LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 74-p. 77 para. 2
  • Kun Progressiv—Imxi ’l Quddiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Progressiv—Imxi ’l Quddiem
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għarfien u Bidla
  • Uża t-​Talenti Tiegħek
  • L-​Irwol tal-​Esperjenza
  • Ibqaʼ Ġġebbed ’il Quddiem
  • Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ħalli lil Kulħadd Jara li Int Miexi ’l Quddiem
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Agħmel l-Avanz Tiegħek Jidher
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Agħmlu Jidher l-Avvanz Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 74-p. 77 para. 2

Kun Progressiv—Imxi ’l Quddiem

MODI taʼ ħsieb, diskors u mġiba li kienu ilhom parti minn ħajtek bdew jitbiddlu bil-​mod il-​mod meta bdejt titgħallem tapplika l-​prinċipji Bibliċi. Ħafna minn dan seħħ saħansitra qabel ma nktibt fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. X’aktarx li issa għamilt progress sal-​punt li ddedikajt ħajtek lil Ġeħova. Ifisser dan li tistaʼ tieqaf tagħmel progress? Lanqas xejn. Il-​magħmudija tiegħek hi sempliċement il-​bidu.

Id-​dixxiplu Timotju kien diġà qed jaqdi bħala anzjan Kristjan meta Pawlu qallu biex ‘jimmedita’ kemm fuq il-​pariri li ngħatawlu u kemm fuq il-​privileġġi taʼ servizz fdati f’idejh. Ukoll, kellu jkun “medhi” f’dawn l-​affarijiet ħalli ‘kulħadd jara li qed javanza.’ (1 Tim. 4:12-​15) Kemm jekk għadek tibda ssegwi t-​triq tal-​verità u kemm jekk għandek ħafna esperjenza fil-​ħajja Kristjana, għandek tkun interessat f’li timxi ’l quddiem.

Għarfien u Bidla

F’​Efesin 3:14-​19 naqraw li l-​appostlu Pawlu talab għal sħabu fit-​twemmin biex ikunu jistgħu ‘jifhmu bis-​sħiħ . . . il-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond’ tal-​verità. Għal din ir-​raġuni, Ġesù ta għotjiet fi rġiel biex jgħallmu, jaġġustaw, u jibnu l-​kongregazzjoni. Meditazzjoni regulari fuq il-​Kelma ispirata taʼ Alla, flimkien maʼ gwida minn għalliema tal-​esperjenza, tistaʼ tgħinna ‘nikbru’ spiritwalment.—Efes. 4:11-​15.

Dan it-​tkabbir jinkludi li ‘tiġġedded fil-​forza li qed tqanqal lil moħħok.’ Dan jinvolvi li jkollok ir-​rieda b’saħħitha li taħseb fi qbil maʼ dak li jaħsbu Alla u Kristu. Dan jeħtieġ li kontinwament tkun espost għall-​mod kif jaħsbuha huma, sabiex ‘tilbes il-​personalità l-​ġdida.’ (Efes. 4:23, 24) Meta tistudja l-​evanġelju, tħares lejn dawn ir-​rakkonti tal-​ħajja taʼ Kristu bħala eżempju għalik biex issegwih? Tipprova tidentifika karatteristiki speċifiċi li wera Ġesù u mbagħad tagħmel sforz ġenwin biex timitahom fil-​ħajja tiegħek stess?—1 Pt. 2:21.

Is-​suġġetti li tinkludi fil-​konversazzjoni tiegħek jistgħu jindikaw kemm imxejt ’il quddiem f’dan ir-​rigward. Dawk li libsu l-​personalità l-​ġdida ma jinvolvux ruħhom fi kliem diżonest, abbużiv, oxxen, jew negattiv. Minflok, kliemhom hu “tajjeb biex jibni . . . sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” (Efes. 4:25, 26, 29, 31; 5:3, 4; Ġuda 16) Il-​kummenti u l-​espressjonijiet tagħhom kemm fil-​privat u kemm fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni juru li l-​verità qed tbiddlilhom ħajjithom.

Jekk m’għadekx tiġi ‘mitfugħ ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajjar minn kull riħ taʼ tagħlim,’ dan ukoll juri li qed tagħmel progress. (Efes. 4:14) Pereżempju, kif tirreaġixxi meta d-​dinja tibbombardjak b’ideat, prinċipji, jew forom taʼ divertiment ġodda? Tiġi ttantat tnaqqas il-​ħin minn obbligi spiritwali biex issus wara dawn l-​affarijiet? Jekk tagħmel dan tistaʼ toħnoq il-​progress spiritwali. Kemm ikun iktar għaqli li tuża l-​ħin għal attivitajiet spiritwali!—Efes. 5:15, 16.

Il-​mod kif tittratta maʼ nies oħrajn ukoll jistaʼ jindika l-​progress spiritwali. Tgħallimt ‘tagħder b’tenerezza, u taħfer mill-​qalb’ lil ħutek?—Efes. 4:32.

Il-​progress tiegħek f’li tagħmel l-​affarijiet kif irid Ġeħova għandu jidher kemm fil-​kongregazzjoni u kemm fid-​dar. Dan għandu jidher ukoll fl-​iskola, fil-​postijiet pubbliċi, u fil-​post tax-​xogħol tiegħek. (Efes. 5:21–6:9) Jekk f’dawn iċ-​ċirkustanzi kollha turi kwalitajiet divini bis-​sħiħ, imbagħad l-​avanz tiegħek se jidher.

Uża t-​Talenti Tiegħek

Ġeħova fada lil kull wieħed minna b’abbiltajiet u talenti. Hu jistenna li nużawhom għan-​nom taʼ oħrajn b’tali mod li permezz tagħna hu jistaʼ jesprimi l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. Dwar dan l-​appostlu Pietru kiteb: “Bħala prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pt. 4:10) Kif qed tieħu ħsieb ix-​xogħol tiegħek bħala prokuratur?

Pietru jkompli: “Jekk xi ħadd jitkellem, ħa jitkellem bħallikieku qed jgħid id-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (1 Pt. 4:11) Dan il-​vers jagħmel enfasi fuq ir-​responsabbiltà li nitkellmu fi qbil sħiħ mal-​Kelma taʼ Alla, ħalli Alla jiġi glorifikat. Il-​mod li bih jingħad dan il-​kliem għandu wkoll jigglorifika lil Ġeħova. It-​taħriġ provdut permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku jistaʼ jgħinek tuża l-​għotja tiegħek biex tagħti glorja lil Alla bil-​mod kif tgħin lil oħrajn. B’din il-​mira f’moħħok, kif għandek tkejjel il-​progress tiegħek fl-​iskola?

Minflok ma taħseb f’termini taʼ kemm punti koprejt fil-​formola tiegħek tal-​pariri jew it-​tip taʼ inkarigi li ngħatajt, aħseb dwar sa liema punt it-​taħriġ tejjeb il-​kwalità tas-​sagrifiċċju tiegħek taʼ tifħir. L-​iskola tħejjina biex inkunu iktar effettivi fil-​ministeru tal-​għalqa. Allura staqsi lilek innifsek: ‘Nipprepara sew x’se ngħid fil-​ministeru tal-​għalqa? Tgħallimt nuri interess persunali f’dawk li nagħtihom xhieda? Inħejji bażi għaż-​żjajjar lura billi nħalli n-​nies b’mistoqsija biex niddiskutuha d-​darba li jmiss? Jekk qed nistudja l-​Bibbja maʼ xi ħadd, qed naħdem biex nagħmel titjib bħala għalliem li jilħaq il-​qalb?’

Tħarisx lejn il-​progress sempliċement f’termini taʼ privileġġi taʼ servizz li jingħatawlek. L-​avanz tiegħek jidher mill-​mod kif twettaq l-​inkarigu mhux mill-​inkarigu nnifsu. Jekk tingħata inkarigu li jinvolvi t-​tagħlim, staqsi lilek innifsek: ‘Tassew użajt l-​arti tat-​tagħlim? Ittrattajt il-​materjal b’tali mod li effettwa tassew il-​ħajja taʼ dawk li semgħuh?’

L-​inkuraġġiment biex tuża t-​talenti tiegħek jindika li trid tieħu l-​inizjattiva. Tieħu l-​inizjattiva biex taħdem maʼ oħrajn fil-​ministeru? Tfittex opportunitajiet biex tgħin membri tal-​kongregazzjoni tiegħek li huma ġodda, żgħażagħ, jew morda? Toffri ruħek biex tnaddaf is-​Sala tas-​Saltna jew tgħin b’diversi modi fil-​konvenzjonijiet u l-​assembleat? Tistaʼ tapplika biex minn żmien għall-​ieħor taqdi bħala pijunier awżiljarju? Tistaʼ taqdi bħala pijunier regulari jew tgħin f’kongregazzjoni fejn il-​bżonn hu akbar? Jekk int ħu, qed tirsisti biex tilħaq il-​kwalifiki Skritturali għall-​qaddejja ministerjali u l-​anzjani? Il-​fatt li tkun lest toffri l-​għajnuna u taċċetta r-​responsabbiltà hu sinjal taʼ avanz ’il quddiem.—Salm 110:3.

L-​Irwol tal-​Esperjenza

Jekk tħossok limitat minħabba n-​nuqqas taʼ esperjenza fil-​ħajja Kristjana, agħmel kuraġġ. Il-​Kelma taʼ Alla tistaʼ “tagħti l-​għerf lil min hu bla esperjenza.” (Salm 19:7; 119:130; Prov. 1:1-​4) Meta napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja nkunu nistgħu nibbenefikaw mill-​għerf perfett taʼ Ġeħova, li hu ħafna iktar taʼ valur minn kwalunkwe tagħlim li nieħdu mill-​esperjenza biss. Madankollu, hekk kif nagħmlu progress fis-​servizz tagħna lil Ġeħova, aħna niksbu esperjenza taʼ valur. Kif nistgħu nużawha għal skop tajjeb?

Minħabba li individwu jiffaċċja diversi ċirkustanzi fil-​ħajja, hu jistaʼ jiġi ttantat jirraġuna: ‘Diġà ffaċċjajt sitwazzjoni bħal din. Naf x’għandi nagħmel.’ Ikun dan għaqli? Proverbji 3:7 jwissi: “Issirx għaref f’għajnejk stess.” L-​esperjenza żgur li għandha tgħinna nqisu aspetti differenti meta nittrattaw maʼ sitwazzjonijiet fil-​ħajja. Imma jekk qed nagħmlu progress spiritwali, l-​esperjenza tagħna għandha ddaħħlilna sew f’moħħna u f’qalbna l-​fatt li għandna bżonn il-​barka taʼ Ġeħova biex nirnexxu. Mela l-​progress tagħna jidher billi nduru lejn Ġeħova minn jeddna għad-​direzzjoni f’ħajjitna u mhux billi niffaċċjaw is-​sitwazzjonijiet b’fiduċja sħiħa fina nfusna. Dan jidher billi nkunu kunfidenti li ma jistaʼ jiġrilna xejn li ma jkunx ippermetta hu u billi nibqgħu nżommu relazzjoni taʼ fiduċja u affezzjoni maʼ Missierna tas-​sema.

Ibqaʼ Ġġebbed ’il Quddiem

Minkejja li l-​appostlu Pawlu kien matur spiritwalment u kien Kristjan midluk, hu rrikonoxxa li kellu bżonn jibqaʼ ‘jiġġebbed’ biex jikseb il-​mira tal-​ħajja. (Flp. 3:13-​16) Għandek l-​istess ħarsa?

Sa liema punt għamilt progress? Ikkalkula kemm qed tikber skont kemm ilbist kompletament il-​personalità l-​ġdida, skont kemm issottomettejt ruħek bis-​sħiħ għas-​sovranità taʼ Ġeħova, u skont kemm qed tuża t-​talenti tiegħek b’mod ħabrieki biex tonora lil Ġeħova. Int u tibbenefika mill-​edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, il-​kwalitajiet imsemmijin fil-​Kelma taʼ Alla għandhom jidhru dejjem iktar fil-​mod kif titkellem u tgħallem. Żomm f’moħħok dawn l-​aspetti tat-​tkabbir. Iva, ifraħ bihom u l-​progress tiegħek se jidher mill-​ewwel.

X’MIRI SPIRITWALI GĦANDEK?

Liema miri realistiċi għandek u li għandek tkun tistaʼ tiksibhom fi żmien sena?

  1. ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

  2. ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

Liema miri fit-​tul huma tant prezzjużi għalik li int determinat taħdem għalihom sakemm tilħaqhom?

  1. ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

  2. ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

  3. ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja