Il-Bidu tal-Kristjanità fl-Asja Minuri
FL-EWWEL seklu E.K., ħafna kongregazzjonijiet Kristjani ffjorixxew fl-Asja Minuri (prinċipalment it-Turkija taʼ llum). Għadd kbir taʼ Lhud u Ġentili wieġbu għall-messaġġ Kristjan. Dizzjunarju Bibliku jgħid: “Minbarra s-Sirja-Palestina, kien hawnhekk fl-Asja Minuri li l-moviment Kristjan kiseb l-ewwel u l-iktar suċċess.”
Nistgħu niksbu stampa aħjar taʼ kif il-Kristjanità nfirxet f’dan ir-reġjun billi niġbru flimkien informazzjoni minn sorsi differenti. Ejja naraw kif nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw l-informazzjoni disponibbli.
L-Ewwel Kristjani fl-Asja Minuri
L-ewwel ġrajja sinifikanti taʼ meta bdiet tinfirex il-Kristjanità fl-Asja Minuri seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. meta folla taʼ wħud li jitkellmu b’ħafna lingwi differenti fosthom il-Lhud tad-Dijaspora (Lhud li kienu jgħixu barra l-Palestina) u proseliti Lhud inġabru f’Ġerusalemm. L-appostli taʼ Ġesù ppridkaw l-aħbar tajba lil dawn il-viżitaturi. Ir-rakkont storiku jgħid li ċerti wħud ġew mill-Kappadoċja, il-Pontu, id-distrett taʼ l-Asja,a il-Friġja, u l-Pamfilja—postijiet li fformaw parti kbira mill-Asja Minuri. Madwar 3,000 semmiegħ aċċettaw il-messaġġ Kristjan u tgħammdu. Huma u sejrin lura d-dar, ħadu magħhom il-fidi ġdida tagħhom.—Atti 2:5-11, 41.
Fir-rakkonti Bibliċi tal-vjaġġi missjunarji taʼ l-appostlu Pawlu fl-Asja Minuri nsibu l-informazzjoni li jmiss. Matul l-ewwel vjaġġ tiegħu, li għamel madwar is-sena 47/48 E.K., Pawlu flimkien maʼ dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu baħħru minn Ċipru lejn l-Asja Minuri, billi niżlu f’Perge, il-Pamfilja. Fil-belt t’Antjokja fil-qalba tal-Pisidja, is-suċċess tagħhom fl-ippridkar qanqal l-għira u l-oppożizzjoni tal-Lhud. Meta Pawlu mar lejn Ikonju fix-xlokk, xi Lhud oħrajn ikkonfoffaw biex jittrattaw il-missjunarji b’mod insolenti. F’Listra, post fil-viċin, in-nies lokali li juru ħafna emozzjoni għall-ewwel qalu li Pawlu kien xi alla. Imma wara li waslu xi Lhud opponenti mill-Antjokja u Ikonju, il-folla li kien hemm bdiet tħaġġar lil Pawlu u ħallietu kważi mejjet! Wara din l-esperjenza, Pawlu u Barnaba tawlu l-vjaġġ tagħhom għal Derbe fil-provinċja politika Rumana tal-Galazja, post fejn in-nies kienu jitkellmu bil-Likaonjan. Ġew stabbiliti kongregazzjonijiet, u ġew maħturin xi anzjani. B’hekk tistaʼ tara li xi 15-il sena wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., il-Kristjanità kienet stabbilita sew fl-Asja Minuri.—Atti 13:13–14:26.
Matul it-tieni vjaġġ tiegħu, li għamel madwar is-sena 49 sat-52 E.K., il-grupp taʼ Pawlu l-ewwel ivvjaġġa fuq l-art lejn Listra, billi x’aktarx għadda minn Tarsu fiċ-Ċiliċja, art twelidu. Wara li reġaʼ żar lill-aħwa f’Listra u mar lejn it-tramuntana, Pawlu pprova ‘jxandar il-kelma’ fil-provinċji tal-Bitinja u l-Asja. Madankollu, l-ispirtu qaddis ma ħalliehx jagħmel dan. Dawn il-postijiet kellhom jingħataw xiehda iktar tard. Minflok, Alla ggwida lil Pawlu f’postijiet fil-majjistral taʼ l-Asja Minuri lejn Troas li qiegħed mal-kosta. Imbagħad Pawlu f’viżjoni ntqallu biex jiddikjara l-aħbar tajba fl-Ewropa.—Atti 16:1-12; 22:3.
Matul it-tielet vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, li għamel madwar is-sena 52 sas-56 E.K., hu reġaʼ għadda mill-Asja Minuri u wasal Efesu, belt li kellha port importanti fl-Asja. Hu kien diġà waqaf hemm meta rritorna mit-tieni vjaġġ tiegħu. Kien hemm grupp taʼ Kristjani attivi f’din il-belt, u Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu ngħaqdu magħhom għal xi tliet snin. Dan il-perijodu kien immarkat minn għadd taʼ diffikultajiet u perikli, wieħed minnhom kien ir-rewwixta li qanqlu l-arġentiera Efesin biex jiddefendu n-negozju reliġjuż tagħhom li kien irendi l-flus.—Atti 18:19-26; 19:1, 8-41; 20:31.
Milli jidher ix-xogħol missjunarju bbażat f’Efesu kellu effetti estensivi. Atti 19:10 jgħid: “Dawk kollha li kienu joqogħdu fid-distrett taʼ l-Asja, Lhud u Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej.”
Żviluppi fl-Asja Minuri
Lejn l-aħħar tal-waqfa tiegħu f’Efesu, Pawlu kiteb lill-Korintin: “Il-kongregazzjonijiet taʼ l-Asja jibagħtulkom it-tislijiet tagħhom.” (1 Korintin 16:19) Liema kongregazzjonijiet kellu f’moħħu Pawlu? Probabbilment inkluda dawk f’Kolossi, Laodiċija, u Ġerapoli. (Kolossin 4:12-16) Il-ktieb Paul—His Story jgħid: “Jidher loġiku li l-eżistenza tal-komunitajiet fi Żmirna, Pergamu, Sardi u Filadelfja nbdew grazzi għall-inizjattiva missjunarja f’Efesu. . . . Kollha kienu f’distanza taʼ 120 mil (192 kilometru) t’Efesu u kienu magħqudin b’toroq eċċellenti.”
Allura xi 20 sena wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., kienu jeżistu għadd taʼ kongregazzjonijiet Kristjani fin-nofsinhar u fil-punent taʼ l-Asja Minuri. Xi ngħidu dwar postijiet oħrajn tar-reġjun?
Dawk li Rċivew l-Ittri taʼ Pietru
L-appostlu Pietru kiteb l-ewwel ittra ispirata tiegħu ftit tas-snin wara, madwar is-sena 62 sa 64 E.K. Hu indirizzaha lill-Kristjani fil-Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja, u fil-Bitinja. L-ittra taʼ Pietru tindika li x’aktarx kien hemm kongregazzjonijiet Kristjani f’dawn il-postijiet, u l-anzjani tagħhom ġew imħeġġin biex ‘jirgħu l-merħla.’ Meta ġew stabbiliti dawn il-kongregazzjonijiet?—1 Pietru 1:1; 5:1-3.
Uħud mill-postijiet li fihom kienu joqogħdu dawk li rċivew l-ittri taʼ Pietru, bħall-Asja u l-Galazja, kienu ngħataw xiehda minn Pawlu. Madankollu, hu ma kienx ippriedka fil-Kappadoċja jew fil-Bitinja. Il-Bibbja ma tgħidilniex kif il-Kristjanità nfirxet f’dawn ir-reġjuni, imma setaʼ kien permezz tal-Lhud jew il-proseliti li kienu preżenti f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. u li iktar tard marru lura d-dar. Kien x’kien il-każ, madwar 30 sena wara Pentekoste meta Pietru kiteb l-ittri tiegħu, jidher li kien hemm kongregazzjonijiet “mifruxin madwar l-Asja Minuri kollha kemm hi,” skond wieħed studjuż.
Is-Sebaʼ Kongregazzjonijiet tar-Rivelazzjoni
L-irvell tal-Lhud kontra r-Rumani qanqal il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. Jistaʼ jkun li xi Kristjani Lhud spiċċaw fl-Asja Minuri.b
Lejn l-aħħar taʼ l-ewwel seklu E.K., Ġesù Kristu bagħat ittri lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri permezz taʼ l-appostlu Ġwanni. Dawn l-ittri, lil kongregazzjonijiet f’Efesu, Żmirna, Pergamu, Tjatira, Sardi, Filadelfja, u Laodiċija, juru li l-Kristjani f’din il-parti taʼ l-Asja Minuri kienu qed jiffaċċjaw diversi perikli, bħall-immoralità, is-settarjaniżmu, u l-apostasija.—Rivelazzjoni 1:9, 11; 2:14, 15, 20.
Servizz Modest u b’Ruħna Kollha
Żgur li kien hemm iktar dettalji taʼ kif infirxet il-Kristjanità fl-ewwel seklu minn dak li naqraw fir-rakkonti fl-Atti taʼ l-Appostli. Pietru u Pawlu, l-appostli li kienu magħrufin sew, kellhom sehem fi ġrajjiet deskritti fl-Atti, imma għadd mhux magħruf t’oħrajn kienu qed jippridkaw f’postijiet oħrajn. Żviluppi fl-Asja Minuri jikkonfermaw li l-Kristjani tal-bidu ħadu bis-serjetà l-kmand taʼ Ġesù: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.”—Mattew 28:19, 20.
B’mod simili llum, numru relattivament żgħir taʼ l-atti leali tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja huma magħrufin fil-fratellanza internazzjonali. Bħal fil-każ taʼ ħafna mill-evanġelizzaturi leali fl-Asja Minuri taʼ l-ewwel seklu, il-maġġuranza minn dawk li jxandru l-aħbar tajba fi żmienna m’humiex magħrufin sew. Madankollu, huma wkoll igawdu ħajja mimlija u sodisfaċenti, u jesperjenzaw kuntentizza kbira minħabba li jafu li huma b’ubbidjenza qed jagħtu minnhom infushom biex isalvaw lil oħrajn.—1 Timotju 2:3-6.
[Noti taʼ taħt]
a Fl-Iskrittura Griega Kristjana u f’dan l-artiklu, l-“Asja” tirreferi għall-provinċja Rumana li kienet fil-punent taʼ l-Asja Minuri, mhux għall-kontinent taʼ l-Asja.
b L-istorjografu Ewsebju (260-340 E.K.) jgħid li xi żmien qabel is-sena 66 E.K., l-“appostli, li kienu f’periklu kontinwu minħabba pjanijiet taʼ qtil, tkeċċew mil-Lhudija. Imma biex jgħallmu l-messaġġ tagħhom huma vvjaġġaw f’kull pajjiż bil-qawwa taʼ Kristu.”
[Kaxxa f’paġna 11]
IL-KRISTJANITÀ TAL-BIDU FIL-BITINJA U L-PONTU
Il-provinċja magħquda tal-Bitinja u l-Pontu kienet fuq in-naħa tal-Kosta tal-Baħar l-Iswed taʼ l-Asja Minuri. Ħafna minn dak li nafu dwar il-ħajja taʼ kuljum f’din il-provinċja ġej minn dak li Plinju ż-Żgħir, wieħed mill-uffiċjali tal-post, kiteb lill-Imperatur Ruman Trajanu.
Xi 50 sena wara li l-ittri taʼ Pietru nfirxu fost il-kongregazzjonijiet taʼ dan il-post, Plinju staqsa lil Trajanu għal pariri dwar kif jittratta mal-Kristjani. “Qatt ma kont preżenti għal xi interrogazzjoni taʼ Kristjani. Għaldaqstant, ma nafx dwar liema tip taʼ kastigi s-soltu jingħataw,” kiteb Plinju. “Ħafna individwi taʼ kull età u klassi, kemm irġiel u kemm nisa, qed jittellgħu l-qorti, u dan x’aktarx li se jkompli jseħħ. Qed jiġu infettati mhux biss il-bliet, imma l-irħula u d-distretti rurali wkoll minħabba l-kuntatt maʼ din is-setta taʼ min imaqdarha.”
[Tabella/Mappa f’paġna 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-VJAĠĠI TAʼ PAWLU
L-Ewwel Vjaġġ Missjunarju
ĊIPRU
PAMFILJA
Perga
Antjokja (taʼ Pisidja)
Ikonju
Listra
Derbe
It-Tieni Vjaġġ Missjunarju
ĊILIĊJA
Tarsu
Derbe
Listra
Ikonju
Antjokja (taʼ Pisidja)
FRIĠJA
GALAZJA
Troas
It-Tielet Vjaġġ Missjunarju
ĊILIĊJA
Tarsu
Derbe
Listra
Ikonju
Antjokja (taʼ Pisidja)
Efesu
ASJA
Troas
[Sebaʼ Kongregazzjonijiet]
Pergamu
Tjatira
Sardi
Żmirna
Efesu
Filadelfja
Laodiċija
[Postijiet Oħrajn]
Ġerapoli
Kolossi
LIĊJA
BITINJA
PONTU
KAPPADOĊJA
[Stampa f’paġna 9]
Antjokja
[Stampa f’paġna 9]
Troas
[Sors]
© 2003 BiblePlaces.com
[Stampa f’paġna 10]
Teatru f’Efesu.—Atti 19:29
[Stampa f’paġna 10]
Il-pedament taʼ l-artal taʼ Żews f’Pergamum. Il-Kristjani fil-belt kienu jgħixu “fejn [kien] hemm it-tron taʼ Satana.”—Rivelazzjoni 2:13.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.