LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 12/1 pp. 19-24
  • Taqtax Qalbek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Taqtax Qalbek!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Oħrajn Jiddiżappuntawna
  • Meta Niżbaljaw
  • Meta Nħossuna Li M’Aħniex Nagħmlu Biżżejjed
  • Meta Ħafna Jintalab Minna
  • Minħabba Li T-​Tmiem Għadu Ma Ġiex
  • Jehovah Jagħti lill-Wieħed Għajjien Qawwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ħares Dritt ’il Quddiem Lejn il-Futur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Is-Sentimenti taʼ Ħtija—Huma Dawn Dejjem Ħżiena?
    Stenbaħ!—2002
  • “Jagħti l-qawwa lill-għajjien”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 12/1 pp. 19-24

Taqtax Qalbek!

“[Ejjew] ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—GALATIN 6:9.

1, 2. (a) Iljun b’liema modi jikkaċċja? (b) Ix-​Xitan lil min huwa speċjalment interessat li jaqbad bħala priża?

ILJUN jikkaċċja b’diversi modi. Xi drabi jistenna mistoħbi għall-​priża tiegħu ħdejn għadajjar taʼ l-​ilma jew passaġġi ffrekwentati ħafna. Imma xi drabi, jgħid il-​ktieb Portraits in the Wild, iljun “sempliċement jieħu vantaġġ minn sitwazzjoni​—per eżempju, meta jiltaqaʼ maʼ xi felu taʼ żebra rieqed.”

2 ‘L-​għadu tagħna, ix-​xitan,’ jispjega l-​appostlu Pietru, “qisu ljun igħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Billi jaf li ż-​żmien li baqagħlu huwa qasir, Satana qiegħed jeżerċita saħansitra pressjoni akbar fuq il-​bnedmin biex iżommhom milli jaqdu lil Jehovah. Madankollu, dan l-​“[i]ljun igħajjat” huwa speċjalment interessat f’li jaqbad bħala priża lill-​qaddejja taʼ Jehovah. (Apokalissi 12:12, 17) Il-​metodi taʼ kaċċa tiegħu huma simili għal dawk tal-​pariġġ tiegħu fis-​saltna taʼ l-​annimali. Dan kif?

3, 4. (a) Satana liema metodi juża biex jaqbad bħala priża lill-​qaddejja taʼ Jehovah? (b) Minħabba li dawn huma ‘żminijiet ibsin,’ liema mistoqsijiet jitqajmu?

3 Xi drabi Satana jipprova jattakka minn moħba​—persekuzzjoni jew oppożizzjoni mmirata biex tkisser l-​integrità tagħna sabiex nieqfu naqdu lil Jehovah. (2 Timotju 3:12) Imma, bħall-​iljun, xi drabi oħrajn ix-​Xitan sempliċement jieħu vantaġġ minn sitwazzjoni. Jistenna sakemm niġu skuraġġiti jew ngħejjew, u mbagħad jipprova japprofitta mill-​istat emozzjonali baxx tagħna sabiex iġegħilna naqtgħu qalbna. Ma rridux insiru priża faċli!

4 Madankollu, aħna qegħdin ngħixu fl-​iktar perijodu diffiċli fl-​istorja umana kollha. F’dawn ‘iż-​żminijiet ibsin,’ ħafna minna jistgħu jħossuhom skuraġġiti jew imtaqqlin kultant. (2 Timotju 3:1) Kif, allura, nistgħu nevitaw li tant ngħejjew li nsiru priża faċli għax-​Xitan? Iva, kif nistgħu nagħtu kas tal-​parir ispirat taʼ l-​appostlu Pawlu: “[Ejjew] ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu”?—Galatin 6:9.

Meta Oħrajn Jiddiżappuntawna

5. X’ġiegħel lil David jgħejja, imma liema ħaġa m’għamilx?

5 Fi żminijiet Bibliċi, saħansitra l-​iktar qaddejja leali taʼ Jehovah setgħu ħassewhom imtaqqlin. “Infnejt bit-​tnehid tiegħi,” kiteb is-​salmista David. “Kull lejl nibki fuq friexi, bid-​dmugħ inxarrab soddti. Għajnejja bil-​biki tgħarrqu.” David għala ħassu hekk? “Minħabba l-​egħdewwa tiegħi,” hu spjega. L-​azzjonijiet li jweġġgħu t’oħrajn ikkaġunaw lil David tant uġigħ taʼ qalb li d-​dmugħ tiegħu kien abbundanti. Xorta waħda, David ma warrabx minn Jehovah minħabba dak li għamlulu bnedmin sħabu.—Salm 6:7-10 [Salm 6:6-9, NW].

6. (a) Kif nistgħu niġu effettwati mill-​kliem u l-​azzjonijiet t’oħrajn? (b) Xi wħud kif jagħmlu lilhom infushom priża faċli għax-​Xitan?

6 B’mod simili, il-​kliem u l-​azzjonijiet t’oħrajn jistgħu jġegħluna ngħejjew b’ħafna wġigħ taʼ qalb. “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal b’sejf,” jgħid Proverbji 12:18. Meta l-​wieħed taʼ bla ħsieb hu ħu Kristjan jew oħt, il-​‘ferita tas-​sejf’ tistaʼ tinfed fil-​fond. It-​tendenza umana tistaʼ tkun li toffendi ruħek, forsi billi żżomm f’qalbek. Dan huwa speċjalment veru jekk inħossuna li ġejna ttrattati ħażin jew inġustament. Għandu mnejn insibuha iebsa li nitkellmu maʼ dak li offendiena; nistgħu saħansitra nevitaw lilu jew lilha deliberatament. Imtaqqlin b’dawn is-​sentimenti t’offiża, xi wħud qatgħu qalbhom u ma baqgħux jiġu għal-​laqgħat Kristjani. B’sogħba, huma b’hekk ‘jagħtu l-​wisaʼ lix-​xitan’ biex jieħu vantaġġ minnhom bħala priża faċli.—Efesin 4:27.

7. (a) Kif nistgħu nevitaw li ma naqgħux f’idejn ix-​Xitan meta oħrajn jiddiżappuntawna jew iweġġgħuna? (b) Għala m’għandniex inżommu f’qalbna?

7 Kif nistgħu nevitaw li naqgħu f’idejn ix-​Xitan meta oħrajn jiddiżappuntawna jew iweġġgħuna? Irridu nipprovaw ma nżommux f’qalbna. Minflok, ħu l-​inizjattiva biex tagħmel paċi jew tissetilja l-​kwistjoni malajr kemm jistaʼ jkun. (Efesin 4:26) Kolossin 3:13 iħeġġiġna: “Jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin.” Il-​maħfra hija speċjalment xierqa meta dak li offendiena jammetti l-​iżball u jiddispjaċih ġenwinament. (Qabbel Salm 32:3-5 u Proverbji 28:13.) Jgħinna, iżda, jekk niftakru li meta naħfru ma jfissirx li aħna naqblu jew inċekknu l-​iżbalji li oħrajn ikunu kkommettew. Li taħfer jinvolvi li ma tibqax iżżomm f’qalbek. Li żżomm f’qalbek huwa piż tqil x’iġġorr. Jistaʼ jikkonsma l-​ħsibijiet tagħna, billi jisirqilna l-​hena. Jistaʼ saħansitra jeffettwa s-​saħħa tagħna. F’kuntrast, il-​maħfra, fejn xierqa, taħdem għall-​benefiċċju tagħna stess. Jalla aħna, bħal David, qatt ma naqtgħu qalbna u nitbiegħdu minn Jehovah minħabba dak li bnedmin oħrajn qalulna jew għamlulna!

Meta Niżbaljaw

8. (a) Xi wħud għala jħossuhom speċjalment ħatjin kultant? (b) Liema periklu hemm f’li tant ninbelgħu mill-​ħtija li naqtgħu qalbna minna nfusna?

8 “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit,” jgħid Ġakbu 3:2. Meta jiġrilna hekk, hija ħaġa naturali li nħossuna ħatjin. (Salm 38:4-9 [Salm 38:3-8, NW]) Sentimenti taʼ ħtija jistgħu jkunu speċjalment qawwijin jekk inkunu qegħdin nitqabdu maʼ xi dgħjufija tal-​laħam u nġarrbu tefgħat lura perjodiċi.a Waħda Kristjana li ffaċċjat taqbida bħal din spjegat: “Ma ridtx nibqaʼ ngħix, billi ma kontx naf jekk ikkommettejtx id-​dnub li ma jinħafirx jew le. Ħassejtni li għal xejn qiegħda nistinka fis-​servizz taʼ Jehovah għaliex probabbli kien tard wisq għalija.” Meta tant ninbelgħu bil-​ħtija li naqtgħu qalbna minna nfusna, inkunu qegħdin niftħulu lix-​Xitan​—u jistaʼ malajr jieħu vantaġġ minn dan! (2 Korintin 2:5-7, 11) Dak li huwa meħtieġ jistaʼ jkun ħarsa iżjed ibbilanċjata dwar il-​ħtija.

9. Għala għandna jkollna fiduċja fil-​ħniena t’Alla?

9 Meta nidinbu huwa xieraq li nħossu ammont taʼ ħtija. Xi drabi, iżda, sentimenti taʼ ħtija jippersistu għaliex Kristjan iħossu li qatt ma jistaʼ jkun denju tal-​ħniena t’Alla. Madankollu, il-​Bibbja tiżgurana kordjalment: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (1 Ġwann 1:9) Hemm xi raġuni soda biex nemmnu li Alla ma jagħmilx dak fil-​każ tagħna? Ftakar, fil-​Kelma tiegħu, Jehovah jgħid li hu ‘lest li jaħfer.’ (Salm 86:5; 130:3, 4) Ladarba hu ma jistax jigdeb, se jagħmel dak li twegħidna l-​Kelma tiegħu, dment li aħna niġu għandu b’qalb niedma.—Titu 1:2.

10. Torri Taʼ L-​Għassa iżjed bikri liema rassiguranza li tqawwi l-​qalb ippubblika dwar li niġġieldu dgħjufija tal-​laħam?

10 X’għandek tagħmel jekk qiegħed tiġġieled dgħjufija u terġaʼ taqaʼ? Taqtax qalbek! Li terġaʼ taqaʼ ma jħassarx neċessarjament il-​progress li tkun diġà għamilt. Il-​ħarġa tal-​15 taʼ Frar, 1954, taʼ din ir-​rivista offriet din ir-​rassiguranza li tqawwi l-​qalb: “Aħna [nistgħu] nsibu lilna nfusna nitfixklu u naqgħu ħafna drabi f’xi drawwa ħażina li daħlet fil-​fond fil-​mudell taʼ ħajja tagħna taʼ qabel iżjed milli konna rrealizzajna. . . . Tiddisprax. Tikkonkludix li kkommettejt id-​dnub li ma jinħafirx. Dak huwa eżatt kif Satana jixtieqek tirraġuna. Il-​fatt li int tħossok imnikket u mdejjaq bik innifsek huwa prova fih innifsu li ma qbiżtx il-​limitu. Qatt tgħejja milli ddur umilment u bis-​serjetà lejn Alla, billi tfittex il-​maħfra u t-​tnaddif u l-​għajnuna tiegħu. Mur għandu bħalma tifel imur għand missieru meta jkun fl-​inkwiet, ikun kemm ikun taʼ spiss fuq l-​istess dgħjufija, u Jehovah b’mod grazzjuż se jagħtik l-​għajnuna minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu u, jekk int sinċier, se jagħtik ir-​realizzazzjoni taʼ kuxjenza mnaddfa.”

Meta Nħossuna Li M’Aħniex Nagħmlu Biżżejjed

11. (a) Kif għandna nħossuna dwar li nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna? (b) Xi Kristjani liema sentimenti dwar li jieħdu sehem fil-​ministeru jissieltu magħhom?

11 Ix-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna jilgħab parti importanti fil-​ħajja taʼ Kristjan, u li nieħdu sehem fih iġib ferħ. (Salm 40:9 [40:​8, NW]) Xi Kristjani, iżda, iħossuhom ħatjin ħafna li ma jistgħux jagħmlu iżjed fil-​ministeru. Ħtija bħal din tistaʼ saħansitra therri l-​ferħ tagħna u ġġegħilna naqtgħu qalbna, billi nimmaġinaw li Jehovah iħoss li qatt ma nagħmlu biżżejjed. Ikkunsidra s-​sentimenti li xi wħud jissieltu magħhom.

“Taf xejn kemm jeħodlok ħin il-​faqar?” kitbet waħda oħt Kristjana li maʼ żewġha qiegħda trabbi tlett itfal. “Irrid niffranka kulfejn nistaʼ. Dan ifisser li nqattaʼ ħin infittex fi ħwienet li jbigħu ħwejjeġ użati, fuq xkafef taʼ ħwienet b’sejlijiet biex jiżbarazzaw, jew saħansitra nħit il-​ħwejjeġ. Inqattaʼ wkoll xi siegħa jew tnejn fil-​ġimgħa nagħżel il-​kupuni​—naqtagħhom, inġemmagħhom, u npartathom m’oġġetti. Kultant inħossni ħatja ħafna li nagħmel dawn l-​affarijiet, billi naħseb li għandi nqattaʼ dak il-​ħin barra fl-​għalqa tas-​servizz.”

“Ħsibt li m’inix tassew inħobb lil Jehovah biżżejjed,” spjegat oħt b’erbat itfal u raġel mhux kredent. “Għalhekk tħabatt biex naqdi lil Jehovah. Ipprovajt tassew iebes, imma qatt ma ħassejt li kien biżżejjed. Taf xejn, ma kelli ebda sentiment taʼ stima għalija nnifsi, u għalhekk ma stajtx nimmaġina kif Jehovah qatt setaʼ jaċċetta s-​servizz tiegħi lejh.”

Kristjana li kellha titlaq is-​servizz full-time qalet: “Ma stajtx inġerraħ l-​idea li kont qiegħda nonqos mill-​impenn tiegħi li naqdi lil Jehovah full-time. Ma tistax timmaġina kemm kont iddiżappuntata! Naqbad nibki issa meta niftakar.”

12. Xi Kristjani għala jħossuhom ħatjin ħafna dwar li m’humiex kapaċi jagħmlu iktar fil-​ministeru?

12 Hija ħaġa naturali li tkun trid taqdi lil Jehovah bl-​iktar mod sħiħ possibbli. (Salm 86:12) Għala, iżda, xi wħud iħossuhom ħatjin ħafna li ma jistgħux jagħmlu iżjed? Għal xi wħud, dan jidher li huwa marbut maʼ sentiment ġenerali taʼ li wieħed iħossu ma jiswa għal xejn, li forsi jirriżulta minn esperjenzi mhux pjaċevoli fil-​ħajja. F’każi oħrajn, ħtija mhix xierqa tistaʼ tirriżulta minn ħarsa mhix realistika dwar dak li Jehovah jistenna minna. “Kont inħoss li jekk ma taħdimx sal-​punt li tinfileġ, x’aktarx li m’intix qiegħda tagħmel biżżejjed,” ammettiet waħda Kristjana. Bħala riżultat, hi stabbiliet livelli għoljin iżżejjed għaliha nfisha​—u mbagħad ħassitha saħansitra iżjed ħatja meta ma setgħetx tilħaqhom.

13. Jehovah x’jistenna minna?

13 Jehovah x’jistenna minna? Fi kliem sempliċi, Jehovah jistenna li aħna naqduh b’ruħna kollha, billi nagħmlu dak li ċ-​ċirkostanzi tagħna jippermettu. (Kolossin 3:23) Jistaʼ, madankollu, ikun hemm differenza kbira bejn dak li kieku nixtiequ nagħmlu u dak li realistikament nistgħu nagħmlu. Nistgħu nkunu llimitati b’fatturi bħalma huma l-​età, is-​saħħa, l-​istamina fiżika, jew ir-​responsabbiltajiet tal-​familja. Minkejja dan, meta nagħmlu dak kollu li nistgħu, nistgħu nħossuna żgurati li s-​servizz tagħna lil Jehovah huwa b’ruħna kollha​—xejn iktar u xejn inqas b’ruħna kollha minn dak taʼ xi ħadd li s-​saħħa u ċ-​ċirkostanzi tiegħu jippermettulu li jkun fil-​ministeru full-time.—Mattew 13:18-23.

14. X’tistaʼ tagħmel jekk għandek bżonn l-​għajnuna biex tiddetermina dak li tistaʼ realistikament tistenna minnek innifsek?

14 Kif, allura, tistaʼ tiddetermina dak li int tistaʼ realistikament tistenna minnek innifsek? Għandu mnejn tixtieq titkellem dwar dan maʼ xi ħabib Kristjan matur, li tafdah, forsi anzjan jew oħt t’esperjenza, li jaf l-​abbiltajiet tiegħek, il-​limitazzjonijiet tiegħek, u r-​responsabbiltajiet tiegħek tal-​familja. (Proverbji 15:22) Ftakar li f’għajnejn Alla l-​valur tiegħek bħala persuna m’huwiex imkejjel b’kemm tagħmel fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Il-​qaddejja kollha taʼ Jehovah huma prezzjużi għalih. (Ħaggaj 2:7; Malakija 3:16, 17) Dak li tagħmel fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar għandu mnejn ikun iżjed jew inqas minn dak li jagħmlu oħrajn, imma dment li dan jirrappreżenta l-​aqwa tiegħek, Jehovah hu kuntent, u m’hemmx għalfejn tħossok ħati.—Galatin 6:4.

Meta Ħafna Jintalab Minna

15. B’liema modi huwa ħafna mitlub minn anzjani tal-​kongregazzjoni?

15 “Għax jekk tawk ħafna,” qal Ġesù, “ifittxu li jieħdu ħafna minn għandek.” (Luqa 12:48) Ċertament ‘ħafna huwa mitlub’ minn dawk li jaqdu bħala anzjani tal-​kongregazzjoni. Bħal Pawlu huma jutilizzaw lilhom infushom għan-​nom tal-​kongregazzjoni. (2 Korintin 12:15) Għandhom taħditiet x’jippreparaw, żjajjar pastorali x’jagħmlu, każi ġudizzjarji x’jittrattaw​—kollha mingħajr ma jittraskuraw il-​familji tagħhom stess. (1 Timotju 3:4, 5) Xi anzjani huma mħabbtin ukoll f’li jgħinu biex jibnu Swali tas-​Saltna, jaqdu f’Kumitati Taʼ Kordinazzjoni Maʼ l-​Isptarijiet, u jservu bħala voluntieri f’assembleat u konvenzjonijiet. Kif jistgħu dawn l-​irġiel devoti li jaħdmu iebes jevitaw li ma jgħejjewx taħt il-​piż taʼ responsabbiltajiet bħal dawn?

16. (a) Ġetro liema soluzzjoni prattika offra lil Mosè? (b) Liema kwalità se tgħin lil anzjan biex jaqsam responsabbiltajiet addattati m’oħrajn?

16 Meta Mosè, raġel modest u umli, kien qiegħed jgħejji lilu nnifsu f’li jieħu ħsieb tal-​problemi t’oħrajn, ħatnu, Ġetro, offra soluzzjoni prattika: aqsam ftit mir-​responsabbiltà maʼ rġiel ikkwalifikati oħrajn. (Eżodu 18:17-26; Numri 12:3) “L-​umli jkollhom il-​għerf,” jgħid Proverbji 11:2. Li tkun modest ifisser li tagħraf u taċċetta l-​limitazzjonijiet tiegħek. Raġel modest ma joqgħodx jaħsibha biex jiddelega lil oħrajn, lanqas ma jibżaʼ li b’xi mod jitlef il-​kontroll billi jaqsam responsabbiltajiet addattati maʼ rġiel ikkwalifikati oħrajn.b (Numri 11:16, 17, 26-29) Minflok, hu ħerqan biex jgħinhom jipprogressaw.​—1 Timotju 4:15.

17. (a) Membri tal-​kongregazzjoni kif jistgħu jħaffu t-​tagħbija taʼ l-​anzjani? (b) In-​nisa taʼ l-​anzjani liema sagrifiċċji jagħmlu, u kif nistgħu nuruhom li lil dawn ma nonqsux li napprezzawhom?

17 Membri tal-​kongregazzjoni jistgħu jagħmlu ħafna biex iħaffu t-​tagħbija taʼ l-​anzjani. Billi jifhmu li l-​anzjani għandhom il-​familji tagħhom stess x’jieħdu ħsieb, oħrajn m’humiex se jagħmlu rikjesti mhux raġonevoli fuq il-​ħin u l-​attenzjoni taʼ l-​anzjani. Lanqas m’huma se jonqsu li japprezzaw is-​sagrifiċċji volontarji li n-​nisa t’anzjani jagħmlu hekk kif huma bla egoiżmu jaqsmu lil żwieġhom mal-​kongregazzjoni. Waħda omm taʼ tlett itfal li żewġha jaqdi bħala anzjan spjegat: “Xi ħaġa li qatt ma nilmenta dwarha hija t-​tagħbija miżjuda li nġorr volontarjament fid-​dar sabiex żewġi jistaʼ jaqdi bħala anzjan. Naf li l-​barka taʼ Jehovah hija rikka fuq il-​familja tagħna minħabba l-​qadi tiegħu, u ma jiddispjaċinix għal dak li jagħti. Madankollu, realistikament, taʼ spiss ikolli niġbor iżjed weraq u nagħmel iżjed mid-​dixxiplinar tat-​tfal tagħna milli normalment kien ikolli nagħmel minħabba li żewġi hu mħabbat.” B’sogħba, din l-​oħt sabet li xi wħud, minflok m’apprezzaw it-​tagħbija miżjuda tagħha, għamlu rimarki insensittivi bħalma huma, “Għala m’intix pijuniera?” (Proverbji 12:18) Kemm huwa aħjar li tfaħħar lil oħrajn għal dak li qegħdin jagħmlu minflok ma tikkritikahom għal dak li ma jistgħux jagħmlu!—Proverbji 16:24; 25:11.

Minħabba Li T-​Tmiem Għadu Ma Ġiex

18, 19. (a) Għala dan m’huwiex il-​waqt li nieqfu niġru fit-​tiġrija għall-​ħajja taʼ dejjem? (b) L-​appostlu Pawlu liema parir f’waqtu ta lill-​Kristjani f’Ġerusalemm?

18 Meta ġerrej jaf li qiegħed qrib it-​tmiem taʼ tiġrija twila, ma jaqtax qalbu. Ġismu għandu mnejn ikun laħaq il-​limitu taʼ l-​issaportar tiegħu​—mifluġ, jaqbad bis-​sħana, u niexef mill-​ilma—​imma daqstant viċin tat-​tmiem m’huwiex il-​waqt li wieħed jieqaf jiġri. B’mod simili, bħala Kristjani aħna qegħdin f’tiġrija għall-​premju tal-​ħajja, u qegħdin viċin ħafna tat-​tmiem tagħha. Issa m’huwiex il-​waqt għalina li nieqfu niġru!—Qabbel 1 Korintin 9:24; Filippin 2:16; 3:13, 14.

19 Kristjani fl-​ewwel seklu ffaċċjaw sitwazzjoni simili. Madwar is-​sena 61 E.K., l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Ġerusalemm. Iż-​żmien kien kważi għadda​—“il-​ġenerazzjoni” mill-​agħar, is-​sistema t’affarijiet Lhudija apostata, kienet waslet biex ‘tgħaddi.’ Speċjalment il-​Kristjani f’Ġerusalemm kellhom ikunu attenti u leali; kien se jkollhom bżonn jaħarbu mill-​belt meta jarawha mdawra minn armati kkampjati. (Luqa 21:20-24, 32) F’waqtu, allura, kien il-​parir ispirat taʼ Pawlu: ‘Tegħjewx u taqtgħux qalbkom.’ (Lhud 12:3) L-​appostlu Pawlu hawnhekk uża żewġ verbi deskrittivi: “tgħejja” (kaʹmno) u “taqtaʼ qalbek” (e·klyʹo·mai). Skond wieħed studjuż tal-​Bibbja, dawn il-​kelmiet Griegi kienu “wżati minn Aristotile dwar ġerrejja li jirrilassaw u jaqgħu maʼ l-​art wara li jkunu għaddew it-​tmiem tat-​tiġrija. Il-​qarrejja [taʼ l-​ittra taʼ Pawlu] kienu għadhom fit-​tiġrija. Ma jridux jaqtgħu qalbhom qabel il-​waqt. Ma jridux iħallu lilhom infushom iħosshom ħażin u jaqgħu maʼ l-​art minħabba l-​għejja. Għal darb’oħra hemm is-​sejħa għal perseveranza meta jiġi ffaċċjat l-​iebes.”

20. Il-​parir taʼ Pawlu għala huwa f’waqtu għalina llum?

20 Kemm huwa f’waqtu l-​parir taʼ Pawlu għalina llum! Iffaċċjati minn pressjonijiet li dejjem jiżdiedu, jistaʼ jkun hemm waqtiet meta nħossuna bħal ġerrej mifluġ li saqajh waslu biex iċedu. Imma daqshekk viċin it-​tmiem tat-​tiġrija, ma rridux naqtgħu qalbna! (2 Kronaki 29:11) Dak huwa preċiż dak li l-​Avversarju tagħna, l-​“[i]ljun igħajjat,” kieku jridna nagħmlu. B’rikonoxxenza, Jehovah għamel provvedimenti li jagħtu “l-​qawwa lill-​għajjien.” (Isaija 40:29) X’inhuma dawn u kif nistgħu nieħdu vantaġġ minnhom se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss. (w95 12/1)

[Noti taʼ taħt]

a Per eżempju, xi wħud jistgħu jkunu qegħdin jitqabdu biex jikkontrollaw karatteristika tal-​personalità li tkun imdaħħla fil-​fond, bħalma hija li tkun nervuż, jew li tegħleb problema bil-​masturbazzjoni.​—Ara l-​Awake!, tat-​22 taʼ Mejju, 1988, paġni 19-21; tat-​8 taʼ Novembru, 1981, paġni 16-20; u Questions Young People Ask​—Answers That Work, paġni 198-211, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Ara l-​artiklu “Elders​—Delegate!” (Anzjani​—Iddelegaw!) fil-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​15 t’Ottubru, 1992, paġni 20-3.

X’Inhi T-​Tweġiba Tiegħek?

◻ Kif nistgħu nevitaw li naqtgħu qalbna meta oħrajn jiddiżappuntawna jew iweġġgħuna?

◻ Liema ħarsa bbilanċjata dwar il-​ħtija se żżommna milli naqtgħu qalbna?

◻ Jehovah x’jistenna minna?

◻ Il-​modestja kif tistaʼ tgħin lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni biex jevitaw li jgħejjew?

◻ Il-​parir taʼ Pawlu f’Lhud 12:3 għala huwa f’waqtu għalina llum?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja