Kapitlu 17
‘Inbnew fuq il-Fidi l-Iktar Qaddisa Tagħkom’
“Billi tinbnew fuq il-fidi l-iktar qaddisa tagħkom, . . . żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.”—ĠUDA 20, 21.
1, 2. Liema proġett taʼ bini int involut fih, u l-kwalità taʼ xogħlok għala hija daqstant importanti?
TINSAB taħdem qatigħ fi proġett tal-bini. Il-bini ilu għaddej għal xi żmien u se jkompli sew fil-futur. S’issa, ix-xogħol kien taʼ sfida però sodisfaċenti. Jiġri x’jiġri, int determinat li qatt ma taqtaʼ qalbek jew tittraskurah, għax il-kwalità taʼ xogħlok se teffettwa lil ħajtek, saħansitra l-futur tiegħek. Għala? Għax il-bini li qed taħdem fuqu hu int!
2 Id-dixxiplu Ġuda enfasizza x-xogħol tal-bini li nagħmlu fuqna nfusna. Meta ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘iżommu ruħhom fl-imħabba t’Alla,’ fl-istess silta rrivela wkoll iċ-ċavetta biex nagħmlu dan: “Billi tinbnew fuq il-fidi l-iktar qaddisa tagħkom.” (Ġuda 20, 21) Liema huma xi modi kif tistaʼ tibni lilek innifsek, jiġifieri li tagħmel il-fidi tiegħek iktar b’saħħitha sabiex tibqaʼ fl-imħabba t’Alla? Ejja niffokaw fuq tliet aspetti tal-proġett tal-bini spiritwali li jinsab quddiemek.
IBQAʼ IBNI L-FIDI FIL-ĦTIĠIJIET ĠUSTI TAʼ ĠEĦOVA
3-5. (a) Satana jixtieq jiżvijak biex ikollok liema ħarsa lejn il-ħtiġijiet taʼ Ġeħova? (b) X’għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn il-ħtiġijiet t’Alla, u liema effett għandu jkollha fuq kif inħossuna? Agħti tixbiha.
3 L-ewwelnett, irridu nsaħħu l-fidi tagħna fil-liġi divina. Waqt l-istudju taʼ dan il-ktieb, int ikkunsidrajt għadd taʼ ħtiġijiet ġusti taʼ Ġeħova rigward il-kondotta. Int kif tħares lejhom? Satana jixtieq iqarraq bik billi tikkunsidra l-liġijiet, il-prinċipji, u l-livelli taʼ Ġeħova bħala li huma restrittivi, saħansitra oppressivi. Ilu juża din it-tattika minn mindu ħadmet b’mod tant effettiv lura fl-Għeden. (Ġenesi 3:1-6) It-tattika tiegħu se taħdem fuqek? Se jiddependi ħafna mill-attitudni tiegħek.
4 Biex nagħtu tixbiha: Hekk kif tkun għaddej bil-mixi fi ġnien sabiħ, tinnota ċint għoli u sod li qed jagħlaqlek biċċa mill-ġnien. Ix-xenarju wara ċ-ċint jattirak. Għall-ewwel, forsi taħseb li ċ-ċint huwa restrizzjoni bla bżonn għal-libertà tiegħek. Però, hekk kif tittawwal tilmaħ iljun feroċi jfittex il-priża fuq in-naħa l-oħra! Issa tistaʼ tara li ċ-ċint hu fil-fatt taʼ protezzjoni. Hemm xi predatur perikoluż ifittex biex jaħtfek issa? Il-Kelma t’Alla twissi: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pietru 5:8.
5 Satana huwa predatur makabru. Minħabba li Ġeħova ma jridniex naqgħu vittmi taʼ Satana, Hu stabbilixxa liġijiet biex jipproteġina mill-ħafna “tnassis” taʼ dan il-wieħed mill-agħar. (Efesin 6:11) Għalhekk, kulmeta nimmeditaw fuq il-liġijiet t’Alla, għandna naraw fihom l-imħabba taʼ Missierna tas-sema. Meta nqisuhom b’dan il-mod, il-liġijiet t’Alla huma sors taʼ sigurtà u ferħ. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Min iħares fiss lejn il-liġi perfetta tal-libertà u jibqaʼ jagħmel hekk . . . ikun hieni li qed jagħmilha.”—Ġakbu 1:25.
6. Liema hu l-aqwa mod kif tibni l-fidi fil-liġijiet u l-prinċipji ġusti t’Alla? Agħti eżempju.
6 Li ngħixu fi qbil mal-kmandamenti t’Alla hu l-aqwa mod kif nibnu l-fidi tagħna fil-Leġislatur u fl-għerf tal-liġijiet tiegħu. Per eżempju, “il-liġi tal-Kristu” tinkludi l-kmand taʼ Ġesù biex ngħallmu lil oħrajn ‘dak kollu li [hu] ordna.’ (Galatin 6:2; Mattew 28:19, 20) Il-Kristjani jieħdu bis-serjetà wkoll il-kmand biex jibqgħu jiltaqgħu flimkien għall-qima u għal sħubija inkuraġġanti. (Ebrej 10:24, 25) Il-kmandamenti t’Alla jinkuraġġuna wkoll biex nitolbu lil Ġeħova regolarment, spiss, u mill-qalb. (Mattew 6:5-8; 1 Tessalonikin 5:17) Hekk kif ngħixu fi qbil maʼ dawn il-kmandi, naraw iktar u iktar ċar liema linji taʼ gwida jipprovdu bl-imħabba. Ubbidjenza lejhom iġġibilna ferħ u sodisfazzjon sostanzjali li ma nistgħu nsibu mkien ieħor f’din id-dinja mimlija inkwiet. Hekk kif timmedita fuq kif int ibbenefikajt personalment billi tgħix fi qbil mal-liġijiet t’Alla, ma tissaħħaħx il-fidi tiegħek fihom?
7, 8. Il-Kelma t’Alla kif tassigura lil dawk li jinkwetaw li forsi ma jirnexxilhomx jibqgħu jgħixu ħajja sewwa hekk kif igerbu s-snin?
7 Kultant, xi wħud jinkwetaw li se jkun diffiċli wisq għalihom li jżommu mal-liġijiet taʼ Ġeħova hekk kif igerbu s-snin. Jibżgħu li b’xi mod jew ieħor ma jirnexxilhomx. Jekk xi darba tħossok b’dan il-mod, żomm dan il-kliem f’moħħok: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi. O li kieku fil-fatt tagħti kas il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-sewwa tiegħek bħall-mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:17, 18) Qatt waqaft biex taħseb kemm dan il-kliem iqawwi l-qalb?
8 Ġeħova hawnhekk ifakkarna li jkun taʼ ġid għalina li nobduh. Hu jwiegħed żewġ barkiet jekk nagħmlu dan. L-ewwel, il-paċi tagħna se tkun bħal xmara—kalma, abbundanti, kontinwa. It-tieni, il-ġustizzja tagħna se tkun bħall-mewġ tal-baħar. Jekk toqgħod bil-wieqfa f’xi bajja u tara l-mewġ dieħel mewġa wara l-oħra, bla dubju tħoss sens taʼ permanenza. Taf li l-mewġ se jibqaʼ ġej, jitkisser fuq ix-xtajta għal dejjem. Ġeħova jgħid li l-ġustizzja tiegħek—li tagħmel it-tajjeb—tistaʼ tkun bħal dan il-mewġ. Sakemm tistinka biex tkun leali lejh, hu qatt m’hu se jħallik tfalli! (Salm 55:22) Wegħdi li jqawwu l-qalb bħal dawn ma jibnux il-fidi tiegħek f’Ġeħova u fil-ħtiġijiet ġusti tiegħu?
‘IRSISTI LEJN IL-MATURITÀ’
9, 10. (a) Il-maturità għala hija mira mill-isbaħ għall-Kristjani? (b) Ħarsa spiritwali kif tikkontribwixxi għall-ferħ?
9 It-tieni aspett fil-proġett taʼ bini tiegħek jidher fil-kliem ispirat: “Ħa nirsistu lejn il-maturità.” (Ebrej 6:1) Il-maturità hija mira mill-isbaħ għal Kristjan. B’kuntrarju għall-perfezzjoni, li għalissa ma tistax tinkiseb mill-bnedmin, il-maturità hija mira li tistaʼ tintlaħaq. Iżjed minn hekk, il-Kristjani jsibu ferħ akbar f’li jaqdu lil Ġeħova hekk kif jimmaturaw. Dan għala hu minnu?
10 Kristjan matur huwa persuna spiritwali. Hu jara l-affarijiet kif jarahom Ġeħova. (Ġwanni 4:23) Pawlu kiteb: “Dawk li huma f’armonija mal-laħam jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam, imma dawk li huma f’armonija maʼ l-ispirtu fuq l-affarijiet taʼ l-ispirtu.” (Rumani 8:5) Ħarsa f’armonija mal-laħam ftit iġġib ferħ, għax għandha t-tendenza li tkun egoistika, bla ħsieb, u ffokata fuq affarijiet materjali. Ħarsa spiritwali ġġib il-ferħ, għax hija ffokata fuq Ġeħova, “l-Alla l-hieni.” (1 Timotju 1:11) Individwu spiritwali jkun ħerqan biex jogħġob lil Ġeħova u jifraħ saħansitra fil-prova. Għala? Il-provi jagħtuna opportunitajiet biex noħorġu lil Satana taʼ giddieb u nibnu l-integrità, u b’hekk inferrħu lil Missierna tas-sema.—Proverbji 27:11; Ġakbu 1:2, 3.
11, 12. (a) Pawlu x’qal dwar is-“sensi” taʼ Kristjan, u xi tfisser il-kelma tradotta “mħarrġin”? (b) Liema taħriġ irid jgħaddi minnu l-ġisem sabiex jimmatura u jsir fiżikament tas-sengħa?
11 L-ispiritwalità u l-maturità jiġu mit-taħriġ. Ikkunsidra dan il-vers: “L-ikel solidu hu għan-nies maturi, għal dawk li bl-użu għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Meta Pawlu tkellem dwar li s-sensi tagħna għandhom jiġu “mħarrġin,” hu uża l-kelma Griega li x’aktarx kienet komuni fil-ġinnasji tal-Greċja fl-ewwel seklu, għax tistaʼ tiġi tradotta ‘mħarreġ bħal ġinnasta.’ Issa aħseb dwar x’jinvolvi taħriġ bħal dan.
12 Meta twelidna, ġisimna ma kienx imħarreġ. Per eżempju, tarbija bilkemm tistaʼ tifhem il-pożizzjoni taʼ idejha u saqajha. Għalhekk, meta tarbija xxejjer idejha bl-addoċċ, billi anki tolqot lilha nfisha f’wiċċha, dan iħawwad u jaħsad lit-tarbija. Maż-żmien, bl-użu, il-ġisem jiġi mħarreġ. It-tarbija timxi fuq irkopptejha, it-tifla ċkejkna timxi, it-tifla tiġri.a Imma, xi ngħidu dwar ġinnasta? Meta tara atleta bħal dan jaqbeż u jdur fl-arja bi grazzja u bi preċiżjoni li ma bħalha, m’hemm ebda dubju f’moħħok li l-ġisem hu bħal magna li taħdem b’armonija. L-abbiltà tal-ġinnasta ma ġietx b’kumbinazzjoni—kien hemm bżonn taʼ sigħat bla għadd. Il-Bibbja tgħid li taħriġ tal-ġisem bħal dan huwa taʼ “benefiċċju għal ftit.” Kemm huwa iktar taʼ valur it-taħriġ tas-sensi spiritwali tagħna!—1 Timotju 4:8.
13. Kif nistgħu nħarrġu s-sensi tagħna?
13 F’dan il-ktieb, iddiskutejna ħafna għajnuniet li se jgħinuk tħarreġ is-sensi tiegħek sabiex tkun tistaʼ tibqaʼ leali lejn Ġeħova bħala persuna spiritwali. Bit-talb ikkunsidra prinċipji divini u liġijiet hekk kif tieħu deċiżjonijiet fil-ħajja tiegħek taʼ kuljum. F’kull deċiżjoni li tiffaċċja, staqsi lilek innifsek: ‘Liema liġijiet jew prinċipji Bibliċi għandhom x’jaqsmu maʼ din il-kwistjoni? Kif nistaʼ napplikahom? Liema għażla se togħġob lil Missieri tas-sema?’ (Proverbji 3:5, 6; Ġakbu 1:5) Kull deċiżjoni li tieħu b’dan il-mod se tkompli tħarreġ is-sensi tiegħek. Taħriġ bħal dan se jgħinek issir u tibqaʼ verament persuna spiritwali.
14. Liema aptit irridu niksbu sabiex nikbru spiritwalment, però liema prekawzjoni rridu nżommu f’moħħna?
14 Filwaqt li nistgħu niksbu l-maturità, dejjem hemm fejn nistgħu nikbru spiritwalment. It-tkabbir jiddependi mill-ikel. Pawlu b’hekk qal: “L-ikel solidu hu għan-nies maturi.” Ċavetta biex tibni l-fidi tiegħek hi li tibqaʼ tieħu ikel solidu spiritwali. Hekk kif bix-xieraq tapplika dak li titgħallem, dan jissejjaħ għerf, u l-Bibbja tgħid: “L-għerf hu l-aqwa ħaġa.” B’hekk, irridu niżviluppaw xenqa ġenwina għall-veritajiet prezzjużi li Missierna jagħtina. (Proverbji 4:5-7; 1 Pietru 2:2) M’għandniex xi ngħidu, li tikseb l-għarfien u l-għerf divin m’huwiex raġuni biex tintefaħ jew titkabbar. Irridu neżaminaw lilna nfusna regolarment sabiex ma nħallux il-kburija jew xi nuqqas ieħor irabbi l-għeruq u jikber f’qalbna. Pawlu kiteb: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Korintin 13:5.
15. L-imħabba għala hija essenzjali għat-tkabbir spiritwali?
15 Il-bini taʼ dar jistaʼ jitlesta, imma x-xogħol fiha jibqaʼ għaddej. Huwa essenzjali li jkun hemm manutenzjoni u tiswijiet, u jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ tibdil hekk kif jinbidlu ċ-ċirkustanzi. X’għandna bżonn sabiex nimmaturaw u nżommu l-ispiritwalità tagħna? Fuq kollox, l-imħabba. Irridu nibqgħu nikbru fl-imħabba għal Ġeħova u għal sħabna fit-twemmin. Jekk m’għandniex l-imħabba, l-għarfien u l-għemejjel kollha tagħna ma jkunu jfissru xejn—bħal ħafna storbju bla sens. (1 Korintin 13:1-3) Bl-imħabba, nistgħu niksbu l-maturità Kristjana u nkomplu nikbru spiritwalment.
ŻOMM MOĦĦOK IFFOKAT FUQ IT-TAMA LI JAGĦTI ĠEĦOVA
16. Satana jippromwovi liema ħsibijiet, u Ġeħova liema protezzjoni tana?
16 Ejja nikkunsidraw aspett ieħor tal-proġett tal-bini tiegħek. Sabiex tibni lilek innifsek bħala segwaċi ġenwin taʼ Kristu, trid tgħasses il-mod kif taħseb. Satana, il-ħakkiem taʼ din id-dinja, huwa espert f’li jġiegħel lin-nies iċedu għal ħsibijiet negattivi, pessimiżmu, nuqqas taʼ fiduċja, u disprament. (Efesin 2:2) Ħsibijiet bħal dawn huma taʼ periklu għal Kristjan daqskemm hu taʼ periklu injam imsewwes f’bini magħmul bl-injam. B’ferħ, Ġeħova jipprovdi għodda vitali għall-protezzjoni tagħna—it-tama.
17. Il-Kelma t’Alla kif turi kemm hi importanti t-tama?
17 Il-Bibbja ssemmi diversi biċċiet taʼ l-armatura spiritwali li għandna bżonn fil-ġlieda tagħna kontra Satana u din id-dinja. Biċċa armatura prominenti hija l-elmu, “it-tama tas-salvazzjoni.” (1 Tessalonikin 5:8) Suldat fiż-żminijiet Bibliċi kien jaf li ma kienx se jdum ħaj fil-battalja mingħajr l-elmu tiegħu. L-elmu, spiss magħmul minn metall u b’biċċa feltru jew ġilda minn taħt, kien jassigura li l-biċċa l-kbira mid-daqqiet immirati lejn ir-ras ma kinux se jagħmlu daqstant ħsara. Bħalma l-elmu jipproteġi r-ras, it-tama tistaʼ tipproteġi lil moħħok, il-ħsibijiet tiegħek.
18, 19. Ġesù ħalla liema eżempju f’li jżomm it-tama, u aħna kif nistgħu nimitawh?
18 Ġesù ħalla l-aqwa eżempju f’li jżomm it-tama. Ftakar f’dak li ssaporta fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art. Ħabib tal-qalb ittradieh għall-flus. Ieħor ċaħad li saħansitra kien jafu. L-oħrajn abbandunawh u ħarbu. In-nies taʼ pajjiżu stess daru kontrih, billi għajtu biex jinqatel b’tortura f’idejn is-suldati Rumani. Nistgħu ngħidu li Ġesù ffaċċja provi iktar ebsin milli aħna qatt se nesperjenzaw. X’għenu? Ebrej 12:2 iwieġeb: “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-zokk tat-tortura, u ma qiesx l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin tat-tron t’Alla.” Ġesù qatt ma naqas milli jara “l-ferħ li tqiegħed quddiemu.”
19 Liema ferħ tqiegħed quddiem Ġesù? Hu kien jaf li billi jissaporti, kien se jikkontribwixxi għas-santifikazzjoni taʼ l-isem qaddis taʼ Ġeħova. Kien se jipprovdi l-akbar prova possibbli li Satana huwa giddieb. Ebda tama ma setgħet tagħti lil Ġesù ferħ akbar! Kien jaf ukoll li Ġeħova kien se jippremja bil-kbir il-ħajja leali tiegħu—li eżatt quddiemu kien hemm żmien meraviljuż meta kien se jerġaʼ jingħaqad maʼ Missieru. Ġesù żamm din it-tama sabiħa f’moħħu matul l-iktar żminijiet koroh. Aħna rridu nagħmlu l-istess. Aħna wkoll għandna ferħ quddiemna. Ġeħova jagħti d-dinjità lil kull wieħed minna li għandu l-privileġġ li jgħin biex jitqaddes l-isem kbir tiegħu. Nistgħu nagħtu prova li Satana huwa giddieb billi nagħżlu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħna u nżommu ruħna fis-sigurtà fl-imħabba taʼ Missierna jkunu xi jkunu l-provi u t-tentazzjonijiet li nistgħu niffaċċjaw.
20. X’jistaʼ jgħinek tibqaʼ taħseb b’mod pożittiv u mimli tama?
20 Ġeħova m’huwiex biss lest li jippremja lill-qaddejja leali tiegħu—hu ħerqan li jagħmel dan. (Isaija 30:18; Malakija 3:10) Hu jitgħaxxaq f’li jagħti lill-qaddejja tiegħu x-xewqat xierqa taʼ qalbhom. (Salm 37:4) Għalhekk, żomm moħħok iffokat b’mod sod fuq it-tama li hemm quddiemek. Qatt iċċedi għall-mod taʼ ħsieb negattiv, baxx, u mgħawweġ tad-dinja qadima taʼ Satana. Jekk tħoss li l-ispirtu taʼ din id-dinja dieħel bil-mod il-mod f’moħħok jew f’qalbek, itlob bil-ħerqa lil Ġeħova għall-“paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” Din il-paċi mogħtija minn Alla se tgħassislek lil qalbek u l-qawwiet mentali tiegħek.—Filippin 4:6, 7.
21, 22. (a) Liema tama glorjuża jgħożżu dawk tal-“folla l-kbira”? (b) Liema parti mit-tama Kristjana hija l-iktar speċjali għalik, u x’inhi d-determinazzjoni tiegħek?
21 X’tama eċċitanti għandek biex taħseb dwarha! Jekk int parti mill-“folla l-kbira,” li se toħroġ “mit-tribulazzjoni l-kbira,” aħseb dwar il-ħajja li dalwaqt se tgawdi. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Minħabba li Satana u d-demonji tiegħu mhux se jibqgħu mas-saqajn, se tħoss serħan li issa jistaʼ jkun diffiċli biex timmaġinah. Wara kollox, min minna qatt esperjenza l-ħajja mingħajr il-pressjoni taʼ l-influwenza ħażina taʼ Satana? Mingħajr din il-pressjoni, kemm se jkun taʼ ferħ li naħdmu biex inbiddlu l-art f’ġenna taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù u l-144,000 li se jaħkmu miegħu fis-sema! Kemm nifirħu bil-prospett li naraw il-mard kollu eliminat, li nilqgħu lura l-maħbubin mejtin tagħna mill-qabar, li ngħixu bil-mod kif Alla riedna ngħixu! Aħna u resqin lejn il-perfezzjoni, saħansitra barka akbar se tersaq iktar u iktar viċin, il-wegħda mniżżla f’Rumani 8:21—“il-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”
22 Ġeħova jridek tikseb ammont taʼ libertà akbar milli qatt tistaʼ timmaġina. L-ubbidjenza hija t-triq li twassal għal din il-libertà. Ma jistħoqqilhiex kull sforz li tistaʼ tagħmel issa biex tobdi lil Ġeħova jum wara jum? Għalhekk, agħmel l-almu tiegħek biex tibqaʼ tibni lilek innifsek fuq il-fidi l-iktar qaddisa tiegħek, sabiex tkun tistaʼ tibqaʼ fl-imħabba t’Alla għall-eternità kollha!
[Nota taʼ taħt]
a Ix-xjenzati jgħidu li aħna niżviluppaw sens speċjali li jissejjaħ proprjoċezzjoni, li huwa s-sens tal-ġisem taʼ l-orjentazzjoni tiegħu stess u taʼ fejn qegħdin l-idejn u s-saqajn. Per eżempju, dan is-sens jgħinek iċċapċap b’għajnejk magħluqin. Waħda pazjenta adulta li tilfet il-proprjoċezzjoni tagħha ma setgħetx tqum bil-wieqfa, timxi, jew saħansitra tpoġġi bil-qiegħda.
[Stampa f’paġna 201]
Il-ġisem taʼ ġinnasta jitħarreġ bl-użu