Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Fl-1 Pietru 4:3 (NW) naqraw li xi Kristjani xi darba kienu ħadu sehem f’“idolatriji illegali.” Mhux l-idolatriji kollha huma illegali, kundannati u projbiti minn Alla?
Iva, fil-ħarsa t’Alla, l-idolatrija kollha hija illegali. Dawk li qegħdin ifittxu l-favur tiegħu ma jistgħux jipprattikaw l-idolatrija.—1 Korintin 5:11; Apokalissi 21:8.
Madankollu, donnu jidher li l-appostlu Pietru kien qed jirreferi għall-idolatrija minn angolu differenti. Raġuni waħda hi li fost ħafna ġnus tal-qedem, l-idolatrija mhux biss kienet komuni imma wkoll mingħajr rażna legali mill-awtoritajiet. Jiġifieri, il-liġi tal-pajjiż ma kinitx tipprojbixxi din l-idolatrija. Xi idolatrija kienet saħansitra parti mill-politika nazzjonali jew governattiva. F’dan is-sens, xi wħud kienu ħadu sehem f’‘idolatriji mingħajr rażna legali’ qabel ma saru Kristjani. (New World Translation, edizzjoni taʼ l-1950) Per eżempju, jistaʼ jiġi notat li s-Sultan Babiloniż Nabukodonosor waqqaf xbieha idolatruża tad-deheb, imma Sidrak, Mesak, u Għabednegu, il-qaddejja taʼ Jehovah, irrifjutaw li jqimuha.—Danjel 3:1-12.
Raġuni oħra hi li ħafna riti idolatrużi kienu jinkludu atti li kienu kuntrarji għall-aħħar għal kull liġi naturali jew sens morali li joriġina mill-kuxjenza li biha jitwieled kull bniedem. (Rumani 2:14, 15) L-appostlu Pawlu kiteb dwar prattiċi baxxi li kienu “kontra n-natura” u “bla ġieħ,” u dawn spiss ġew stabbiliti fir-riti reliġjużi. (Rumani 1:26, 27) L-irġiel u n-nisa li kienu qed jieħdu sehem f’idolatrija illegali kienu qed imorru kontra s-sens naturali tagħhom taʼ dak li hu tajjeb u ħażin. Ċertament li kien xieraq illi dawk li jsiru Kristjani jitilqu dawn il-prattiċi korrotti.
Barra dak li għedna, dawn l-idolatriji li kienu komuni fost dawk li ma kinux Lhud kienu kundannati minn Alla Jehovah. B’hekk, kienu kontra l-liġi.a—Kolossin 3:5-7.
[Nota taʼ taħt]
a It-test Grieg fl-1 Pietru 4:3 letteralment ifisser “idolatriji kontra l-liġi.” Din il-frażi ġiet tradotta b’diversi modi f’Bibbji bl-Ingliż b’espressjonijiet bħal “idolatrija illeċita,” “qima projbita taʼ l-idoli,” u “idolatriji bla liġi.”