Napprezzaw l-Iskop tad-Dixxiplina
X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-kelma “dixxiplina”? Dizzjunarju wieħed jispjega d-dixxiplina bħala “l-prattika li wieħed iġiegħel lin-nies jobdu regoli jew livelli taʼ mġiba, u jikkastigahom meta ma jagħmlux hekk.” Għalkemm din bl-ebda mod m’hi l-unika definizzjoni aċċettata, ħafna nies illum jattribwixxu ħsieb negattiv bħal dan f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dixxiplina.
Madankollu, il-Bibbja tippreżenta d-dixxiplina minn angolu differenti. “Ibni, tistmerrx [“id-dixxiplina,” NW] tal-Mulej, u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu,” kiteb l-għaref Sultan Salamun. (Proverbji 3:11) Dan il-kliem mhux qed jirreferi għad-dixxiplina in ġenerali, imma għad-“dixxiplina tal-Mulej” Jehovah, jiġifieri, dixxiplina li hi bbażata fuq il-prinċipji għoljin t’Alla. Dixxiplina bħal din biss iġġib benefiċċji spiritwali—saħansitra hija taʼ min jixtieqha. B’kuntrast, id-dixxiplina li hi bbażata fuq il-ħsieb tal-bniedem, li hu f’konflitt mal-prinċipji għoljin taʼ Jehovah, ħafna drabi hi abbużiva u tweġġaʼ. Dan jispjega għala ħafna għandhom attitudni negattiva lejn id-dixxiplina.
Għala niġu mħeġġin biex naċċettaw id-dixxiplina taʼ Jehovah? Fl-Iskrittura, id-dixxiplina divina tiġi deskritta bħala espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla għall-ħlejjaq umani tiegħu. Għalhekk, Salamun kompla jgħid: “Għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ’l ibnu l-maħbub.”—Proverbji 3:12.
Dixxiplina jew Kastig —Liema Minnhom?
Id-dixxiplina kif tintwera fil-Bibbja fiha ħafna aspetti—gwida, istruzzjoni, taħriġ, twiddib, korrezzjoni, u saħansitra kastig. Madankollu, f’kull każ, id-dixxiplina taʼ Jehovah hija mqanqla mill-imħabba, u l-iskop tagħha huwa li min jirċiviha jibbenefika. Id-dixxiplina korrettiva mingħand Jehovah qatt ma tkun biss biex jagħti kastig.
Mill-banda l-oħra, il-kastigi li jiġu minn Alla mhux dejjem jingħataw biex jikkoreġu jew jgħallmu lil min jirċivihom. Per eżempju, minn dik il-ġurnata stess li dinbu Adam u Eva, huma bdew ibatu l-konsegwenzi tad-diżubbidjenza tagħhom. Jehovah keċċiehom mill-ġnien meraviljuż taʼ l-Għeden, u huma sfaw vittmi taʼ l-effett taʼ l-imperfezzjoni, il-mard, u x-xjuħija. Wara mijiet taʼ snin taʼ ħajja mimlija tbatija, huma mietu għal dejjem. Dan kollu tassew kien kastig minn Alla, imma din ma kinitx dixxiplina korrettiva. B’ras iebsa u bla ndiema, Adam u Eva ma setgħux jiġu koreġuti.
Rakkonti oħra taʼ meta Jehovah ikkastiga lil xi ħadd jinkludu d-Dilluvju fi żmien Noè, il-qerda taʼ Sodoma u Gomorra, u l-qerda taʼ l-armata Eġizzjana fil-Baħar l-Aħmar. Dawn lazzjonijiet taʼ Jehovah ma kinux maħsuba biex jipprovdu gwida, istruzzjoni jew taħriġ għal dawk li rċivewhom. Dwar azzjonijiet bħal dawn li Alla ħa biex jikkastiga lil xi ħadd, l-appostlu Pietru kiteb: ‘Ma ħafirhiex lid-dinja tal-qedem—barra minn Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra—meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen; ikkundanna l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra biex ikunu maħruqa sa ma jsiru rmied u bihom ħalla tagħlima għal dawk il-ħżiena li kellhom jiġu wara.’—2 Pietru 2:5, 6.
Dawn il-kastigi li ngħataw, f’liema sens ‘ħallew tagħlima għal dawk il-ħżiena li kellhom jiġu wara’? Fl-ittra taʼ Pawlu lit-Tessalonikin, hu jipponta lejn żmienna bħala ż-żmien li fih Alla, permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, se “jħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju.” Pawlu jżid jgħid: “Dawn għad jitħallsu bil-piena tat-telfien taʼ dejjem.” (2 Tessalonikin 1:8, 9) Ovvjament, kastig bħal dan m’huwiex intenzjonat li jgħallem jew jirfina lil dawk li jirċivuh. Madankollu, meta Jehovah jistieden lill-aduraturi tiegħu biex jaċċettaw id-dixxiplina tiegħu, hu ma jkunx qed jirreferi għall-kastig taʼ wħud midinba li ma jindmux.
Huwa sinifikanti li l-Bibbja ma tiddeskrivix lil Jehovah primarjament bħala wieħed li jikkastiga. Minflok, ħafna drabi hu jiġi deskritt bħala mgħallem kollu mħabba u wieħed li jħarreġ bil-paċenzja. (Ġob 36:22; Salm 71:17; Isaija 54:13) Iva, id-dixxiplina li tingħata minn Alla bħala korrezzjoni hija dejjem akkumpanjata mill-imħabba u l-paċenzja. Iktar ma l-Kristjani jifhmu l-iskop tad-dixxiplina iktar se jkunu jistgħu jaċċettaw u jagħtu d-dixxiplina b’attitudni xierqa.
Id-Dixxiplina taʼ Ġenituri li Jħobbu
Fil-familja u fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm bżonn li kulħadd jifhem l-iskop tad-dixxiplina. Dan jgħodd speċjalment għal dawk li għandhom pożizzjonijiet t’awtorità, bħalma huma l-ġenituri. Proverbji 13:24 jistqarr: “Min iżomm lura l-bastun jobgħod lil ibnu, imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.”
Il-ġenituri kif għandhom jagħtuha d-dixxiplina? Il-Bibbja tispjega: “Intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Din it-twissija tiġi ripetuta f’dan il-kliem: “Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.”—Kolossin 3:21.
Ġenituri Kristjani li jifhmu l-iskop tad-dixxiplina ma jkunux ħorox. Il-prinċipju mistqarr fit-2 Timotju 2:24 jistaʼ jiġi applikat bil-mod li bih dawn jagħtu d-dixxiplina. Pawlu kiteb: “Min hu qaddej tal-Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem; imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd, jinqalaʼ biex jgħallem.” Rabja bla rażan, għajât, u insulti jew xi kummenti li jċekknu lil dak li jkun żgur li ma jaqgħux taħt id-dixxiplina bl-imħabba u m’għandu jkollhom ebda post fil-ħajja Kristjana.—Efesin 4:31; Kolossin 3:8.
Il-korrezzjoni li tingħata mill-ġenituri ħafna drabi tinvolvi iktar milli sempliċement jingħata kastig malajr malajr u b’mod deċiżiv. Ħafna tfal għandhom bżonn twiddiba wara l-oħra biex jirranġaw il-ħsieb tagħhom. B’hekk, il-ġenituri jridu jqattgħu ħin magħhom, ikollhom paċenzja, u jaħsbu fil-fond dwar il-mod kif huma qegħdin jagħtu d-dixxiplina. Iridu jżommu ġo moħħhom li t-tfal għandhom jitrabbew “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” Dan ifisser taħriġ li jdum sejjer snin sħaħ.
Rgħajja Kristjani Jiddixxiplinaw bil-Ħlewwa
L-istess prinċipji jgħoddu għall-anzjani Kristjani. Bħala rgħajja kollhom imħabba, huma jaħdmu iebes biex isaħħu lill-merħla billi jipprovdu istruzzjoni, direzzjoni, u twiddib meta jkun hemm bżonn. Billi jagħmlu hekk, iżommu f’moħħhom l-iskop veru tad-dixxiplina. (Efesin 4:11, 12) Jekk jiffokaw biss fuq li jagħtu l-kastig, huma jkunu sempliċement qed jikkastigaw lil dak li żbalja u xejn iktar. Id-dixxiplina divina tinvolvi ħafna iktar minn hekk. Imqanqlin mill-imħabba, l-anzjani mhux biss jagħtuhom il-parir imma jkomplu jagħtuhom l-għajnuna. Minħabba li huma interessati ġenwinament, ħafna drabi huma jagħmlu skeda ħalli jiltaqgħu diversi drabi magħhom biex ikunu jistgħu jinkuraġġuhom u jħarrġuhom.
Skond it-twissija li nsibu fit-2 Timotju 2:25, 26, anki meta l-anzjani jkunu qed jittrattaw maʼ dawk li ma jaċċettawx id-dixxiplina mill-ewwel, huma għandhom iwiddbuhom “bil-ħlewwa.” L-iskrittura mbagħad tistqarr l-iskop tad-dixxiplina: “Għandu mnejn Alla jagħtihom l-indiema, u hekk jagħrfu l-verità u jiġu f’sensihom, u jeħilsu mix-xbiek tax-Xitan.”
Kultant, ikun hemm bżonn li dawk li ma jindmux mill-ħażin li jkunu għamlu jinqatgħu mis-sħubija tal-kongregazzjoni. (1 Timotju 1:18-20) Anki azzjoni ħarxa bħal din xorta għandha tiġi kunsidrata bħala dixxiplina, mhux biss kastig. Minn żmien għal żmien, l-anzjani jagħmlu mira li jżuru lil dawk maqtugħin mis-sħubija li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem b’mod attiv f’xi ħaġa mhix xierqa. Waqt żjajjar bħal dawn, l-anzjani jaġixxu fi qbil maʼ l-iskop proprju tad-dixxiplina billi juru x’passi huma meħtieġa biex persuna terġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni Kristjana.
Jehovah Huwa l-Imħallef Perfett
Il-ġenituri, ir-rgħajja Kristjani, kif ukoll oħrajn li għandhom awtorità mill-Iskrittura biex jamministraw id-dixxiplina għandhom jieħdu din ir-responsabbiltà bis-serjetà. M’għandhomx jiġġudikaw lil oħrajn bħala li huwa impossibbli li jiġu koreġuti. Għalhekk, id-dixxiplina tagħhom qatt m’għandha tkun kastig kontrihom personalment jew tingħata bħala vendikazzjoni.
Veru, il-Bibbja tirreferi għal Jehovah bħala l-wieħed li jagħti l-kastig aħrax u finali. Fil-fatt, l-Iskrittura tgħid li hi “ħaġa tal-biżaʼ li taqaʼ f’idejn Alla l-ħaj!” (Lhud 10:31) Imma l-ebda bniedem m’għandu jqabbel lilu nnifsu maʼ Jehovah f’dan ir-rigward jew fi kwalunkwe ħaġa oħra. U ħadd m’għandu għalfejn iħossu li hija xi ħaġa tal-biżaʼ li jiġi taħt idejn xi ġenitur jew ċertu anzjan fil-kongregazzjoni.
Jehovah għandu l-abbiltà li meta jagħti d-dixxiplina, din tkun bilanċjata perfettament. Il-bnedmin m’għandhomx din l-abbiltà. Alla jistaʼ jaqra l-qalb u jiddetermina meta xi ħadd ma jistax jiġi koreġut, u għalhekk ikollu bżonn jirċievi kastig deċiżiv u finali. Min-naħa l-oħra, il-bnedmin m’humiex kapaċi jiġġudikaw b’dan il-mod. Minħabba f’hekk, meta jkun hemm bżonn li tingħata dixxiplina, dawk li għandhom pożizzjoni t’awtorità għandhom dejjem jagħtuha bi skop taʼ korrezzjoni.
Naċċettaw id-Dixxiplina taʼ Jehovah
Ilkoll kemm aħna għandna bżonn id-dixxiplina taʼ Jehovah. (Proverbji 8:33, NW) Fil-fatt, għandna nixxennqu għal dixxiplina li hi bbażata fuq il-Kelma t’Alla. Hekk kif nistudjaw il-Kelma t’Alla, inkunu nistgħu naċċettaw id-dixxiplina li tiġi direttament mingħand Jehovah permezz taʼ l-Iskrittura. (2 Timotju 3:16, 17) Xi drabi, però, se nirċievu dixxiplina mingħand sħabna l-Kristjani. Jekk nifhmu l-intenzjoni vera għalfejn tingħata dixxiplina bħal din se nkunu nistgħu naċċettawha bil-qalb.
L-appostlu Pawlu ammetta: “Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna.” Wara żied: “Iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.” (Lhud 12:11) Id-dixxiplina taʼ Jehovah hija turija taʼ l-imħabba profonda li għandu għalina. Sew jekk nirċievu u sew jekk nagħtu d-dixxiplina, ejja nżommu f’moħħna l-iskop tad-dixxiplina divina u nisimgħu mill-parir għaqli tal-Bibbja: ‘Żomm [“mad-dixxiplina,” NW], u tħalliha qatt, ħarisha sewwa, għax hi ħajtek.’—Proverbji 4:13.
[Stampi f’paġna 21]
Dawk li jidinbu u ma jindmux jirċievu l-kastig taʼ ġudizzju mingħand Jehovah, u mhux id-dixxiplina korrettiva tiegħu
[Stampi f’paġna 22]
Imqanqlin mill-imħabba, l-anzjani jqattgħu l-ħin jagħmlu riċerka sabiex jgħinu lil dawk li jkunu żbaljaw
[Stampi f’paġna 23]
Il-ġenituri bil-paċenzja u bl-imħabba jagħtu d-“dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej”