“Faħħru lil Jah!”
“Kull ma jieħu n-nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!”—SALM 150:6.
1, 2. (a) Il-vera Kristjanità sa liema punt iffjorixxiet fl-ewwel seklu? (b) L-appostli liema twissija bil-quddiem kienu taw? (ċ) Kif żviluppat l-apostasija?
ĠESÙ organizza lid-dixxipli tiegħu bħala l-kongregazzjoni Kristjana, li ffjorixxiet fl-ewwel seklu. Minkejja oppożizzjoni reliġjuża ħarxa, “l-Evanġelju . . . tħabbar lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” (Kolossin 1:23) Imma wara l-mewt taʼ l-appostli taʼ Ġesù Kristu, Satana baxx baxx introduċa l-apostasija.
2 L-appostli kienu taw twissija minn qabel dwar dan. Per eżempju, Pawlu qal lill-anzjani minn Efesu: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja taʼ Alla li hu kiseb b’demm [Ibn]u stess. Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:28-30; ara wkoll 2 Pietru 2:1-3; 1 Ġwann 2:18, 19.) B’hekk, fir-rabaʼ seklu, il-Kristjanità apostata bdiet issir ħaġa waħda maʼ l-Imperu Ruman. Xi ftit tas-sekli wara l-Imperu Qaddis Ruman, b’rabtiet mal-papa taʼ Ruma, beda jaħkem fuq sezzjoni kbira taʼ l-umanità. Maż-żmien, ir-Riforma Protestanta rribellat kontra l-eċċessi mill-agħar tal-Knisja Kattolika, imma naqset li terġaʼ ġġib il-vera Kristjanità.
3. (a) L-aħbar tajba meta u kif ġiet ippridkata lill-ħolqien kollu? (b) Liema stennijiet ibbażati fuq il-Bibbja twettqu fl-1914?
3 Minkejja dan, hekk kif qorob it-tmiem tas-seklu 19, grupp sinċier taʼ studenti tal-Bibbja kien għal darb’oħra attiv jippriedka u jestendi ‘lill-ħolqien kollu taħt is-sema t-tama taʼ l-aħbar tajba.’ Fuq il-bażi taʼ l-istudju tagħhom taʼ profezija Biblika, dan il-grupp indika bil-quddiem ’il fuq minn 30 sena qabel lejn is-sena 1914 bħala li timmarka t-tmiem taʼ “żmien il-ġnus [“iż-żminijiet maħturin tal-ġnus,” NW],” perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet,” jew 2,520 sena, li beda bil-ħerba taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. (Luqa 21:24; Danjel 4:13 [Danjel 4:16, NW]) Bħalma kien mistenni, is-sena 1914 uriet li kienet żmien taʼ bidla sinjifikanti fil-ġrajjiet tal-bniedem fuq l-art. Ġrajjiet storiċi seħħew fis-sema wkoll. Kien dak in-nhar li s-Sultan taʼ l-eternità poġġa lis-Sultan soċi tiegħu, Ġesù Kristu, fuq tron fis-sema, bi tħejjija biex jiġi miknus il-ħażen kollu minn fuq wiċċ din l-art u tiġi stabbilita mill-ġdid il-Ġenna.—Salm 2:6, 8, 9; 110:1, 2, 5.
Araw Is-Sultan Messjaniku!
4. Ġesù kif wettaq it-tifsira taʼ ismu Mikiel?
4 Fl-1914 dan is-Sultan Messjaniku, Ġesù, beda jieħu azzjoni. Fil-Bibbja jissejjaħ ukoll Mikiel, li jfisser “Min Hu Bħal Alla?,” għax hu jinsab iddeterminat li jivvindika s-sovranità taʼ Jehovah. Bħalma huwa miktub f’Apokalissi 12:7-12, l-appostlu Ġwanni ddeskriva f’viżjoni dak li kellu jiġri: “Qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-Anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-Anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħelbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U ġie mwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” Waqgħa kbira tabilħaqq!
5, 6. (a) Wara l-1914, liema proklamazzjoni eċċitanti saret mis-sema? (b) Mattew 24:3-13 kif jorbot maʼ dan?
5 Leħen qawwi ħafna fis-sema mbagħad ipproklama: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna taʼ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Kristu tiegħu, għax twaddab ’il barra dak li jixli ’l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna. U huma [Kristjani leali] ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-demm tal-Ħaruf [Kristu Ġesù] u bis-saħħa tal-kelma li xehdu, u ma għożżewx ħajjithom, minkejja saħansitra l-mewt.” Dan ifisser ħelsien għal dawk li żammew l-integrità, li eżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju prezzjuż bħala rahan taʼ Ġesù.—Proverbji 10:2; 2 Pietru 2:9.
6 Il-leħen qawwi fis-sema kompla jiddikjara: “Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Ħażin għalikom [“gwaj,” NW], ja art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Il-“gwaj” li ġie b’hekk ipprofetizzat għal din l-art deher fil-gwerer dinjin, ġuħ, pestilenzi, terremoti, u illegalità li impestaw l-art f’dan is-seklu. Bħalma jirrakkonta Mattew 24:3-13, Ġesù bassar li dawn kellhom ikunu parti mis-‘sinjal taʼ tmiem id-dinja.’ Fi qbil mal-profezija, mill-1914 ’l hawn l-umanità esperjenzat fuq l-art gwaj bla paragun fl-istorja umana kollha taʼ qabel.
7. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala jippridkaw b’urġenza?
7 F’din l-era taʼ gwaj sataniku, tistaʼ l-umanità ssib tama għall-futur? Tabilħaqq, iva, għax Mattew 12:21 jgħid dwar Ġesù: “F’ismu jittamaw il-ġnus”! Il-kundizzjonijiet trawmatiċi fost il-ġnus jimmarkaw mhux biss ‘is-sinjal taʼ tmiem id-dinja’ imma wkoll ‘is-sinjal tal-miġja taʼ Ġesù’ bħala Sultan tas-sema tas-Saltna Messjanika. Rigward dik is-Saltna, Ġesù jżid jgħid: “Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Liema poplu wieħed fuq l-art illum qiegħed jippriedka t-tama grandjuża tal-ħakma tas-Saltna t’Alla? Ix-Xhieda taʼ Jehovah! B’urġenza, huma jipproklamaw pubblikament u minn dar għal dar li s-Saltna t’Alla taʼ tjieba u paċi waslet biex tieħu kontroll taʼ l-affarijiet taʼ l-art. Qiegħed int tieħu sehem f’dan il-ministeru? Ma jistax ikollok privileġġ akbar minn dan!—2 Timotju 4:2, 5.
Kif Jiġi “T-Tmiem”?
8, 9. (a) Il-ġudizzju kif beda “mid-dar taʼ Alla”? (b) Il-Kristjaneżmu kif kiser il-Kelma t’Alla?
8 L-umanità daħlet f’perijodu taʼ ġudizzju. Aħna informati fl-1 Pietru 4:17 li l-ġudizzju beda “mid-dar taʼ Alla”—ġudizzju taʼ dawk li jgħidu li huma organizzazzjonijiet Kristjani li sar apparenti minn mindu “l-aħħar jiem” bdew iseħħu bit-tbiċċir taʼ l-Ewwel Gwerra Dinjija matul l-1914-18. Il-Kristjaneżmu kif kampa f’dan il-ġudizzju? Mela, ikkunsidra l-waqfa tal-knejjes f’li jappoġġjaw il-gwerer mill-1914 ’l hawn. M’humiex il-membri tal-kleru mtebbgħin bil-marki tad-“demm taʼ l-erwieħ imsejknin bla ħtija” li lilhom ippridkaw biex imorru jinqatlu fil-gwerra?—Ġeremija 2:34, KŻ.
9 Skond Mattew 26:52, Ġesù stqarr: “Kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” Kemm kien veru dan fil-gwerer taʼ dan is-seklu! Il-membri tal-kleru ħeġġew irġiel żgħażagħ biex jimmassakraw irġiel żgħażagħ oħrajn, saħansitra lil dawk tar-reliġjon tagħhom stess—billi Kattoliku joqtol lil Kattoliku u Protestant joqtol lil Protestant. In-nazzjonaliżmu ġie eżaltat ’il fuq minn Alla u Kristu. Riċentement, f’xi ġnus Afrikani, rabtiet etniċi tpoġġew qabel il-prinċipji tal-Bibbja. Fl-Irwanda, fejn il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni huma Kattoliċi, minn taʼ l-inqas nofs miljun ġew imbiċċrin fi vjolenza etnika. Il-papa ammetta fil-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano: “Dan huwa ġenoċidju minn kull aspett, li għalih sfortunatament saħansitra Kattoliċi huma responsabbli.”—Qabbel Isaija 59:2, 3; Mikea 4:3, 5.
10. Jehovah liema ġudizzju se jesegwixxi fuq ir-reliġjon falza?
10 Is-Sultan taʼ l-eternità kif iħares lejn reliġjonijiet li jinkuraġġixxu lin-nies biex joqtlu lil xulxin jew li ma jagħmlu xejn meta membri tal-merħla tagħhom joqtlu membri oħrajn? Rigward Babilonja l-Kbira, is-sistema dinjija taʼ reliġjon falza, Apokalissi 18:21, 24 jgħidilna: “Wieħed Anġlu taʼ saħħa kbira refaʼ ġebla, qisha ġebla kbira tal-mitħna, waddabha fil-baħar u qal: ‘Hekk b’saħħa tintrema Babel, il-Belt il-Kbira, u ma tinstabx iżjed.’ Fiha nstab id-demm tal-profeti u tal-qaddisin u tal-maqtulin kollha fuq l-art.”
11. Liema affarijiet orribbli ġraw u għadhom jiġru fil-Kristjaneżmu?
11 Bi twettiq tal-profezija tal-Bibbja, affarijiet orribbli seħħew u għadhom iseħħu fil-Kristjaneżmu. (Qabbel Ġeremija 5:30, 31; 23:14.) Fil-parti l-kbira minħabba l-attitudni permissiva tal-membri tal-kleru, il-merħliet tagħhom huma miżgħudin bl-immoralità. Fl-Istati Uniti, li suppost huwa nazzjon Kristjan, madwar nofs iż-żwiġijiet kollha jispiċċaw f’divorzju. It-tqala fost it-teenagers u l-omosesswalità huma abbundanti fost membri tal-knejjes. Qassisin qegħdin jabbużaw sesswalment minn tfal żgħar—u mhux biss f’xi każi rari. Intqal li kumpensi ordnati mill-qrati li jinvolvu dawn il-każi jistgħu jiswew lill-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti biljun dollaru fi żmien għaxar snin. Il-Kristjaneżmu injora t-twissija taʼ l-appostlu Pawlu misjuba fl-1 Korintin 6:9, 10: “Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!”
12. (a) Is-Sultan taʼ l-eternità kif se jieħu azzjoni kontra Babilonja l-Kbira? (b) F’kuntrast mal-Kristjaneżmu, in-nies t’Alla għal liema raġuni se jkantaw ritornelli taʼ “Hallelujah”?
12 Fi żmien qasir, is-Sultan taʼ l-eternità, Jehovah, billi jaġixxi permezz tal-Kmandant tiegħu tas-sema, Kristu Ġesù, se jagħti bidu għat-tribulazzjoni l-kbira. L-ewwel, il-Kristjaneżmu u l-fergħat l-oħrajn kollha taʼ Babilonja l-Kbira se jsofru l-esekuzzjoni tal-ġudizzju taʼ Jehovah. (Apokalissi 17:16, 17) Huma wrew lilhom infushom indenji tas-salvazzjoni li Jehovah ipprovda permezz tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. Huma bagħdu l-isem qaddis t’Alla. (Qabbel Eżekjel 39:7.) X’falzità li jkantaw ritornelli taʼ “Hallelujah” fit-tempji reliġjużi għonja tagħhom! Huma jneħħu l-isem prezzjuż taʼ Jehovah mit-traduzzjonijiet tagħhom tal-Bibbja imma donnhom li jinsew il-fatt li “Hallelujah” tfisser “Faħħru lil Jah”—li “Jah” hija għamla mqassra taʼ “Jehovah.” Bix-xieraq, Apokalissi 19:1-6 jiddokumenta r-ritornelli taʼ “Hallelujah” li dalwaqt jitkantaw bħala ċelebrazzjoni taʼ l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju t’Alla fuq Babilonja l-Kbira.
13, 14. (a) Liema ġrajjiet notevoli jiġru wara? (b) X’inhu r-riżultat hieni għal bnedmin li għandhom il-biżaʼ t’Alla?
13 Wara dan imiss il-‘wasla’ taʼ Ġesù biex jippronunzja u jesegwixxi ġudizzju fuq il-ġnus u l-popli. Hu nnifsu pprofetizza: “Meta jiġi Bin il-Bniedem [Kristu Ġesù] fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż [taʼ ġudizzju] tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha [fuq l-art], u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż: in-ngħaġ iqegħidhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Imbagħad is-Sultan igħid lil dawk taʼ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li thejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.’” (Mattew 25:31-34) Vers 46 jissokta jirrakkonta li l-klassi tal-mogħoż “imorru fit-tbatija [“qtugħ,” NW] taʼ dejjem u l-ġusti fil-ħajja taʼ dejjem.”
14 Il-ktieb Bibliku taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi kif is-“Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien,” il-Mulej tagħna tas-sema, Ġesù Kristu, f’dak iż-żmien se jiġi riekeb għall-battalja f’Armageddon, billi jeqred lill-elementi politiċi u kummerċjali tas-sistema taʼ Satana. B’hekk Kristu se jkun ferraʼ r-rabja “tal-korla taʼ Alla li jistaʼ kollox” fuq id-dominju kollu taʼ Satana fuq l-art. Hekk kif dawn ‘il-ħwejjeġ taʼ qabel jgħibu,’ bnedmin li jkollhom il-biżaʼ t’Alla se jiġu mdaħħlin fid-dinja ġdida glorjuża fejn Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.”—Apokalissi 19:11-16; 21:3-5.
Żmien Biex Infaħħru Lil Jah
15, 16. (a) Għala huwa vitali li nagħtu kas tal-kelma profetika taʼ Jehovah? (b) Il-profeti u l-appostli x’jindikaw li rridu nagħmlu biex insalvaw, u dan x’jistaʼ jfisser illum għal kotriet taʼ nies?
15 Dak il-jum għal esekuzzjoni taʼ ġudizzju huwa fil-qrib! Nagħmlu tajjeb, għalhekk, li nagħtu kas tal-kelma profetika tas-Sultan taʼ l-eternità. Lil dawk li għadhom maqbudin fit-tagħlim u d-drawwiet tar-reliġjon falza, leħen tas-sema jiddikjara: “Oħorġu minnha, popli tiegħi, biex ma jkollkomx x’taqsmu magħha fi dnubietha, u biex mill-kastigi tagħha ma tiħdux sehem.” Imma fejn iridu jmorru dawk li jaħarbu? Jistaʼ jkun hemm biss verità waħda, għalhekk biss reliġjon vera waħda. (Apokalissi 18:4; Ġwann 8:31, 32; 14:6; 17:3) Li niksbu l-ħajja taʼ dejjem jiddependi fuq li nsibu dik ir-reliġjon u nobdu lil Alla tagħha. Il-Bibbja tidderiġina lejh f’Salm 83:18 [KŻ], li jaqra: “Int, li ismek biss hu JEĦOVAH, int waħdek il-Għoli fuq l-art kollha.”
16 Madankollu, jeħtiġilna nagħmlu iżjed milli sempliċement inkunu nafu l-isem tas-Sultan taʼ l-eternità. Għandna bżonn nistudjaw il-Bibbja u nitgħallmu dwar il-kwalitajiet u l-iskopijiet grandjużi tiegħu. Imbagħad għandna bżonn nagħmlu r-rieda tiegħu għal dan iż-żmien preżenti, bħalma huwa indikat f’Rumani 10:9-13. L-appostlu Pawlu kkwota lill-profeti ispirati u kkonkluda: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.” (Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]; Sofonija 3:9) Salvati? Iva, għaliex kotriet taʼ nies illum li jeżerċitaw fidi fil-provvediment taʼ Jehovah taʼ rahan permezz taʼ Kristu se jinħelsu mit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja, meta ġudizzju fuq id-dinja korrotta taʼ Satana jiġi esegwit.—Apokalissi 7:9, 10, 14.
17. Liema tama grandjuża għandha tqanqalna biex ningħaqdu issa f’li nkantaw il-kantiku taʼ Mosè u tal-Ħaruf?
17 X’inhi r-rieda t’Alla għal dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin? Hija li ningħaqdu saħansitra issa f’li nkantaw il-kantiku taʼ Mosè u tal-Ħaruf, billi nfaħħru lis-Sultan taʼ l-eternità b’antiċipazzjoni tar-rebħa tiegħu. Nagħmlu dan billi ngħidu lil oħrajn dwar l-iskopijiet glorjużi tiegħu. Hekk kif nipprogressaw fil-fehma tal-Bibbja, niddedikaw ħajjietna lis-Sultan taʼ l-eternità. Dak se jwassal biex aħna ngħixu għall-eternità kollha taħt l-arranġament li dan is-Sultan setgħan jiddeskrivi, kif misjub f’Isaija 65:17, 18: “Għax, arani, se naħlaq smewwiet ġodda [is-Saltna Messjanika taʼ Ġesù] u art ġdida [soċjetà ġdida taʼ tjieba taʼ bnedmin]. Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad naħlaq jien.”
18, 19. (a) Il-kliem taʼ David f’Salm 145 x’għandu jqanqalna biex nagħmlu? (b) X’nistgħu b’mod fiduċjuż nistennew minn id Jehovah?
18 Is-salmista David iddeskriva lis-Sultan taʼ l-eternità b’dan il-kliem: “Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu.” (Salm 145:3) Il-kobor tiegħu huwa daqstant bla tarf daqs il-limiti taʼ l-ispazju u l-eternità! (Rumani 11:33) Fil-waqt li nkomplu nieħdu għarfien dwar il-Ħallieq tagħna u dwar il-provvediment tiegħu tar-rahan permezz taʼ Ibnu, Kristu Ġesù, se nkunu rridu nfaħħru lis-Sultan etern tagħna iżjed u iżjed. Se nkunu rridu nagħmlu bħalma jindika Salm 145:11-13: “Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu, biex igħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek, u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek. Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.”
19 Aħna nistgħu b’mod fiduċjuż nistennew li Alla tagħna se jżomm il-wegħda tiegħu: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.” Is-Sultan taʼ l-eternità se jmexxina b’mod teneru sat-tmiem taʼ dawn l-aħħar jiem, għaliex David jiżgurana: “Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom.”—Salm 145:16, 20.
20. Kif twieġeb int għall-istedina tas-Sultan taʼ l-eternità, bħalma hija mistqarra fl-aħħar ħames salmi?
20 Kull wieħed mill-aħħar ħames salmi fil-Bibbja jiftaħ u jagħlaq bi stedina taʼ “Hallelujah.” B’hekk, Salm 146 jistedinna: “Hallelujah! Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej! Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.” Se twieġeb int dik is-sejħa? Ċertament li għandek tkun trid tfaħħru! Jalla tkun fost dawk deskritti f’Salm 148:12, 13: “Iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal: ħa jfaħħru isem il-Mulej, għax ismu waħdu l-għoli, sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!” Jalla nwieġbu b’qalbna kollha għall-istedina: “Faħħru lil Jah!” Għalenija, ejjew infaħħru lis-Sultan taʼ l-eternità! (w96 4/1)
X’Inhu L-Kumment Tiegħek?
◻ L-appostli taʼ Ġesù dwar liema ħaġa wissew bil-quddiem?
◻ B’seħħ mill-1914, liema azzjonijiet deċiżivi ġraw?
◻ Jehovah liema ġudizzji wasal biex jesegwixxi?
◻ Dan għala huwa l-iktar żmien importanti biex infaħħru lis-Sultan taʼ l-eternità?
[Kaxxa paġna 31]
Din l-Era Katastrofika taʼ Taqlib
Li era taʼ taqlib żernqet kmieni fis-seklu 20 ġie rrikonoxxut minn ħafna. Per eżempju, fl-introduzzjoni tal-ktieb Pandaemonium, mis-Senatur taʼ l-Istati Uniti Daniel Patrick Moynihan, ippubblikat fl-1993, kumment fuq “il-katastrofi taʼ l-1914” jaqra: “Ġiet il-gwerra u d-dinja nbidlet—għal kollox. Illum hemm biss tmien stati fuq l-art li eżistew fl-1914 u ma kellhomx l-għamla tagħhom taʼ gvern mibdula bil-vjolenza minn dak iż-żmien ’l hawn. . . . Minn madwar 170 stat kontemporanju li baqaʼ, ftit minnhom inħolqu wisq riċentement biex ikunu ġarrbu ħafna mit-taqlib riċenti.” Verament, l-era mill-1914 ’l hawn xehdet katastrofi fuq oħra.
Ukoll fl-1993 ġie ppubblikat il-ktieb Out of Control—Global Turmoil on the Eve of the Twenty-First Century. L-awtur hu Zbigniew Brzezinski, dak li qabel kien il-kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali taʼ l-Istati Uniti. Hu jikteb: “Id-dħul tas-seklu għoxrin ġie milqugħ f’ħafna kummentarji bħala l-veru bidu taʼ l-Era tar-Raġuni. . . . Kuntrarju għall-wegħda tiegħu, is-seklu għoxrin sar l-iktar seklu mdemmi u mimli mibgħeda taʼ l-umanità, seklu taʼ politika taʼ delużjoni u taʼ qtil mostruż. Il-krudeltà kienet organizzata sa skala bla preċedent, il-qtil kien organizzat fuq bażi taʼ produzzjoni bil-massa. Il-kuntrast bejn il-potenzjal xjentifiku għat-tajjeb u l-ħażen politiku li attwalment ġie sfogat huwa taʼ tkexkix. Qatt qabel fl-istorja ma kien il-qtil daqstant mifrux globalment, qatt qabel ma kkonsma daqstant ħajjiet, qatt qabel il-qerda umana ma ġiet segwita b’tant konċentrazzjoni taʼ sforz kontinwu bbażat fuq miri daqstant irrazzjonali b’mod arroganti.” Kemm huwa veru dak!
[Stampa f’paġna 28]
Mikiel tafaʼ lil Satana u lill-qtajja tiegħu ’l isfel lejn l-art fl-1914