Minkejja l-Provi, Iggranfa mal-Fidi Tiegħek!
“Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib.”—ĠAKBU 1:2.
1. In-nies taʼ Jehovah jaqduh bil-fidi u “bil-ferħ u l-qalb it-tajba” minkejja xiex?
IN-NIES taʼ Jehovah jaqduh bħala x-Xhieda tiegħu b’fidi fih u “bil-ferħ u l-qalb it-tajba.” (Dewteronomju 28:47; Isaija 43:10) Dan jagħmluh għalkemm ikunu għaddejjin minn ħafna provi. Minkejja t-tbatijiet tagħhom, huma jiksbu faraġ fil-kliem: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.”—Ġakbu 1:2, 3.
2. X’inhu magħruf dwar il-kittieb taʼ l-ittra taʼ Ġakbu?
2 Dik l-istqarrija nkitbet madwar is-sena 62 E.K. mid-dixxiplu Ġakbu, ħu Ġesù Kristu mill-omm. (Mark 6:3) Ġakbu kien anzjan fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. Fil-fatt, hu, Kefa (Pietru), u Ġwanni “kienu meqjusin bħala l-kolonni”—sisien sodi u b’saħħithom tal-kongregazzjoni. (Galatin 2:9) Meta l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni ġiet ippreżentata lill-“appostli u l-presbiteri” madwar is-sena 49 E.K., Ġakbu għamel proposta bbażata fuq l-Iskrittura u din ġiet adottata minn dik il-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu.—Atti 15:6-29.
3. X’kienu xi problemi li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ffaċċjaw, u kif nistgħu nieħdu l-benefiċċju massimu mill-ittra taʼ Ġakbu?
3 Ġakbu, bħala ragħaj spiritwali li kien jimpurtah minn ħutu, ‘għarafhom sewwa lin-nagħaġ.’ (Proverbji 27:23) Hu rrealizza li dak in-nhar il-Kristjani kienu qed jiffaċċjaw provi qliel. Xi wħud kellhom bżonn ibiddlu mill-ġdid il-ħsieb tagħhom, peress li kienu qed jagħmlu preferenzi maʼ l-għonja. Għal xi wħud minnhom, il-qima kienet sempliċement formalità. Xi wħud kienu qed jagħmlu l-ħsara bl-ilsien twil tagħhom. Spirtu dinji kien qed iħalli effetti taʼ ħsara, u ħafna la kienu paċenzjużi u lanqas kienu jitolbu. Fil-fatt ċerti Kristjani kienu mardu spiritwalment. L-ittra taʼ Ġakbu tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’manjiera edifikanti, u l-pariri tiegħu huma prattiċi llum daqs kemm kienu fl-ewwel seklu E.K. Nibbenefikaw bil-kbir jekk inqisu din l-ittra bħala li nkitbet għalina personalment.a
Meta Nġarrbu Xi Provi
4. Kif għandna nqisuhom il-provi?
4 Ġakbu jurina kif għandna nqisuhom il-provi. (Ġakbu 1:1-4) Fil-waqt li ma jsemmix il-fatt li jiġi mill-Iben t’Alla, hu b’umiltà jsejjaħ lilu nnifsu “qaddej taʼ Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu.” Ġakbu jikteb “lit-tnax-il tribù” taʼ Iżrael spiritwali “mxerrda” fil-bidu minħabba l-persekuzzjoni. (Atti 8:1; 11:19; Galatin 6:16; 1 Pietru 1:1) Bħala Kristjani, aħna wkoll niġu ppersegwitati, u nħabbtu wiċċna “maʼ kull xorta taʼ tiġrib.” Imma jekk niftakru li meta nissaportu l-provi l-fidi tagħna tissaħħaħ, se ‘ngħoddu kollox b’ferħ’ meta dawn jiġu fuqna. Jekk inżommu l-integrità tagħna lejn Alla meta nġarrbu xi provi, dan se jġibilna ferħ dejjiemi.
5. Il-provi tagħna x’jistgħu jinkludu, u x’jiġri meta jirnexxilna nissaportuhom?
5 Il-provi tagħna jinkludu l-iżventuri li jiġu fuq kulħadd. Per eżempju, il-mard għandu mnejn jgħakkisna. Alla m’huwiex qed iwettaq fejqan mirakoluż f’dan iż-żmien, imma jwieġeb it-talb tagħna għall-għerf u l-qawwa meħtieġa biex niffaċċjaw il-marda. (Salm 41:2-4 [Salm 41:1-3, New World Translation]) Aħna nsofru wkoll minħabba t-tjieba bħala Xhieda ppersegwitati taʼ Jehovah. (2 Timotju 3:12; 1 Pietru 3:14) Meta jirnexxilna nissaportu provi bħal dawn, il-fidi tagħna tkun ittestjata u ‘mġarrba.’ U meta tittrijonfa l-fidi tagħna, dan “inissel is-sabar.” Fidi msaħħa mill-provi mbagħad se tgħinna nissaportu tiġrib ieħor.
6. Kif inhu li ‘s-sabar ikollu l-milja tiegħu fina,’ u liema passi prattiċi jistgħu jittieħdu meta nkunu għaddejjin minn xi prova?
6 Ġakbu jgħid: “Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom.” Jekk nissaportu xi prova mingħajr ma nipprovaw intemmuha malajr permezz taʼ xi mezzi mhux Skritturali, is-sabar se jwettaq il-“milja” tiegħu billi jagħmilna sħaħ bħala Kristjani, mhux neqsin mill-fidi. M’għandniex xi ngħidu, jekk prova tikxef xi dgħjufija, għandna nfittxu l-għajnuna taʼ Jehovah biex din negħlbuha. Xi ngħidu jekk il-prova hi t-tentazzjoni li nieħdu sehem f’immoralità sesswali? Ejjew nitolbu dwar dik il-problema u mbagħad naġixxu fi qbil mat-talb tagħna. Forsi jkollna nbiddlu l-impjieg tagħna jew nieħdu xi passi oħra biex inżommu l-integrità tagħna lejn Alla.—Ġenesi 39:7-9; 1 Korintin 10:13.
It-Tfittxija Għall-Għerf
7. Kif nistgħu niġu megħjunin inkampaw mal-provi?
7 Ġakbu jurina x’għandna nagħmlu jekk ma nkunux nafu kif inkampaw maʼ xi prova. (Ġakbu 1:5-8) Jehovah ma jċanfarniex jekk jonqosna l-għerf u nitolbu għalih bil-fidi. Hu jgħinna nħarsu kif jixraq lejn il-prova u nissaportuha. Għandu mnejn tinġibed l-attenzjoni tagħna lejn xi skritturi minn xi adoraturi sħabna jew matul xi studju tal-Bibbja. Il-mod kif Alla jimmanuvra l-affarijiet jistaʼ jgħinna naraw x’għandna nagħmlu. Nistgħu niġu ggwidati mill-ispirtu t’Alla. (Luqa 11:13) Biex ingawdu dawn il-benefiċċji, m’għandniex xi ngħidu, irridu nżommu qrib t’Alla u tal-poplu tiegħu.—Proverbji 18:1.
8. Wieħed li jiddubita kif ma se jirċievi xejn mingħand Jehovah?
8 Jehovah jagħtina l-għerf biex inkampaw mal-provi jekk ‘nitolbu bil-fidi, bla ma nitħassbu xejn.’ Min jiddubita “jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ” u ma tistax tiħodlu kopja. Jekk inkunu daqshekk spiritwalment instabbli, ‘m’għandniex nistennew li se naqilgħu xi ħaġa mingħand il-Mulej.’ Ejjew ma nkunux ‘mifxulin fina nfusna’ u ‘mhux żguri’ dwar dak li nitolbu jew dwar affarijiet oħrajn. Minflok, ejjew nuru fidi f’Jehovah, is-Sors taʼ l-għerf.—Proverbji 3:5, 6.
Għonja u Fqar Jistgħu Jifirħu
9. Għala għandna raġuni għall-ferħ bħala adoraturi taʼ Jehovah?
9 Anki jekk il-faqar hu waħda mill-provi tagħna, ejjew inżommu f’moħħna li l-Kristjani kollha, għonja jew foqra, jistgħu jifirħu. (Ġakbu 1:9-11) Qabel ma saru segwaċi taʼ Ġesù, il-biċċa l-kbira mill-midlukin ma kinux sinjuri u kienu mistmerra mid-dinja. (1 Korintin 1:26) Imma huma setgħu jifirħu minħabba ‘li Alla għolliehom’ għall-pożizzjoni taʼ werrieta tas-Saltna. (Rumani 8:16, 17) Mill-banda l-oħra, nies għonja li darba kienu onorati jġarrbu l-“umiljazzjoni” bħala segwaċi taʼ Kristu minħabba li huma mistmerra mid-dinja. (Ġwann 7:47-52; 12:42, 43) Bħala qaddejja taʼ Jehovah, madankollu, ilkoll kemm aħna nistgħu nifirħu għaliex għana materjali u pożizzjoni għolja ma jiswew xejn meta tqabbilhom maʼ l-għana spiritwali li ngawdu. U kemm aħna grati li fostna m’hemm ebda post għal kburija fejn tidħol qagħda soċjali!—Proverbji 10:22; Atti 10:34, 35.
10. Kristjan kif għandu jħares lejn il-ġid materjali?
10 Ġakbu jgħinna naraw li ħajjitna ma tiddependix mill-ġid u l-kisbiet materjali. Bħalma l-ġmiel taʼ fjura ma jistax iżommha milli tmut ‘fis-sħana tax-xemx tisreġ,’ hekk ukoll l-għana taʼ wieħed sinjur ma jistax itawwallu ħajtu. (Salm 49:7-10 [Salm 49:6-9, NW]; Mattew 6:27) Għandu mnejn imut waqt li jkun qed jiġri wara xi ħaġa li ‘jmidd għonqu għaliha,’ forsi fin-negozju. Għaldaqstant, l-iktar ħaġa importanti hi li ‘nistagħnew quddiem Alla’ u li nagħmlu kulma nistgħu biex inġibu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna.—Luqa 12:13-21; Mattew 6:33; 1 Timotju 6:17-19.
Henjin Dawk Li Jissaportu L-Provi
11. Xi prospetti għandhom dawk li jiggranfaw mal-fidi tagħhom minkejja l-provi?
11 Għonja jew foqra, nistgħu nkunu henjin biss jekk il-provi tagħna nissaportuhom. (Ġakbu 1:12-15) Jekk nissaportu l-provi b’fidi bla mittiefsa, nistgħu niġu ddikjarati henjin, għax hemm ferħ f’li nagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla. Billi jiggranfaw mal-fidi tagħhom sal-mewt, Kristjani mnisslin bl-ispirtu jirċievu “l-kuruna tal-ħajja,” immortalità fis-smewwiet. (Apokalissi 2:10; 1 Korintin 15:50) Jekk nittamaw li ngħixu fuq l-art u nżommu l-fidi tagħna f’Alla, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Luqa 23:43; Rumani 6:23) Kemm hu twajjeb Jehovah lejn dawk kollha li jeżerċitaw fidi fih!
12. Meta nġarrbu xi żventura, għala m’għandniex ngħidu: “Alla qiegħed iġarrabni”?
12 Huwa possibbli li Jehovah nnifsu jipprovana billi jibagħtilna xi żventura? Le, m’għandniex ngħidu: “Alla qiegħed iġarrabni.” Jehovah mhux qed jipprova jħajjarna nidinbu imma żgur li jgħinna u jagħtina l-qawwa meħtieġa biex nissaportu l-provi jekk nibqgħu sodi fil-fidi. (Filippin 4:13) Alla hu qaddis, u għalhekk ma jpoġġiniex f’ċirkostanzi li jdgħajfu r-reżistenza tagħna għal dak li hu ħażin. Jekk nidħlu f’sitwazzjoni mhux qaddisa u nikkommettu xi dnub, m’għandniex inwaħħlu fih, “għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” Għalkemm Jehovah forsi jippermetti xi prova biex jiddixxiplinana għall-ġid tagħna, hu ma jipprovaniex bi skop ħażin. (Lhud 12:7-11) Satana għandu mnejn jittantana biex nagħmlu l-ħażen, imma Alla jistaʼ jeħlisna minn dak il-wieħed ħażin.—Mattew 6:13.
13. X’jistaʼ jiġri jekk xewqa ħażina ma nwarrbuhiex malajr?
13 Għandna bżonn nitolbu dejjem għaliex xi sitwazzjoni għandha mnejn twassal għal xewqa ħażina li tistaʼ tħajjarna nidinbu. Ġakbu jgħid: “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.” Ma nistgħux inwaħħlu f’Alla għad-dnub tagħna jekk inkunu ħallejna ’l qalbna tberren fuq xi xewqa ħażina. Jekk ix-xewqa ħażina ma nwarrbuhiex malajr, din ‘titnissel,’ tikber fil-qalb, u “tiled id-dnub.” Meta jsir id-dnub, dan “iġib il-mewt.” M’għandniex xi ngħidu, irridu ngħassu ’l qlubna u nirreżistu inklinazzjonijiet midinba. (Proverbji 4:23) Kajjin ġie mwissi li d-dnub kien se jegħlbu, imma hu ma rreżistiex. (Ġenesi 4:4-8) Mela, allura, xi ngħidu jekk inkunu bdejna nsusu wara korsa mhix skritturali? Żgur li għandna nkunu grati jekk l-anzjani Kristjani jipprovaw jikkorreġuna biex ma nidinbux kontra Alla.—Galatin 6:1.
Alla—Is-Sors Taʼ Kull Ħaġa Tajba
14. F’liema sens jistaʼ jingħad li l-għotjiet t’Alla huma ‘perfetti’?
14 Irridu niftakru li Jehovah hu s-Sors, mhux tal-provi, imma t’affarijiet tajbin. (Ġakbu 1:16-18) Ġakbu jindirizza lill-adoraturi sħabu bħala “aħwa għeżież” u juri li Alla hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” L-għotjiet spiritwali u materjali taʼ Jehovah huma ‘perfetti,’ jew sħaħ, ma jonqoshom xejn. Dawn jiġu “mis-sema,” mill-post fejn jgħammar Alla fis-smewwiet. (1 Slaten 8:39) Jehovah hu “l-Missier, l-għajn tad-dawl [“dwal ċelestjali,” NW]”—ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb. Hu jagħtina wkoll dawl spiritwali u verità. (Salm 43:3; Ġeremija 31:35; 2 Korintin 4:6) Kuntrarju għax-xemx li tbiddel id-dellijiet hekk kif titħarrek u tkun fl-aqwa tagħha biss f’nofs in-nhar, Alla dejjem fl-aqwa tiegħu biex jipprovdi dak li hu tajjeb. Hu żgur li jagħtina dak li għandna bżonn biex niffaċċjaw il-provi jekk napprofittaw ruħna mill-provvedimenti spiritwali tiegħu provduti permezz tal-Kelma tiegħu u tal-“qaddej fidil u għaqli.”—Mattew 24:45.
15. Liema hi waħda mill-aqwa għotjiet taʼ Jehovah?
15 Liema kienet waħda mill-aqwa għotjiet t’Alla? It-tnissil taʼ wlied spiritwali bi spirtu qaddis, li ħadem flimkien maʼ l-aħbar tajba, jew il-“kelma tal-verità.” Dawk li jġarrbu twelid spiritwali huma “ċertu l-ewwel frott” (NW), magħżulin minn fost il-bnedmin biex ikunu “Saltna u Qassisin” fis-sema. (Apokalissi 5:10; Efesin 1:13, 14) Ġakbu għandu mnejn kellu f’moħħu l-ewwel frott tax-xgħir offrut fis-16 taʼ Nisan, li kienet id-data meta Ġesù ġie rxoxtat, u l-offerta taʼ żewġ ħobżiet tal-qamħ f’jum Pentekoste, meta tferraʼ l-ispirtu qaddis. (Levitiku 23:4-11, 15-17) F’dak il-każ, Ġesù jkun l-ewwel frott u l-werrieta sħabu “ċertu l-ewwel frott.” Xi ngħidu jekk għandna tama għall-art? Sewwa, li nżommu dan f’moħħna se jgħinna niggranfaw mal-fidi tagħna fid-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba,” li għamilha possibbli li niksbu l-ħajja taʼ dejjem taħt il-ħakma tas-Saltna.
Kun Wieħed Minn “Dawk Li Jagħmlu L-Kelma”
16. Għala għandna nkunu ‘ħfief biex nisimgħu imma tqal biex nitkellmu u biex ninkorlaw’?
16 Kemm jekk qegħdin inġarrbu provi tal-fidi tagħna issa stess u kemm jekk le, irridu nkunu “dawk li jagħmlu l-kelma.” (Ġakbu 1:19-25) Irridu nkunu ‘ħfief biex nisimgħu’ l-kelma t’Alla, billi nkunu ubbidjenti f’li nagħmluha. (Ġwann 8:47) Mill-banda l-oħra, ejjew inkunu ‘tqal biex nitkellmu,’ billi niżnu kliemna bir-reqqa. (Proverbji 15:28; 16:23) Ġakbu għandu mnejn qed iħeġġiġna biex ma nkunux ħfief biex ngħidu li l-provi tagħna ġejjin mingħand Alla. Niġu mwissijin ukoll biex inkunu ‘tqal biex ninkorlaw; għax bniedem inkorlat ma jagħmilx il-ġustizzja t’Alla.’ Jekk xi ħadd jgħidilna xi ħaġa li tirrabjana, ejjew inżommu lura sabiex ma nwiġbux b’mod vendikattiv. (Efesin 4:26, 27) Spirtu taʼ korla li jistaʼ joħloqilna l-problemi u jsir taʼ prova għal oħrajn ma jistax jipproduċi dak li teħtieġ minna l-fidi f’Alla tagħna taʼ tjieba. Barra minn dan, jekk aħna ‘nimxu b’għaqal kbir,’ se nkunu ‘tqal biex ninkorlaw,’ u ħutna rġiel u nisa se jinġibdu lejna.—Proverbji 14:29.
17. X’jitwettaq bit-tneħħija tal-ħażen mill-qalb u mill-moħħ?
17 Żgur li għandna bżonn inkunu ħielsa minn “kull ma hu mniġġes”—dak kollu li Alla jistmerru u li jqanqal il-korla. Iktar minn hekk, irridu ‘nneħħu kull fdal taʼ ħażen.’ Ilkoll kemm aħna għandna neliminaw minn ħajjitna kwalunkwe nuqqas taʼ ndafa fil-laħam u fl-ispirtu. (2 Korintin 7:1; 1 Pietru 1:14-16; 1 Ġwann 1:9) It-tneħħija tal-ħażen minn qalbna u minn moħħna għenitna biex ‘nilqgħu bil-ħlewwa l-kelma tal-verità mħawla fina.’ (Atti 17:11, 12) Ilna kemm ilna Kristjani, irridu nibqgħu nħallu iktar verità Skritturali titħawwel fina. Għala? Għax bl-ispirtu t’Alla, il-kelma mħawla tipproduċi “l-bniedem il-ġdid” li jasal għas-salvazzjoni.—Efesin 4:20-24.
18. Wieħed li hu biss semmiegħ tal-kelma kif inhu differenti minn dak li l-kelma jagħmilha wkoll?
18 Kif nuru li l-kelma hi l-gwida tagħna? Billi nkunu ubbidjenti biex ‘nagħmlu l-kelma, u mhux nisimgħuha biss.’ (Luqa 11:28) “Dawk li jagħmlu l-kelma” għandhom fidi li tipproduċi xogħlijiet bħalma huma attività żeluża fil-ministeru Kristjan u parteċipazzjoni regulari fil-laqgħat tal-poplu t’Alla. (Rumani 10:14, 15; Lhud 10:24, 25) Wieħed li hu sempliċi semmiegħ tal-kelma “[j]kun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled.” Hu jagħti titwila, imbagħad jitlaq u jinsa dwar x’kien forsi meħtieġ biex jirranġa d-dehra tiegħu. Bħala “dawk li jagħmlu l-kelma,” aħna nistudjaw bir-reqqa u nobdu “l-liġi perfetta” t’Alla, li tkopri dak kollu li hu jitlob minna. Il-ħelsien li b’hekk ingawdu hu preċiż l-oppost tal-jasar għad-dnub u l-mewt, għax dan iwassal għall-ħajja. Mela ejjew ‘inżommu sħiħ mal-liġi perfetta,’ billi kontinwament ngħarbluha u nobduha. U aħseb ftit! Bħala ‘dawk li jagħmlu x-xogħol, u mhux semmiegħa li jinsew,’ aħna għandna l-ferħ li jiġi mill-favur t’Alla.—Salm 19:8-12 [Salm 19:7-11, NW].
Bil-Wisq Iżjed Minn Adoraturi Formali
19, 20. (a) Skond Ġakbu 1:26, 27, il-qima safja x’tirrikjedi minna? (b) Liema huma xi eżempji taʼ qima bla tinġis?
19 Jekk irridu ngawdu favur divin, irridu niftakru li l-qima vera m’hijiex sempliċement formalità. (Ġakbu 1:26, 27) Aħna forsi naħsbu li aħna aċċettati bħala adoraturi ‘tajbin’ taʼ Jehovah, imma hi l-istima tiegħu dwar kull wieħed minna li verament tgħodd. (1 Korintin 4:4) Difett serju wieħed jistaʼ jkun li nonqsu li ‘nrażżnu lsienna.’ Inkunu qed nitqarrqu jekk naħsbu li Alla kuntent bil-qima tagħna jekk aħna nimmalafamaw lil oħrajn, nigdbu, jew nużaw ilsienna ħażin b’modi oħrajn. (Levitiku 19:16; Efesin 4:25) Żgur li ma rridux li “t-tjieba [“forma taʼ qima,” NW]” tagħna tkun “fiergħa” u mhix aċċettata minn Alla għal xi raġuni jew oħra.
20 Għalkemm Ġakbu ma jsemmix kull aspett tal-qima safja, hu jgħid li din tinkludi li “żżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom.” (Galatin 2:10; 6:10; 1 Ġwann 3:18) Il-kongregazzjoni Kristjana tieħu interess speċjali biex tipprovdi għar-romol. (Atti 6:1-6; 1 Timotju 5:8-10) Ladarba Alla huwa l-Protettur taʼ l-armla u taʼ l-iltim, ejjew nikkoperaw Miegħu billi nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinuhom spiritwalment u materjalment. (Dewteronomju 10:17, 18) Qima safja tfisser ukoll li “żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja,” is-soċjetà umana bla tjieba li qiegħda taħt il-poter taʼ Satana. (Ġwann 17:16; 1 Ġwann 5:19) Għalhekk, ħalli nibqgħu ħelsin mill-kondotta taʼ mingħajr Alla li għandha d-dinja biex b’hekk inkunu nistgħu nigglorifikaw lil Jehovah u nintużaw fis-servizz tiegħu.—2 Timotju 2:20-22.
21. F’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-ittra taʼ Ġakbu, liema mistoqsijiet oħrajn jistħoqqilhom li nikkunsidrawhom?
21 Il-pariri taʼ Ġakbu li kkunsidrajna s’issa għandhom jgħinuna nissaportu l-provi u niggranfaw mal-fidi tagħna. Dan għandu jkabbar l-apprezzament tagħna għad-Donatur t’għotjiet tajbin, mimli mħabba. U kliem Ġakbu jgħinna nipprattikaw qima safja. Lejn xiex iktar jiġbdilna l-attenzjoni tagħna? Liema passi oħrajn nistgħu nieħdu biex nagħtu prova li għandna fidi vera f’Jehovah?
(w97 11/15)
[Nota taʼ taħt]
a Fl-istudju persunali jew mal-familja taʼ dan l-artiklu u t-tnejn li jsegwuh, ikun taʼ benefiċċju jekk taqra kull silta ċitata mill-ittra taʼ Ġakbu li ssaħħaħ il-fidi.
Kif Twieġeb Int?
◻ X’se jgħinna nissaportu l-provi?
◻ Minkejja l-provi, il-Kristjani għala jistgħu jifirħu?
◻ Kif nistgħu nkunu dawk li jagħmlu l-kelma?
◻ X’tinvolvi l-qima safja?
[Stampi f’paġna 7]
“Dawk li jagħmlu l-kelma,” qegħdin jipproklamaw is-Saltna t’Alla mad-dinja kollha