Stenna bil-Paċenzja
IR-RAGĦAJ li għal darba wara l-oħra għajjat “Ġej il-lupu!” meta ma kien hemm ebda lupu sab li l-għajta sussegwenti tiegħu għall-għajnuna ħadd ma taha kasha. Bl-istess mod illum, ħafna ma jagħtux kas taʼ kemm huwa imminenti l-jum taʼ Jehovah għaliex semgħu twissijiet bla għadd li wrew li kienu allarmi foloz. L-istess fatt li tant nies jonqsu li jagħrfu liema twissija hija ġenwina u taʼ min jagħti kasha jieħu vantaġġ minnu Satana, l-għadu l-kbir t’Alla, dak l-“anġlu tad-dawl” falz.—2 Korintin 11:14.
Spirtu taʼ kompjaċenza jkun perikoluż saħansitra għal dawk li jkunu qdew lil Jehovah għal xi żmien. Għala? Ikkunsidra t-twissija mill-appostlu Pietru fl-ewwel seklu.
Ħsibijiet Sbieħ
It-tieni ittra mnebbħa taʼ Pietru serviet bħala tfakkira għall-Kristjani bikrin, u sservi l-istess għalina llum. “Din hi t-tieni ittra li qiegħed niktbilkom, ħuti għeżież,” jikteb hu. “Fihom it-tnejn nifhem inqajjem fikom ħsibijiet sbieħ billi nfakkarkom f’dak li diġà tafu.” (2 Pietru 3:1) X’bażi għandu Pietru għal dan it-tħassib? Pietru jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza taʼ wħud li jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett u li ż-żuffjettar tagħhom idgħajjef is-sens t’urġenza meħtieġ meta tqis iż-żmien li fih jgħixu l-qaddejja t’Alla. Issa huwa ż-żmien li wieħed joqgħod attent li ma jiġix imqarraq faċilment minn dawk li jżebilħu. Pietru b’hekk iħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu biex ‘jiftakru fil-kliem li diġà qalu l-profeti qaddisa.’ (2 Pietru 3:2; Atti 3:22, 23) X’kienu qalu l-profeti?
Il-qaddejja leali t’Alla f’ħafna okkażjonijiet kienu ġibdu l-attenzjoni għal kif il-ġudizzji divini ġabu l-ħażen fi tmiem. Pietru jfakkar lill-qarrejja tiegħu dwar l-Għarqa taʼ żmien Noè li Alla wżaha bħala mezz biex jintervieni meta l-art kienet mimlija ħażen. Dak id-Dilluvju torrenzjali effettivament ġab fi tmiem id-dinja taʼ dak iż-żmien. Imma Alla ppreserva lil Noè u l-familja tiegħu ġo arka flimkien maʼ ħlejjaq ħajjin u rappreżentattivi “minn kull xorta.” Leġġendi universali jixhdu favur il-verità tar-rakkont Bibliku.a—Ġenesi 6:19; 2 Pietru 3:5, 6.
Dak l-intervent divin Pietru jsejjaħlu ‘fatt li huwa minsi’ minn xi nies. Imbagħad oħrajn ġew imbennin għal ġo kompjaċenza mill-uħud taʼ dak iż-żmien li kienu jwaqqgħu kollox għaż-żuffjett. Aħna, iżda, ma rridu qatt nitilfu minn quddiem għajnejna dak li Jehovah għamel diġà. Pietru jgħidilna: “Bl-istess kelma . . . s-smewwiet u l-art taʼ llum huma merfugħin għall-ħruq, miżmumin sa jum il-ġudizzju, li jkun jum it-telfien tal-ħżiena.” (2 Pietru 3:7) Iva, intervent divin irid iseħħ mill-ġdid.
Alla m’Huwiex Artab
Diġà għaddew millennji sħaħ. Għala stenna daqshekk fit-tul Alla biex isolvi l-problemi taʼ l-umanità? Mill-ġdid, Pietru jiffoka fuq fatt ieħor. Jgħid: “Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.” (2 Pietru 3:8) Il-mod taʼ kif Jehovah jqis iż-żmien huwa differenti minn tagħna. Għal dak Alla etern, il-perijodu mill-ħolqien taʼ Adam s’issa lanqas biss jammonta għal ġimgħa. Imma hi liema hi l-ħarsa tagħna lejn iż-żmien, kull millennju u kull jum li jgħaddu jġibuna eqreb lejn it-twettiq taʼ l-iskop taʼ Jehovah.
“Min jistenna kull minuta jaraha siegħa” huwa qawl li jimplika illi li wieħed sempliċement joqgħod jistenna xi ġrajja donnu li jtawwal iż-żmien taʼ meta sseħħ. Madankollu, Pietru jirrakkomanda li ‘nistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum t’Alla.’ (2 Pietru 3:12) Kif nistgħu niżviluppaw attitudni mentali li żżommna attenti għall-imminenza taʼ intervent divin?
Mill-Kliem għall-Fatti Hemm Raġel b’Xiber Mustaċċi
Pietru jiffoka l-attenzjoni fuq għemejjel u fatti. Hu jirreferi għal “atti qaddisin taʼ kondotta” kif ukoll “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:11, New World Translation) Dawn x’jinvolvu?
Il-qaddej veru t’Alla jaġixxi b’tali mod li jogħġob Lilu. Il-fidi t’adoratur veru bħal dan hija riflessa fil-kondotta tiegħu. Dan jiddistingwih minn dawk li sempliċement jitkellmu dwar twemmin f’Alla u fil-wegħdi tiegħu. Forsi int innotajt li l-ministeru pubbliku tax-Xhieda taʼ Jehovah jqegħedhom apparti bħala differenti. Huma jżuruk f’darek biex jiġbdulek l-attenzjoni għall-wegħdi t’Alla spjegati fil-Bibbja. Imma jagħtu xiehda wkoll dwar it-tamiet u t-twemmin tagħhom kulfejn jiltaqgħu man-nies.
Ix-Xhud li jokkupa ruħu b’li jiddikjara l-fidi tiegħu lil ħaddieħor ikollu t-twemmin tiegħu rrinforzat u msaħħaħ. L-espressjoni tipprofondixxi l-impressjoni u fl-istess waqt iġġib ferħ u kuntentizza ġewwinin. Meta nħabbru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, inkunu qegħdin nogħġbu lil Jehovah wkoll. Aħna nafu li hu ‘m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li nagħmlu u l-imħabba li nuru lejn ismu,’ bħalma jiddikjara Pawlu l-appostlu sieħeb Pietru.—Lhud 6:10; Rumani 10:9, 10.
X’inhu r-riżultat taʼ din il-preokkupazzjoni b’li nxerrdu l-aħbar tajba tas-Saltna matul il-jiem moribondi taʼ din is-sistema mill-agħar preżenti? Mijiet t’eluf taʼ nies taʼ qalb onesta qegħdin jitgħallmu kif jidħlu f’relazzjoni intima maʼ Jehovah, biex jibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu u jsibu l-veru hena fil-prospett taʼ ħajja eterna fuq art magħmula ġenna.
Għarfien bil-Quddiem
Għalkemm nafu mill-Bibbja li Alla Jehovah se jintervieni fiż-żmien xieraq tiegħu, għandna bżonn nagħtu kas twissija oħra li jagħti Pietru. “Ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfgħux maħkuma mill-iżbalji taʼ dawn in-nies bla rażan u taqgħu mnejn tinsabu fis-sod.”—2 Pietru 3:17.
Jehovah żgur li kien jaf minn qabel li xi wħud neqsin mill-fidi soda setgħu jiskuraġġixxu ruħhom minn dak li donnu hu ttardjar taʼ l-intervent divin. Hu kien jaf ukoll li l-influwenza taʼ nies ħżiena setgħet tikkorrompi lill-qaddejja veri tiegħu jew, għallinqas, iddgħajjef it-twemmin tagħhom li l-issantifikar taʼ l-isem t’Alla huwa qrib. Kemm tkun ħaġa traġika li ma nibqgħux sodi f’dawn il-jiem finali!
Issa m’huwiex iż-żmien li jkollna dubji jew inċertezzi dwar dak li se jagħmel Jehovah. (Lhud 12:1) Pjuttost, issa huwa ż-żmien li nikbru fl-apprezzament għal dak li ġabet il-paċenzja taʼ Jehovah—il-prospett taʼ salvazzjoni lil miljuni li jsiru parti mill-folla kbira internazzjonali u jħarsu ’l quddiem lejn li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Apokalissi 7:9, 14) Pietru jħeġġeġ: “Ikbru fil-grazzja u fl-għarfien taʼ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu. Lilu glorja issa u għal dejjem.”—2 Pietru 3:18.
“Żommu Rwieħkom fl-Imħabba taʼ Alla”
Li nkunu okkupati fl-ippridkar tas-Saltna u nattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani għall-qima u l-istudju tal-Kelma t’Alla joffrulna protezzjoni. B’hekk, mhux se jkollna ħin biex insiru mħassbin iżżejjed dwar il-kundizzjonijiet li sejrin mill-ħażin għall-agħar fis-sistema mill-agħar tal-lum. Il-biżaʼ u l-ansjetajiet m’għandhomx għalfejn jokkupaw ħafna spazju fil-ħajja taʼ Kristjani veri. (1 Korintin 15:58) Iktar ma jkollna x’nagħmlu f’li naqdu lil Jehovah, iktar jgħaddi malajr il-ħin.
Ġuda, li kien jgħix fi żmien Pietru u kien ħu tar-rispett taʼ Ġesù, iħeġġiġna: “Intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba taʼ Alla, stennew il-ħniena taʼ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja taʼ dejjem.” (Ġuda 20, 21) Innota l-importanza t’attitudni pożittiva li tiġi mqanqla permezz taʼ perseveranza fit-talb. (1 Tessalonikin 5:17) Ġuda mbagħad iżid: “Uru ħniena maʼ dawk li għadhom fid-dubju; salvawhom u aħtfuhom min-nar; l-oħrajn, ħennu għalihom, bil-biżaʼ, waqt li tistkerrhu saħansitra l-libsa mċappsa b’ġisimhom.” (Ġuda 22, 23) Kemm huwa vitali li nsaħħu lil xulxin matul dawn iż-żminijiet diffiċli! U kemm huwa importanti li ma naqgħux fit-tentazzjoni, billi nużaw dan “jum is-salvazzjoni” mtawwal bħala skuża għal “żína,” li tant hija prevalenti issa fid-dinja moralment korrotta tal-lum.—Ġuda 4; 2 Korintin 6:1, 2.
Billi tagħti kas il-pariri bl-imħabba taʼ Pietru, Pawlu, u Ġuda u billi tkun okkupat u attiv fis-servizz t’Alla, int tistaʼ tistenna bil-paċenzja l-intervent minn Jehovah. Imma hekk se tagħmel?
Taħsibhiex darbtejn biex tikkuntattja lix-Xhieda fil-lokalità tiegħek għall-għajnuna biex issaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem mill-Ħallieq. Tgħallem x’inhu meħtieġ biex tikkwalifika ħalli tieħu sehem f’dan ix-xogħol t’għoti taʼ xiehda globali li qatt ma se jerġaʼ jiġi rripetut u li se jkun konkluż fit-tribulazzjoni l-kbira li riesqa. (Mark 13:10) Int imbagħad se jkollok il-prospett li tgħix fid-dinja l-ġdida taʼ tjieba mwiegħda minn Jehovah. (2 Pietru 3:13) Agħti kas it-tfakkiriet tiegħu! Stenna bil-paċenzja! Kun okkupat!
[Nota taʼ taħt]
a Jekk jogħġbok ara l-ktieb The Bible—God’s Word or Man’s?, paġna 116, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 7]
Tgħallem issa dwar il-wegħda minn Alla taʼ Ġenna taʼ l-Art
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 5]
Lupu: Animals/Jim Harter/Dover Publications, Inc.; ragħaj żagħżugħ: Children: A Pictorial Archive from Nineteenth-Century Sources/Grafton/Dover Publications, Inc.