Attenti Minn Dawk li Jwaqqgħu Kollox għaż-Żuffjett!
Illum, it-tbassir huwa kotran, u n-negozju taʼ l-istudji dwar il-futur qiegħed jisplodi. “Hekk kif is-sena 2000 tersaq iktar fil-qrib,” tosserva The Daily Telegraph taʼ Londra, “qiegħda tiġri xi ħaġa stramba u madankollu mhux totalment mhix mistennija. Eluf taʼ nies madwar id-dinja qegħdin jesperjenzaw viżjonijiet tal-futur li huma bizzarri u spiss terrifikanti.” Għal bosta osservaturi dan l-interess intens fil-futur huwa sempliċement ripetizzjoni taʼ bidliet li qabel kienu ttamati imma li ma seħħewx.
HEKK KIF ŻDIED it-traffiku taʼ inġenji miġbudin miż-żwiemel fis-seklu 19, wieħed raġel bassar li l-ibliet Ewropej kellhom eventwalment jifgaw bid-demel. M’għandniex xi ngħidu, it-tbassira tiegħu wriet li kienet falza. B’hekk, biex tiġbed l-attenzjoni għall-mod kif it-tbassir taʼ spiss ifalli, The Times taʼ Londra stqarret: “Il-futur huwa sempliċement gozz demel taż-żwiemel.”
Oħrajn iwaqqgħu għaż-żuffjett lil dawk li jaraw il-periklu ġej. Per eżempju, professur tan-negozju f’università fl-Amerka sfida lil dawk li jwissu dwar id-degradazzjoni taʼ l-ambjent biex jilagħbulu mħatra jekk ix-xejra kinitx se tmur għall-agħar. Bħalma ġie rrapportat fir-rivista New Scientist, hu jsostni li l-“kwalità taʼ ħajjitna qiegħda titjieb u se tkompli titjieb indefinittivament.”
Fost il-konfużjoni taʼ x’se jiġri u x’mhux se jiġri, ħafna jemmnu li kollox se jibqaʼ bażikament l-istess. Billi jwaqqgħu għaż-żuffjett kwalunkwe ħsieb taʼ xi intervent divin fil-kwistjonijiet tal-bniedem, dawn juru attitudni bħal dik taʼ wħud fl-ewwel seklu E.K. li kienu jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett.
Għadu Kollox l-Istess?
It-tieni ittra mnebbħa taʼ l-appostlu Kristjan Pietru, miktuba madwar is-sena 64 E.K., wissiet: “Fl-aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-żuf[f]jett, nies li jaġixxu skond ix-xewqat ħżiena tagħhom.”—2 Pietru 3:3.
Dawk li jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett ifittxu li l-oġġett taż-żuffjettar tagħhom jagħmluh jidher tad-daħk. Il-persuna li ċċedi għaż-żuffjettar għandha mnejn tkun qed tidħol f’nassa egoistika għaliex dak li jwaqqaʼ kollox għaż-żuffjett spiss ikun irid li dawk li jagħtuh widen jadottaw l-opinjoni tiegħu. Forsi xi wħud minn dawk li kienu jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett u li Pietru wissa dwarhom kienu hekk, “jaġixxu skond ix-xewqat ħżiena tagħhom.” F’li jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja tiegħu, l-appostlu uża għamla enfatika taʼ espressjoni. Hu wissa dwar il-wasla taʼ “nies kollhom tmaqdir . . . jwaqqgħu kollox għaż-żuf[f]jett.”—Korsiv tagħna.
Dawk l-uħud taʼ l-ewwel seklu li kienu jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett iddubitaw ir-realtà tal-“wegħda tal-miġja” taʼ Kristu, billi qalu: “Fejn hi l-wegħda tal-miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-bidu tal-ħolqien.” (2 Pietru 3:4) Hekk dehrilhom huma. Madankollu, lura fis-sena 33 E.K., Ġesù kien bassar katastrofi għall-belt taʼ Ġerusalemm. “Għad jiġi żmien fuqek,” iddikjara hu, “meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” Kemm kienu żbaljati dawk li żżuffjettaw b’dik it-twissija! Fis-sena 70 E.K., l-eżerċti Rumani assedjaw lil Ġerusalemm u qerdu lill-belt, b’telf taʼ ħajjiet maʼ kullimkien għall-abitanti tagħha. Il-maġġuranza taʼ l-abitanti tal-belt għala ma kinux ippreparati għal dan id-diżastru? Għaliex ma kinux indunaw li Alla kien spezzjonahom permezz taʼ Ibnu, Ġesù.—Luqa 19:43, 44.
L-appostlu Pietru jirreferi għal intervent futur minn Alla li Jistaʼ Kollox. “Jasal . . . jum il-Mulej bħal ħalliel,” iwissi Pietru. (2 Pietru 3:10) F’dak iż-żmien Alla se jwarrab lill-ħżiena mill-globu kollu kemm hu u jeħlisha lil dawk li jiġu ġġudikati li jkunu twajbin. Bħalma spjega taʼ sikwit dan il-ġurnal, il-“miġja” taʼ Kristu Ġesù bdiet fl-1914. Imma li jieħu azzjoni bħala l-Eżekutur t’Alla biex ineħħi l-ħażen għad irid iseħħ. Għaldaqstant, it-twissija taʼ l-appostlu biex noqogħdu attenti minn dawk li jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett issa tapplika b’urġenza akbar.
Għandek mnejn li int diġà stennejt żmien twil għal intervent divin fil-kwistjonijiet tal-bniedem. X’se jgħinek tkompli tistenna bil-paċenzja mingħajr ma ssir il-priża taʼ dawk li jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett? Jekk jogħġbok kompli aqra.
[Kumment f’paġna 4]
“Għad jiġi żmien fuqek, meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa . . . u jrossu fuqek minn kull naħa; . . . u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” Dik ma kinitx twissija taʼ min iwaqqagħha għaż-żuffjett. L-eżerċti Rumani qerdu lil Ġerusalemm, b’telf taʼ ħajjiet maʼ kullimkien.