LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 7/15 pp. 10-15
  • Għandek Int “Attitudni taʼ Stennija”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandek Int “Attitudni taʼ Stennija”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nistennew “b’Atti Qaddisin taʼ Kondotta”
  • Stenna b’“Għemejjel taʼ Devozzjoni Lejn Alla”
  • Irridu Nkunu “bla Tebgħa”
  • Irridu Nkunu “bla Difett”
  • Irridu Nkunu “fis-​Sliem”
  • “Oqogħdu Attenti X’Tip taʼ Persuni Għandkom Tkunu!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Żid id-Devozzjoni Lejn Alla mas-Sabar Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Iġru Wara d-Devozzjoni Lejn Alla Bħala Kristjani Mgħammdin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Żommu dejjem f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 7/15 pp. 10-15

Għandek Int “Attitudni taʼ Stennija”?

“Liema xorta taʼ persuni jmisskom tkunu f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, billi tistennew u żżommu sewwa f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah!”—2 PIETRU 3:​11, 12, NW.

1, 2. L-​“attitudni taʼ stennija” li nuru rigward il-​jum taʼ Jehovah maʼ xiex nistgħu nqabbluha?

IMMAĠINA familja li qed tistenna l-​mistidnin għall-​ikel. Il-​ħin li fih għandhom jaslu qed joqrob b’rata mgħaġġla. Il-​mara qed tagħmel l-​aħħar preparamenti għall-​ikla. Ir-​raġel tagħha u t-​tfal tagħhom qed jagħtu daqqa t’id biex ikunu ċerti li kollox lest. Kulħadd eċċitat. Iva, il-​familja kollha qed tistenna bil-​ħerqa l-​wasla tal-​mistidnin u qed tħares ’il quddiem għal ikla tajba u sħubija mill-​aħjar.

2 Bħala Kristjani, aħna qed nistennew xi ħaġa ħafna iktar importanti. X’qed nistennew? Ilkoll kemm aħna qed nistennew il-​“jum taʼ Jehovah”! Sakemm jasal, aħna rridu nkunu bħall-​profeta Mikea, li qal: “Huwa għal Jehovah li se nibqaʼ ngħasses. Se nuri attitudni taʼ stennija għall-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.” (Mikea 7:​7, NW) Ifisser dan li noqogħdu b’idejna fuq żaqqna? Le. Hemm ħafna xogħol xi jsir.

3. Skond it-​2 Pietru 3:​11, 12, liema attitudni għandu jkollhom il-​Kristjani?

3 L-​appostlu Pietru jgħinna nuru attitudni xierqa waqt li qed nistennew. Hu jgħid: “Liema xorta taʼ persuni jmisskom tkunu f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, billi tistennew u żżommu sewwa f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah!” (2 Pietru 3:​11, 12, NW) Innota li din hija stqarrija b’enfasi. Pietru ma kienx qed jistaqsi xi mistoqsija. Fiż-​żewġ ittri tiegħu ispirati minn Alla, hu ddeskriva liema xorta taʼ persuni għandhom ikunu l-​Kristjani. Hu tahom ukoll il-​parir biex jibqgħu jagħmlu ‘atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.’ Għalkemm kienu għaddew xi 30 sena mindu Ġesù Kristu kien ta s-​sinjal “taʼ tmiem id-​dinja,” il-​Kristjani ma kellhomx inaqqsu l-​għassa. (Mattew 24:3) Kellhom ‘jistennew u jżommu sewwa f’moħħhom’ il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.

4. X’jinvolvi li ‘nżommu sewwa f’moħħna il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah’?

4 Il-​kelma Griega tradotta ‘nżommu sewwa f’moħħna’ letteralment tfisser “li nħaffu.” M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux letteralment ‘inħaffu’ l-​jum taʼ Jehovah. Dwar dan, la nafu “l-​jum u lanqas is-​siegħa” meta se jiġi Ġesù Kristu biex jagħmel ħaqq mill-​għedewwa taʼ Missieru. (Mattew 24:36; 25:13) Xogħol wieħed taʼ referenza jispjega li l-​għerq tal-​verb “inħaffu” hawnhekk ifisser “‘tgħaġġel’ u b’hekk huwa relatat ħafna maʼ li wieħed ikun ‘żeluż, attiv, konċernat dwar xi ħaġa.’” Għalhekk, Pietru kien qed iħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex jixtiequ b’ħerqa kbira l-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah. Huma setgħu jagħmlu dan billi jżommuha f’moħħhom il-​ħin kollu. (2 Pietru 3:​12, NW) Minħabba li “Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ” issa huwa tant qrib, għandu jkollna l-​istess attitudni mentali.—Ġoel 3:4 (2:​31, NW).

Nistennew “b’Atti Qaddisin taʼ Kondotta”

5. Kif nistgħu nuru li aħna nixtiequ bil-​ħerqa li naraw “il-​jum taʼ Jehovah”?

5 Jekk aħna qed nixtiequ b’ħerqa kbira li nsalvaw fil-​jum taʼ Jehovah, dan se nuruh permezz taʼ l-​‘atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla’ tagħna. L-​espressjoni “atti qaddisin taʼ kondotta” forsi tfakkarna fit-​twissija taʼ Pietru: “Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skond il-​ġibdiet taʼ qabel meta kontu għadkom tgħixu fl-​injuranza tagħkom; iżda, bħalma qaddis hu dak li sejjħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-​imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien.’”—1 Pietru 1:​14-16.

6. X’għandna nagħmlu sabiex inkunu qaddisin?

6 Biex inkunu qaddisin irridu nibqgħu nodfa fiżikament, mentalment, moralment, u spiritwalment. Qegħdin aħna nippreparaw għall-​“jum taʼ Jehovah” billi nżommu lilna nfusna qaddisin bħala individwi li jġorru l-​isem taʼ Jehovah? M’huwiex faċli llum li nżommu dan it-​tip taʼ ndafa minħabba li l-​livelli morali tad-​dinja iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jiddeterjoraw. (1 Korintin 7:31; 2 Timotju 3:13) Qegħdin aħna nsibu li d-​differenza bejn il-​livelli morali tagħna u dawk tad-​dinja qiegħda dejjem tiżdied? Jekk le, għandna għalfejn ninkwetaw. Jistaʼ jkun li l-​livelli persunali tagħna, għalkemm iktar għoljin minn dawk tad-​dinja, qed jiddeterjoraw? Jekk inhu hekk, għandna bżonn nieħdu azzjoni pożittiva biex nirranġaw l-​affarijiet ħalli b’hekk nogħġbu lil Alla.

7, 8. (a) Kif nistgħu ma nibqgħux naraw l-​importanza taʼ li nieħdu sehem ‘f’atti qaddisin taʼ kondotta’? (b) Liema passi biex nirranġaw is-​sitwazzjoni għandu mnejn ikollna bżonn nieħdu?

7 Il-​fatt li issa daħlet il-​pornografija fuq l-​Internet u hija wkoll disponibbli fil-​privat, wassal lil xi wħud li darba ma kellhomx aċċess għal materjal immorali bħal dan biex issa jsibu “ruxxmata opportunitajiet sesswali,” jgħid wieħed tabib. Jekk aħna kellna nfittxu dawn l-​affarijiet maħmuġin fuq l-​internet, żgur li nkunu qed ninjoraw il-​kmand tal-​Bibbja biex ma ‘mmissu xejn imniġġes.’ (Isaija 52:11) Inkunu aħna verament qed inżommu ‘sewwa f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah’? Jew forsi nkunu qed nipposponu f’moħħna dak il-​jum, billi nirraġunaw li anki jekk qed iniġġsu moħħna b’dan il-​materjal maħmuġ, xorta għad għandna biżżejjed żmien biex nitnaddfu? Jekk aħna għandna xi problema bħal din, kemm huwa urġenti li nitolbu lil Jehovah biex iġiegħel ‘lil għajnejna jibqgħu għaddejjin milli naraw dak li huwa bla siwi u jżommna ħajjin fil-​mogħdija tiegħu’!—Salm 119:​37 (NW).

8 Il-​maġġuranza l-​kbira mix-​Xhieda taʼ Jehovah, kemm żgħar kif ukoll kbar, qed iżommu sod mal-​livelli morali għoljin t’Alla u qed jevitaw il-​ġibdiet immorali taʼ din id-​dinja. Konxji taʼ l-​urġenza taʼ żminijietna u tat-​twissija taʼ Pietru li “jum il-​Mulej bħal ħalliel” huma jibqgħu jagħmlu “atti qaddisin taʼ kondotta.” (2 Pietru 3:10) L-​azzjonijiet tagħhom juru li huma qed ‘jistennew u jżommu sewwa f’moħħhom il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.’a

Stenna b’“Għemejjel taʼ Devozzjoni Lejn Alla”

9. Id-​devozzjoni lejn Alla x’għandha tqanqalna nagħmlu?

9 Huwa vitali li jkollna wkoll “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” jekk irridu li nżommu l-​jum taʼ Jehovah f’moħħna. Id-​“devozzjoni lejn Alla” tinvolvi li nuru riverenza lejn Alla li tqanqalna nagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh. Rabta leali maʼ Jehovah hija l-​forza li tqanqalna nagħmlu għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla. Hija r-​rieda tiegħu li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (1 Timotju 2:4) Alla ma “jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Mela, allura, m’għandhiex id-​devozzjoni tagħna lejn Alla tqanqalna nagħmlu iktar sforzi biex ngħinu lin-​nies jitgħallmu dwar Jehovah u jimitawh?—Efesin 5:1.

10. Għala għandna ngħassu kontra “l-​ġibda għall-​ġid”?

10 Jekk infittxu s-​Saltna t’Alla l-​ewwel, ħajjitna se tkun mimlija b’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla. (Mattew 6:33) Dan jinvolvi li jkollna ħarsa bilanċjata lejn l-​affarijiet materjali. Ġesù wissa: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-​radam, ħajtu ma tiddependix mill-​ġid li jkollu.” (Luqa 12:15) Għalkemm forsi diffiċli li nimmaġinaw lilna nfusna nsiru għomja minħabba l-​imħabba tal-​flus, nagħmlu tajjeb jekk ninnotaw li “l-​inkwiet żejjed għall-​ħwejjeġ tad-​dinja u l-​ġibda għall-​ġid” jistgħu ‘joħonqu l-​kelma’ t’Alla. (Mattew 13:​22, korsiv tagħna.) Forsi m’huwiex faċli li ssib impjieg. F’ċerti pajjiżi, minħabba dan ħafna jirraġunaw li biex jgħixu ħajja aħjar, iridu jmorru jgħixu f’pajjiż li huwa iktar sinjur, u forsi jkollhom jitilqu lill-​familji tagħhom għal ftit tas-​snin. Saħansitra anki xi wħud mill-​poplu t’Alla rraġunaw b’dan il-​mod. Forsi jekk imorru f’pajjiż ieħor ikunu jistgħu jipprovdu l-​kumditajiet moderni lill-​familja tagħhom. Madankollu, x’jistaʼ jiġri mill-​ispiritwalità tal-​maħbubin tagħhom lura f’pajjiżhom? Mingħajr it-​tmexxija xierqa tal-​kap tad-​dar, se jkollhom huma l-​ispiritwalità meħtieġa biex isalvaw fil-​jum taʼ Jehovah?

11. Wieħed li emigra biex isib ix-​xogħol kif wera li l-​għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla huma iktar importanti mill-​ġid?

11 Raġel mill-​Filippini telaq minn pajjiżu lejn il-​Ġappun biex isib ix-​xogħol, u waqt li kien hemm tgħallem veritajiet mill-​Bibbja mingħand ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Wara li tgħallem dwar ir-​responsabbiltajiet skritturali li kellu bħala l-​kap tal-​familja, hu rrealizza li kellu bżonn jgħin lill-​familja tiegħu biex isiru qaddejja taʼ Jehovah. (1 Korintin 11:3) Il-​mara tiegħu lura fil-​Filippini opponiet ħafna l-​fidi ġdida li kien għadu kif sab u riditu jibqaʼ fejn kien biex jibgħat il-​flus minflok ma jmur lura biex jgħallem lill-​familja dwar it-​twemmin tiegħu bbażat fuq il-​Bibbja. Madankollu, imqanqal mill-​urġenza taż-​żminijiet u konċernat dwar il-​maħbubin tiegħu, hu mar lura lejn pajjiżu. Il-​paċenzja li wera fil-​mod kif ittratta bl-​imħabba lill-​membri tal-​familja tiegħu ġiet premjata. Maż-​żmien, il-​familja tiegħu ngħaqdet fil-​qima vera, u l-​mara tiegħu bdiet taqdi fis-​servizz full-time.

12. Għala għandna npoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel f’ħajjitna?

12 Is-​sitwazzjoni tagħna forsi tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ individwi ġewwa dar li tkun qed taqbad. Ikun għaqli li toqgħod tiġri ’l hawn u ’l hemm iddisprat biex toħroġ l-​affarijiet materjali mill-​bini li qed jinħaraq u li wasal biex jaqaʼ? Minflok, ma jkunx ferm iktar importanti li ssalva l-​ħajjiet​—tiegħek stess u tal-​familja tiegħek u t’oħrajn li jkunu f’dak il-​bini? Anki din is-​sistema dinjija mill-​agħar qed toqrob bil-​ħeffa lejn il-​waqgħa tagħha, u hemm il-​ħajjiet fin-​nofs. Ladarba nagħrfu dan, żgur li għandna npoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel u b’mod żeluż nikkonċentraw fuq ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li jsalva l-​ħajjiet.—1 Timotju 4:16.

Irridu Nkunu “bla Tebgħa”

13. F’liema kundizzjoni għandna rridu nkunu meta jasal il-​jum taʼ Jehovah?

13 Biex jenfasizza l-​importanza taʼ li nżommu attitudni taʼ stennija, Pietru jgħid: “Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li [Alla] jsibkom fis-​sliem, bla tebgħa u [“bla difett,” NW].” (2 Pietru 3:14) Flimkien mat-​twissija biex nagħmlu atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, Pietru jenfasizza l-​importanza biex fl-​aħħar ninstabu minn Jehovah bħala individwi mnaddfin bid-​demm prezzjuż taʼ Ġesù. (Apokalissi 7:​9, 14) Dan jirrikjedi li individwu jeżerċita fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u jsir qaddej dedikat u mgħammed taʼ Jehovah.

14. X’jinvolvi li nkunu “bla tebgħa”?

14 Pietru jħeġġiġna biex nagħmlu l-​almu tagħna ħalli ninsabu “bla tebgħa.” Qegħdin aħna nżommu l-​ilbies taʼ kondotta u personalità Kristjani tagħna bla tebgħa, u mhux imċappsin mid-​dinja? Meta naraw xi tebgħa fuq ħwejjiġna, aħna mill-​ewwel nipprovaw inneħħuha. Jekk tkun libsa għal qalbna iktar noqogħdu attenti kif innaddfuha. Inħossuna l-​istess aħna jekk il-​ħwejjeġ Kristjani tagħna jkollhom xi tebgħa, biex ngħidu hekk, minħabba xi difett fil-​personalità jew il-​kondotta tagħna?

15. (a) L-​Iżraelin għala kellhom idendlu l-​ġmiemen fi truf l-​imnatar tagħhom? (b) Il-​qaddejja taʼ Jehovah taʼ llum għala jispikkaw bħala li huma differenti?

15 L-​Iżraelin kellhom “idendlu ġmiemen fi truf l-​imnatar tagħhom” u “jdendluhom mal-​ponot tal-​mantar b’qafla kaħla.” Għala? Sabiex jiftakru l-​kmandamenti taʼ Jehovah, jobduhom, u ‘jkunu mqaddsin’ għal Alla tagħhom. (Numri 15:​38-40) Aħna llum, bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah, nispikkaw bħala wħud li huma differenti mid-​dinja għaliex nosservaw il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla. Per eżempju, aħna nżommu l-​indafa morali, nirrispettaw il-​qdusija tad-​demm, u nevitaw kull tip taʼ idolatrija. (Atti 15:​28, 29) Ħafna jirrispettawna minħabba d-​determinazzjoni soda tagħna biex inżommu lilna nfusna nodfa.—Ġakbu 1:27.

Irridu Nkunu “bla Difett”

16. X’jinvolvi li nżommu lilna nfusna “bla difett”?

16 Pietru jgħid ukoll li għandna ninstabu “bla difett.” Dan kif inhu possibbli? Ġeneralment tebgħa meta timsaħha jew taħsilha tmur, imma difett ma jmurx. Difett jindika li hemm xi ħaġa ħażina minn ġewwa. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani f’Filippi: “Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla [“difett,” NW] f’nofs bnedmin taʼ ħajja mgħawwġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-​dinja bħal kwiekeb.” (Filippin 2:​14, 15) Jekk aħna nsegwu dak il-​parir, se nevitaw tgemgim u argumenti u se naqdu lil Alla b’motiv tajjeb. Se nitqanqlu mill-​imħabba għal Jehovah u għall-​għajrna waqt li nippridkaw “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Mattew 22:​35-40; 24:14) Iktar minn hekk, se nkomplu nipproklamaw l-​aħbar tajba avolja n-​nies in ġenerali forsi ma jistgħux jifhmu għala nagħtu mill-​ħin u l-​isforzi tagħna mingħajr ħlas biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla u l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

17. X’għandu jkun il-​motiv tagħna meta nirsistu għal privileġġi fil-​kongregazzjoni Kristjana?

17 Ladarba nixtiequ ninstabu “bla difett,” nagħmlu tajjeb jekk neżaminaw il-​motivi tagħna f’dak kollu li nagħmlu. Aħna m’għadniex nagħmlu kollox għal gwadann persunali kif tagħmel id-​dinja, mhux moħħna biex nakkwistaw l-​għana jew il-​poter. Jekk aħna qed nirsistu għal xi privileġġi fil-​kongregazzjoni Kristjana, jalla l-​motivi tagħna jibqgħu tajbin u jalla aħna dejjem inkunu mqanqlin mill-​imħabba għal Jehovah u għal oħrajn. Kemm huwa inkuraġġanti li tara rġiel spiritwali li b’ferħ u b’umiltà ‘jixtiequ x-​xogħol taʼ [“indokratur,” NW]’ biex jaqdu lil Jehovah u lil sħabhom fit-​twemmin. (1 Timotju 3:1; 2 Korintin 1:24) Tabilħaqq, dawk li jikkwalifikaw biex jaqdu bħala anzjani ‘jirgħu l-​merħla taʼ Alla minn qalbhom; mhux għall-​qligħ baxx, imma bil-​ħeġġa taʼ l-​imħabba; mhux bħallikieku jaħkmu bil-​qawwa fuq [“il-​wirt t’Alla,” Karm Żammit], imma billi jkunu eżempju tal-​merħla.’—1 Pietru 5:​1-4.

Irridu Nkunu “fis-​Sliem”

18. Għal liema kwalitajiet huma magħrufin sew ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

18 Fl-​aħħarnett, Pietru jgħidilna biex ninstabu “fis-​sliem.” Sabiex ngħixu fi qbil maʼ din il-​ħtieġa, irridu nkunu fis-​sliem maʼ Jehovah u m’għajrna. Pietru jenfasizza l-​importanza li jkollna “mħabba sħiħa lejn xulxin” u li nżommu s-​sliem maʼ sħabna l-​Kristjani. (1 Pietru 2:17; 3:​10, 11; 4:8; 2 Pietru 1:​5-7) Sabiex inżommu s-​sliem, irid ikollna mħabba bejnietna. (Ġwann 13:​34, 35; Efesin 4:​1, 2) L-​imħabba u s-​sliem tagħna jidhru partikolarment meta jkollna l-​konvenzjonijiet internazzjonali tagħna. F’konvenzjoni fil-​Kosta Rika fl-​1999, bejjiegħ fl-​ajruport ma tantx ħa pjaċir x’ħin ix-​Xhieda lokali, li kienu qed jagħtu merħba lid-​delegati li waslu, qagħdu quddiem il-​ħanut tiegħu u mingħajr ma kienu jafu kienu qed jgħattuhulu. Madankollu, fit-​tieni ġurnata hu nnota l-​imħabba u s-​sliem li x-​Xhieda lokali wrew fil-​merħba mill-​qalb li taw lid-​delegati, għalkemm ma kinux jafuhom personalment. Fl-​aħħar ġurnata, il-​bejjiegħ ngħaqad magħhom u beda jagħtihom merħba hu wkoll u staqsa għal studju tal-​Bibbja.

19. Għala huwa vitali li nfittxu s-​sliem maʼ ħutna fit-​twemmin?

19 Is-​sinċerità tagħna f’li nfittxu s-​sliem maʼ ħutna spiritwali se turi kemm aħna verament qed nistennew b’ħerqa l-​jum taʼ Jehovah u d-​dinja l-​ġdida li hu wiegħed. (Salm 37:11; 2 Pietru 3:13) Jekk aħna qed insibuha diffiċli nżommu s-​sliem maʼ xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin, nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna ngħixu miegħu fis-​sliem fil-​Ġenna taʼ l-​art? Jekk xi ħu għandu xi ħaġa kontrina, għandna ‘nirranġaw miegħu’ mill-​ewwel. (Mattew 5:​23, 24) Huwa vitali li nagħmlu dan għax b’hekk biss se nkunu fis-​sliem maʼ Jehovah.—Salm 35:27; 1 Ġwann 4:20.

20. B’liema modi nuru li għandna “attitudni taʼ stennija”?

20 Qegħdin aħna personalment ‘nistennew u nżommu sewwa f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah’? Aħna nuru kemm nixtiequ b’ħerqa kbira li naraw it-​tmiem tal-​ħażen billi nibqgħu qaddisin f’din id-​dinja immorali. Iktar minn hekk, se nuru li nixxennqu għall-​jum taʼ Jehovah u għall-​ħajja taħt il-​ħakma tas-​Saltna mill-​għemejjel tagħna taʼ devozzjoni lejn Alla. U x-​xewqa li ngħixu f’dinja ġdida taʼ paċi nuruha billi nfittxu s-​sliem maʼ sħabna fit-​twemmin issa. B’dan nuru li għandna “attitudni taʼ stennija” u qegħdin ‘inżommu sewwa f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.’

[Nota taʼ taħt]

a Per eżempju, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Jannar, tas-​sena 2000, paġna 16 u n-​1997 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġna 51.

Tiftakar Int?

• Xi jfisser li żżomm ‘sewwa f’moħħok il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah’?

• Kif nuru li għandna “attitudni taʼ stennija” permezz tal-​kondotta tagħna?

• “Għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” għala huma vitali?

• X’għandna nagħmlu biex Jehovah isibna “bla tebgħa u [“bla difett,” NW] u fis-​sliem”?

[Stampa f’paġna 11]

“Attitudni taʼ stennija” tistaʼ tidher mill-​atti qaddisin taʼ kondotta

[Stampi f’paġna 12]

Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna jsalva l-​ħajjiet

[Stampa f’paġna 14]

Waqt li nistennew il-​jum taʼ Jehovah, ejja nfittxu s-​sliem maʼ xulxin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja