LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/15 pp. 21-25
  • Ibqgħu Mexjin Bħalma Mexa Ġesù Kristu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqgħu Mexjin Bħalma Mexa Ġesù Kristu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Kristu Jmexxi lis-​Segwaċi Tiegħu
  • Kun Raġunevoli Meta Teżerċita l-​Awtorità
  • Uri Simpatija u Maħfra
  • Poġġi l-​Interessi tas-​Saltna l-​Ewwel
  • Kun Leali
  • Żomm mal-​Mudell li Ħalla Ġesù
  • Kristu Jmexxi l-Kongregazzjoni Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Għala Għandna Nimxu Wara “l-Kristu”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Żomm l-Attitudni Mentali taʼ Kristu Fik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Nimxu m’Alla—Il-Passi tal-Bidu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/15 pp. 21-25

Ibqgħu Mexjin Bħalma Mexa Ġesù Kristu

“Min jgħid li għadu f’unjoni [m’Alla] għandu l-​obbligu li hu wkoll jibqaʼ miexi bħalma mexa hu [Ġesù].”​—1 ĠWANNI 2:6.

1, 2. X’jinvolvi li nħarsu fiss lejn Ġesù?

L-​APPOSTLU PAWLU kiteb: “Ħa niġru bis-​sabar it-​tiġrija li tqiegħdet quddiemna, waqt li nħarsu fiss lejn Ġesù, l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Ebrej 12:​1, 2) Il-​mixi fit-​triq tal-​fedeltà jirrikjedi li nħarsu fiss lejn Ġesù Kristu.

2 Il-​kelma bil-​lingwa oriġinali għal “ħares fiss,” bħalma ntużat fl-​Iskrittura Griega Kristjana, tfisser “li tidderieġi l-​attenzjoni taʼ dak li jkun mingħajr aljenazzjoni,” “biex tħares lil hinn minn ħaġa sabiex tħares lejn oħra,” “li tikkonċentra l-​ħarsa fuq xi ħaġa.” Xogħol taʼ referenza wieħed josserva: “Hekk kif il-​ġerrej Grieg fl-​istadju jdawwar l-​attenzjoni tiegħu mit-​triq tat-​tiġrija u mill-​mira li qed jiġri lejha għal fuq il-​folol taʼ spettaturi, il-​veloċità tiegħu tonqos. L-​istess ħaġa jistaʼ jiġri lill-​Kristjani.” L-​aljenazzjonijiet jistgħu jtellfu l-​progress spiritwali tagħna. Għandna nħarsu fiss lejn Ġesù Kristu. U x’qed infittxu fl-​Aġent Ewlieni? It-​terminu Grieg tradott “aġent ewlieni” jfisser “mexxej ewlieni, wieħed li jieħu t-​tmexxija fi kwalunkwe ħaġa, u b’hekk iħalli l-​eżempju.” Li nħarsu fiss lejn Ġesù jirrikjedi li nsegwu l-​eżempju tiegħu.

3, 4. (a) Li nimxu kif mexa Ġesù Kristu x’jirrikjedi min-​naħa tagħna? (b) Liema mistoqsijiet jeħtieġu l-​attenzjoni tagħna?

3 Il-​Bibbja tgħid: “Min jgħid li għadu f’unjoni [m’Alla] għandu l-​obbligu li hu wkoll jibqaʼ miexi bħalma mexa hu [Ġesù].” (1 Ġwanni 2:6) Irridu nibqgħu f’unjoni m’Alla billi nosservaw il-​kmandamenti taʼ Ġesù bħalma hu osserva dawk taʼ Missieru.​—Ġwanni 15:10.

4 Għalhekk, biex nimxu kif mexa Ġesù jirrikjedi li nosservawh bir-​reqqa bħala l-​Mexxej Ewlieni u li nsegwu l-​passi tiegħu mill-​qrib. Il-​mistoqsijiet importanti li għandna nikkunsidraw f’dan ir-​rigward huma: Kristu kif imexxina llum? Kif għandna niġu effettwati meta nimitaw il-​mod kif mexa hu? X’inhuma l-​benefiċċji li ngawdu jekk inżommu mal-​mudell li ħalla Ġesù Kristu?

Kif Kristu Jmexxi lis-​Segwaċi Tiegħu

5. Qabel ma telaʼ fis-​smewwiet, Ġesù liema wegħda għamel lis-​segwaċi tiegħu?

5 Qabel ma telaʼ fis-​smewwiet, Ġesù Kristu rxoxtat deher lid-​dixxipli tiegħu u tahom xogħol importanti. Hu qal: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.” F’din l-​okkażjoni l-​Mexxej Ewlieni wiegħed ukoll li kien se jkun magħhom hekk kif iwettqu dan l-​inkarigu, billi qal: “Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sa tmiem is-​sistema.” (Mattew 28:​19, 20) Ġesù Kristu kif qiegħed mas-​segwaċi tiegħu f’dan iż-​żmien tal-​konklużjoni taʼ din is-​sistema dinjija?

6, 7. Ġesù kif imexxina permezz taʼ l-​ispirtu qaddis?

6 Ġesù qal: “L-​ajjutant, l-​ispirtu qaddis, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” (Ġwanni 14:26) L-​ispirtu qaddis, mibgħut f’isem Ġesù, jiggwidana u jsaħħaħna llum. Ifissrilna affarijiet spiritwali u jgħinna nifhmu “saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.” (1 Korintin 2:​10) Iktar minn hekk, il-​kwalitajiet divini taʼ “l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna” huma “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Galatin 5:​22, 23) Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, aħna nistgħu nikkultivaw dawn il-​kwalitajiet.

7 Hekk kif nistudjaw l-​Iskrittura u nistinkaw biex napplikaw dak li nitgħallmu, l-​ispirtu taʼ Ġeħova jgħinna nikbru fl-​għerf, id-​dehen, il-​fehma, it-​tagħrif, il-​ġustizzja, u l-​għaqal. (Proverbji 2:​1-​11) L-​ispirtu qaddis jgħinna wkoll biex nissaportu t-​tentazzjonijiet u l-​provi. (1 Korintin 10:13; 2 Korintin 4:7; Filippin 4:​13) Il-​Kristjani huma mħeġġin biex ‘jitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu, u jipperfezzjonaw il-​qdusija.’ (2 Korintin 7:1) Nistgħu aħna tassew ngħixu fi qbil maʼ dak li jirrikjedi Alla b’konnessjoni mal-​qdusija, jew l-​indafa, mingħajr l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis? Wieħed mill-​mezzi li Ġesù juża biex imexxina llum hu l-​ispirtu qaddis, li Alla Ġeħova ta l-​awtorità lil Ibnu biex jużah.​—Mattew 28:18.

8, 9. Kristu kif juża “l-​ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi tmexxija?

8 Ikkunsidra mezz ieħor li bih Kristu jmexxi l-​kongregazzjoni taʼ llum. Meta kkummenta dwar il-​preżenza tiegħu u l-​konklużjoni taʼ din is-​sistema dinjija, Ġesù qal: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq in-​nies taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq? Hieni hu dak l-​ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.”​—Mattew 24:​3, 45-​47.

9 Is-​‘sid’ hu Ġesù Kristu. L-​“ilsir” hu l-​grupp taʼ Kristjani midlukin fuq l-​art. Din il-​klassi taʼ l-​ilsir hi fdata bl-​inkarigu biex tieħu ħsieb l-​interessi taʼ Ġesù fuq l-​art u biex tipprovdi ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. Grupp żgħir taʼ indokraturi kwalifikati minn fost dawk li flimkien jissejħu “l-​ilsir leali u għaqli” jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna, billi jaqdu bħala rappreżentanti tal-​klassi taʼ l-​ilsir. Huma jidderieġu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna madwar id-​dinja u jipprovdu l-​ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. B’hekk, Kristu jmexxi l-​kongregazzjoni permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli” u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu li huma midlukin bl-​ispirtu qaddis.

10. X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn l-​anzjani, u għala?

10 Turija oħra tat-​tmexxija taʼ Kristu huma l-​“irġiel bħala għotjiet”​—l-​anzjani, jew l-​indokraturi Kristjani. Huma ngħataw “bil-​ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-​qaddisin, għal xogħol ministerjali, biex jinbena l-​ġisem tal-​Kristu.” (Efesin 4:​8, 11, 12) Dwarhom, Ebrej 13:7 jgħid: “Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom u li ħabbrulkom il-​kelma t’Alla, u imitaw il-​fidi tagħhom, waqt li tosservaw bir-​reqqa r-​riżultat tal-​kondotta tagħhom.” L-​anzjani jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. Ladarba jimitaw lil Ġesù Kristu, il-​fidi tagħhom hi taʼ min jimitaha. (1 Korintin 11:1) Nistgħu nuru l-​gratitudni tagħna għall-​arranġament taʼ l-​anzjani billi nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn dawn l-​“irġiel bħala għotjiet.”​—Ebrej 13:17.

11. Kristu b’liema modi jmexxi lis-​segwaċi tiegħu llum, u x’hemm involut biex nimxu bħalma mexa hu?

11 Iva, Ġesù Kristu jmexxi lis-​segwaċi tiegħu llum permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, “l-​ilsir leali u għaqli,” u l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Biex nimxu bħalma mexa Kristu għandna bżonn nifhmu l-​modi tiegħu taʼ tmexxija u nissottomettu ruħna għalihom. Jirrikjedi wkoll li nimitaw il-​mod kif hu jimxi. L-​appostlu Pietru kiteb: “Għal dan il-​mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:​21) B’liema mod għandna niġu effettwati meta nsegwu l-​mudell perfett taʼ Ġesù?

Kun Raġunevoli Meta Teżerċita l-​Awtorità

12. Liema aspett mill-​eżempju taʼ Kristu hu taʼ interess partikulari għall-​anzjani fil-​kongregazzjoni?

12 Għalkemm Ġesù rċieva awtorità li ma titqabbel maʼ xejn mingħand Missieru, hu kien raġunevoli bil-​mod kif użaha. Kulħadd fil-​kongregazzjoni​—partikolarment l-​indokraturi​—għandhom iħallu lil kulħadd ikun jaf ‘kemm huma raġunevoli.’ (Filippin 4:5; 1 Timotju 3:​2, 3) Ladarba l-​anzjani għandhom ċertu ammont t’awtorità fil-​kongregazzjoni, huwa essenzjali li jsegwu l-​passi taʼ Kristu meta jeżerċitawha.

13, 14. L-​anzjani b’liema mod jistgħu jimitaw lil Kristu hekk kif jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jaqdu lil Alla?

13 Ġesù kkunsidra l-​limitazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu. Ma talabx mingħandhom iktar milli setgħu jagħtu. (Ġwanni 16:12) Mingħajr m’għamlilhom pressjoni, Ġesù inkuraġġixxa lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jistinkaw kemm jifilħu’ sabiex jagħmlu r-​rieda t’Alla. (Luqa 13:24) Għamel dan billi ħa t-​tmexxija u messilhom qalbhom. B’mod simili, l-​anzjani Kristjani llum ma jintimidawx lil oħrajn biex jaqdu lil Alla minħabba mistħija jew ħtija. Minflok, jinkuraġġuhom biex jaqdu lil Ġeħova għax iħobbu lilu u lil Ġesù, kif ukoll il-​proxxmu tagħhom.​—Mattew 22:​37-​39.

14 Ġesù m’abbużax mill-​awtorità li ngħata u ma kkontrollax ħajjiet in-​nies. La għamel livelli tant għoljin li ħadd ma setaʼ jilħaqhom u lanqas ma ta numru bla għadd taʼ regoli. Il-​metodu tiegħu kien li jqanqal lil oħrajn billi jilħqilhom qalbhom bil-​prinċipji tal-​liġijiet li ngħataw permezz taʼ Mosè. (Mattew 5:​27, 28) Billi jimitaw lil Ġesù Kristu, l-​anzjani jżommu lura milli jagħmlu regoli jew jinsistu fuq l-​opinjonijiet persunali tagħhom. Fi kwistjonijiet bħall-​ilbies u d-​dehra jew ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment, l-​anzjani jipprovaw jilħqu l-​qalb billi jużaw prinċipji Bibliċi, bħal dawk imniżżlin f’Mikea 6:​8; l-​1 Korintin 10:​31-​33; u l-​1 Timotju 2:​9, 10.

Uri Simpatija u Maħfra

15. Ġesù kif wieġeb għan-​nuqqasijiet tad-​dixxipli tiegħu?

15 Kristu ħalla mudell għalina biex insegwu l-​mod kif kien jittratta n-​nuqqasijiet u l-​iżbalji tad-​dixxipli tiegħu. Ikkunsidra żewġ ġrajjiet mill-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art bħala bniedem. Wara li wasal Ġetsemani, Ġesù “ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni” u qalilhom biex ‘jibqgħu għassa.’ Imbagħad, “mexa ftit ’il quddiem, inxteħet fl-​art, u beda jitlob.” X’ħin irritorna, “sabhom reqdin.” Ġesù kif wieġeb? Hu qal: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.” (Marku 14:​32-​38) Minflok ma ċanfar bl-​aħrax lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, hu esprima simpatija! F’dik il-​lejla stess, Pietru ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. (Marku 14:​66-​72) Ġesù kif ittratta lil Pietru wara dan? ‘Il-​Mulej ġie mqajjem u deher lil Xmun [Pietru].’ (Luqa 24:34) Il-​Bibbja tgħid: “Deher lil Kefa, imbagħad lit-​tnax.” (1 Korintin 15:5) Minflok ma ħassu rrabjat, Ġesù ħafer lill-​appostlu li kien niedem u saħħu. Iktar tard, Ġesù fada lil Pietru b’responsabbiltajiet kbar.​—Atti 2:​14; 8:​14-​17; 10:​44, 45.

16. Kif nistgħu nimxu bħalma mexa Ġesù meta sħabna fit-​twemmin jonqsuna jew iweġġgħuna b’xi mod?

16 Meta sħabna fit-​twemmin jonqsuna jew iweġġgħuna b’xi mod minħabba l-​imperfezzjoni umana, m’għandniex aħna wkoll nuru simpatija u naħfru bħalma għamel Ġesù? Pietru ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin: “Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-​aħwa, tagħdru b’tenerezza, tkunu umli, u tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-​kuntrarju, bierku.” (1 Pietru 3:​8, 9) Xi ngħidu jekk xi ħadd jonqos li jittrattana bħalma kieku jittrattana Ġesù, billi ma jurix simpatija jew ma jaħfirx? Anki f’dawn iċ-​ċirkustanzi aħna obbligati li nipprovaw nimitaw lil Ġesù u nwieġbu bħalma kieku jwieġeb hu.​—1 Ġwanni 3:​16.

Poġġi l-​Interessi tas-​Saltna l-​Ewwel

17. X’jurina li Ġesù għamel it-​twettiq tar-​rieda t’Alla l-​ewwel post f’ħajtu?

17 Irridu nimxu bħalma mexa Ġesù Kristu saħansitra b’mod ieħor. L-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Ġesù kienet li jiddikjara l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Wara li ppriedka lill-​mara Samaritana ħdejn il-​belt taʼ Sikar fis-​Samarija, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:​34) Il-​fatt li Ġesù għamel ir-​rieda taʼ Missieru sostnieh; kien nutrittiv, sodisfaċenti, u rifreskanti daqs l-​ikel għalih. Se tkun ħajjitna bla skop u bla sodisfazzjon jekk nimitaw lil Ġesù billi nibqgħu ffokati fuq li nagħmlu r-​rieda t’Alla?

18. Liema barkiet jirriżultaw meta tinkuraġġixxi lit-​tfal biex jibdew jaqdu fis-​servizz full-time?

18 Meta l-​ġenituri jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jibdew fis-​servizz full-time, huma flimkien maʼ wliedhom jirċievu ħafna barkiet. Missier taʼ tewmin inkuraġġixxa lis-​subien tiegħu biex jibdew fis-​servizz taʼ pijunier minn mindu kienu żgħar ħafna. Wara li spiċċaw l-​edukazzjoni sekulari tagħhom, it-​tewmin saru pijunieri. Meta jirrifletti dwar il-​ferħ li esperjenza bħala riżultat, dan il-​missier jikteb: “Is-​subien tagħna ma ddiżappuntawniex. Bi pjaċir nistgħu ngħidu, ‘wirt il-​Mulej huma l-​ulied.’” (Salm 127:3) U t-​tfal kif jibbenefikaw jekk jaqdu fis-​servizz full-time? Omm taʼ ħamest itfal tgħid: “Ix-​xogħol taʼ pijunier għen lit-​tfal tiegħi kollha biex jiżviluppaw relazzjoni iktar mill-​qrib maʼ Ġeħova, tjiebu fid-​drawwiet taʼ studju persunali tagħhom, għenhom jitgħallmu kif iqassmu l-​ħin tagħhom bil-​għaqal, u għenhom jitgħallmu jagħmlu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel post f’ħajjithom. Għalkemm ilkoll kemm huma kellhom jagħmlu aġġustamenti, ħadd minnhom ma jiddispjaċih mit-​triq li għażel li jieħu.”

19. Iż-​żgħażagħ liema pjanijiet għall-​futur għandhom jikkunsidraw bil-​għaqal?

19 Żgħażagħ, x’inhuma l-​pjanijiet tagħkom għall-​futur? Qed tfittxu li tibbrillaw f’xi qasam professjonali? Jew qed taħdmu bil-​mira li jkollkom karriera fis-​servizz full-time? Pawlu wissa: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod, għax il-​jiem huma ħżiena.” Hu jżid: “Minħabba dan tibqgħux tkunu bla raġuni, imma ibqgħu ifhmu x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova.”​—Efesin 5:​15-​17.

Kun Leali

20, 21. Ġesù b’liema mod wera l-​lealtà, u kif nistgħu nimitaw il-​lealtà tiegħu?

20 Biex timxi bħalma mexa Ġesù jirrikjedi li timita l-​lealtà tiegħu. Rigward il-​lealtà taʼ Ġesù, il-​Bibbja tistqarr: “Għalkemm kien jeżisti fis-​sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura.” Ġesù b’lealtà żamm mas-​sovranità taʼ Ġeħova billi ssottometta ruħu għal dak li Alla ried minnu. Hu sar ubbidjenti sal-​punt li sofra l-​mewt fuq zokk tat-​tortura. Aħna għandna ‘nżommu din l-​attitudni mentali’ u b’lealtà nissottomettu ruħna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla.​—Filippin 2:​5-8.

21 Ġesù wera lealtà wkoll maʼ l-​appostli leali tiegħu. Minkejja d-​dgħjufijiet u l-​imperfezzjonijiet tagħhom, Ġesù ħabbhom “sa l-​aħħar.” (Ġwanni 13:1) B’mod simili, m’għandniex inħallu l-​imperfezzjonijiet taʼ ħutna jġagħluna nadottaw attitudni li nikkritikaw.

Żomm mal-​Mudell li Ħalla Ġesù

22, 23. X’inhuma l-​benefiċċji taʼ li nżommu mal-​mudell li ħalla Ġesù?

22 M’għandniex xi ngħidu, bħala bnedmin imperfetti, aħna ma nistgħux nimxu preċiżament fil-​passi tax-​Xempju perfett tagħna. Madankollu, nistgħu nistinkaw biex insegwu l-​passi tiegħu mill-​qrib. Biex nagħmlu dan jirrikjedi li nifhmu u nissottomettu ruħna għall-​mod taʼ tmexxija taʼ Kristu u nżommu mal-​mudell li hu ħalla.

23 Jekk insiru nimitaw lil Kristu dan se jwassalna għal ħafna barkiet. Il-​ħajja tagħna se jkollha iktar tifsir u sodisfazzjon għaliex inkunu ffokati fuq li nagħmlu r-​rieda t’Alla minflok tagħna stess. (Ġwanni 5:​30; 6:​38) Se ngawdu kuxjenza tajba. Il-​mod kif nimxu se jsir taʼ min jimitah. Ġesù stieden lil dawk kollha li kienu mħabbtin u mgħobbijin biex imorru għandu u jsibu serħan għal ruħhom. (Mattew 11:​28-​30) Meta nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, aħna wkoll nistgħu nserrħu lil oħrajn bis-​sħubija tagħna. Għalhekk, ejja nkomplu nimxu bħalma mexa Ġesù.

Tiftakar Int?

• Kristu kif imexxi lis-​segwaċi tiegħu llum?

• L-​anzjani kif jistgħu jsegwu t-​tmexxija taʼ Kristu f’li jeżerċitaw l-​awtorità tagħhom mogħtija minn Alla?

• Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù meta nittrattaw man-​nuqqasijiet t’oħrajn?

• Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel?

[Stampa f’paġna 23]

L-​anzjani Kristjani jgħinuna nsegwu t-​tmexxija taʼ Kristu

[Stampi f’paġna 24]

Żgħażagħ, liema pjanijiet qed tagħmlu sabiex ikollkom ħajja Kristjana sodisfaċenti?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja