Kif Tistaʼ Ssib l-Imħabba Vera
X’tistaʼ tagħmel biex issib l-imħabba u ssir persuna iktar taʼ min iħobbok, u mhux biss fis-sens romantiku? Trid issir sinjur? Ittejjeb l-apparenza fiżika tiegħek?
IMQARRQIN mill-irreklamar u influwenzati mill-mezzi tax-xandir, kemm l-irġiel u kemm in-nisa ħafna drabi jduru għal dawn il-miri bħala s-soluzzjonijiet. M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa naturali kif ukoll xierqa li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna, imma s-sbuħija—li anki fl-aħjar tagħha hija biss temporanja—m’hijiex il-ħaġa li żżomm tnejn min-nies flimkien għal dejjem. U lanqas l-għana. Dak li jgħin hu li turi mħabba mhix egoistika lil oħrajn. “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom,” għallem Ġesù. (Luqa 6:38) Fi kliem sempliċi, jekk trid tkun maħbub, uri l-imħabba.
Kif nistgħu nagħmlu dan? L-appostlu Pawlu jwieġeb dawn il-mistoqsijiet meta kiteb permezz tal-gwida taʼ l-ispirtu t’Alla. Hu qal li l-imħabba hija attiva, u li ma tintgħarafx mill-emozzjonijiet, imma primarjament minn dak li tagħmel għal oħrajn u minn dak li ma tagħmilx. Innota l-kliem taʼ Pawlu: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Ma tithenniex bl-inġustizzja, imma tithenna bil-verità. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.”—1 Korintin 13:4-7.
Kif tħossok jekk xi ħadd juri qalb tajba miegħek jew jaċċettak minkejja l-affarijiet żgħar li għandek mnejn tgħid jew tagħmel li forsi jirritawh? Ma tinġibidx int lejn dawk li huma sinċerament konċernati dwarek, li ma jirrabjawx malajr, u li jaħfru u jgħidu l-verità anki meta l-maħfra u l-onestà huma diffiċli?
Għalhekk, ittratta lil ħaddieħor b’dan il-mod. Ġesù qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) M’huwiex dejjem faċli turi l-imħabba, imma kwalunkwe sforz li tagħmel biex turiha huwa siewi. Benefiċċju wieħed huwa li se tkun iktar maħbub mill-familja, mill-ħbieb, mis-sieħeb jew mis-sieħba tiegħek fiż-żwieġ, jew mill-persuna li bi ħsiebek tiżżewweġ. Ukoll, int se tesperjenza l-ferħ li jiġi meta tagħmel dak li hu tajjeb, meta tagħti minnek innifsek għal oħrajn. Iva, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
Tgħallem l-Imħabba mill-Ogħla Awtorità
Ġeħova hu l-Alla taʼ l-imħabba, l-ogħla awtorità dwar dan is-suġġett. (1 Ġwanni 4:8) L-imħabba tiegħu timmotivah jgħallem din il-kwalità lil kulmin jixtieq. Ikkunsidra ftit eżempji taʼ xi prinċipji Bibliċi li jgħinuna nħobbu u nkunu maħbuba.
‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ (Ġakbu 1:19) Stħarriġ li sar fuq 20,000 koppja wera li l-iktar nies ferħanin kienu dawk li l-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ kienu semmiegħa tajba. Komunikazzjoni tajba hija vitali f’relazzjoni. Professoressa tas-soċjoloġija kitbet: “Jekk trid tħossok waħdek f’relazzjoni, kun maʼ xi ħadd li m’għandu ebda idea taʼ dak li int għaddej minnu. Jew agħar minn hekk, kun maʼ xi ħadd li jaf minn xiex għaddej imma li ma jistax jifhem għala n-niket tiegħek huwa xi ħaġa serja.” Hi tkompli tgħid li anki jekk żewġ persuni huma differenti f’diversi affarijiet, “jekk is-sieħeb tiegħek huwa sensittiv għall-mod kif int tqis l-affarijiet u tesperjenza l-ħajja, imbagħad dawk id-differenzi ma jkunux daqshekk importanti.”
“Hemm nuqqas taʼ wisaʼ fl-affezzjoni tenera tagħkom. . . . Wessgħu qalbkom.” (2 Korintin 6:12, 13) Meta nwessgħu qalbna fl-imħabba għal oħrajn aħna stess nibbenefikaw. Pubblikazzjoni mill-Harvard Medical School tgħid: “Għadd kbir taʼ studji juru li dawk li għandhom appoġġ soċjali—jiġifieri, relazzjonijiet sodisfaċenti mal-familja, il-ħbieb, u l-komunità tagħhom—huma ferħanin iktar, għandhom inqas problemi taʼ saħħa, u jgħixu ħajja itwal.”
“Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24, 25) Aħna ninfluwenzaw ruħna minn dawk li nagħmluha magħhom. Jekk tqattaʼ ħin maʼ dawk li juru mħabba Kristjana ġenwina, int se tesperjenza din il-kwalità personalment u se titgħallem kif tistaʼ turiha f’ħajtek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistinkaw biex juru mħabba bħal din bejniethom, u jafu li din hija l-marka li tidentifika d-dixxipli veri taʼ Ġesù. (Ġwanni 13:35) Int mistieden bil-qalb kollha biex tattendi l-laqgħat Kristjani.
Jekk int ma tħossokx maħbub, tħossokx skuraġġit u tiġġudikax lilek innifsek bl-aħrax. Żomm f’moħħok li Ġeħova jara s-sitwazzjoni tiegħek. Tiftakarha lil Lija, li semmejna fl-ewwel artiklu taʼ din is-serje? Ġeħova ta kas is-sitwazzjoni tagħha, u hi saret omm taʼ sitt subien u tifla—barka kbira ħafna għaż-żmien li fih it-tfal tant kienu kunsidrati bħala mezz prezzjuż t’għajnuna! Iktar minn hekk, l-ulied subien kollha taʼ Lija saru missirijiet taʼ xi wħud mit-tribujiet taʼ Iżrael. (Ġenesi 29:30-35; 30:16-21) Min jaf kemm kien taʼ faraġ l-interess kollu mħabba li Alla wera f’Lija!
Fid-dinja l-ġdida li hi mwiegħda fl-Iskrittura, ħadd m’hu se jħossu li m’huwiex maħbub. Minflok, l-imħabba vera se timla s-soċjetà umana. (Isaija 11:9; 1 Ġwanni 4:7-12) Mela minn issa, ejja nuru li rridu nkunu hemm billi nikkultivaw l-imħabba li hi mgħallma fil-Bibbja u li tintwera mill-Awtur tagħha. Iva, il-ferħ veru ssibu mhux biss meta tkun maħbub imma wkoll meta tħobb lil oħrajn bi mħabba li m’hijiex egoistika.—Mattew 5:46-48; 1 Pietru 1:22.
[Kumment f’paġna 8]
“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” —Atti 20:35
[Stampa f’paġna 8]
Jekk trid tkun maħbub, uri l-imħabba