LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/1 pp. 28-31
  • ‘Ħarreġ Lilek Innifsek’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ħarreġ Lilek Innifsek’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Jħarriġna bl-​Akbar Kapaċità
  • Dak li Jħarriġna b’Mogħdrija
  • Kontroll Fuqna Nfusna f’Kollox
  • Sforzi Immirati Sew
  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Int Tistaʼ Tissaporti sat-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • L-Isports tal-Qedem u l-Importanza tar-Rebħa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/1 pp. 28-31

‘Ħarreġ Lilek Innifsek’

CITIUS, altius, fortius—eħfef, ogħla, iktar b’saħħtu! Dawn kienu l-​miri li kienu jittamaw għalihom l-​atleti fil-​Greċja u f’Ruma tal-​qedem. Għal sekli sħaħ, f’Olimpja, Delfi, u Nemea u fuq l-​Istmu taʼ Korintu, kienu jsiru avvenimenti atletiċi grandjużi bil-​“barka” taʼ l-​allat u b’eluf taʼ spettaturi preżenti. Il-​privileġġ li wieħed jikkompeti f’dan il-​logħob kien jinkiseb bħala riżultat taʼ ħafna snin taʼ xogħol iebes. Ir-​rebħa kienet iġġib glorja kbira mhux biss lir-​rebbieħa iżda wkoll lil belthom.

Ma niskantawx li f’ambjent kulturali bħal dan il-​kittieba taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana qabblu t-​tiġrija spiritwali tal-​Kristjani m’avvenimenti atletiċi. Biex iwasslu punti qawwijin taʼ tagħlim, l-​appostli Pietru u Pawlu użaw b’sengħa kbira tixbihat ibbażati fuq dan il-​logħob. Fi żmienna tkompli l-​istess tiġrija Kristjana ħarxa. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu riedu jħabbtu wiċċhom mas-​sistema t’affarijiet Lhudija; aħna llum irridu nissaraw maʼ sistema dinjija li tinsab f’xifer it-​tarf biex tinqered. (2 Timotju 2:5; 3:​1-5) Xi wħud forsi jsibu li t-​“tiġrija tal-​fidi” tagħhom ma taqtaʼ qatt u qed tifnihom. (1 Timotju 6:​12, The New English Bible) Jekk neżaminaw xi ftit mit-​tixbihat atletiċi fil-​Bibbja nkunu nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet imprezzabbli.

Dak li Jħarriġna bl-​Akbar Kapaċità

Is-​suċċess t’atleta jiddependi fil-​parti l-​kbira minn min iħarrġu. Il-​ktieb Archaeologia Graeca jgħid dwar il-​logħob tal-​qedem: “Dawk li kienu jieħdu sehem kienu obbligati jaħilfu li qattgħu għaxar xhur sħaħ f’eżerċizzji taʼ tħejjija.” Il-​Kristjani wkoll jeħtieġu taħriġ iebes. Pawlu wissa lil Timotju, anzjan Kristjan: “Tħarreġ fit-​tjieba.” (1 Timotju 4:7) Min hu dak li jħarreġ lil “atleta” Kristjan? Ħadd ħlief Alla Jehovah innifsu! L-​appostlu Pietru kiteb: “Dak Alla taʼ kull qalb tajba mhix mistħoqqa . . . se jtemm hu stess it-​taħriġ tagħkom, se jagħmilkom sodi, se jagħmilkom b’saħħitkom.”—1 Pietru 5:​10, NW.

L-espressjoni ‘se jtemm it-​taħriġ tagħkom’ ġejja minn verb Grieg li skond it-​Theological Lexicon of the New Testament, tfisser bażikament “li tagħmel oġġett [jew persuna] xieraq għall-​iskop tiegħu, tħejjih u taddattah għall-​użu tiegħu.” Bl-​istess mod, il-​Greek-English Lexicon taʼ Liddell u Scott jikkummenta li dan il-​verb jistaʼ jiġi definit bħala “tħejji, tħarreġ, jew tforni għalkollox.” Jehovah b’liema mod ‘iħejjina, iħarriġna, jew ifornina għalkollox’ għat-​tiġrija Kristjana li tirrikjedi ħafna sforz? Biex nifhmu x-​xebh, ejja nikkunsidraw xi ftit mill-​metodi li kienu jużaw dawk li kienu jħarrġu lill-​atleti.

Il-​ktieb The Olympic Games in Ancient Greece jgħid: “Dawk li kienu involuti fit-​taħriġ taż-​żgħażagħ kienu jużaw żewġ metodi bażiċi. L-​ewwel metodu kien immirat biex jinkuraġġixxi lill-​istudent ħalli dan jagħmel l-​akbar sforz fiżiku possibbli sabiex jikseb l-​aqwa riżultati, u t-​tieni biex itejjeb it-​teknika u l-​istil tiegħu.”

Bl-istess mod, Jehovah jinkuraġġina u jsaħħaħna biex nilħqu l-​ogħla potenzjal tagħna u biex intejbu l-​kapaċitajiet tagħna fis-​servizz tiegħu. Alla tagħna jqawwina permezz tal-​Bibbja, l-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art, u Kristjani sħabna li huma maturi. Xi drabi jħarriġna permezz tad-​dixxiplina. (Lhud 12:6) Drabi oħra għandu mnejn jippermetti li jiġu fuqna diversi provi u tbatijiet sabiex inkunu nistgħu niżviluppaw fina s-​sabar. (Ġakbu 1:​2-4) U hu jipprovdi s-​saħħa meħtieġa. Il-​profeta Isaija jgħid: “Dawk li jittamaw fil-​Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-​ġwienaħ bħall-​ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.”—Isaija 40:31.

Fuq kollox, Alla jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu b’mod abbundanti biex b’hekk nissaħħu ħalli nkomplu nagħtuh servizz aċċettabbli. (Luqa 11:13) F’ħafna każi l-​qaddejja t’Alla ssaportew provi taʼ fidi ħorox u fit-​tul. Dawn kienu rġiel u nisa ordinarji bħal kwalunkwe wieħed u waħda minna. Imma l-​fatt li kienu jistrieħu kompletament fuq Alla għenhom jissaportu. Tabilħaqq, “il-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.”—2 Korintin 4:7.

Dak li Jħarriġna b’Mogħdrija

Parti mix-​xogħol li kien jagħmel dak li kien iħarreġ lill-​atleti tal-​qedem kien li “jiddeċiedi l-​għamla u l-​għadd t’eżerċizzji li kienu meħtieġa mill-​atleta individwali u l-​isport partikulari,” jinnota wieħed studjuż. Waqt it-​taħriġ tagħna, Alla jqis iċ-​ċirkustanzi, l-​abbiltajiet, il-​formazzjoni, u l-​limitazzjonijiet individwali tagħna. Taʼ spiss matul it-​taħriġ li nirċievu mingħand Jehovah, aħna nitolbuh bħalma għamel Ġob: “Ftakar li għamiltni bħal mit-​tafal.” (Ġob 10:9) Kif jirreaġixxi dak li jħarriġna b’mogħdrija? David kiteb dwar Jehovah: “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:14.

Forsi għandek problema serja taʼ saħħa li tillimitak f’dak li tistaʼ tagħmel fil-​ministeru, jew forsi qed tissielet man-​nuqqas taʼ stima għalik innifsek. Għandu mnejn qed tistinka biex taqtaʼ xi vizzju, jew forsi qed tħoss li ma tistax tirbaħ il-​pressjoni mill-​ġirien, minn sħabek fuq ix-​xogħol jew fl-​iskola. Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tiegħek, qatt tinsa li Jehovah jifhem il-​problemi tiegħek iktar minn kwalunkwe persuna oħra—inkluż int stess! Bħala l-​wieħed li jieħu interess fit-​taħriġ li jagħtik, hu dejjem lest biex jgħinek jekk tersaq qrib tiegħu.—Ġakbu 4:8.

Dawk li kienu jħarrġu lill-​atleti fil-​qedem “setgħu jindunaw jekk l-​għeja jew id-​dgħjufija kinux ġejjin mill-​eżerċizzji nfushom jew minn xi raġunijiet psikoloġiċi oħrajn, burdata ħażina, dipressjoni u affarijiet bħal dawn. . . . L-​awtorità taʼ [dawk li kienu jħarrġu lill-​atleti] tant kienet mifruxa li saħansitra kienu joqogħdu attenti għall-​ħajja privata taʼ l-​atleti u kienu jindaħlu fejn kienu jaħsbu li hemm il-​bżonn.”

Kultant, tħossok int għajjien jew dgħajjef minħabba l-​pressjonijiet u t-​tentazzjonijiet li ma jaqtgħu xejn taʼ din id-​dinja? Bħala dak li jħarrġek, Jehovah jinteressah ħafna fik. (1 Pietru 5:7) Hu malajr jintebaħ b’xi sinjal taʼ dgħjufija jew għeja spiritwali li jkollok. Għalkemm Jehovah jirrispetta r-​rieda u l-​libertà tagħna f’dik li hi għażla persunali, hu jipprovdi għajnuna abbundanti u korrezzjoni meta jkun hemm bżonn għax hu konċernat dwar il-​benesseri etern tagħna. (Isaija 30:21) Kif? Permezz tal-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, l-​anzjani spiritwali fil-​kongregazzjoni, u l-​fratellanza maħbuba tagħna.

Kontroll Fuqna Nfusna f’Kollox

M’għandniex xi ngħidu, li jkollu wieħed tajjeb biex iħarrġu ma kienx biżżejjed biex atleta jirnexxi. Ħafna kien jiddependi mill-​atleta nnifsu u minn kemm kien lest li jiddedika lilu nnifsu għal taħriġ iebes. Il-​kors kien aħrax, peress li t-​taħriġ kien jinkludi astinenza u dieta stretta. Orazju, poeta taʼ l-​ewwel seklu Q.E.K., qal li l-​kontestanti “kienu jżommu ’l bogħod min-​nisa u l-​inbid” biex “jilħqu l-​mira tant mixtieqa.” U skond l-​istudjuż tal-​Bibbja F. C. Cook, il-​parteċipanti fil-​logħob kellhom iżommu kontroll fuqhom infushom u dieta bilanċjata għal għaxar xhur.

Pawlu uża din it-​tixbiha meta kiteb lill-​Kristjani f’Korintu, belt familjari ħafna mal-​Logħob Istmiku li kien isir qrib tagħha: “Kull atleta jiċċaħħad minn kollox.” (1 Korintin 9:25) Il-​Kristjani veri jevitaw l-​istili taʼ ħajja materjalistiċi, immorali, u mniġġsin tad-​dinja. (Efesin 5:​3-5; 1 Ġwann 2:​15-17) Tendenzi ħżiena li jmorru kontra l-​Iskrittura jridu wkoll jitneħħew u minflokhom nilbsu kwalitajiet bħal taʼ Kristu.—Kolossin 3:​9, 10, 12.

Dan kif jistaʼ jsir? L-​ewwelnett, innota ttweġiba taʼ Pawlu permezz taʼ tixbiha qawwija: “Ngħakkes bl-​aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.”—1 Korintin 9:27.

Kemm għamel punt qawwi hawn Pawlu! Hu ma kienx qed jirrikkmanda tgħakkis fiżiku. Minflok, ammetta li hu stess kellu taqtigħa interna. Xi drabi, hu għamel l-​affarijiet li ma xtaqx jagħmel u m’għamilx l-​affarijiet li xtaq jagħmel. Imma kien jiġġieled biex qatt ma jħalli d-​dgħjufijiet tiegħu jirbħuh. Hu ‘għakkes lil ġismu’ billi rażżan ix-​xewqat u t-​tendenzi fiżiċi b’kemm kellu saħħa.—Rumani 7:​21-25.

Il-Kristjani kollha jeħtiġilhom jagħmlu l-​istess. Pawlu semma l-​bidliet li għamlu xi wħud f’Korintu li qabel kienu jieħdu sehem fil-​fornikazzjoni, l-​idolatrija, l-​omosesswalità, is-​serq, u affarijiet bħal dawn. X’għenhom jinbidlu? Il-​qawwa tal-​Kelma t’Alla u taʼ l-​ispirtu qaddis flimkien mad-​determinazzjoni tagħhom li jgħixu fi qbil magħha. “Imma issa tnaddaftu,” qal Pawlu, “tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-​isem taʼ Sidna Ġesù Kristu u fl-​Ispirtu taʼ Alla tagħna.” (1 Korintin 6:​9-11) Pietru kiteb kliem simili dwar dawk li kienu telqu dawn il-​vizzji ħżiena. Bħala Kristjani, kollha kienu għamlu bidliet kbar.—1 Pietru 4:​3, 4.

Sforzi Immirati Sew

Pawlu wera kemm żamm moħħu hemm u baqaʼ ffokat waqt li segwa miri spiritwali meta qal: “Ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-​vojt.” (1 Korintin 9:26) Kompetitur kif kellu jagħti d-​daqqiet jew jagħmel l-​attakki tiegħu? Il-​ktieb The Life of the Greeks and Romans iwieġeb: “Ma kinitx meħtieġa biss saħħa biex wieħed jattakka, imma wkoll osservazzjoni tajba biex jinstabu l-​punti debboli taʼ l-​avversarju. Xejn inqas bżonnjużi kienu ċerti daqqiet bis-​sengħa li kien jitgħallem fl-​iskejjel tal-​lotta, u l-​ħeffa biex jegħleb lill-​avversarju.”

Il-ġisem imperfett tagħna huwa wieħed mill-​avversarji tagħna. Identifikajniehom aħna “l-​punti debboli” tagħna? Lesti aħna li naraw lilna nfusna kif jarawna l-​oħrajn—speċjalment kif jistaʼ jarana Satana? Dan jirrikjedi eżami u stima onesta tagħna nfusna u li nkunu lesti li nagħmlu xi bidliet. Faċli li nqarrqu bina nfusna. (Ġakbu 1:22) Kemm hu faċli li niskużaw lilna nfusna meta naqbdu triq li ma tkunx għaqlija! (1 Samwel 15:​13-15, 20, 21) Dan hu daqslikieku nkunu qed ‘nagħtu fil-​vojt.’

F’dawn l-​aħħar jiem, dawk li jridu jogħġbu lil Jehovah u jiksbu l-​ħajja ma jistgħux joqogħdu jaħsbuha biex jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, bejn il-​kongregazzjoni t’Alla u d-​dinja korrotta. Ma jridux ikunu bejn ħalltejn, ‘mifxulin fihom infushom, u m’humiex żguri mit-​triq li jagħżlu.’ (Ġakbu 1:8) M’għandhomx jaħlu l-​isforzi tagħhom f’affarijiet bla siwi. Meta bniedem isegwi din it-​triq b’sinċerità u b’moħħu hemm, hu se jkun hieni u ‘kulħadd jarah miexi ’l quddiem.’—1 Timotju 4:15.

Iva, it-​tiġrija Kristjana tkompli. B’imħabba, Jehovah​—il-​Wieħed Grandjuż li Jħarriġna—jipprovdi l-​istruzzjoni u l-​għajnuna meħtieġa biex nissaportu u niksbu rebħa aħħarija. (Isaija 48:17) Fil-​ġlieda tagħna għall-​fidi, għandna bżonn niddixxiplinaw u nrażżnu lilna nfusna u nibqgħu ffokati fuq il-​mira bħall-​atleti tal-​qedem. L-​isforzi tagħna se jkunu premjati bil-​kbir jekk nimmirawhom sew.—Lhud 11:6.

[Kaxxa f’paġna 31]

‘Idilkuh biż-​Żejt’

Parti mit-​taħriġ atletiku fil-​Greċja tal-​qedem kien isir minn bniedem li xogħlu kien li jidlek biż-​żejt lill-​irġiel li kienu se jibdew jagħmlu xi tip t’eżerċizzju. Dawk li jħarrġu lill-​atleti “nnotaw li jekk il-​muskoli kienu jiġu massaġġjati minn bniedem tas-​sengħa qabel it-​taħriġ, dan kien ikollu effett tajjeb. Ukoll, massaġġi ġentili u bl-​attenzjoni kienu jgħinu lill-​atleta jirrilassa u jiġi f’tiegħu wara li jkun temm sessjoni twila taʼ taħriġ,” josserva The Olympic Games in Ancient Greece.

Bħalma d-​dlik taʼ żejt letterali fuq il-​ġisem jistaʼ jkun taʼ terapija, u jġib is-​serħan u l-​fejqan, l-​applikar tal-​Kelma t’Alla fuq “atleta” Kristjan li jħossu għajjien jistaʼ jikkoreġih, ifarrġu, u jfejqu. B’hekk, bil-​gwida taʼ Jehovah, l-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni jiġu mwissijin biex jitolbu maʼ bniedem bħal dan, u b’mod figurattiv “jidilkuh biż-​żejt f’isem il-​Mulej,” pass essenzjali li jġib fejqan spiritwali.—Ġakbu 5:​13-15; Salm 141:​5, Saydon.

[Stampa f’paġna 31]

Wara sagrifiċċju, l-​atleti ħalfu li kienu tħarrġu għal għaxar xhur sħaħ

[sors]

Musée du Louvre, Pariġi

[Sors tal-Istampa f’paġna 29]

Copyright British Museum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja