LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 11/15 pp. 7-11
  • Ibqgħu Ibnu lil Xulxin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqgħu Ibnu lil Xulxin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nevitaw Kliem Imħassar
  • Aħdem f’li Tibni lil Oħrajn
  • Ibni b’Mod taʼ Tjieba
  • Anzjani li Jibnu
  • Ngħixu fi Qbil mal-Liġi tal-Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Għidu Dak li “Hu Tajjeb Biex Jibni”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Ġeħova Jinteressah minn Kif Nilbsu u Nidhru
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 11/15 pp. 7-11

Ibqgħu Ibnu lil Xulxin

“Tħallu ebda qawl imħassar joħroġ minn fommkom, imma kull qawl li hu tajjeb biex jibni”.—EFESIN 4:29.

1, 2. (a) Għala jistaʼ verament jingħad li l-​kliem huwa meravilja? (b) Liema attenzjoni hija xierqa rigward kif nużaw ilsienna?

“IL-​KLIEM huwa l-​ħajta maġika li torbot lill-​ħbieb, lill-​familji u lis-​soċjetajiet flimkien . . . Minn ġewwa l-​moħħ uman u l-​kontrazzjonijiet koordinati li jagħmel il-​muskolu [tal-ilsien], aħna nagħmlu ħsejjes li jispiraw l-​imħabba, il-​għira, ir-​rispett—tabilħaqq kwalunkwe emozzjoni umana.”−Hearing, Taste and Smell.

2 Ilsienna huwa iżjed minn organu biex nibilgħu jew intogħmu; huwa parti mill-​abbiltà tagħna biex naqsmu dak li qegħdin naħsbu u nħossu. “L-​ilsien huwa membru ċkejken,” kiteb Ġakbu. “Bih inbierku lil Jehovah, saħansitra l-​Missier, u madankollu bih nisħtu lil bnedmin li bdew jeżistu ‘fix-​xebh t’Alla.”ˈ (Ġakbu 3:5, 9) Iva, nistgħu nużaw ilsienna b’modi mill-​aħjar, bħal f’li nfaħħru lil Jehovah. Imma billi aħna imperfetti, nistgħu faċilment nużaw ilsienna biex nitkellmu affarijiet taʼ ħsara u negattivi. Ġakbu kiteb: “Mhux xieraq, ħuti, li dawn l-​affarijiet ikomplu jseħħu b’dan il-​mod.”−Ġakbu 3:10.

3. Għandna nagħtu attenzjoni lil liema żewġ aspetti taʼ kliemna?

3 Fil-​waqt li ebda bniedem ma jistaʼ jikkontrolla b’mod perfett lil ilsienu, aħna ċertament li għandna nistinkaw biex nitjiebu. L-​appostlu Pawlu jwissina: “Tħallu ebda qawl imħassar joħroġ minn fommkom, imma kull qawl li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, biex jistaʼ jagħti dak li hu favorevoli għal dawk li jisimgħu.” (Efesin 4:29) Osserva li din l-​istruzzjoni għandha żewġ aspetti: dak li għandna nistinkaw biex nevitaw u dak li għandna nipprovaw nagħmlu. Ejjew nikkunsidraw iż-​żewġ aspetti.

Nevitaw Kliem Imħassar

4, 5. (a) Liema battalja għandhom il-​Kristjani rigward il-​kliem maħmuġ? (b) Liema xbiha tistaʼ toqgħod lill-​frażi “qawl imħassar”?

4 Efesin 4:29 l-​ewwel iħeġġiġna: “Tħallu ebda qawl imħassar joħroġ minn fommkom.” Dak jistaʼ ma jkunx faċli. Raġuni waħdi hi li l-​profanità tant hi komuni fid-​dinja taʼ madwarna. Ħafna żgħażagħ Kristjani jisimgħu d-​dagħa kuljum, għax sħabhom tal-​iskola forsi jaħsbu li dan iżid l-​enfasi maʼ kliemhom jew iġagħalhom jidhru iktar b’saħħithom milli huma. Aħna forsi ma nkunux nistgħu nevitaw għalkollox li nisimgħu kliem maħmuġ, imma nistgħu u għandna nagħmlu sforz konxju biex ma nassorbuhx. M’għandu ebda post f’moħħna u f’fommna.

5 Bażika fit-​twissija taʼ Pawlu hija kelma Griega li għandha x’taqsam maʼ ħut jinten jew frott imħassar. Immaġina dan quddiem għajnejk: Int tosserva raġel bla sabar u mbagħad jifferoċja. Fl-​aħħar u jisplodi, u tara ħuta tinten ħierġa minn ħalqu. Int imbagħad tara frott imħassar kollu riħa tinten jaqaʼ, billi jċaflas kullimkien. Dan min hu? Kemm tkun ħaġa terribbli li kieku jkun wieħed minna! Madankollu, din ix-​xena tkun tixirqilna jekk ‘inħallu qwiel imħassrin joħorġu minn fommna.

6. Efesin 4:29 kif japplika għal kliem negattiv u taʼ kritika?

6 Applikar ieħor taʼ Efesin 4:29 hu biex aħna nevitaw li nikkritikaw il-​ħin kollu. Veru, ilkoll kemm aħna għandna opinjonijiet u gosti dwar affarijiet li ma jogħġbuniex jew li ma naċċettawx, imma qatt kont fejn xi ħadd li donnu li għandu xi kumment negattiv (jew ħafna kummenti negattivi) dwar kull persuna, post, jew ħaġa msemmija? (Qabbel Rumani 12:9; Ebrej 1:9.) Kliemu jkisser, idejjaq, jew jeqred. (Salm 10:7; 64:2-4; Proverbji 16:27; Ġakbu 4:11, 12) Hu forsi ma jirrealizzax kemm jixbah lil dawk l-​uħud kritiċi li ddeskriva Malakija. (Malakija 3:13-15) Kemm iħossu maħsud li kieku xi ħadd ħdejh igħidlu li ħuta tinten jew frotta mħassra kienet qiegħda taqaʼ minn ħalqu!

7. Liema eżami tagħna nfusna għandu jagħmel kull wieħed minna?

7 Fil-​waqt li faċli tinduna meta xi ħadd ieħor kontinwament jagħmel kommenti negattivi jew kritiċi, staqsi lilek innifsek, ‘Għandi jien it-​tendenza li nkun hekk? Verament, hekk jien?’ nkun għaqli li nirriflettu kultant fuq l-​ispirtu taʼ kliemna. Huwa primarjament negattiv, kritiku? Ninstemgħu aħna bħat-​tliet farraġa foloz taʼ Ġob? (Ġob 2:11; 13:4, 5; 16:2; 19:2) Għala ma nsibux aspett pożittiv x’insemmu? Jekk konversazzjoni hi fil-​biċċa l-​kbira kritika, għala ma ndawruhiex f’affarijiet li jibnu?

8. Malakija 3:16 jipprovdi liema lezzjoni rigward il-​kliem, u kif nistgħu nuru li qegħdin napplikaw il-​lezzjoni?

8 Malakija ppreżenta dan il-​kuntrast: “Dawk fil-​biżaʼ taʼ Jehovah tkellmu flimkien, kull wieħed maʼ sieħbu, u Jehovah qagħad jagħti kas u jismaʼ. U ktieb taʼ tfakkira beda jinkiteb quddiemu għal dawk fil-​biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li qegħdin jaħsbu fuq ismu.” (Malakija 3:16) Innotajt kif Alla rreaġixxa għal kliem li jibni? X’kien x’aktarx l-​effett taʼ konversazzjoni bħal din fuq dawk li kienu qegħdin jassoċjaw? Ahna nistgħu personalment nitgħallmu tagħlima rigward il-​kliem tagħna taʼ kuljum. Kemm ikun aħjar għalina u għal oħrajn jekk il-​konversazzjoni tipika tagħna tirrifletti ‘s-​sagrifiċċju [tagħna] taʼ tifħir lil Alla.’—Ebrej 13:15.

Aħdem f’li Tibni lil Oħrajn

9. Il-​laqgħat Kristjani għala huma okkażjonijiet mill-​aħjar biex tibni lill-​oħrajn?

9 Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni huma okkażjonijiet eċċellenti biex nitkellmu ‘dak li hu tajjeb biex nibnu fejn ikun hemm bżonn, biex nistgħu nagħtu dak li hu favorevoli lil dawk li jisimgħu.’ (Efesin 4:29) Nistgħu nagħmlu dan meta nagħtu xi taħdita dwar informazzjoni Biblika, nieħdu sehem f’xi turija, jew nikkummentaw f’partijiet bil-​mistoqsijiet u t-​tweġibiet. B’hekk aħna nuru kemm hu veru Proverbji 20:15: “Xofftejn il-​għarfien huma reċipjenti prezzjużi.” U min jaf kemm qlub nilħqu jew nibnu?

10. Wara li nirriflettu dwar maʼ min normalment nikkonversaw, liema aġġustament jistaʼ jkun xieraq? (2 Korintin 6:12, 13)

10 Il-​ħin qabel u wara l-​laqgħat hu konvenjenti biex nibnu lil oħrajn b’konversazzjoni li hi favorevoli għal min jismaʼ. Faċli li tqattaʼ dawn il-​perijodi fi kliem pjaċevoli mal-​qraba u mal-​għadd żgħir taʼ ħbieb li magħhom inħossuna komdi. (Ġwann 13:23; 19:26) Madankollu, fi qbil maʼ Efesin 4:29, għala ma tfittixx oħrajn biex titkellem magħhom? (Qabbel Luqa 14:12-14) Nistgħu nkunu determinati minn qabel li nagħmlu iktar milli sempliċement ingħidu bonġu formali lil xi wħud ġodda, lil nies anzjani, jew liż-​żgħar, u nibqgħu għaddejjin, anzi li npoġġu bil-​qiegħda maż-​żgħar sabiex inkunu iżjed fuq il-​livell tagħhom. L-​interess ġenwin tagħna u perijodi taʼ konversazzjoni li tibni se jagħmel lill-​oħrajn iżjed kapaċi jidwu s-​sentimenti taʼ David f’​Salm 122:1.

11. (a) Xi wħud liema drawwa żviluppaw rigward fejn ipoġġu bil-​qiegħda? (b) Xi wħud għala apposta jvarjaw il-​post fejn ipoġġu bil-​qiegħda?

11 Għajnuna oħra għal konversazzjoni li tibni hi li nvarjaw fejn inpoġġu bil-​qiegħda fil-​laqgħat. omm b’tarbija żgħira forsi jkollha bżonn tpoġġi qrib il-​kamra ż-​żgħira, jew wieħed b’xi problema taʼ saħħa forsi jkollu bżonn taʼ siġġu fit-​tarf tal-​filliera, imma xi ngħidu dwar oħrajn fostna? Nistgħu nieħdu drawwa li dejjem inpoġġu f’ċertu post jew f’ċerta naħa; saħansitra bħalma għasfur imur lura b’mod istintiv lejn il-​bejta tiegħu. (Isaija 1:3; Mattew 8:20) Iżda, ingħiduha kif inhi, ladarba nistgħu npoġġu bil-​qiegħda fejn irridu, għala ma nvarjawx postna—in-​naħa tal-​lemin, in-​naħa tax-​xellug, fuq quddiem, eċċ—u b’hekk insiru nafu wħud differenti aħjar? Fil-​waqt li ma hemm ebda regola li għandna nagħmlu hekk, anzjani u oħrajn maturi li jvarjaw fejn ipoġġu bil-​qiegħda sabuh eħfef għalihom biex jagħtu dak li hu favorevoli lil ħafna minflok lil relattivament ftit ħbieb tal-​qalb biss.

Ibni b’Mod taʼ Tjieba

12. Liema tendenza mhix mixtieqa dehret matul l-​istorja tal-​bniedem?

12 Ix-​xewqa taʼ Kristjan li jibni lil oħrajn għandha tqanqlu biex jimita lil Alla f’dan ir-​rigward minflok ma jimita t-​tendenza umana li jagħmel għadd kbir taʼ liġijiet.a Bnedmin imperfetti minn żmien twil ilu wrew it-​tendenza li jaħkmu fuq dawk taʼ madwarhom, u saħansitra xi wħud mill-​qaddejja t’Alla ċedew għal din ix-​xeħta. (Ġenesi 3:16; Ekkleżjasti 8:9) Fi żmien Ġesù mexxejja Lhud ‘rabtu tagħbijiet tqal fuq oħrajn imma ma kinux lesti li jħarrkuhom huma stess.’ (Mattew 23:4) Huma bidlu drawwiet innoċenti fi tradizzjonijiet obbligatorji. Fit-​tħassib eċċessiv tagħhom dwar regoli umani, huma għalqu għajnejhom għal affarijiet li Alla identifika bħala taʼ importanza akbar. Ħadd ma ġie mibni billi huma għamlu ħafna liġijiet mhux skritturali; il-​mod tagħhom sempliċement ma kienx il-​mod t’Alla.—Mattew 23:23, 24; Mark 7:1-13.

13. Għala mhux xieraq li toħloq regoli numerużi għall-​Kristjani mseħbin?

13 Il-​Kristjani jridu ġenwinament iżommu maʼ liġijiet divini. Saħansitra aħna, iżda, nistgħu naqgħu vittmi tat-​tendenza li nagħmlu partita regoli taʼ piż. Għala? L-​ewwelnett, gosti jew preferenzi jvarjaw, u għalhekk xi wħud jistgħu jsibu aċċettabbli dak li lil oħrajn idejjaqhom u jħossu li għandu jiġi pprojbit. Il-​Kristjani jvarjaw, ukoll, fl-​avvanz tagħhom lejn il-​maturità spiritwali. Imma huwa l-​ifformar taʼ ħafna regoli l-​mod taʼ tjieba kif tgħin lil xi ħadd ieħor jagħmel progress lejn il-​maturità? (Filippin 3:15; 1 Timotew 1:19; Ebrej 5:14) Saħansitra meta persuna qiegħda fil-​fatt issegwi korsa li tidher li hija estrema jew perikoluża, hija regola taʼ projbizzjoni l-​aħjar soluzzjoni? Il-​mod t’Alla hu li wħud ikkwalifikati jipprovaw iġibu lura lil persuna li qiegħda tiżżballja billi jirragunaw bil-​ħlewwa magħha.—Galatin 6:1.

14. Liema skopijiet qdew il-​liġijiet li Alla ta lil Iżrael?

14 Veru, waqt li kien qed juża lil Iżrael bħala l-​poplu tiegħu, Alla waqqaf mijiet taʼ liġijiet dwar il-​qima tat-​tempju, is-​sagrifiċċji, u saħansitra s-​sanità. Dan kien xieraq għal ġens distint, u ħafna mil-​liġijiet kellhom tifsir profetiku u għenu biex iwasslu lil-​Lhud għand il-​Messija. Pawlu kiteb: “Il-​Liġi saret il-​għalliema tagħna li twassal għal Kristu, biex nistgħu niġu ddikjarati twajbin minħabba l-​fidi. Imma issa li l-​fidi waslet, m’għadniex iktar taħt għalliem.” (Galatin 3:19, 23-25) Wara li l-​Liġi ġiet ikkanċellata fuq iz-​zokk tat-​tortura, Alla ma tax lill-​Kristjani lista estensiva taʼ regoli fuq il-​biċċa l-​kbira tal-​aspetti tal-​ħajja, bħal li kieku dak kien il-​mod biex iżommhom mibnijin fil-​fidi.

15. Alla liema gwida pprovda għall-​adoraturi Kristjani?

15 M’għandniex xi ngħidu, m’aħniex mingħajr liġi. Alla jikkmandana biex nastjenu mill-​idolatrija, mill-​fornikazzjoni u mill-​adulterju, u mill-​użu ħażin tad-​demm. Hu jipprojbixxi b’mod speċifiku l-​qtil, il-​gideb, l-​ispiritiżmu, u dnubiet diversi oħrajn. (Atti 15:28, 29; 1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8) U joffri fil-​Kelma tiegħu pariri ċari fuq ħafna affarijiet. Madankollu, sa livell bil-​wisq iżjed mill-​Iżraeliti, aħna responsabbli li nitgħallmu u napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja. L-​anzjani jistgħu jibnu lil oħrajn billi jgħinuhom biex isibu u biex jikkunsidraw dawn il-​prinċipji minflok sempliċement ma jfittxu jew jagħmlu r-​reġoli.

Anzjani li Jibnu

16, 17. L-​appostli waqqfu liema mudell mill-​aħjar rigward l-​ifformar taʼ regoli għal adoraturi mseħbin?

16 Pawlu kiteb: “Wasalna fejn wasalna fil-​progress tagħna, ejjew inkomplu mexjin bl-​ordni b’din l-​istess rutina.” (Filippin 3:16) Fi qbil maʼ dik il-​ħarsa taʼ tjieba, l-​appostlu ttratta maʼ oħrajn b’mod li kien jibni. Per eżempju, qamet mistoqsija dwar jekk jittikilx laħam li setaʼ ġie minn tempju taʼ idolu. Waqqaf dan l-​anzjan, forsi f’isem il-​konsistenza jew is-​sempliċità, xi regola għal kulħadd fil-​kongregazzjonijiet tal-​bidu? Le. Hu rrikonoxxa li varjetà fil-​għarfien u fil-​progress lejn il-​maturità setgħet wasslet lil dawk il-​Kristjani biex jagħmlu għażliet differenti. Inkwantu għalih, hu kien iddeterminat li jagħti eżempju mill-​aħjar.—Rumani 14:1-4; 1 Korintin 8:4-13.

17 L-​Iskrittura Kristjana Griega turi li l-​appostli kienu jipprovdu pariri taʼ għajnuna fuq xi affarijiet persunali, bħal dwar l-​ilbies u l-​maxta, imma huma ma qabdux jagħmlu regoli fissi. Illum dan hu eżempju mill-​aħjar għall-​indokraturi Kristjani, li huma interessati f’li jibnu l-​merħla. U dan fil-​fatt jestendi proċedura bażika li Alla segwa saħansitra għal Iżrael tal-​qedem.

18. Jehovah ta liema regoli lil Iżrael rigward l-​ilbies?

18 Alla ma tax lill-​Iżraeliti liġijiet elaborati dwar l-​ilbies. Milli jidher l-​irġiel u n-​nisa kienu jużaw ħwejjeġ taʼ fuq simili, għalkemm tal-​mara forsi kienu jkunu rrakkmati jew iktar ikkuluriti. Iż-​żewġ sessi kienu jilbsu wkoll sa․dhinʹ, jew libsa taʼ taħt. (Imħallfin 14:12; Proverbji 31:24; Isaija 3:23) Alla liema liġijiet ta dwar l-​ilbies? La l-​irġiel u lanqas in-​nisa ma setgħu jilbsu ħwejjeġ li jidentifikawhom mas-​sess oppost, evidentement bi skop taʼ omosesswalità. (Dewteronomju 22:5) Biex juru li huma kienu maqtugħin mill-​ġnus taʼ madwarhom, l-​Iżraeliti kellhom ipoġġu frenża fix-​xifer tal-​libsa tagħhom, b’qafla ċelesti fuq il-​frenża, u forsi xi ġmiemen fl-​irkejjen tal-​ilbiesi taʼ fuq. (Numri 15:38-41) Dik bażikament kienet id-​direzzjoni kollha li l-​Liġi tat dwar l-​istili tal-​ilbies.

19, 20. (a) Il-​Bibbja liema direzzjoni tagħti fuq l-​ilbies u l-​maxta? (b) L-​anzjani liema ħarsa għandhom ikollhom dwar l-​ifformar taʼ regoli rigward apparenza persunali?

19 Fil-​waqt li l-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi, għandna aħna xi regoli dettaljati oħrajn dwar l-​ilbies jew it-​tiżjin imniżżlin fil-​Bibbja? Mhux eżatt. Alla pprovda prinċipji bbilanċjati li nistgħu napplikaw. Pawlu kiteb: “Nixtieq li n-​nisa jsebbħu lilhom infushom b’ilbies irranġat sewwa, bil-​modestja u moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar imgħolli u deheb jew perli jew oġġetti għaljin ferm.” ( 1 Timotew 2:9 ) Pietru ħeġġeġ li minflok jikkonċentraw fuq tiżjin fiżiku, nisa Kristjani għandhom jikkonċentraw fuq “il-​persuna sigrieta tal-​qalb fid-​dehra inkorruttibbli tal-​ispirtu kwiet u kalm.” ( 1 Pietru 3:3, 4) Il-​fatt li parir bħal dan ġie miktub jissuġġerixxi li xi Kristjani tal-​ewwel seklu setgħu kellhom bżonn ikunu iżjed modesti u mrażżnin fl-​ilbies u fil-​maxta tagħhom. Madankollu, minflok ma rrikjedew—jew ipprojbixxew—ċerti stili, l-​appostli sempliċement pprovdew parir li jibni.

20 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom ikunu rrispettati għall-​apparenza modesta tagħhom u ġeneralment hekk huma. Iżda xorta waħda, l-​istili jvarjaw minn pajjiż għall-​ieħor u saħansitra f’xi nħawi jew f’xi kongregazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, xi anzjan li jkollu opinjonijiet qawwijin jew ċertu gosti fl-​ilbies u fil-​maxta jistaʼ jiddeċiedi b’dan il-​mod għalih innifsu u għall-​familja tiegħu. Imma nkwantu għall-​merħla, hu jrid iżomm f’moħħu l-​punt taʼ Pawlu: “Mhux li aħna s-​sidien fuq il-​fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema mseħbin għall-​ferħ tagħkom, għax hu bil-​fidi tagħkom li qegħdin intom bil-​wieqfa.” (2 Korintin 1:24) Iva, billi jirreżistu kull tendenza li jistabbilixxu regoli għall-​kongregazzjoni, l-​anzjani jaħdmu biex jibnu l-​fidi tal-​oħrajn.

21. L-​anzjani kif jistgħu jipprovdu għajnuna li tibni jekk xi ħadd imur fl-​estrem fl-​ilbies?

21 Bhal fl-​ewwel seklu, xi drabi xi ħadd ġdid jew dgħajjef spiritwalment forsi jsegwi korsa dubbjuża jew li mhix għaqlija fl-​ilbies jew fl-​użu tal-​make-up jew tal-​ġojjelli. Imbagħad x’jiġri? Għal darb’oħra, Galatin 6:1 joffri gwida għal anzjani Kristjani li sinċerament iridu jgħinu. Qabel ma anzjan jiddeċiedi li jagħti parir, hu jistaʼ b’mod għaqli jikkonsulta maʼ anzjan sieħbu, billi preferibbilment ma jmurx għand anzjan li hu jaf li għandu l-​istess gosti u mentalità tiegħu. Jekk xi tendenza dinjija fl-​ilbies jew fil-​maxta tidher li qiegħda teffettwa lil ħafna f’xi kongregazzjoni, il-​ġemgħa tal-​anzjani tistaʼ tiddiskuti kif l-​aħjar tiġi pprovduta għajnuna, bħal permezz taʼ xi parti li tibni u bi ħlewwa f’xi laqgħa jew billi tiġi offruta għajnuna individwali. (Proverbji 24:6; 27:17) Il-​mira tagħhom trid tkun biex jinkuraġġixxu l-​ħarsa riflessa fit-​2 Korintin 6:3: “Bl-​ebda mod ma qegħdin aħna nagħtu raġuni għal għoti taʼ gambetta, biex il-​ministeru tagħna ma jinstabx żball fih.”

22. (a) Għala m’għandhiex tkun ħaġa li tiddisturba jekk jeżistu xi differenzi żgħar taʼ opinjoni? (b) Pawlu x’eżempju mill-​aħjar ipprovda?

22 Anzjani Kristjani li ‘jirgħu l-​merħla t’Alla li qiegħda fil-​ħarsien tagħhom’ iridu jagħmlu dak li enfasizza Pietru, jiġifieri, li ma ‘jsirux is-​sidien fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla.’ (1 Pietru 5:2, 3) Fil-​korsa tax-​xogħol tagħhom taʼ mħabba, jistgħu jqumu mistoqsijiet fuq kwistjonijiet fejn jistaʼ jkun hemm preferenzi li jvarjaw. Forsi hija drawwa lokali li min jaqra l-​paragrafi matul l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa joqgħod bil-​wieqfa. Arranġamenti tal-​gruppi għas-​servizz tal-​għalqa u ħafna dettalji oħrajn dwar il-​ministeru nnifsu jistgħu jiġu ttrattati b’mod li ndraw isiru. Xorta waħda, se jkun xi diżastru jekk xi ħadd jaġixxi b’xi mod kemm xejn differenti? Indokraturi taʼ mħabba jixtiequ li “l-​affarijiet jseħħu b’mod diċenti u b’arranġament,” espressjoni li Pawlu użaħa rigward il-​għotjiet mirakolużi. Imma l-​kuntest juri li l-​interess ewlieni taʼ Pawlu kien “[i]l-bini tal-​kongregazzjoni.” (1 Korintin 14:12, 40) Hu ma wera l-​ebda inklinazzjoni li jagħmel għadd bla qies taʼ regoli, bħal li kieku l-​oġġettiv primarju tiegħu kien uniformità assoluta jew effiċjenza kompleta. Hu kiteb: “[I]l-Mulej tana [l-awtorità] biex nibnukom u mhux biex inġarrfukom.”−2 Korintin 10:8.

23. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu f’li jibni lill-​oħrajn?

23 Pawlu bla dubju ħadem biex jibni lill-​oħrajn bi kliem pożittiv u inkuraġġanti. Minflok ma assoċja biss maʼ ċirku żgħir taʼ ħbieb, hu ħareġ barra minn triqtu biex iżur ħafna aħwa rġiel u nisa, kemm dawk b’saħħithom spiritwalment kif ukoll lil dawk li b’mod speċjali kienu jinħtieġu li jinbnew. U saħaq fuq l-​imħabba—minflok fuq ir-​regoli—għax “l-​imħabba tibni.”−1 Korintin 8:1.

[Nota taʼ taħt]

a Ġewwa familja diversi regoli jistgħu jidhru bżonnjużi, jiddependi fuq iċ-​ċirkostanzi. Il-​Bibbja tawtorizza lill-​ġenituri biex jiddeċiedu għal uliedhom li huma taħt l-​età.—Eżodu 20:12; Proverbji 6:20; Efesin 6:1-3.

Punti għal Reviżjoni

◻ Għala huwa xieraq li nitbiddlu jekk għandna t-​tendenza lejn kliem negattiv u taʼ kritika?

◻ X’nistgħu nagħmlu biex inkunu iktar edifikanti fil-​kongregazzjoni?

◻ Alla x’mudell tana rigward l-​ifformar taʼ ħafna regoli għal oħrajn?

◻ X’se jgħin lill-​anzjani biex jevitaw li jifformaw regoli umani għall-​merħla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja