“Ibqgħu f’Sensikom Għalkollox”
“Min hu [“bla esperjenza,” “NW”] jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.”—PROVERBJI 14:15.
1, 2. (a) X’tgħallimna l-esperjenza taʼ Lot f’Sodoma? (b) Xi tfisser l-espressjoni “ibqgħu f’sensikom”?
META Abraham offra lil Lot biex jagħżel hu liema art irid, għajnejn Lot inġibdu lejn reġjun saqwi li kien “bħall-ġnien tal-Mulej.” Wisq probabbli dan kien jidher bħala l-post ideali fejn jissetilja l-familja tiegħu, ladarba “Lot għażel l-inħawi kollha madwar il-Ġordan” u waqqaf il-kamp viċin Sodoma. Madankollu, l-apparenza taʼ barra kienet qarrieqa għax fil-viċinanza tagħhom kienu jgħixu “n-nies taʼ Sodoma [li] kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem il-Mulej.” (Ġenesi 13:7-13) Hekk kif għadda ż-żmien, Lot u l-familja tiegħu sofrew telf kbir. Eventwalment, hu u wliedu l-bniet spiċċaw jgħixu ġo għar. (Ġenesi 19:17, 23-26, 30) Dak li għall-ewwel deher li kien tant tajjeb ta prova li kien totalment l-oppost.
2 Ir-rakkont dwar dak li ġara lil Lot jipprovdi lezzjoni għall-qaddejja t’Alla llum. Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet, irridu nżommu għajnejna miftuħin għal kwalunkwe periklu possibbli u ngħassu kontra li niġu mqarrqin mill-ewwel impressjonijiet. Mela, huwa xieraq li l-Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Ibqgħu f’sensikom għalkollox.” (1 Pietru 1:13) Il-kelma Griega li hawn ġiet tradotta “ibqgħu f’sensikom” letteralment tfisser “kunu meqjusin.” Skond l-istudjuż tal-Bibbja R.C.H. Lenski, il-fatt li tkun meqjus ifisser li tkun kalm, stat mentali stabbli li jiżen u jqis l-affarijiet eżatt, u b’hekk individwu jkun jistaʼ jieħu deċiżjoni tajba. Ejja nikkunsidraw xi sitwazzjonijiet li jeħtieġu li nkunu meqjusin.
Nikkunsidraw Sew Opportunità taʼ Negozju
3. Għala hemm bżonn li noqogħdu attenti jekk niġu offruti opportunità taʼ negozju?
3 Ejja ngħidu li ġejt offrut opportunità taʼ negozju minn xi ħadd rispettat ferm, forsi xi aduratur taʼ Ġeħova. Hu jidher entużjast dwar il-prospetti taʼ suċċess u jinkuraġġik biex ma ddumx taħsibha ħalli ma titlef xejn. Għandek mnejn tibda timmaġina ħajja aħjar għalik u għall-familja tiegħek, forsi saħansitra tibda tirraġuna li dan se jgħinek tiddedika iktar ħin għall-affarijiet spiritwali. Madankollu, Proverbji 14:15 iwissi: “Min hu [“bla esperjenza,” NW] jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” Minħabba l-eċċitament li jġib miegħu negozju ġdid, ir-riskji jistgħu jiġu minimizzati, il-perikli injorati, u l-inċertezzi li jġib miegħu negozju jistgħu lanqas jiġu kunsidrati sew. (Ġakbu 4:13, 14) F’sitwazzjoni bħal din, kemm huwa importanti li tibqaʼ f’sensik għalkollox!
4. Kif nistgħu ‘naraw sew qabel’ meta nkunu qed nikkunsidraw xi proposta taʼ negozju?
4 Min hu għaqli jeżamina bir-reqqa l-offerta taʼ negozju qabel ma jieħu deċiżjoni. (Proverbji 21:5) Eżami bħal dan ħafna drabi jikxef il-perikli moħbija. Ikkunsidra s-sitwazzjoni li ġejja: Xi ħadd qed jara minfejn se jissellef xi flus minħabba l-pjanijiet li għandu biex jibda negozju u joffrilek qligħ kbir jekk issellfu l-flus. L-offerta għandha mnejn tħajrek, imma x’inhuma r-riskji? Jaqbel dak li se jissellef li jħallas il-flus lura jiġri x’jiġri min-negozju, jew inkella l-ħlas lura se jiddependi minn jekk in-negozju hux se jirnexxi jew le? Fi kliem ieħor, tistaʼ int titlef flusek jekk in-negozju jfalli? Għandek mnejn tistaqsi wkoll: “L-individwu għala qed jitlob il-flus mingħand in-nies? Tgħid il-banek jaħsbu li l-intrapriża hija wisq riskjuża?” Jekk tieħu żżmien biex tikkunsidra r-riskji se tiġi megħjun biex tqis il-proposta b’mod iktar realistiku.—Proverbji 13:16; 22:3.
5. (a) Ġeremija liema pass għaqli ħa meta xtara għalqa? (b) Għala huwa taʼ benefiċċju li tagħmel ftehim formali bil-miktub għal kull arranġament tan-negozju?
5 Meta l-profeta Ġeremija xtara għalqa mingħand kuġinuh, li wkoll kien aduratur taʼ Ġeħova, hu niżżel bil-miktub it-transazzjoni quddiem xi xhieda. (Ġeremija 32:9-12) Min hu għaqli llum se jagħmel ċert li kull arranġament tan-negozju li jidħol għalih, inkluż mal-qraba u l-aduraturi sħabu, jiġi dokumentat fi ftehim formali bil-miktub.a Ftehim ċar u bil-miktub preparat minn qabel se jgħinek tevita li jkollok nuqqas taʼ qbil u tkun tistaʼ żżomm l-unità. Min-naħa l-oħra, meta ma jsirx ftehim bil-miktub ħafna drabi dan ikun wieħed mir-raġunijiet għala jinqalgħu problemi taʼ negozju bejn il-qaddejja taʼ Ġeħova. B’sogħba, problemi bħal dawn jistgħu jirriżultaw fi qsim il-qalb, imrar, u l-ispiritwalità saħansitra tistaʼ tmur lura.
6. Għala għandna ngħassu kontra r-regħba?
6 Irridu ngħassu wkoll kontra r-regħba. (Luqa 12:15) Il-wegħda taʼ qligħ kbir tistaʼ tagħmi lil dak li jkun mir-riskji taʼ intrapriża taʼ negozju li ma tkunx daqshekk għaqlija. Saħansitra wħud li kienu jgawdu privileġġi sbieħ fis-servizz taʼ Ġeħova spiċċaw biex waqgħu f’nassa bħal din. Il-Kelma t’Alla twissina: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent.” (Ebrej 13:5) Meta jkun qed iqis xi opportunità taʼ negozju, Kristjan għandu jikkunsidra, ‘Għandi verament għalfejn ninvolvi ruħi?’ Jekk ngħixu ħajja sempliċi ċentrata madwar il-qima tagħna lejn Ġeħova se niġu protetti minn “kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:6-10.
Sfidi li Jiffaċċjaw il-Kristjani Mhux Miżżewġin
7. (a) Xi sfidi jiffaċċjaw ħafna Kristjani mhux miżżewġin? (b) L-għażla tagħna taʼ sieħeb, jew sieħba, fiż-żwieġ kif inhi konnessa mal-lealtà tagħna lejn Alla?
7 Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova jixxennqu li jkunu miżżewġin imma għadhom ma sabu lil ħadd adattat. F’xi pajjiżi, hemm pressjoni soċjali kbira biex dak li jkun jiżżewweġ. Madankollu, għandu mnejn ikun hemm ftit opportunitajiet biex dak li jkun jiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jistaʼ jiżżewweġ fost sħabu fit-twemmin. (Proverbji 13:12) Biss, il-Kristjani jirrikonoxxu li jekk iżommu mal-kmandament Bibliku biex jiżżewġu “biss fil-Mulej,” ikunu qed juru l-lealtà tagħhom lejn Ġeħova. (1 Korintin 7:39) Il-Kristjani mhux miżżewġin iridu jibqgħu f’sensihom għalkollox biex iżommu sod kontra l-pressjonijiet u t-tentazzjonijiet li jiffaċċjaw.
8. Liema pressjoni ffaċċjat it-tfajla Sulamija, u n-nisa Kristjani llum kif jistgħu jiffaċċjaw sfida simili?
8 Fl-Għanja taʼ Salamun, tfajla sempliċi tar-raħal imsejħa s-Sulamija kisbet l-attenzjoni tas-sultan. Hu pprova jħajjarha għalih billi wrieha l-ġid kbir li kellu, il-prestiġju, u l-kariżma, minkejja li hi kienet diġà tħobb lil wieħed żagħżugħ. (L-Għanja taʼ l-Għanjiet 1:9-11; 3:7-10; 6:8-10; 7:1 [6:13, NW]) Jekk int mara Kristjana, int ukoll għandek mnejn sirt il-mira taʼ xi ħadd li ma tkunx tixtieq l-attenzjoni tiegħu. Jistaʼ jkun li xi ħadd fuq il-post tax-xogħol, forsi xi ħadd b’pożizzjoni t’awtorità, jibda jgħaddilek il-kumplimenti, jagħmillek xi pjaċir, u jibda jfittex opportunitajiet biex ikun miegħek. Oqgħod attenta minn attenzjoni bħal din. Għalkemm l-intenzjonijiet taʼ dak li jkun mhux bilfors ikunu romantiċi jew immorali, ħafna drabi hekk ikunu. Kun bħal “sur” bħas-Sulamija. (L-Għanja taʼ l-Għanjiet 8:4, 10) Irrifjuta avanzi bħal dawn b’mod sod. Mill-bidunett, għid lil sħabek taʼ fuq ix-xogħol li int waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u ħu kull opportunità biex tagħtihom xiehda. Dan se jkun taʼ protezzjoni għalik.
9. Liema huma xi perikli li tistaʼ tiffaċċja meta tidħol f’relazzjoni maʼ xi ħadd li ma tafx fuq l-Internet? (Ara wkoll il-kaxxa f’paġna 25.)
9 Il-Web sites taʼ l-Internet li huma disinjati biex jgħinu lil dawk li m’humiex miżżewġin isibu sieħeb għaż-żwieġ saru iktar popolari. Ħafna jqisuhom bħala mod kif isiru jafu nies li kieku qatt ma kienu se jiltaqgħu magħhom. Madankollu, hemm ħafna perikli meta tibda relazzjoni maʼ xi ħadd li ma tafx. Fuq l-Internet jistaʼ jkun diffiċli tiddistingwi bejn dak li hu veru u dak li m’huwiex. (Salm 26:4) Mhux dawk kollha li jgħidu li huma qaddejja taʼ Ġeħova fil-fatt ikunu hekk. Iktar minn hekk, meta toħroġ maʼ xi ħadd fuq l-Internet tistaʼ tifforma relazzjoni qawwija malajr, u dan jistaʼ ma jħallikx tagħmel ġudizzju tajjeb. (Proverbji 28:26) Kemm jekk bl-Internet u kemm jekk b’xi mezz ieħor, m’huwiex għaqli tikkultiva relazzjoni mill-qrib maʼ xi ħadd li ma tantx taf dwaru.—1 Korintin 15:33.
10. Il-Kristjani li m’humiex miżżewġin kif jistgħu jiġu inkuraġġiti minn sħabhom fit-twemmin?
10 Ġeħova juri “affezzjoni b’tenerezza kbira” mal-qaddejja tiegħu. (Ġakbu 5:11) Hu jaf li l-isfidi li jiffaċċjaw il-Kristjani li ma żżewġux minħabba ċ-ċirkustanzi jistgħu jkunu skuraġġanti, imma hu jgħożż il-lealtà tagħhom. Oħrajn kif jistgħu jinkuraġġuhom? Għandna nfaħħruhom b’mod regulari għall-ubbidjenza tagħhom u l-ispirtu taʼ sagrifiċċju li juru. (Mħallfin 11:39, 40, NW) Nistgħu ninkluduhom f’arranġamenti għal sħubija li ssaħħaħ. Ilek ma tagħmel hekk? Iktar minn hekk, nistgħu ninkluduhom fit-talb tagħna u nitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom iżommu bilanċ spiritwali u jsibu l-ferħ f’li jaqduh. Permezz taʼ l-interess sinċier tagħna, jalla nuru li napprezzaw lil dawn l-uħud leali bħalma japprezzahom Ġeħova.—Salm 37:28.
Nittrattaw Problemi taʼ Saħħa
11. Liema sfidi jqajmu l-problemi serji taʼ saħħa?
11 Kemm huwa taʼ niket meta aħna jew xi ħadd li nħobbu jgħaddi minn problema serja taʼ saħħa! (Isaija 38:1-3) Filwaqt li nfittxu kura effettiva, huwa vitali li nżommu mal-prinċipji Skritturali. Per eżempju, il-Kristjani joqogħdu attenti li jobdu l-kmand tal-Bibbja li jitbiegħdu mid-demm u jevitaw kwalunkwe proċedura dijanjostika jew terapewtika li tinvolvi l-ispiritiżmu. (Atti 15:28, 29; Galatin 5:19-21) Madankollu, għal dawk li ma kellhom ebda taħriġ fil-mediċina, il-fatt li jridu jqisu l-għażliet differenti għall-kura jistaʼ jħawwadhom u jbeżżagħhom. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu f’sensina għalkollox?
12. Kristjan kif jistaʼ jżomm il-bilanċ meta jibda jikkunsidra l-għażliet taʼ kura?
12 “Min moħħu jilħaqlu jara sewwa” billi jagħmel riċerka fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet Kristjani. (Proverbji 14:15) F’pajjiżi fejn hemm ftit tobba u sptarijiet, l-unika kura disponibbli għandha mnejn tkun il-mediċina tradizzjonali, li fiha jużaw il-ħxejjex. Jekk qed nikkunsidraw kura bħal din, l-informazzjoni li hemm fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 t’April, 1987, paġni 26-9 se tkun t’għajnuna. Din iġġibna konxji tal-perikli li jistaʼ jkun hemm. Per eżempju, għandu mnejn ikollna nfittxu dwar l-affarijiet li ġejjin: Huwa dak li jfejjaq b’mod tradizzjonali magħruf bħala li jipprattika l-ispiritiżmu? Hija l-kura bbażata fuq it-twemmin li l-mard u l-mewt huma kaġunati minn allat (jew spirti t’antenati) li ħassewhom offiżi jew minn xi għadu li juża s-seħer? Huma s-sagrifiċċji, is-seħer, jew ritwali spiritistiċi oħra użati waqt it-tħejjija jew l-użu taʼ dawn il-mediċini? (Dewteronomju 18:10-12) Riċerka bħal din se tgħinna nagħtu kas dan il-parir ispirat: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-tajjeb.”b (1 Tessalonikin 5:21) Dan se jgħinna nżommu l-bilanċ.
13, 14. (a) Kif nistgħu nuru li aħna raġunevoli meta nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna? (b) Għala huwa importanti li nuru r-raġunevolezza meta niddiskutu kwistjonijiet mediċi u taʼ saħħa m’oħrajn?
13 Ir-raġunevolezza hija bżonnjuża f’kull aspett tal-ħajja, inkluż meta nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna. (Filippin 4:5) Il-fatt li nagħtu kas saħħitna b’mod bilanċjat juri li għandna apprezzament għar-rigal tal-ħajja. Meta niffaċċjaw problemi taʼ saħħa, dawn żgur jistħoqqilhom ħafna mill-attenzjoni tagħna. Madankollu, ma nistgħux niksbu saħħa perfetta sakemm jasal iż-żmien t’Alla biex ‘ifejjaq il-ġnus.’ (Rivelazzjoni 22:1, 2) Irridu ngħassu kontra li nsiru tant preokkupati bis-saħħa fiżika tagħna li l-bżonnijiet spiritwali li huma iktar importanti jingħataw it-tieni post.—Mattew 5:3; Filippin 1:10.
14 Irridu nuru wkoll bilanċ u nkunu raġunevoli meta niddiskutu kwistjonijiet mediċi u taʼ saħħa m’oħrajn. Dawn is-suġġetti m’għandhomx jiddominaw il-konversazzjonijiet tagħna meta ninġabru għas-sħubija spiritwali fil-laqgħat u l-assembleat Kristjani. Iktar minn hekk, ħafna drabi d-deċiżjonijiet mediċi jinvolvu l-prinċipji Bibliċi, il-kuxjenza taʼ dak li jkun, u r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. Għalhekk, ikun nuqqas taʼ mħabba li nimponu l-ideat tagħna fuq sħabna fit-twemmin jew nagħmlulhom pressjoni biex jinjoraw dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom. Filwaqt li nistgħu nikkonsultaw maʼ wħud maturi fil-kongregazzjoni għall-għajnuna, kull Kristjan għandu “jġorr it-tagħbija tiegħu” tar-responsabbiltà għad-deċiżjoni li jieħu, u “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Galatin 6:5; Rumani 14:12, 22, 23.
Meta Nkunu Għaddejjin minn Stress
15. Kif jistgħu ċirkustanzi stressanti joħolqu sfida?
15 Ċirkustanzi stressanti jistgħu jġagħlu saħansitra lill-qaddejja leali taʼ Ġeħova jitkellmu u jaġixxu b’mod li m’huwiex għaqli. (Koħèlet 7:7) Meta kien għaddej minn provi ħorox, Ġob tilef kemxejn il-bilanċ u kellu jiġi megħjun jirranġa l-mod taʼ ħsieb tiegħu. (Ġob 35:2, 3; 40:6-8) Għalkemm Mosè kien ‘l-aktar umli fost il-bnedmin fuq wiċċ l-art,’ f’okkażjoni minnhom hu ħassu provokat u tkellem bla ma ħaseb. (Numri 12:3; 20:7-12; Salm 106:32, 33) David wera rażna taʼ min jammiraha meta ma qatilx lis-Sultan Sawl, imma meta Nabal insultah u beda jgħajjar lill-irġiel tiegħu, David tant irrabja li tilef id-dixxerniment tiegħu. Kien biss meta interveniet Abigajl li hu reġaʼ ġie f’sensih, u b’hekk evita żball li kien ikun diżastruż.—1 Samwel 24:3-8 (24:2-7, NW); 25:9-13, 32, 33.
16. X’jistaʼ jgħinna biex nevitaw li naġixxu b’nuqqas taʼ ħsieb?
16 Aħna wkoll nistgħu niffaċċjaw sitwazzjonijiet stressanti li jistgħu jtellfulna d-dixxerniment. Jekk inqisu sew dak li jaħseb ħaddieħor, bħalma għamel David, nistgħu niġu megħjunin nevitaw li naġixxu b’nuqqas taʼ ħsieb u naqgħu malajr fid-dnub. (Proverbji 19:2) Iżjed minn hekk, il-Kelma t’Alla twissina: “[“Inkwetaw,” NW] u la tidinbux; aħsbu f’qalbkom billejl, u isktu!” (Salm 4:5 [4:4, NW]) Kulmeta jkun possibbli, huwa għaqli nistennew sakemm inkunu kalmi qabel ma naġixxu jew nieħdu xi deċiżjoni. (Proverbji 14:17, 29) Nistgħu nduru lejn Ġeħova b’talb ħerqan, ‘u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbna u l-qawwa mentali tagħna permezz taʼ Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:6, 7) Din il-paċi li jagħti Alla se tikkalmana u se tgħinna nibqgħu f’sensina għalkollox.
17. Għala għandna nistrieħu fuq Ġeħova biex nibqgħu f’sensina għalkollox?
17 Minkejja kull sforz li nagħmlu biex nevitaw il-perikli u naġixxu bl-għaqal, ilkoll kemm aħna nonqsu. (Ġakbu 3:2) Għandna mnejn inkunu se nieħdu pass ħażin u lanqas biss nindunaw. (Salm 19:13, 14 [19:12, 13, NW]) Barra minn hekk, bħala ħlejjaq ħajjin, aħna la għandna l-abbiltà u lanqas id-dritt li nidderieġu l-passi tagħna mingħajr Ġeħova. (Ġeremija 10:23) Kemm aħna grati li hu jassigurana: “Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nibqgħu f’sensina għalkollox.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar l-arranġamenti tan-negozju bil-miktub ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Awissu, 1997, paġni 30-1; The Watchtower tal-15 taʼ Novembru, 1986, paġni 16-17; u l-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Frar, 1983, paġni 13-15, pubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Dan il-metodu se jgħin ukoll lil dawk li jkunu qed jikkunsidraw forom alternattivi biex jiġi kkurat xi mard.
Int Kif Twieġeb?
Kif nistgħu nibqgħu f’sensina
• jekk niġu offruti opportunità taʼ negozju?
• meta nfittxu sieħeb, jew sieħba, għaż-żwieġ?
• meta niffaċċjaw problema taʼ saħħa?
• meta nkunu għaddejjin minn stress?
[Kaxxa f’paġna 25]
Tistaʼ Tafdahom?
Dawn li ġejjin huma rinunzji taʼ drittijiet legali li jidhru fuq il-Web sites għal dawk li m’humiex miżżewġin:
“Għalkemm saru sforzi min-naħa tagħna, m’hemm l-ebda garanzija dwar l-identità vera taʼ l-individwu.”
“M’hemmx garanzija li l-informazzjoni li hawn f’dan is-servizz hija eżatta, kompluta, jew taʼ min jużaha.”
“L-opinjonijiet, il-pariri, l-istqarrijiet, l-offerti, jew kwalunkwe informazzjoni oħra jew kontenut disponibbli [f’dan] is-servizz huma taʼ l-awturi rispettivi tagħhom . . . u mhux neċessarjament taʼ min joqgħod fuqhom.”
[Stampa f’paġna 23]
“Min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen”
[Stampi f’paġna 24]
In-nisa Kristjani kif jistgħu jimitaw lit-tfajla Sulamija?
[Stampa f’paġna 26]
“Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-tajjeb”