LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 9/1 pp. 27-32
  • Żomm il-Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm il-Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Appell Mill-​Qalb Biex Jiftakru
  • Ix-​Xewqat Taʼ Dawk Li Jirridikolaw
  • Apposta u Taʼ Min Jistmerrhom
  • Il-​Kelma T’Alla Hija Taʼ Min Jorbot Fuqha
  • Ħerqa Biex Jiġi T-​Tmiem
  • Ħtieġa Li Nqisu Kif Iqis Jehovah
  • X’Se Jintemm?
  • Ibqgħu Ffokati Fuq It-​Tama Tagħkom
  • Żommu L-​Urġenza u S-​Safa Morali
  • Ejjew Inżommu Sod mal-Fidi Prezzjuża Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Stenna bil-Paċenzja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Attenti Minn Dawk li Jwaqqgħu Kollox għaż-Żuffjett!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “Il-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova fil-Qrib”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 9/1 pp. 27-32

Żomm il-​Jum taʼ Jehovah Sewwa f’Moħħok

“Fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir.”—2 PIETRU 3:3.

1. Wieħed Kristjan fi żmienna liema sens t’urġenza kellu?

MINISTRU full-time li ilu jaqdi għal iktar minn 66 sena kiteb: “Minn dejjem ħassejt sens kbir t’urġenza. Armageddon dejjem kienet pitgħada, fil-​ħsieb tiegħi. (Apokalissi 16:14, 16) Bħal missieri, u bħal missieru qablu, għext ħajti bħalma ħeġġeġ l-​appostlu [Pietru], ‘waqt li tistennew b’ħerqa kbira [“żżommu sewwa f’moħħkom,” NW] l-​miġja tal-​Jum t’Alla.’ Id-​dinja ġdida mwiegħda dejjem qistha bħala ‘xi ħaġa reali li m’aħniex naraw.’”—2 Pietru 3:11, 12; Lhud 11:1; Isaija 11:6-9; Apokalissi 21:3, 4.

2. X’ifisser li wieħed iżomm sewwa f’moħħu l-​jum taʼ Jehovah?

2 L-​espressjoni “żżommu sewwa f’moħħkom,” li Pietru għamel b’referenza għall-​jum taʼ Jehovah tfisser li ma nwarrbuhx minn moħħna. M’għandniex ninsew li l-​jum meta Jehovah se jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet bħala preliminarju biex jistabbilixxi d-​dinja ġdida mwiegħda tiegħu huwa qrib ferm. Għandu jkun tant reali għalina li narawh ċar, bħal li kieku qiegħed immedjatament quddiemna. Daqshekk kien reali għall-​profeti t’Alla tal-​qedem, u taʼ spiss tkellmu dwaru bħala li kien fil-​qrib.—Isaija 13:6; Ġoel 1:15; 2:1; Għabdija 15; Sofonija 1:7, 14.

3. Evidentement x’kien li qanqal il-​parir taʼ Pietru rigward il-​jum taʼ Jehovah?

3 Pietru għala ħeġġiġna biex inqisu l-​jum taʼ Jehovah bħal li kieku jistaʼjiġi, biex ngħidu hekk, “pitgħada”? Għaliex xi wħud bdew evidentement jirridikolaw l-​idea tal-​preżenza mwiegħda taʼ Ġesù li matulha l-​ħżiena se jiġu kkastigati. (2 Pietru 3:3, 4) Għalhekk f’kapitlu 3 tat-​tieni ittra tiegħu, li se nikkunsidraw issa, Pietru jwieġeb l-​akkużi taʼ dawn li jirridikolaw.

Appell Mill-​Qalb Biex Jiftakru

4. Pietru x’iridna niftakru?

4 L-​affezzjoni taʼ Pietru għal ħutu hija murija billi ripetutament jindirizzahom f’dan il-​kapitlu bħala “ħuti għeżież.” Billi jappellalhom mill-​qalb biex ma jinsewx dak li kienu ġew mgħallmin, Pietru jibda: “Ħuti għeżież. . . . Nifhem inqajjem fikom ħsibijiet sbieħ billi nfakkarkom f’dak li diġà tafu. Ftakru fil-​kliem li diġà qalu l-​profeti qaddisa, u wkoll fil-​kmandament tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna, li wasslulkom l-​appostli tagħkom.”—2 Pietru 3:1, 2, 8, 14, 17; Ġuda 17.

5. Xi profeti x’qalu dwar il-​jum taʼ Jehovah?

5 Pietru liema “kliem li diġà qalu l-​profeti qaddisa” qiegħed iħeġġeġ lill-​qarrejja biex jiftakru? Iva, dak dwar il-​preżenza taʼ Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna u dwar il-​ġudizzju taʼ dawk li jiċħdu lil Alla. Pietru kien qabel ġibed l-​attenzjoni lejn dan il-​kliem. (2 Pietru 1:16-19; 2:3-10) Ġuda jirreferi għal Enok, li kien l-​ewwel profeta ddokumentat li wissa dwar il-​ġudizzju avvers t’Alla fuq il-​ħżiena. (Ġuda 14, 15) Profeti oħrajn segwew lil Enok, u Pietru ma jridniex ninsewh dak li kitbu huma.—Isaija 66:15, 16; Sofonija 1:15-18; Żakkarija 14:6-9.

6. Liema kliem taʼ Ġesù u l-​appostli tiegħu jitfaʼ dawl fuq il-​jum taʼ Jehovah?

6 Iżjed minn hekk, Pietru jgħid lill-​qarrejja tiegħu biex jiftakru “fil-​kmandament tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna.” Il-​kmandament taʼ Ġesù jinkludi l-​eżortazzjoni: ‘Oqogħdu attenti, li ma titmewtilkomx qalbkom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda.’ “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-​waqt.” (Luqa 21:34-36; Mark 13:33) Pietru jħeġġiġna wkoll biex nagħtu kas il-​kliem taʼ l-​appostli. L-​appostlu Pawlu, per eżempju, kiteb: “Jum il-​Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl. Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-​oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-​qjies.”—1 Tessalonikin 5:2, 6.

Ix-​Xewqat Taʼ Dawk Li Jirridikolaw

7, 8. (a) X’tip taʼ nies huma dawk li jirridikolaw il-​messaġġi taʼ twissija t’Alla? (b) X’isostnu dawk li jirridikolaw?

7 Bħalma ġie nnotat qabel, ir-​raġuni għat-​twissija taʼ Pietru hija li xi wħud bdew iwaqqgħu għaċ-​ċajt twissijiet bħal dawn, saħansitra bħalma l-​Iżraeliti tal-​qedem kienu żżuffjettaw bil-​profeti taʼ Jehovah. (2 Kronaki 36:16) Pietru jispjega: “Dan għandkom tkunu tafu, l-​ewwelnett: li fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żufjett, nies li jaġixxu skond ix-​xewqat ħżiena tagħhom.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 3:3) Ġuda jgħid li x-​xewqat taʼ dawn li jirridikolaw huma għal “ġibdiet ħżiena tagħhom.” Hu jsejħilhom “nies li jgħixu ħajja taʼ din l-​art [“annimalistiċi,” “NW”], li m’għandhomx l-​Ispirtu fihom.” (Korsiv tagħna.)—Ġuda 17-19.

8 L-​għalliema foloz li Pietru qal “li jgħixu skond il-​ġibdiet tal-​ġisem” huma x’aktarx fost dawk li jirridikolaw u li m’għandhom ebda spiritwalità. (2 Pietru 2:1, 10, 14) Biż-​żuffjett jistaqsu lil Kristjani leali: “Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.”—2 Pietru 3:4.

9. (a) Għala dawk li jirridikolaw jipprovaw idgħajfu s-​sens t’urġenza li jinsab ħafna fil-​Kelma t’Alla? (b) Li nibqgħu nżommu sewwa f’moħħna l-​jum taʼ Jehovah kif inhu taʼ protezzjoni għalina?

9 Għala dan l-​irridikolar? Għala qed jiġi ssuġġerit li l-​preżenza taʼ Kristu għandha mnejn li qatt ma se sseħħ, li Alla qatt ma interviena fil-​kwistjonijiet umani u qatt ma se jintervieni? Sewwa, billi jdgħajfu s-​sens t’urġenza li jinsab ħafna fil-​Kelma t’Alla, dawn li jirridikolaw annimalistiċi jfittxu li jbennu lil oħrajn għal ġo stat t’apatija spiritwali u b’hekk jagħmluhom priża faċli għal seduzzjonijiet egoistiċi. X’inkuraġġiment qawwi għalina llum biex nibqgħu mqajmin spiritwalment! Jalla nibqgħu nżommu sewwa f’moħħna l-​jum taʼ Jehovah u dejjem niftakru li għajnejh huma fuqna! B’hekk niġu mqanqlin biex naqdu lil Jehovah b’żelu u nżommu s-​safa morali tagħna.—Salmi 11:4; Isaija 29:15; Eżekjel 8:12; 12:27; Sofonija 1:12.

Apposta u Taʼ Min Jistmerrhom

10. Pietru kif jagħti prova li dawk li jirridikolaw huma żbaljati?

10 Uħud bħal dawn li jirridikolaw jinjoraw fatt vitali. Huma jinjorawh deliberatament u jipprovaw iġagħlu lil oħrajn jinsewh. Għala? Sabiex ikunu jistgħu jisseduċu lin-​nies iżjed faċilment. “Għax iridu,” jikteb Pietru, “dawn jinsew.” Liema fatt? “Li sa minn żmien ilu kienu s-​smewwiet u l-​art, li saret mill-​ilma u żżomm bl-​ilma bis-​saħħa tal-​kelma taʼ Alla; kien ukoll bl-​ilma li d-​dinja taʼ dak iż-​żmien tgħarrqet u ntilfet.” (Korsiv tagħna.) (2 Pietru 3:5, 6) Iva, Jehovah ħelisha l-​art mill-​ħażen matul id-​Dilluvju fi żmien Noè, fatt li Ġesù enfasizzah ukoll. (Mattew 24:37-39; Luqa 17:26, 27; 2 Pietru 2:5) Mela, kuntrarju għal dak li jgħidu dawk li jirridikolaw, l-​affarijiet kollha ma baqgħux mexjin “kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.”

11. Liema stennijiet prematuri tal-​Kristjani bikrin ġagħlu lil xi wħud jirridikolawhom?

11 Dawk li jirridikolaw għandu mnejn li żżuffjettaw bil-​Kristjani leali minħabba li kellhom stennijiet mhux imwettqin. Ftit qabel ma miet Ġesù, id-​dixxipli tiegħu “kien mingħalihom li s-​Saltna taʼ Alla kienet se tidher minnufih.” Imbagħad, wara l-​irxoxt tiegħu staqsew jekk is-​Saltna kellhiex tiġi stabbilita dak il-​ħin. Ukoll, madwar għaxar snin qabel ma Pietru kiteb it-​tieni ittra tiegħu, xi wħud kienu ‘maħsudin’ minħabba “xi kelma” jew “xi ittra,” li jaħsbu li kienet ġejja mingħand l-​appostlu Pawlu jew sħabu, “bħallikieku l-​miġja taʼ jum il-​Mulej qorbot.” (Luqa 19:11; 2 Tessalonikin 2:2; Atti 1:6) Dawn l-​istennijiet tad-​dixxipli taʼ Ġesù, madankollu, ma kinux foloz, kienu biss prematuri. Il-​jum taʼ Jehovah kien se jiġi!

Il-​Kelma T’Alla Hija Taʼ Min Jorbot Fuqha

12. Il-​Kelma t’Alla kif tat prova li hija taʼ min jorbot fuqha fil-​profeziji li fiha dwar “Jum il-​Mulej”?

12 Bħalma ġie nnotat qabel, il-​profeti taʼ qabel l-​era Kristjana taʼ spiss wissew li jum il-​vendetta taʼ Jehovah kien qrib. “Jum il-​Mulej” fuq skala żgħira ġie fis-​sena 607 Q.E.K. meta Jehovah esegwixxa vendetta fuq il-​poplu xxellerat tiegħu. (Sofonija 1:14-18) Iktar tard, ġnus oħrajn, inklużi Babilonja u l-​Eġittu, għaddew minn “Jum il-​Mulej” bħal dan. (Isaija 13:6-9; Ġeremija 46:1-10; Għabdija 15) It-​tmiem tas-​sistema Lhudija t’affarijiet taʼ l-​ewwel seklu kien ukoll ġie mbassar, u dan seħħ meta l-​armati Rumani għamlu ħerba lil Ġudea fis-​sena 70 E.K. (Luqa 19:41-44; 1 Pietru 4:7) Imma Pietru jipponta lejn “Jum il-​Mulej” fil-​futur, wieħed li se jagħmel saħansitra lid-​Dilluvju globali jidher li m’hu xejn daqskemm se jkun kbir!

13. Liema eżempju storiku juri ċ-​ċertezza tat-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet?

13 Pietru jintroduċi d-​deskrizzjoni tiegħu taʼ dik il-​qerda li ġejja, billi jgħid: “Hekk ukoll bl-​istess kelma.” Kien għadu kif qal li “bis-​saħħa tal-​kelma taʼ Alla” l-​art taʼ qabel id-​Dilluvju ħarġet “mill-​ilma u żżomm bl-​ilma.” Din is-​sitwazzjoni, deskritta fil-​Bibbja fir-​rakkont tal-​ħolqien, għamlet l-​Għarqa possibbli meta l-​ilmijiet niżlu bil-​qliel skond id-​direzzjoni jew il-​kelma t’Alla. Pietru jkompli: “Bl-​istess kelma taʼ Alla is-​smewwiet u l-​art taʼ llum huma merfugħin għall-​ħruq, miżmumin sa jum il-​ġudizzju, li jkun jum it-​telfien tal-​ħżiena.” (2 Pietru 3:5-7; Ġenesi 1:6-8) Għandna l-​kelma taʼ min jorbot fuqha taʼ Jehovah! Hu se jġib fi tmiem is-​“smewwiet u l-​art”​—din is-​sistema t’affarijiet—​fil-korla tħeġġeġ tal-​jum il-​kbir tiegħu! (Sofonija 3:8) Imma meta?

Ħerqa Biex Jiġi T-​Tmiem

14. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li issa qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja”?

14 Id-​dixxipli taʼ Ġesù riedu jkunu jafu meta kien se jiġi t-​tmiem, u għalhekk staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​miġja tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja [“konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet,” NW]?” Huma evidentement kienu qegħdin jistaqsu dwar meta kellha tintemm is-​sistema Lhudija, imma t-​tweġiba taʼ Ġesù ffokat primarjament fuq meta s-​‘sema u l-​art’ preżenti kellhom jinqerdu. Ġesù bassar affarijiet bħal gwerer kbar, nuqqas taʼ ikel, terremoti, mard, u kriminalità. (Mattew 24:3-14; Luqa 21:5-36) Mill-​1914 ’l hawn, rajna s-​sinjal li Ġesù ta għall-​“konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet” qiegħed jiġi mwettaq kif ukoll l-​affarijiet li l-​appostlu Pawlu semma li kellhom jidentifikaw “l-​aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Verament, l-​evidenza li qegħdin ngħixu fiż-​żmien tat-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet hija abbundanti!

15. Il-​Kristjani x’kellhom it-​tendenza li jagħmlu minkejja t-​twissija taʼ Ġesù?

15 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu u għadhom ħerqanin biex ikunu jafu meta l-​jum taʼ Jehovah se jseħħ. Minħabba l-​ħerqa tagħhom xi drabi pprovaw jikkalkulaw meta x’aktarx li se jiġi. Imma billi għamlu hekk, huma, bħalma għamlu d-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù, naqsu li jieħdu t-​twissija tas-​Sid tagħhom li aħna ‘ma nafux meta sa jasal il-​waqt.’ (Mark 13:32, 33) Dawk li jirridikolaw iżżuffjettaw bil-​Kristjani leali minħabba l-​istennijiet prematuri li kellhom. (2 Pietru 3:3, 4) Minkejja dan, il-​jum taʼ Jehovah żgur se jiġi, jafferma Pietru, skond l-​iskeda Tiegħu.

Ħtieġa Li Nqisu Kif Iqis Jehovah

16. Liema twissija nagħtu kas bil-​għaqal?

16 Jeħtieġ li nqisu ż-​żmien kif iqisu Jehovah, bħalma Pietru jfakkarna issa: “Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-​Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.” Meta tipparagunaha, kemm hi qasira l-​ħajja tagħna taʼ 70 jew 80 sena! (2 Pietru 3:8; Salm 90:4, 10) Mela jekk it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla jidher li qiegħed jittardja, jeħtieġ li naċċettaw it-​twissija tal-​profeta t’Alla: “Jekk hija [waqtha] ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!” (Korsiv tagħna.)—Ħabakkuk 2:3.

17. Għalkemm l-​aħħar jiem damu iktar milli ħafna stennew li jdumu, dwar liema ħaġa nistgħu nkunu fiduċjużi?

17 L-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema għala damu iktar milli ħafna stennew li jdumu? Għal raġuni verament tajba, bħalma jkompli jispjega Pietru: “Mhux għax jiddawwar il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Jehovah jqis dak li huwa l-​aħjar għall-​ispeċi umana kollha. It-​tħassib tiegħu huwa għall-​ħajjiet tan-​nies, bħalma jgħid hu: “Ma nitgħaxxaqx b’mewt il-​midneb, imma bir-​reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.” (Eżekjel 33:11) Mela nistgħu nkunu fiduċjużi li t-​tmiem se jiġi preċiż f’waqtu biex iwettaq l-​iskop tal-​Ħallieq kollu mħabba u għerf!

X’Se Jintemm?

18, 19. (a) Jehovah għala hu ddeterminat li jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet? (b) Pietru kif jiddeskrivih it-​tmiem taʼ din is-​sistema, u attwalment x’se jiġi meqrud?

18 Minħabba li Jehovah verament iħobb lil dawk li jaqduh, hu se jeħles minn dawk kollha li qegħdin jikkaġunawlhom in-​niket. (Salm 37:9-11, 29) Billi jinnota, bħalma Pawlu għamel qabel, li din il-​qerda kellha tiġi għal għarrieda, Pietru jikteb: “Jasal, tabilħaqq, jum il-​Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-​smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-​nar l-​elementi tad-​dinja, u l-​art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-​nar [“se jinkixfu,” NW].” (2 Pietru 3:10; 1 Tessalonikin 5:2) Is-​smewwiet u l-​art litterali m’għebux fl-​Għarqa, lanqas m’huma se jgħibu matul il-​Jum taʼ Jehovah. Allura, x’se ‘jintemm,’ jew jinqered?

19 Il-​gvernijiet tal-​bnedmin li ddominaw lill-​umanità bħal “smewwiet” se jintemmu u hekk ukoll se jiġrilha l-​“art,” jew is-​soċjetà umana li tiċħad lil Alla. Il-​“ħsejjes kbar” forsi jindikaw kemm is-​smewwiet se jintemmu b’ħeffa. “L-​elementi” li jifformaw is-​soċjetà umana dekadenti tal-​lum se ‘jinħallu bin-​nar,’ jew jinqerdu. U l-​“art,” inkluż “kull ma fiha,” se “jinkixfu.” Jehovah se jikxef għalkollox l-​atti mill-​agħar tal-​bnedmin hekk kif iġib lis-​sistema dinjija kollha kemm hi fit-​tmiem mistħoqq tagħha.

Ibqgħu Ffokati Fuq It-​Tama Tagħkom

20. Ħajjitna kif għandha tiġi effettwata mill-​għarfien tagħna dwar il-​ġrajjiet li jinsabu quddiemna?

20 Ladarba dawn il-​ġrajjiet drammatiċi huma qrib, Pietru jgħidilna li jmissna nkunu involuti biex ‘ħajjitna tkun tajba u qaddisa waqt li nistennew b’ħerqa kbira l-​miġja taʼ Jum Alla.’ Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwar dan! “[I]s-smewwiet jinħarqu u jinħallu!” (2 Pietru 3:11, 12) Il-​fatt li dawn il-​ġrajjiet drammatiċi jistgħu jibdew iseħħu għada stess għandu jeffettwa kull ma nagħmlu jew qegħdin nippjanaw li nagħmlu.

21. X’se jieħu post is-​smewwiet u l-​art preżenti?

21 Pietru issa jgħidilna x’se jieħu post is-​sistema qadima billi jgħid: “Imma aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13; Isaija 65:17) Aħ, x’serħan grandjuż! Kristu u l-​144,000 mexxejja sħab miegħu se jifformaw “smewwiet” governattivi “ġodda,” u n-​nies li jibqgħu ħajjin wara t-​tmiem taʼ din id-​dinja se jifformaw l-​“art ġdida.”—1 Ġwann 2:17; Apokalissi 5:9, 10; 14:1, 3.

Żommu L-​Urġenza u S-​Safa Morali

22. (a) X’se jgħinna nevitaw kwalunkwe tebgħa spiritwali jew dnub? (b) Pietru jwissi dwar liema periklu?

22 “Għalhekk, ħuti għeżież,” ikompli Pietru, “waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-​sliem, bla tebgħa u bla dnub. Is-​sabar li bih il-​Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni tagħna.” Li nistennew b’antiċipazzjoni ħerqana u li nqisu kwalunkwe ttardjar tal-​jum taʼ Jehovah bħala espressjoni taʼ paċenzja divina se jgħinna nevitaw kwalunkwe tebgħa spiritwali jew dnub. Madankollu, jeżisti periklu! Pietru jwissi li l-​kitbiet taʼ “Pawlu, ħuna l-​għażiż . . . fihom ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom, u dawk li ma jifhmux u li m’humiex sħaħ biżżejjed ifissruhom ħażin għat-​telfien tagħhom stess; hekk jagħmlu wkoll mill-​kotba l-​oħra taʼ l-​Iskrittura.”—2 Pietru 3:14-16.

23. X’inhi t-​twissija li Pietru kkonkluda biha?

23 Għalliema foloz għawġu b’mod evidenti l-​kitbiet taʼ Pawlu dwar il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, u wżawhom bħala skuża għal kondotta laxka. Forsi Pietru għandu dan f’moħħu meta jikteb it-​twissija tiegħu qabel ma jikkonkludi: “Intom, mela, ħuti għeżież, ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfgħux maħkuma mill-​iżbalji taʼ dawn in-​nies bla rażan u taqgħu mnejn tinsabu fis-​sod.” Imbagħad jikkonkludi l-​ittra tiegħu, billi jħeġġeġ: “Ikbru fil-​grazzja u fl-​għarfien taʼ Sidna u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pietru 3:17, 18.

24. Il-​qaddejja kollha taʼ Jehovah liema attitudni għandhom iħaddnu?

24 Jidher ċar li Pietru jrid isaħħaħ lil ħutu. Hu jixtieq li kulħadd ikollu l-​attitudni li esprima dak ix-​Xhud leali taʼ 82 sena li ġie kkwotat fil-​bidu: “Għext ħajti bħalma ħeġġeġ l-​appostlu, ‘billi żammejt sewwa f’moħħi l-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.’ Dejjem qist id-​dinja ġdida mwiegħda bħala ‘xi ħaġa reali li m’aħniex naraw.’” Jalla lkoll kemm aħna ngħixu ħajjitna b’dan il-​mod.

(w97 9/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ X’ifisser li wieħed ‘iżomm sewwa f’moħħu’ l-​jum taʼ Jehovah?

◻ Dawk li jirridikolaw x’jinjoraw apposta, u għala?

◻ Dawk li jirridikolaw għal liema raġuni żżuffjettaw bil-​Kristjani leali?

◻ Liema mod taʼ kif inqisu l-​affarijiet jeħtiġilna nżommu?

[Stampa f’paġna 31]

Żomm sewwa f’moħħok il-​jum taʼ Jehovah . . .

[Stampa f’paġna 32]

. . . u d-​dinja l-​ġdida li se tiġi wara

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja