LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 2/15 pp. 26-29
  • Sila—Sors taʼ Inkuraġġiment

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sila—Sors taʼ Inkuraġġiment
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kwistjoni taċ-​Ċirkonċiżjoni
  • Vjaġġi maʼ Pawlu
  • Imsawtin u Mitfugħin il-​Ħabs
  • Mill-​Maċedonja għal Babilonja
  • Eżempju taʼ Min Jimitah
  • “Ejja l-Maċedonja”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Gwardjan tal-ħabs jitgħallem dwar Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • “Il-paċi t’Alla . . . tisboq kull ħsieb”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 2/15 pp. 26-29

Sila—Sors taʼ Inkuraġġiment

SA MINN kmieni fl-​istorja Kristjana, l-​attività taʼ indokraturi leali li jivvjaġġaw kienet vitali, kemm biex jiġu inkuraġġiti l-​kongregazzjonijiet tal-​poplu t’Alla, u kemm biex tixtered l-​aħbar tajba sa l-​iktar partijiet ’il bogħod taʼ l-​art. Fost l-​ewwel indokraturi li nħatru kien hemm Sila, profeta u membru li kien minn taʼ quddiem fil-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. Hu kellu rwol fundamentali fi żviluppi importanti fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u kien wieħed mill-​missjunarji li evanġelizzaw f’territorju Ewropew għall-​ewwel darba. X’kien li għamel lil Sila kkwalifikat b’mod partikulari biex jagħmel dan kollu? U x’inhuma xi karatteristiċi tal-​personalità tiegħu li nagħmlu tajjeb li nimitawhom?

Il-​Kwistjoni taċ-​Ċirkonċiżjoni

Meta madwar is-​sena 49 E.K. qamet il-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni, li setgħet tikkaġuna firdiet, kien jeħtieġ li l-​ġemgħa li tiggverna taʼ Ġerusalemm tiċċirkola direzzjoni ċara fost il-​Kristjani sabiex tissolva l-​kwistjoni. Huwa f’dawn iċ-​ċirkustanzi li Sila, li hu msejjaħ ukoll Silvanu, jitfaċċa fir-​rekord Bibliku. Hu għandu mnejn kien wieħed minn dawk li kienu jieħdu d-​deċiżjonijiet u li mbagħad intgħażel bħala l-​mibgħut taʼ “l-​appostli u l-​presbiteri” biex jikkomunika d-​deċiżjoni tagħhom lill-​“aħwa taʼ Antjokja, tas-​Sirja u taċ-​Ċiliċja.” F’Antjokja, Sila u Ġuda (Barsaba), li kienu maʼ Barnaba u Pawlu, wasslu l-​messaġġ li kienu qed iġorru, evidentement billi rrakkontawlhom bil-​fomm dwar dak li ġara fil-​laqgħa taʼ Ġerusalemm, il-​konklużjonijiet li ntlaħqu, u l-​kontenut taʼ l-​ittra. Barra minn hekk, huma “farrġu lill-​aħwa u wettquhom b’ħafna kliem.” Ir-​riżultat sabiħ taʼ dan kien li l-​Kristjani f’Antjokja “ferħu.”—Atti 15:1-32.

B’hekk, Sila kellu parti sinjifikanti f’li tissolva din il-​kwistjoni fundamentali. Imma l-​inkarigu tiegħu ma kienx wieħed faċli. Ħadd ma setaʼ jkun jaf kif kienet se tirreaġixxi l-​kongregazzjoni t’Antjokja għal dak li kienu ddeċidew. B’hekk, “kien jeħtieġ xi ħadd li kellu ħafna għerf u tattika biex jispjega fid-​dettall dak li l-​appostli kienu kitbu fl-​ittra tagħhom,” jinnota kummentatur wieħed. L-​għażla taʼ Sila għal dan l-​inkarigu delikat tgħidilna xi ħaġa dwar it-​tip taʼ persuna li kien. Kien bniedem li setaʼ jiġi fdat biex jippreżenta d-​direttivi tal-​ġemgħa li tiggverna fedelment. Żgur li kien ukoll indokratur għaqli li kien kapaċi jeżerċita influwenza li tirrikonċilja meta fil-​kongregazzjoni kien hemm theddida taʼ kontroversja.

Vjaġġi maʼ Pawlu

Ma nistgħux ngħidu b’ċertezza jekk Sila reġax lura Ġerusalemm jew le wara din il-​missjoni. Kien x’kien il-​każ, wara l-​argument li nqalaʼ bejn Barnaba u Pawlu fuq Ġwann Mark, Pawlu għażel lil Sila, li dik il-​ħabta kien f’Antjokja, għal vjaġġ ġdid li għall-​ewwel kien se jsir bl-​iskop li jerġgħu jżuru l-​ibliet fejn Pawlu kien ippriedka matul l-​ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu.—Atti 15:36-41.

Huwa possibbli li l-​għażla taʼ Sila ġiet influwenzata mill-​attitudni pożittiva tiegħu lejn il-​missjoni taʼ ppridkar lill-​Ġentili u mill-​fatt li l-​awtorità li kellu bħala profeta u kelliemi għall-​ġemgħa li tiggverna setgħet tkun t’għajnuna f’li jwassal id-​deċiżjonijiet tagħhom lill-​kredenti fis-​Sirja u fiċ-​Ċiliċja. Ir-​riżultat kien eċċellenti. Il-​ktieb taʼ l-​Atti jirrakkonta: “Huma u għaddejjin mill-​ibliet, bdew jgħarrfuhom bid-​digrieti taʼ l-​appostli u l-​presbiteri taʼ Ġerusalemm u jħeġġuhom biex iħarsuhom. Hekk il-​knejjes [“kongregazzjonijiet,” NW] kienu jitwettqu fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd kuljum.”—Atti 16:4, 5.

Hekk kif il-​missjunarji ssoktaw bil-​vjaġġ tagħhom, l-​ispirtu qaddis darbtejn ġagħalhom iduru mir-​rotta li kienu ppjanaw li jieħdu. (Atti 16:6, 7) Timotju żdied mal-​grupp waqt il-​vjaġġ, meta kienu f’Listra, wara “profeziji” mhux speċifikati dwaru. (1 Timotju 1:18; 4:14) Permezz taʼ viżjoni li ngħatat lil Pawlu, li wkoll kellu d-​don tal-​profezija, hu u sħabu li vvjaġġaw miegħu ngħataw id-​direzzjoni biex isalpaw lejn il-​Maċedonja, fl-​Ewropa.—Atti 16:9, 10.

Imsawtin u Mitfugħin il-​Ħabs

Ġewwa Filippi, “[i]l-belt ewlenija tal-​provinċja,” Sila għadda minn esperjenza kerha. Wara li Pawlu keċċa spirtu taʼ divinazzjoni minn tfajla rsira, is-​sidien tagħha, billi raw li kienu ġew imċaħħdin minn sors taʼ qligħ, kaxkru lil Sila u ’l Pawlu quddiem il-​maġistrati tal-​belt. B’riżultat taʼ dan, dawn it-​tnejn għaddew mill-​esperjenza umiljanti, dik taʼ li jiġu ppreżentati fil-​pubbliku bħala nies li jqanqlu l-​inkwiet, u qattgħulhom ħwejjiġhom, u sawtuhom bil-​bsaten fil-​pjazza.—Atti 16:12, 16-22.

Swat bħal dan mhux biss kien kastig terribbli li jittestja s-​sabar uman sal-​limitu imma, fil-​każ taʼ Pawlu u Sila, dan kien ukoll kontra l-​liġi. Għala? Il-​liġijiet Rumani kienu jistabbilixxu li ebda ċittadin Ruman ma setaʼ jissawwat. Pawlu kellu ċittadinanza Rumana, u x’aktarx li Sila wkoll. Wara li tawhom “xebgħa sewwa,” lil Pawlu u ’l Sila tefgħuhom il-​ħabs fejn qaflulhom saqajhom fiċ-​ċippijiet. Dawn kienu “strument orribbli,” jispjega Gustav Stählin, “li bih saqajn il-​priġunieri setgħu jiġu mġebbdin waħda naħa u waħda n-​naħa l-​oħra skond kemm riedu, b’tali mod li l-​priġunier ma kienx ikun jistaʼ jorqod.” Madankollu, f’nofs il-​lejl, minkejja li bla ebda dubju daharhom kien pjaga waħda bit-​tbenġil u l-​feriti, “Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-​innijiet.”—Atti 16:23-25.

Dan jgħidilna xi ħaġa oħra dwar il-​personalità taʼ Sila. Hu kien hieni għaliex kienu qegħdin isofru minħabba l-​isem taʼ Kristu. (Mattew 5:11, 12; 24:9) Evidentement, dan kien l-​istess spirtu li permezz tiegħu, matul il-​missjoni taʼ qabel f’Antjokja, Sila u sħabu setgħu jkunu effettivi f’li jinkuraġġixxu u jsaħħu l-​kongregazzjoni, u b’hekk ferrħu lill-​Kristjani sħabhom. Il-​ferħ taʼ Pawlu u Sila żgur li żdied meta nħelsu mill-​ħabs b’mod mirakoluż permezz taʼ terremot u setgħu jgħinu lill-​għassies li kien se joqtol ruħu b’idejh u lill-​familja tiegħu biex jeżerċitaw fidi f’Alla.—Atti 16:26-34.

La Pawlu u lanqas Sila ma beżgħu minħabba li ġew imsawtin u mitfugħin il-​ħabs. Meta ntbagħat il-​messaġġ biex jinħelsu, huma rrifjutaw li joħorġu minn Filippi bil-​moħbi bħallikieku kellhom xi ħaġa mniex jistħu, kif stennew il-​maġistrati. Huma ma ċċaqalqux mill-​pożizzjoni tagħhom, u b’hekk, dawk l-​uffiċjali arroganti u tiranniċi baqaʼ f’wiċċhom. “Sawwtuna quddiem kulħadd, lilna, ċittadini Rumani, bla ma raw jekk aħniex ħatja jew le, u tefgħuna l-​ħabs; u issa jridu jibagħtuna ’l barra bil-​moħbi?” staqsa Pawlu. “Hekk le! Ħa jiġu u joħorġuna huma!” Billi kienu qegħdin jibżgħu mill-​konsegwenzi, il-​maġistrati kellhom bilfors jitolbuhom biex jitilqu mill-​belt.—Atti 16:35-39.

Wara li b’dan il-​mod stampaw f’moħħ l-​awtoritajiet id-​drittijiet tagħhom bħala ċittadini Rumani, Pawlu u Sila aġixxew fi qbil mat-​talba tal-​maġistrati​—imma mhux qabel ma marru jgħidu saħħa lil ħbiebhom. Fi qbil maʼ dik li s’issa kienet saret karatteristika tal-​vjaġġ taʼ ppridkar kollu kemm hu, Sila u sieħbu għal darb’oħra ‘farrġu’ lill-​aħwa u mbagħad telqu.—Atti 16:40.

Mill-​Maċedonja għal Babilonja

Pawlu, Sila, u sħabhom ma skuraġġewx ruħhom minħabba dik li setgħet kienet esperjenza negattiva, u komplew għaddejjin bil-​ħidma tagħhom f’oqsma missjunarji oħrajn. F’Tessalonika, għal darb’oħra ffaċċjaw xi diffikultajiet. Minħabba s-​suċċess li kellu Pawlu fil-​ministeru tiegħu matul perijodu taʼ tliet Sabatijiet, xi opponenti għajjurin qajmu rvell, u b’hekk kien għaqli għall-​missjunarji li jitilqu mill-​belt bil-​lejl. Huma komplew fi triqithom lejn Berija. Hekk kif semgħu b’dak li Pawlu u sħabu kienu wettqu f’dik il-​belt, l-​opponenti baqgħu ġejjin warajhom minn Tessalonika. Pawlu kompla sejjer waħdu, filwaqt li Sila u Timotju baqgħu f’Berija biex jieħdu ħsieb lil dawk li bdew juru interess. (Atti 17:1-15) Sila u Timotju reġgħu ngħaqdu maʼ Pawlu f’Korintu, u kellhom aħbar tajba u forsi anki xi rigal għalih mingħand il-​ħbieb leali fil-​Maċedonja. Dan x’aktarx għamilha possibbli biex l-​appostlu, li kien fil-​bżonn, setaʼ jieqaf mix-​xogħol sekulari, li sadattant kien beda jagħmel, u jerġaʼ lura b’ruħu u b’ġismu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time. (Atti 18:1-5; 2 Korintin 11:9) F’Korintu, Sila u Timotju jirreferu għalihom ukoll bħala evanġelizzaturi u bħala sħab Pawlu. Għalhekk, huwa evidenti li lanqas f’din il-​belt, ma naqqsux mir-​ritmu fl-​attivitajiet tagħhom.—2 Korintin 1:19.

Minħabba li jintuża l-​pronom “aħna” mill-​bidu sat-​tmiem fl-​ittri lit-​Tessalonikin​—li t-​tnejn li huma nkitbu minn Korintu f’dan il-​perijodu—​hu mifhum li Sila u Timotju kkontribwew biex dawn jinkitbu. Madankollu, l-​idea li Sila kien involut f’attività bħala skrib hija bbażata prinċipalment fuq dak li jgħid Pietru dwar waħda mill-​ittri tiegħu stess. Pietru jgħid li hu kiteb l-​ewwel ittra tiegħu mill-​Babilonja “permezz taʼ Silvanu, . . . ħija fidil.” (1 Pietru 5:12, 13) Filwaqt li dan jistaʼ sempliċement ifisser li Silvanu kien dak li wassal l-​ittra, id-​differenza fl-​istil bejn iż-​żewġ ittri taʼ Pietru għandha mnejn tindika li uża lil Sila bħala kittieb biex jikteb l-​ewwel ittra imma mhux it-​tieni waħda. B’hekk, talent ieħor mid-​diversi talenti u privileġġi teokratiċi li kellu Sila kien forsi dak taʼ segretarju.

Eżempju taʼ Min Jimitah

Meta nieqfu ftit nirriflettu dwar l-​affarijiet li nafu li għamel Sila, ir-​rekord li ħalla huwa wieħed impressjonanti. Hu eżempju eċċellenti għall-​missjunarji u l-​indokraturi li jivvjaġġaw tal-​lum. Ivvjaġġa distanzi kbar mingħajr ma qagħad iqis l-​interessi tiegħu, minkejja l-​ispiża konsiderevoli, u dan m’għamlux biex jikseb qligħ materjali jew prestiġju, imma biex jgħin lil oħrajn. Il-​mira tiegħu kienet li jinkuraġġihom permezz taʼ pariri għaqlin u b’tattika kbira, b’taħditiet ippreparati tajjeb u kordjali, kif ukoll biż-​żelu li kellu fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Hu x’inhu l-​irwol tiegħek fost il-​poplu organizzat taʼ Jehovah, jekk b’mod simili tagħmel ħiltek biex tkun pożittiv​—saħansitra meta tiffaċċja l-​inkwiet—​int ukoll tkun sors taʼ inkuraġġiment għal sħabek fit-​twemmin.

[Mappa f’paġna 29]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

It-​Tieni Vjaġġ Missjunarju taʼ Pawlu

Il-​Baħar il-​Kbir

Antjokja

Derbi

Listra

Ikonju

Troas

Filippi

Amfipoli

Tessalonika

Berija

Ateni

Korintu

Efesu

Ġerusalemm

Ċesarija

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja