LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 4/15 pp. 6-11
  • Sigriet Sagru Jinkixef

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sigriet Sagru Jinkixef
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Isolvi l-​Misteru
  • Sitt Aspetti
  • “Jidher fil-​Laħam”
  • Aspetti Oħra
  • Nitgħallmu s-Sigriet Sagru tad-Devozzjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sigriet li Tistaʼ Tgħidu lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù taʼ Devozzjoni Lejn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sigriet li l-Kristjani Ma Jażżardawx Iżommuh Għalihom!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 4/15 pp. 6-11

Sigriet Sagru Jinkixef

“Is-​sigriet sagru taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla nammettu li hu kbir.”−1 TIMOTEW 3:16.

1. Liema sigriet hu deskritt fl-​1 Timotew 3:16?

IL-​MISTERI jaffaxxinawk? Tieħu pjaċir tfittex fil-​fond fil-​misteri? Il-​biċċa l-​kbira minna hekk huma! Ingħaqad magħna, mela, hekk kif ninvestigaw wieħed mill-​iktar sigrieti grandjużi fosthom kollha—sigriet li kien maqful fil-​Kelma t’Alla għal eluf taʼ snin. Dan is-​sigriet sagru b’mod vitali jeffettwa l-​ħajjiet tagħna, kemm issa u fil-​futur. Huwa ‘s-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla,’ deskritt għalina fl-​1 Timotew 3:16. Kemm għandna għalfejn inkunu grati lejn Jehovah, il-​“Kixxief tas-​sigrieti,” talli b’mod grazzjuż għarrafna dan is-​sigriet sublimi u l-​interpretazzjoni tiegħu!—Danjel 2:28, 29.

2. (a) Jehovah meta tkellem għall-​ewwel darba dwar sigriet sagru, u x’wiegħed dak in-​nhar? (b) Liema mistoqsijiet jinħtieġu tweġiba?

2 Jehovah għall-​ewwel darba tkellem dwar sigriet sagru wara li s-​Serpent kien qarraq b’Eva, u Adam segwieha fl-​irvell. Alla mbagħad wiegħed li ż-​“żerriegħa,” jew nisel, kien se jgħaffeġ ras is-​Serpent. (Ġenesi 3:15) Min hu dan iż-​Żerriegħa? Kif kien se jirbaħ fuq is-​Serpent? Se jivvendika l-​verità t’Alla u l-​għan Tiegħu lejn din l-​art?

3. Profeziji divini provdew liema ħjiel rigward l-​identità u l-​attività taż-​Żerriegħa?

3 Maż-​żmien, profeziji divini rrevelaw xi ħjiel rigward l-​identità u l-​attività futura taż-​Żerriegħa. Kellu jkun dixxendent taʼ Abraham, kellu jiret is-​saltna taʼ David, u kellu jissejjaħ Prinċep tal-​Paċi. ‘Għall-​abbundanza tal-​ħakma tiegħu taʼ prinċep u għall-​paċi ma se jkun hemm ebda tmiem.’ (Isaija 9:6, 7; Ġenesi 22:15-18; Salm 89:35-37) Iżda kif jistqarr Rumani 16:25, dak is-​sigriet sagru “baqaʼ jinżamm fis-​skiet għal żminijiet li jdumu.”

Isolvi l-​Misteru

4. Is-​sigriet sagru kif beda jinkixef fid-​29 E.K.?

4 Fl-​aħħar, wara erbat elef sena, feġġ id-​dawl! B’liema mod? Fid-​29 E.K., Ġwanni għammed lil Ġesù taʼ Nazzaret fix-​Xmara Ġordan, u mis-​sema l-​leħen t’Alla ddikjara: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu approvajt.” (Mattew 3:17) Ah, hawn fl-​aħħar kien iż-​Żerriegħa tal-​wegħda! Is-​sigriet sagru kien beda jinkixef fl-​aspetti glorjużi kollha tiegħu, inkluża l-​kwistjoni tad-​devozzjoni lejn Alla.

5. X’inhi d-​“devozzjoni lejn Alla,” u kif teffettwa lil dawk li jipprattikawha?

5 X’nifhmu aħna b’“devozzjoni lejn Alla”? Fl-​Iskrittura Kristjana Griega, l-​espressjoni tidher 20 darba biss, b’iktar minn nofshom fiż-​żewġ ittri taʼ Pawlu lil Timotew. Il-​pubblikazzjoni Insight on the Scriptures tiddefinixxi “devozzjoni lejn Alla” bħala “reverenza, qima, u servizz lil Alla, bil-​lejaltà għas-​sovranità universali tiegħu.” Reverenza toħroġ minn qalb li tersaq qrib lejn Alla, b’rispett profond għall-​majestà tiegħu, għaliex huwa etern, u minħabba l-​abbundanza tal-​ħolqien grandjuż tiegħu, b’ringrazzjament għall-​għotjiet spiritwali u materjali li hu jitfaʼ b’abbundanza fuq bnedmin li japprezzaw. Verament, kull wieħed minna li jipprattika d-​devozzjoni lejn Alla jistaʼ jgħid, bħalma qal is-​salmista f’Salm l04:1: “Bierek lil Jehovah, O ruħi. O Jehovah Alla tiegħi, int tajt prova li int kbir ħafna. Bid-​dinjità u bl-​isplendur int libbist lilek innifsek.”

6. (a) L-​adoraturi taʼ Jehovah kif inhuma differenti minn dawk li jsaħħna l-​bankijiet tal-​Kristjaneżmu? (b) Pawlu x’qal f’Rumani 11:33, 34, u x’mistoqsijiet b’hekk jitqajmu?

6 Id-​devozzjoni tagħna lejn Alla trid tiġi esprimuta, u dan tagħmlu permezz tal-​azzjonijiet. F’dan ir-​rigward, adoraturi tal-​veru Alla, Jehovah, huma differenti ħafna minn dawk li jmorru jsaħħna l-​bankijiet tal-​knejjes li sejrin lura tal-​Kristjaneżmu. Għal ħafna nies fuq l-​art, ir-​reliġjon—jekk għad għandhom waħda—hija formalità, mantar li jintlibes biex iġagħalhom jidhru qaddisin fil-​waqt li jgħixu ħajja li tikkonforma mad-​dinja korrotta taʼ madwarhom. Huma lanqas biss jafu Alla min hu. Ċertament, persuni bħal dawn għandhom bżonn jikkunsidraw il-​kliem taʼ Pawlu f’Atti 17:23, meta qal lin-​nies taʼ Ateni li kienu jivveneraw “Alla Mhux Magħruf”: “Dak li intom bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni lejn Alla, lil dan jien qed nippubblikalkom.” Rigward dak Alla taʼ kobor bla tarf, Pawlu jesklama f’Rumani 11:33, 34: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu u ma jistgħux jinstabu l-​mogħdijiet tiegħu. Għax ‘min sar jaf il-​moħħ taʼ Jehovah, jew min sar dak li jagħtih parir?’” Kif, mela, nistgħu nsiru nafu l-​mogħdijiet t’Alla? Huwa permezz li nitgħallmu ‘s-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla.’ Iżda kif se nagħmlu dan?

7. Għala jistaʼ jingħad li “s-​sigriet sagru taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla nammettu li hu kbir”?

7 Fl-​1 Timotew kapitlu 3, l-​appostlu Pawlu l-​ewwel jiddeskrivi x’inhu meħtieġ minn qaddejja responsabbli fid-​dar t’Alla, deskritta f’vers 15 bħala “l-​kongregazzjoni taʼ Alla l-​ħaj, kolonna u appoġġ tal-​verità.” Imbagħad Pawlu jżid, f’vers 16: “Is-​sigriet sagru taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla nammettu li hu kbir.” Tabilħaqq kbir għax Jehovah bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu lejn l-​art biex jikxef dan is-​sigriet, biex juri x’inhi tassew id-​devozzjoni lejn Alla u kif hija vitali, essenzjali, fil-​qima vera. Is-​sigriet taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla huwa mdawwal fil-​korsa taʼ ħajja taʼ Ġesù hawn fuq l-​art. Dawk kollha li jħobbu lil Jehovah iridu jibnu l-​fidi tagħhom u l-​ħajjiet tagħhom fuq Kristu, li eżemplifika d-​devozzjoni lejn Alla. Kif, mela, Ġesù ċċara s-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla?

Sitt Aspetti

8. (a) Liema huma s-​sitt aspetti tas-​sigriet sagru li Pawlu jiddeskrivi fl-​1 Timotew 3:16? (b) “Hu” min hu li ntgħamel jidher?

8 B’ispirazzjoni divina, Pawlu jwieġeb dik il-​mistoqsija. Hawn fl-​1 Timotew 3:16, hu jiddeskrivi sitt aspetti taʼ dan is-​sigriet sagru, billi jgħid: “Hu [1] ntgħamel jidher fil-​laħam, [2] ġie dikjarat taʼ tjieba fl-​ispirtu, [3] deher lil anġli, [4] ġie ppridkat dwaru fost il-​ġnus, [5] ġie emmnut dwaru fid-​dinja, [6] ġie milqugħ ‘il fuq fil-​glorja.” Min hu l-​wieħed li ntgħamel jidher? Ovvjament, “Hu” ż-​Żerriegħa mwiegħed, Ġesù, li ġie biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. Huwa ċentrali għas-​sigriet sagru, billi jagħmlu verament kbir.

9. Xi prova hemm li l-​1 Timotew 3:16 m’għandux jinqara: “Alla ntgħamel jidher fil-​laħam”?

9 Xi Trinitarjani jippruvaw iċajpru l-​fehma dwar is-​sigriet sagru billi jgħidu li “Hu” fl-​1 Timotew 3:16 hu Alla nnifsu. Dan jibbażawh fuq il-​King James Version li jaqra: “Alla kien jidher fil-​laħam.” Madankollu, xi jgħidu l-​manuskritti Griegi li huma l-​iktar li tistaʼ torbot fuqhom? B’mod konsistenti, huma juzaw il-​pronom “Hu” minflok “Alla.” Kritiċi tat-​testi issa jaqblu li d-​dħul tal-​kelma “Alla” f’din l-​iskrittura hu żball tal-​kopjisti. B’hekk, traduzzjonijiet iktar riċenti, bħalma huma l-​American Standard Version, The New English Bible, u n-​New World Translation, b’mod korrett jaqraw: ‘Hu [jew, Hu li] kien jidher fil-​laħam.’ Le, ma kienx Alla nnifsu li deher “fil-​laħam.” Minflok, kien il-​maħbub Ibnu u l-​ewwel ħolqien tiegħu, li dwaru l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Mela l-​Kelma sar laħam u għammar fostna, u aħna kellna dehra tal-​glorja tiegħu, glorja bħalma tappartjeni lil iben uniġenitu minn missier; u hu kien mimli qalb tajba mhix mistħoqqa u verità.”−Ġwann 1:14.

“Jidher fil-​Laħam”

10. (a) L-​ewwel fattur tas-​sigriet sagru kif sar ovvju fil-​magħmudija taʼ Ġesù? (b) Ġesù għala sar “I-aħħar Adam”?

10 Fil-​magħmudija taʼ Ġesù l-​ewwel fattur tas-​sigriet sagru sar ovvju: Ġesù “ntgħamel jidher fil-​laħam” bħala l-​Iben midluk t’Alla. Alla Jehovah trasferixxa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema għall-​ġuf taʼ Marija sabiex Ġesù setaʼ jitwieled fil-​laħam bħala bniedem perfett. B’hekk bħalma juri l-​1 Korintin 15:45-47, Ġesù sar it-​tieni, jew “l-​aħħar,” Adam, ruħ umana perfetta li jikkorrispondi eżatt għall-​ewwel Adam. Għal liema skop? L-​ewwel Timotew 2:5, 6 jirreferi għall-​“aħħar Adam” bħala “bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala rahan li jikkorrispondi għal kulħadd.” Fuq din il-​bażi legali taʼ sagrifiċċju uman perfett, Ġesù hu l-​medjatur tal-​patt ġdid mal-​144,000 bnedmin li jsiru werrieta sħab miegħu fis-​Saltna tiegħu.—Rivelazzjoni 14:l-3.

11. Lejn min jestendu l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù?

11 Se jibbenefikaw oħrajn mill-​mewt taʼ sagrifiċċju taʼ Ġesù? Ċertament li iva! L-​ewwel Ġwann 2:2 jistqarr li Ġesù Kristu “hu sagrifiċċju taʼ tpattija għal dnubietna [jiġifieri, id-​dnubiet taʼ Kristjani midlukin bħal Ġwanni] imma mhux tagħna biss iżda wkoll għal tad-​dinja kollha.” Il-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù b’hekk jinfirxu ħafna iżjed lil hinn mill-​144,000 Kristjani midlukin sad-​dinja kollha kemm hi taʼ bnedmin. “Folla kbira” li qed tgħix issa u eluf taʼ miljuni li se jiġu rxoxtati fil-​Ġenna tal-​art se jirċievu ħajja taʼ dejjem fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù. Diġà, kif profetizzat f’Rivelazzjoni 7:9, 10, il-​folla kbira ħaslu lbieshom u għamluhom bojod billi eżerċitaw fidi fid-​demm imxerred tal-​Ħaruf, Ġesù Kristu. Huma meqjusin taʼ tjieba rigward ħbiberija maʼ Alla. Bil-​ferħ, huma jitgħallmu dwar l-​aspetti varjati tas-​sigriet sagru u juru devozzjoni lejn Alla fi qbil mal-​eżempju taʼ Ġesù!

Aspetti Oħra

12. Ġesù kif “ġie dikarat taʼ tjieba fl-​ispirtu”?

12 Xi ngħidu, issa, dwar it-​tieni fattur fl-​1 Timotew 3:16? Ġesù “ġie dikjarat taʼ tjieba fl-​ispirtu.” Iżda kif? Billi Jehovah qajjem lil Ibnu li żamm l-​integrità mill-​mewt għal ħajja fl-​ispirtu. Dan ammonta f’li Alla ddikjara li Ġesù kien għalkollox taʼ tjieba u li jixraqlu iktar karigi eżaltati. Kif ipoġġieha Rumani 1:4, Ġesù “ġie dikjarat Bin Alla skond l-​ispirtu tal-​qdusija permezz tal-​irxoxt mill-​imwiet.” Billi jikkonferma dan, Pietru jgħidilna fl-​ewwel ittra tiegħu, kapitlu 3, vers 18: ”Kristu miet darba għal dejjem rigward id-​dnubiet, bniedem taʼ tjieba għal uħud bla tjieba, biex jistaʼ jmexxihom s’għand Alla, hu li ġie mogħti l-​mewt fil-​laħam, iżda ġie mogħti l-​ħajja fl-​ispirtu.” Qiegħed l-​eżempju taʼ Ġesù taʼ devozzjoni lejn Alla jmexxi lilek lejn Alla?

13. Ġesù rxoxtat deher lil liema anġli, u liema xorta taʼ messaġġ ippridkalhom?

13 Billi nkomplu fuq l-​1 Timotew 3:16, Pawlu mbagħad jirreferi għat-​tielet fattur tas-​sigriet sagru, billi jgħid li Ġesù “deher lil anġli.” Min setgħu kienu dawn l-​anġli? Rigward Ġesù, issa “mogħti l-​ħajja fl-​ispirtu,” Pietru jikteb fl-​1 Pietru 3:19, 20: “F’dan l-​istat ukoll hu mar fi triqtu u ppriedka lill-​ispirti fil-​ħabs, li darba kienu diżubbidjenti meta l-​paċenzja t’Alla kienet qiegħda tistenna f’jiem Noè.” Skond Ġuda 6, dawk l-​ispirti kienu “l-​anġli li ma żammewx il-​pożizzjoni oriġinali tagħhom iżda abbandunaw il-​post xieraq tagħhom fejn jgħammru” fis-​smewwiet. Huma ħadu iġsma tal-​laħam sabiex igawdu relazzjonijiet sesswali illeċiti maʼ nisa. Meta d-​Dulluvju ġagħal lil dawk l-​anġli li jirritornaw lejn il-​qasam tal-​ispirti, ġew mitfugħin f’Tartarus, qagħda taʼ trażżin assolut. (2 Pietru 2:4) Ġesù rxoxtat pridkalhom. Iżda kien dak xi messaġġ taʼ salvazzjoni? Ċertament li le! Minflok, Ġesù kkundanna l-​ħażen tagħhom bħala li hu eżatt l-​oppost tad-​devozzjoni lejn Alla. Kulmin fost il-​poplu t’Alla jilgħab mal-​immoralità sesswali llum għandu jieħu twissija mill-​ġudizzju pronunzjat fuq dawk l-​anġli!

14. Kif kien li Ġesù “ġie ppridkat dwaru fost il-​ġnus”?

14 Ir-​rabaʼ fattur tal-​1 Timotew 3:16 hu li Ġesù “ġie ppridkat dwaru fost il-​ġnus.” Dan kif twettaq? Ftit qabel ġie arrestat, Ġesù qal lill-​appostli: “Verissimu ngħidilkom, Dak li jeżerċita fidi fija, dak ukoll se jagħmel ix-​xogħlijiet li nagħmel jien, u se jagħmel xogħlijiet akbar minn dawn, għaliex jien sejjer fi triqti għand il-​Missier.” (Ġwann 14:12) Ftit wara dan, f’Pentekoste tat-​33 E.K., Ġesù ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq id-​dixxipli tiegħu, u l-​aħbar allarmanti li “dan Ġesù li Alla rxoxta” bdiet tiġi ppridkata lil-​Lhud. Iktar tard, xi Samaritani wkoll aċċettaw il-​Kelma t’Alla u bdew jirċievu spirtu qaddis. (Atti 2:32; 8:14-17) Imbagħad fis-​36 E.K., Pietru priedka lil Korneljus u xi Ġentili oħra miġburin f’daru. B’hekk, l-​aħbar tajba rigward Ġesù bdiet tiġi “ppridkata dwaru fost il-​ġnus,” jiġifieri, fost nies mhux Lhud, li wkoll ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis.

15. X’juri bil-​provi li l-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu tgħallmu sewwa s-​sigriet sagru tad-​devozzoni lejn Alla?

15 Kif irrapportat f’Atti 12:24, “il-​kelma taʼ Jehovah baqgħet tikber u tixtered.” Atti 17:6 jirrakkonta li fit-​tramuntana tal-​Greċja nies li jopponu għajtu, kif għadhom jagħmlu hemm sal-​ġurnata tal-​lum: “Dawn l-​irġiel li qalbu l-​art abitata qegħdin preżenti hawn ukoll.” Fi żmien 30 sena, Pawlu setaʼ jikteb minn Ruma li l-​aħbar tajba kienet ġiet “ippridkata fil-​ħolqien kollu li hemm taħt is-​sema.” (Kolossin 1:23) Kristjani taʼ dak iż-​żmien kienu tgħallmuh sewwa s-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla. Kemm kienu qed japplikawh b’mod żeluz! U jalla aħna bl-​istess mod nitgħallmuh u napplikawh f’dan iż-​żmien aħħari taʼ pridkar tas-​Saltna!

16. X’kien il-​ħames fattur tas-​sigriet sagru, u liema attività għamlitu ovvju?

16 Bħala riżultat taʼ dak l-​ippridkar fl-​ewwel seklu, il-​ħames fattur tas-​sigriet sagru tal-​1 Timotew 3:16 sar evidenti b’mod notevoli. Ġesù issa “ġie emmnut dwaru fid-​dinja.” Dan kien riżultat tad-​devozzjoni lejn Alla bħal taʼ Kristu taʼ missjunarji żelużi, inklużi Pawlu u Timotew. Huma ġarrew l-​aħbar tajba fl-​Asja Minuri u fl-​Ewropa, forsi saħansitra sa Spanja, u ġol-​Afrika tal-​Lvant bil-​fomm tal-​Etjopjan li tgħammed, fil-​waqt li Pietru qeda f’Babilonja.

17. Ġesù għala hu emmnut dwaru mad-​dinja moderna kollha?

17 Xi ngħidu għal żmienna? Mill-​1919 ’il hawn il-​fdal midluk wera devozzjoni lejn Alla eżemplari. Dawn l-​uħud midlukin bnew b’mod solidu fuq il-​pedament tal-​fidi mqiegħed minn Ġesù. B’mod speċjali mill-​1935 ’il hawn, huma bdew jiġbru folla kbira, li tifraħ bil-​prospett li tgħaddi “mit-​tribulazzjoni l-​kbira” u tgawdi ħajja taʼ dejjem f’art ġenna. (Rivelazzjoni 7:9, 14) B’hekk, l-​aħbar tajba li tiċċentra fuq Ġesù hija emmnuta mad-​dinja moderna kollha. B’devozzjoni lejn Alla, ’il fuq minn 3,700,000 Xhieda taʼ Jehovah qegħdin issa jippridkaw u jiffjorixxu mal-​globu kollu!

18. Ġesù kif “ġie milqugħ ’il fuq fil-​glorja”?

18 Jibqaʼ aspett ieħor taʼ dak is-​sigriet sagru, is-​sitt wieħed: Ġesù “ġie milqugħ ’il fuq fil-​glorja.” Matul l-​40 jum wara li ngħata l-​ħajja fl-​ispirtu, Ġesù mmaterjalizza iġsma tal-​laħam, billi deher lid-​dixxipli tiegħu u qalilhom “l-​affarijiet dwar is-​saltna t’Alla.” Imbagħad hu telaʼ s-​sema. (Atti 1:3, 6-9) It-​talba tiegħu, li nsibu fi Ġwann 17:l-5, ġiet b’hekk imwieġba: “Missier, . . . igglorifika lil ibnek, biex ibnek jistaʼ jigglorifika lilek . . . Jien igglorifikajtek fuq l-​art . . . Mela issa int, Missier, igglorifikani maʼ ġenbek bil-​glorja li kelli maʼ ġenbek qabel ma kienet id-​dinja.”

19. Ċertament kif ġie milqugħ ir-​ritorn taʼ Ġesù fis-​sema?

19 X’ferħ kbir żgur li laqaʼ r-​ritorn taʼ Ġesù fis-​sema! Ħafna qabel, meta Jehovah sejjes l-​art, “ulied Alla kollha bdew igħajtu b’applawż.” (Ġob 38:7) Saħansitra bil-​wisq iżjed żgur li ferħu dawk il-​qtajja anġeliċi li jerġgħu jilqgħu lura f’nofshom lid-​Difensur lejali tas-​sovranità taʼ Jehovah!

20. Ġesù għala wiret isem daqshekk eċċellenti, u x’għamel waqt li kien fuq l-​art?

20 F’Ebrej 1:3, 4, Pawlu jgħid dwar Ġesù rebbieħ: “Wara li kien għamel purifikazzjoni għal dnubietna hu qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija tal-​Majestà fil-​postijiet għolja. Mela hu sar aħjar mill-​anġli, tant li wiret isem li hu iktar eċċellenti minn tagħhom.” Kristu rċeva dak l-​isem minħabba t-​trijonf tiegħu fuq in-​nuqqas taʼ tjieba. Dan l-​Iben t’Alla kien tassew fetaħ it-​triq tad-​devozzjoni lejn Alla hawn fuq l-​art. Hu kien ukoll waqqaf mudell għall-​oħrajn kollha li jridu jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Bl-​eżaltazzjoni taʼ Ġesù fuq il-​leminija t’Alla fis-​sema, is-​sigriet sagru taʼ din id-​devozzjoni lejn Alla ġie mikxuf fil-​fatturi tiegħu kollha.

Kif Se Twieġeb?

◻ X’inhi “d-​devozzjoni lejn Alla”?

◻ Ġesù kif “intgħamel jidher fil-​laħam” u wara dan “dikjarat taʼ tjieba fl-​ispirtu”?

◻ Lil liema anġli deher Ġesù, u b’liema messaġġ?

◻ Kristu kif “ġie ppridkat dwaru fost il-​ġnus”, u “emmnut dwaru fid-​dinja”?

◻ Ġesù mata “ġie milqugħ ’il fuq fil-​glorja,” u wara li għamel liema ħaġa rigward id-​devozzjoni lejn Alla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja