Mistoqsijiet mill-Qarrejja
In-New World Translation, kif ukoll il-Bibbji bil-Malti kollha, għala fit-2 Pietru 3:13 isemmu “smewwiet ġodda [fil-plural] u art ġdida,” meta Apokalissi 21:1 ibassar “sema ġdid [fis-singular] u art ġdida”?
Dan bażikament hu dettall tal-grammatika li għandu x’jaqsam mal-lingwi oriġinali. Ma jidhirx li għandu xi sinifikat speċjali li jistaʼ jbiddel it-tifsira.
L-ewwel, ikkunsidra l-Iskrittura Ebrajka. Fit-test bil-lingwa oriġinali, il-kelma Ebrajka sha·maʹyim, tradotta “sema” jew “smewwiet,” hi dejjem fil-plural. Milli jidher, dan it-tip taʼ plural m’huwiex il-plural li jindika dinjità jew eċċellenza, imma huwa l-plural li jintuża biex jagħti idea taʼ xi ħaġa sħiħa magħmula minn numru bla għadd taʼ partijiet separati mifruxin fl-ispazju. Dan nistgħu nifhmuh għax is-smewwiet fiżiċi jinfirxu f’kull direzzjoni lil hinn mid-dinja u jinkludu biljuni taʼ stilel. Meta sha·maʹyim ikollha qabilha l-artiklu definit (letteralment, “is-smewwiet”), in-New World Translation, kif ukoll il-Bibbji bil-Malti kollha, kważi dejjem jittraduċuha bħala “smewwiet,” bħal f’Isaija 66:22. Meta sha·maʹyim tidher mingħajr l-artiklu definit, din tistaʼ tiġi tradotta fis-singular (“sema,” bħal f’Ġenesi 1:8; 14:19, 22; Salm 69:35 [69:34, NW]) jew fil-plural (“smewwiet,” bħal f’Ġenesi 49:25; Mħallfin 5:4; Ġob 9:8; Isaija 65:17).
Kemm f’Isaija 65:17 u kemm f’Isaija 66:22, il-kelma Ebrajka għal smewwiet hija fil-plural, u t-traduzzjoni konsistenti li ntgħażlet hija “smewwiet ġodda u art [jew, l-art] ġdida.”
Il-kelma Griega ou·ra·nosʹ tfisser “sema,” u l-plural ou·ra·noiʹ jfisser “smewwiet.” Huwa interessanti li t-tradutturi tas-Settanta Griega użaw is-singular kemm f’Isaija 65:17 u kemm f’Isaija 66:22.
Issa xi ngħidu għaż-żewġ każi fejn tidher il-frażi “sema ġdid [jew, smewwiet ġodda] u art ġdida” fl-Iskrittura Griega Kristjana?
Fit-2 Pietru 3:13, l-appostlu uża l-kelma Griega fil-plural. Ftit qabel (versi 7, 10, 12), hu tkellem dwar is-“smewwiet” mill-agħar preżenti, u uża l-plural. Għalhekk, hu kien konsistenti meta uża l-plural f’vers 13. Iktar minn hekk, milli jidher hu kien qed jikkwota minn Isaija 65:17 fl-oriġinal, fejn il-kelma Ebrajka hi fil-plural, l-istess bħalma fit-2 Pietru 2:22 ikkwota mit-test Ebrajk taʼ Proverbji 26:11. B’hekk, Pietru ġibdilna l-attenzjoni lejn li “skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda [plural] u art ġdida.”
Min-naħa l-oħra, jidher ċar li f’Apokalissi 21:1, l-appostlu Ġwanni ħa t-traduzzjoni taʼ Isaija 65:17 mis-Settanta. Din, bħalma diġà għedna, għandha l-kelma Griega għal “sema” fis-singular. Għaldaqstant, dak li kiteb Ġwanni kien: “Rajt sema ġdid [fis-singular] u art ġdida, għax is-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel għabu.”
Dawn huma dettalji tal-grammatika li għandhom x’jaqsmu mat-traduzzjoni. Huwa tajjeb li nerġgħu ngħidu li ma jidher li hemm l-ebda differenza fit-tifsira sew jekk wieħed jaqra, jew inkella jitkellem, dwar “smewwiet ġodda” jew “sema ġdid.” Iż-żewġ termini jfissru l-istess.
[Sors tal-Istampa f’paġna 31]
Stilel: Frank Zullo