turi l-ħtieġa li kull wieħed minna joqgħod għassa, u jżomm għajnejh miftuħin għat-tmiem li riesaq taʼ din is-sistema mill-agħar. Dan it-tmiem ġej bla ebda dubju taʼ xejn, avolja ma nistgħux ngħidu d-data eżatta. F’dan ir-rigward, innota l-attitudnijiet li wrew iż-żewġ gruppi taʼ xebbiet.
7. Il-ħames xebbiet tal-parabbola f’liema sens urew kemm kienu boloh?
7 Ġesù qal: “Ħamsa minnhom kienu boloh.” Kien dan għax ma kinux jemmnu li l-għarus kien ġej? Marru huma jinħlew wara l-pjaċiri? Jew ġew imqarrqin? L-ebda waħda minn dawn. Ġesù qal li dawn il-ħamsa “ħarġu . . . biex jilqgħu l-għarus.” Kienu jafu li ġej, u riedu jkunu involuti, saħansitra biex jieħdu sehem fil-“festa tat-tieġ.” Madankollu, kienu ppreparati biżżejjed? Huma stennewh għal ftit tal-ħin, san-‘nofs tal-lejl,’ imma ma kinux lesti għall-wasla tiegħu fi kwalunkwe ħin li setgħet tiġi—kemm jekk iktar kmieni jew iktar tard minn dak li stennew fil-bidu.
8. Ħamsa mix-xebbiet tal-parabbola kif taw prova li kienu diskreti?
8 Il-ħamsa l-oħra—dawk li Ġesù sejħilhom għaqlin—ukoll ħarġu b’imsiebaħ mixgħulin, jistennew il-wasla taʼ l-għarus. Huma wkoll kellhom jistennew, imma kienu “għaqlin.” Il-kelma Griega tradotta “għaqlin” tistaʼ ġġorr is-sens taʼ li wieħed ikun “prudenti, sensibbli, għaref b’mod prattiku.” Dawn il-ħamsa wrew li kienu għaqlin billi ġabu reċipjenti oħrajn biż-żejt biex jekk ikun hemm bżonn jerġgħu jimlew l-imsiebaħ tagħhom. Fil-fatt, tant kienu qed jiffokaw fuq li jkunu lesti għall-għarus li ma ridux jagħtu miż-żejt tagħhom. Għassa bħal din ma kinitx taʼ xejn, bħalma ġie pprovat bil-fatt li kienu preżenti u mħejjijin għalkollox meta wasal l-għarus. Dawk li kienu “lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.”
9, 10. X’inhu l-punt tal-parabbola tax-xebbiet, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
9 Ġesù ma kienx qed joffri lezzjoni dwar imġiba xierqa fit-tiġijiet, lanqas ma kien qed jagħti parir dwar kif naqsmu dak li għandna maʼ xulxin. Il-punt tiegħu kien: “[Ibqgħu] ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħed jien verament għassa rigward il-preżenza taʼ Ġesù?’ Aħna nemmnu li Ġesù issa qiegħed isaltan fis-sema, imma kemm aħna ffokati fuq ir-realtà li ‘Bin il-bniedem dalwaqt ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira’? (Mattew 24:30) Meta sar ‘nofs il-lejl,’ il-wasla taʼ l-għarus ċertament li kienet eqreb minn meta x-xebbiet kienu ħarġu jistennewh għall-ewwel darba. Bl-istess mod, il-wasla taʼ Bin il-bniedem biex jeqred is-sistema mill-agħar preżenti hija eqreb milli kienet meta bdejna għall-ewwel darba nistennew b’ħerqa l-miġja tiegħu. (Rumani 13:11-14) Żammejna aħna l-għassa tagħna, waqt li noqogħdu saħansitra iktar għassa hekk kif dak iż-żmien riesaq iktar qrib?
10 Li nobdu l-kmand “[Ibqgħu] ishru” jirrikjedi għassa kontinwa. Ħames xebbiet ħallewh jispiċċalhom iż-żejt u marru jixtru iktar. Kristjan illum għandu mnejn jiġi distratt bl-istess mod, u b’hekk ma jkunx imħejji bis-sħiħ għall-wasla imminenti taʼ Ġesù. Dan ġara lil xi Kristjani fl-ewwel seklu. Jistaʼ wkoll jiġri lil xi wħud illum. Għalhekk ejja nistaqsu lilna nfusna, ‘Dan qed jiġri lili?’—1 Tessalonikin 5:6-8; Lhud 2:1; 3:12; 12:3; Apokalissi 16:15.
Kun Bieżel hekk kif Joqrob it-Tmiem
11. Ġesù liema parabbola ta wara, u din għal liema ħaġa kienet simili?
11 Fil-parabbola li ta wara, Ġesù għamel iktar milli ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex joqogħdu għassa. Wara li tkellem dwar ix-xebbiet għaqlin u dawk boloh, hu rrakkonta t-tixbieha tat-talenti. (Aqra Mattew 25:14-30.) Din f’ħafna aspetti tixbah lill-parabbola taʼ qabel dwar il-miniet, li Ġesù kien ta għaliex ħafna “kien mingħalihom li s-Saltna taʼ Alla kienet se tidher minnufih.”—Luqa 19:11-27.
12. X’inhu l-punt prinċipali tal-parabbola tat-talenti?
12 Fil-parabbola tat-talenti, Ġesù rrakkonta dwar wieħed raġel li qabel ma siefer, bagħat għal tliet ilsiera. Lil wieħed fdalu ħames talenti, lill-ieħor tnejn, u lil taʼ l-aħħar wieħed biss—“kull wieħed skond il-ħila tiegħu.” X’aktarx li dan kien talent tal-fidda, ammont stabbilit, li dakinhar kien jiswa daqs il-paga li ħaddiem komuni kien jaqlaʼ f’14-il sena—kemxa flus ġmielha! Meta dan ir-raġel reġaʼ lura, talab rendikont mill-ilsiera taʼ dak li kienu għamlu matul il-‘ħafna żmien’ li kien ilu msiefer. L-ewwel żewġ ilsiera kienu rdoppjaw dak li kien ġie fdat lilhom. Hu qal “sewwa,” wiegħed lil kull wieħed minnhom iktar responsabbiltà, u kkonkluda: “Idħol fl-hena taʼ sidek.” Billi sostna li s-sid kien wieħed li kien jistenna żżejjed minnu, l-ilsir li kellu talent wieħed ma kienx ħaddem it-talent tiegħu u qalaʼ profitt. Hu ħeba l-flus, u lanqas biss indenja ruħu jitfagħhom il-bank biex idaħħal l-interessi. Is-sid sejjaħlu “ħażin u għażżien” għax kien aġixxa kontra l-interessi taʼ sidu. B’konsegwenza taʼ dan, it-talent ittiħidlu, u ġie mitfugħ ’il barra fejn kien se ‘jkun hemm il-biki tiegħu u t-theżżiż taʼ snienu.’
13. Ġesù kif ta prova li kien bħas-sid fil-parabbola?
13 Għal darb’oħra d-dettalji taʼ din il-parabbola jistaʼ jkollhom sens simboliku. Per eżempju, Ġesù, li kien irrappreżentat mir-raġel li siefer, kien se jħalli lid-dixxipli tiegħu, imur fis-sema, u jdum jistenna ħafna sakemm jirċievi l-qawwa bħala sultan.b (Salm 110:1-4; Atti 2:34-36; Rumani 8:34; Lhud 10:12, 13) Għal darb’oħra, iżda, nistgħu naraw lezzjoni oħra jew prinċipju li lkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li napplikaw f’ħajjitna. X’inhi din?
14. Il-parabbola tat-talenti tenfasizza liema ħtieġa vitali?
14 Sew jekk it-tama tagħna hija taʼ ħajja immortali fis-sema jew dik taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna, jidher ċar mill-parabbola taʼ Ġesù li rridu nkunu qed nitħabtu f’attivitajiet Kristjani. Fil-fatt, il-messaġġ taʼ din il-parabbola jistaʼ jinġabar f’kelma waħda: bżulija. L-appostli stabbilew mudell minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l hawn. Naqraw: “B’ħafna kliem ieħor [Pietru] tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: ‘Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin.’” (Atti 2:40-42) Xi profitt eċċellenti kellu taʼ l-isforzi li għamel! Hekk kif oħrajn ngħaqdu maʼ l-appostli fix-xogħol taʼ l-ippridkar Kristjan, huma wkoll ħabirku, bl-aħbar tajba li kienet qed ‘tikber fid-dinja kollha.’—Kolossin 1:3-6, 23; 1 Korintin 3:5-9.
15. B’liema mod speċjali għandna napplikaw il-punt prinċipali tal-parabbola tat-talenti?
15 Żomm f’moħħok il-kuntest taʼ din il-parabbola—profezija dwar il-preżenza taʼ Ġesù. Għandna konferma biżżejjed li l-pa·rou·siʹa taʼ Ġesù qegħda sseħħ u dalwaqt se tilħaq il-quċċata. Ftakar fil-konnessjoni li Ġesù għamel bejn it-“tmiem” u x-xogħol li l-Kristjani jeħtieġ li jagħmlu: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) B’dan f’moħħna, lil liema tip taʼ lsir nixbhu aħna? Staqsi lilek innifsek: ‘Se jkun hemm għalfejn nikkonkludi li jien bħal dak l-ilsir li ħeba dak li ġie fdat lilu, forsi waqt li ħa ħsieb taʼ l-affarijiet persunali tiegħu? Jew jidher ċar li jien bħal dawk li kienu tajbin u leali? Ninsab jien riżolut biex naħtaf kull okkażjoni ħalli nżid l-interessi tas-Sid?’
Għassa u Biżlin Matul il-Preżenza Tiegħu
16. Liema messaġġ għandhom għalik dawn iż-żewġ parabboli li ddiskutejna?
16 Iva, minbarra t-tifsira figurattiva u profetika tagħhom, dawn iż-żewġ parabboli jippreżentawlna inkuraġġiment ċar minn fomm Ġesù nnifsu. Il-messaġġ tiegħu huwa dan: Oqgħod għassa; kun bieżel, speċjalment meta jidher is-sinjal tal-pa·rou·siʹa taʼ Kristu. Dan huwa issa. Għalhekk ninsabu aħna tassew għassa u biżlin?
17, 18. Id-dixxiplu Ġakbu liema parir ta rigward il-preżenza taʼ Ġesù?
17 Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, ma kienx fuq l-Għolja taż-Żebbuġ biex jismaʼ l-profezija taʼ Ġesù; imma hu samaʼ biha iktar tard, u jidher ċar li fehem it-tifsira tagħha. Hu kiteb: “Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż taʼ l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja [“preżenza,” “NW”] tal-Mulej hi fil-qrib.” (Korsiv tagħna.)—Ġakbu 5:7, 8.
18 Wara li ta assiguranza li Alla se jgħaddi ġudizzju avvers fuq dawk li ma jużawx ir-rikkezzi tagħhom tajjeb, Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ma jitilfux il-paċenzja waqt li jistennew sakemm Jehovah jaġixxi. Kristjan bla paċenzja jistaʼ jsir vendikattiv, bħallikieku hu nnifsu kellu jirranġa l-affarijiet ħżiena li saru. Iżda dan m’għandux ikun, għaliex iż-żmien tal-ġudizzju żgur se jasal. L-eżempju tal-bidwi juri dan, bħalma spjega Ġakbu.
19. Bidwi Iżraelit setaʼ jeżerċita liema tip taʼ paċenzja?
19 Bidwi Iżraelit li żeraʼ ż-żerriegħa kellu jistenna, l-ewwel biex tibda tinbet, imbagħad biex ix-xitla timmatura, u fl-aħħar għall-ħsad. (Luqa 8:5-8; Ġwann 4:35) Matul dawk ix-xhur, kien hemm żmien u forsi raġuni għal xi ftit ansjetà. Kienet se tagħmel xita bikrija u tkun biżżejjed? Xi ngħidu għax-xita mwaħħra? Jistgħu xi insetti jew xi maltempata joqtlu x-xtieli? (Qabbel Ġoel 1:4; 2:23-25.) Xorta waħda, ġeneralment bidwi Iżraelit setaʼ jafda f’Jehovah u fiċ-ċikli naturali li hu stabbilixxa. (Dewteronomju 11:14; Ġeremija 5:24) Il-paċenzja tal-bidwi tistaʼ tgħid kienet tammonta għal stennija fiduċjuża. Bil-fiduċja kollha kien jaf li dak li kien qed jistenna kien se jiġi. Kienet ħaġa ċerta!
20. Kif nistgħu nuru l-paċenzja fi qbil mal-parir taʼ Ġakbu?
20 Filwaqt li bidwi jistaʼ jkollu xi għarfien dwar meta se jkun il-ħsad, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma setgħux jikkalkulaw meta kellha sseħħ il-preżenza taʼ Kristu. Kienet ħaġa ċerta, iżda. Ġakbu kiteb: “Il-[preżenza] [Grieg, pa·rou·siʹa] tal-Mulej hi fil-qrib.” Fiż-żmien li Ġakbu kiteb dan il-kliem, is-sinjal tal-preżenza taʼ Kristu fuq skala kbira, jew globali, kien għadu m’huwiex evidenti. Imma issa hu! Mela kif għandna nħossuna f’dan il-perijodu? Is-sinjal huwa attwalment viżibbli. Qed narawh. Nistgħu ngħidu b’ċertezza, ‘Qed nara s-sinjal jitwettaq.’ Aħna nistgħu ngħidu b’fiduċja, ‘Il-preżenza tal-Mulej qegħda hawnhekk, u l-quċċata tagħha hi fil-qrib.’
21. Liema ħaġa aħna assolutament riżoluti li nagħmlu?
21 Ladarba l-preżenza qegħda fil-qrib, għandna raġuni ferm soda biex indaħħlu f’qalbna u napplikaw il-lezzjonijiet fundamentali taż-żewġ parabboli taʼ Ġesù li ddiskutejna. Hu qal: “[Ibqgħu] ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” (Mattew 25:13) Bla ebda dubju taʼ xejn issa hu ż-żmien għalina biex inkunu żelużi fis-servizz Kristjan tagħna. Ejja kuljum nuru fil-ħajja tagħna li nifhmuh il-punt taʼ Ġesù. Ejja ngħassu! Ejja nishru!
[Noti taʼ taħt]
a Għad-dettalji simboliċi tal-parabbola, ara God’s Kingdom of a Thousand Years Has Approached, paġni 169-211, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ara God’s Kingdom of a Thousand Years Has Approached, paġni 212-56.
Tiftakar Int?
◻ Liema punt prinċipali ħadt int mill-parabbola tax-xebbiet għaqlin u boloh?
◻ Ġesù liema parir fundamentali qiegħed joffrilek permezz tal-parabbola tat-talenti?
◻ F’liema sens hija l-paċenzja tiegħek relatata mal-pa·rou·siʹa, bħal dik taʼ bidwi Iżraelit?
◻ Li tkun tgħix f’dan iż-żmien għala huwa speċjalment eċċitanti u taʼ sfida?
[Stampi f’paġna 23]
Liema lezzjonijiet titgħallem int mill-parabbola tax-xebbiet u dik tat-talenti?