Kunu Moħħkom f’Loku Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
1 Il-Kelma t’Alla spiss tiddeskrivi l-jum taʼ Jehovah bħala li ġej “bħal ħalliel”—jiġifieri, ġej għal għarrieda, f’daqqa waħda, bil-moħbi. (1 Tess. 5:2; Mt. 24:43; 2 Pt. 3:10; Apk. 3:3; 16:15) Dwar dan, Ġesù qal: “Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Mt. 24:44) Kif nistgħu nibqgħu mqajmin spiritwalment hekk kif joqrob it-tmiem? Mod wieħed kif jistaʼ jirnexxilna jinsab fil-parir ispirat: “Kunu għaqlin [“moħħkom f’loku,” New World Translation].”—1 Pt. 4:7.
2 Biex ikollok moħħ f’loku trid tara l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Jehovah. (Efes. 5:17) Dan se jgħinna naraw lilna nfusna bħala “barranin u għorba” qalb is-sistema preżenti t’affarijiet. (1 Pt. 2:11) Se jgħinna wkoll nagħrfu x’inhu verament importanti, x’jiġi l-ewwel, u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Flp. 1:10.
3 Agħmel Miri Spiritwali: Meta nagħmlu miri spiritwali u niksbuhom se niġu megħjunin inkunu moħħna f’loku. Għandek miri spiritwali li qed tipprova tikseb bħalissa? Qed tistinka biex taqra l-Bibbja kuljum, tattendi l-laqgħat Kristjani kollha, taqra kull ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, jew forsi żżid is-sehem tiegħek fil-ministeru? Jekk tagħmel miri li huma addattati għalik, tagħmel ħiltek biex tilħaqhom, u titlob lil Jehovah biex ibierek l-isforzi tiegħek, għandek mnejn tibqaʼ skantat bir-riżultati.
4 Ċertu anzjan staqsa lil koppja żagħżugħa dwar il-miri spiritwali tagħhom. Il-mistoqsija tiegħu ġagħlithom jirrealizzaw li jekk jissimplifikaw ħajjithom u jeħilsu għalkollox mid-dejn li kienu mgħobbijin bih, huma setgħu jaqdu bħala pijunieri. Iddeċidew li jagħmluha l-mira tagħhom. Ħabirku biex iħallsu d-dejn u sabu modi kif inaqqsu l-attivitajiet li ma kinux neċessarji u li kienu qed jiħdulhom mill-ħin u l-enerġija tagħhom. Eżatt sena wara, kienu laħqu l-mira tagħhom. B’liema riżultat? Ir-raġel jgħid: “Li kieku ma kinux il-miri ma konniex naslu safejn wasalna. Ninsabu iktar kuntenti. Ħajjitna hija iktar trankwilla u isbaħ. Hija verament mimlija skop u sinifikanti.”
5 Hekk kif nistennew il-jum taʼ Jehovah, jalla nibqgħu mqajmin spiritwalment billi ngħixu b’moħħ f’loku, u nibqgħu konċentrati fuq li nagħmlu r-rieda t’Alla.—Titu 2:11-13.