LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 2/1 pp. 8-13
  • ‘Żommu fil-Kelma Tiegħi’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Żommu fil-Kelma Tiegħi’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Jisimgħu l-​Kelma’
  • Il-​Kundizzjoni tal-​Qalb u l-​Meditazzjoni fil-​Fond
  • “Mal-​Mogħdija” —Dawk li Jitħassbu fuq Affarijiet Oħra
  • “Fuq il-​Blat”—Dawk li Jibżgħu
  • “Qalb ix-​Xewk” —Dawk Maqsumin bejn Ħaġa u Oħra
  • Hu “Alla li Jkabbar”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Niżirgħu Żerriegħa tas-Saltna
    Għannu Tifħir lil Jehovah
  • Benefiċċji li Jiġu Milli Nħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Is-Saltna t’Alla—Qiegħed Int Tieħu s-Sens Tagħha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 2/1 pp. 8-13

‘Żommu fil-​Kelma Tiegħi’

“Jekk iżżommu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi.”—Ġwann 8:31.

1. (a) Meta Ġesù mar lura s-​sema, x’ħalla warajh fuq l-​art? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

META Ġesù Kristu, il-​Fundatur tal-​Kristjanità, mar lura s-​sema, hu ma ħalliex warajh f’din l-​art xi kotba miktuba minnu, xi monumenti mibnija minnu, jew xi għana mrekken minnu. Minflok, hu ħalla warajh dixxipli u ċerti ħtiġijiet speċifiċi biex wieħed ikun dixxiplu. Fil-​fatt, fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni, insibu li Ġesù semma tliet ħtiġijiet importanti li għandu jilħaq kulmin irid isegwih. X’inhuma dawn il-​ħtiġijiet? X’nistgħu nagħmlu biex nilħquhom? U kif nistgħu nkunu ċerti li llum aħna b’mod persunali nikkwalifikaw bħala dixxipli taʼ Kristu?a

2. Skond kif inhu mniżżel fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni, liema hi ħtieġa importanti għal min irid ikun dixxiplu?

2 Xi sitt xhur qabel mewtu, Ġesù mar Ġerusalemm u ppriedka lill-​folol li nġabru hemm biex jiċċelebraw il-​Festa taʼ l-​Għerejjex li kienet iddum sejra ġimgħa sħiħa. Bħala riżultat, meta l-​festa kienet għadha f’nofsha, “ħafna nies emmnu fih.” Ġesù kompla jippriedka, sabiex fl-​aħħar jum tal-​festa, reġgħu “kienu ħafna dawk li emmnu fih.” (Ġwann 7:​10, 14, 31, 37; 8:30) Dakinhar, Ġesù ffoka l-​attenzjoni tiegħu fuq l-​uħud ġodda li kienu għadhom kif emmnu u stqarr ħtieġa importanti għal min irid ikun dixxiplu, kif imniżżla mill-​appostlu Ġwanni: “Jekk iżżommu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi.”—Korsiv tagħna; Ġwann 8:31.

3. Liema kwalità hemm bżonn biex dak li jkun ‘iżomm fil-​kelma’ taʼ Ġesù?

3 B’dan il-​kliem, Ġesù ma kienx qed jgħid li l-​uħud ġodda li emmnu kienu neqsin mill-​fidi. Minflok, hu kien qed jurihom li kellhom l-​opportunità quddiemhom biex isiru dixxipli veri tiegħu—sakemm jibqgħu jżommu fil-​kelma tiegħu, sakemm juru s-​sabar. Kienu aċċettaw il-​Kelma tiegħu, iżda issa riedu jkomplu jżommu fiha. (Ġwann 4:34; Lhud 3:14) Verament, Ġesù kien iħares lejn is-​sabar bħala kwalità tant importanti għas-​segwaċi tiegħu li saħansitra fl-​aħħar konversazzjoni maʼ l-​appostli tiegħu, imniżżla fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni, Ġesù darbtejn ħeġġeġ: “[“Ibqaʼ,” NW] imxi warajja.” (Ġwann 21:​19, 22) Ħafna mill-​Kristjani tal-​bidu għamlu preċiż hekk. (2 Ġwann 4) X’għenhom jissaportu?

4. X’għen lill-​Kristjani tal-​bidu biex jissaportu?

4 L-​appostlu Ġwanni, dixxiplu leali taʼ Ġesù għal xi sebgħin sena, semma fattur importanti. Hu faħħar lill-​Kristjani leali billi qal: “Intom qawwija u l-​kelma taʼ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom għelibtu l-​Ħażin.” Dawn id-​dixxipli taʼ Kristu ssaportew, jew baqgħu jżommu fil-​kelma t’Alla, għaliex il-​kelma t’Alla baqgħet tgħammar, jew iżżomm, fihom. Kienu japprezzawha minn qalbhom. (1 Ġwann 2:​14, 24) Bl-​istess mod illum, sabiex ‘nibqgħu nżommu sħiħ sa l-​aħħar,’ irridu nkunu ċerti li l-​kelma t’Alla tibqaʼ tgħammar fina. (Mattew 24:13) Kif nistgħu nagħmlu dan? Tixbiha li qal Ġesù tipprovdilna t-​tweġiba.

‘Jisimgħu l-​Kelma’

5. (a) Liema tipi differenti taʼ ħamrija jissemmew minn Ġesù f’waħda mit-​tixbihat tiegħu? (b) X’jirrappreżentaw iż-​żerriegħa u l-​ħamrija fit-​tixbiha taʼ Ġesù?

5 Ġesù ta tixbiha taʼ wieħed li jiżraʼ ż-​żerriegħa, u din tinsab imniżżla fl-​Evanġelji taʼ Mattew, Mark, u Luqa. (Mattew 13:​1-9, 18-​23; Mark 4:​1-9, 14-​20; Luqa 8:​4-8, 11-​15) Int u taqra r-​rakkonti, se tinnota li l-​aspett prinċipali tat-​tixbiha hu li l-​istess żerriegħa taqaʼ fuq ħamrija differenti, u għalhekk tipproduċi riżultati differenti. Il-​ħamrija taʼ l-​ewwel tip hija iebsa, it-​tieni m’hijiex fonda, u t-​tielet hija mimlija bix-​xewk. Ir-​rabaʼ, kuntrarju għat-​tlieta l-​oħra, hija “art tajba.” Skond l-​ispjegazzjoni taʼ Ġesù stess, iż-​żerriegħa hija l-​messaġġ tas-​Saltna li jinsab fil-​Kelma t’Alla, u l-​ħamrija tirrappreżenta lin-​nies li l-​kundizzjoni taʼ qalbhom hija waħda differenti minn oħra. Għalkemm in-​nies li huma ffigurati mid-​diversi tipi taʼ ħamrija għandhom xi karatteristiċi simili, dawk iffigurati mill-​ħamrija, jew art, it-​tajba għandhom karatteristika li tagħmilhom differenti mill-​bqija.

6. (a) Ir-​rabaʼ tip taʼ ħamrija fit-​tixbiha taʼ Ġesù kif inhu differenti mit-​tliet tipi l-​oħra, u dan xi jfisser? (b) X’inhu essenzjali li jkollna sabiex nuru s-​sabar bħala d-​dixxipli taʼ Kristu?

6 Ir-​rakkont f’Luqa 8:​12-15 juri li fl-​erbaʼ sitwazzjonijiet, in-​nies “jisimgħu l-​kelma.” Madankollu, dawk li għandhom “qalb tajba u sinċiera” jagħmlu iktar milli sempliċement “jisimgħu l-​kelma.” Huma “jgħożżuha, u jagħmlu l-​frott billi jżommu sħiħ.” Il-​ħamrija t-​tajba, peress li hija ratba u fonda, tħalli l-​għeruq jaqbdu fis-​sod, u bħala riżultat, iż-​żerriegħa tinbet u tipproduċi l-​frott. (Luqa 8:8) B’mod simili, dawk li qalbhom tinsab f’kundizzjoni tajba jifhmu, japprezzaw, u jagħtu ruħhom għall-​kelma t’Alla. (Rumani 10:10; 2 Timotju 2:7) Il-​kelma t’Alla tibqaʼ tgħammar fihom. Bħala riżultat, dawn jipproduċu l-​frott bis-​sabar. Għalhekk, huwa essenzjali li jkollna apprezzament profond u mill-​qalb għall-​Kelma t’Alla sabiex nuru s-​sabar bħala d-​dixxipli taʼ Kristu. (1 Timotju 4:15) Madankollu, kif nistgħu niżviluppaw dan l-​apprezzament mill-​qalb għall-​Kelma t’Alla?

Il-​Kundizzjoni tal-​Qalb u l-​Meditazzjoni fil-​Fond

7. Liema attività hija marbuta mill-​qrib maʼ qalb li hija tajba?

7 Innota liema attività oħra fil-​Bibbja titqabbel b’mod ripetut maʼ qalb li hija tajba u sinċiera. “Qalb il-​ġust taħseb xi twieġeb.” (Proverbji 15:​28, KŻ, korsiv tagħna.) “Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej.” (Salm 19:15 [19:​14, NW], korsiv tagħna.) “Il-​meditazzjoni taʼ qalbi tkun mimlija dehen.”—Korsiv tagħna; Salm 49:​3, KŻ.

8. (a) Meta naqraw il-​Bibbja, x’għandna nevitaw iżda x’għandna nagħmlu? (b) Liema benefiċċji nistgħu niksbu mill-​meditazzjoni bit-​talb fuq il-​Kelma t’Alla? (Inkludi l-​kaxxa “Sħaħ fil-​Verità.”)

8 Bħal dawn il-​kittieba tal-​Bibbja, aħna wkoll irridu nimmeditaw bl-​apprezzament u bit-​talb fuq il-​Kelma t’Alla u fuq l-​attività tiegħu. Meta naqraw il-​Bibbja jew pubblikazzjonijiet ibbażati minnha, m’għandniex inkunu bħal turisti mgħaġġlin li jħaffu minn xenarju mill-​isbaħ għal ieħor, jieħdu ritratt taʼ kollox iżda jaraw ftit. Minflok, meta nistudjaw il-​Bibbja, irridu nieħdu l-​ħin biex nieqfu u ngawdu x-​xenarju, biex ngħidu hekk.b Hekk kif inkunu qed nirriflettu fil-​kwiet fuq dak li naqraw, il-​kelma t’Alla teffettwalna qalbna. Din tmiss l-​emozzjonijiet tagħna u tifformalna l-​mod kif naħsbu. Tqanqalna wkoll biex naqsmu l-​ħsibijiet intimi tagħna m’Alla fit-​talb. Imbagħad, ir-​rabta tagħna maʼ Jehovah tissaħħaħ, u l-​imħabba tagħna għal Alla tqanqalna biex inkomplu nsegwu lil Ġesù anki f’ċirkustanzi diffiċli. (Mattew 10:22) B’mod ċar, huwa essenzjali li nimmeditaw fuq dak li jgħid Alla jekk irridu nibqgħu leali sa l-​aħħar.—Luqa 21:19.

9. Kif nistgħu nkunu ċerti li qalbna tibqaʼ dejjem lesta li tilqaʼ l-​kelma t’Alla?

9 It-​tixbiha taʼ Ġesù turi wkoll li hemm ostakli li jfixklu liż-​żerriegħa, il-​kelma t’Alla, milli tikber. Għalhekk, biex nibqgħu dixxipli leali, nagħmlu tajjeb li (1) nidentifikaw l-​ostakli rappreżentati mill-​kundizzjonijiet batuti tal-​ħamrija msemmija fit-​tixbiha u (2) nieħdu passi biex naġġustawhom jew nevitawhom. B’dan il-​mod, se nkunu ċerti li qalbna tibqaʼ f’kundizzjoni li tkun lesta li tilqaʼ ż-​żerriegħa tas-​Saltna u tibqaʼ tagħti l-​frott.

“Mal-​Mogħdija” —Dawk li Jitħassbu fuq Affarijiet Oħra

10. Iddeskrivi l-​ewwel tip taʼ ħamrija fit-​tixbiha taʼ Ġesù, u spjega xi jfisser.

10 Din il-​ħamrija taʼ l-​ewwel tip li taqaʼ fuqha ż-​żerriegħa tinsab “mal-​mogħdija,” fejn iż-​żerriegħa ‘tintrifes.’ (Luqa 8:5) Il-​ħamrija li tkun maġenb mogħdija li tagħti għal għalqa miżrugħa tibbies minħabba li jgħaddu ħafna nies minn fuqha. (Mark 2:23) B’mod simili, dawk li jħallu l-​attivitajiet mgħaġġla tad-​dinja jimponu bla bżonn fuq il-​ħin u l-​enerġija tagħhom, jistgħu jsibu li huma wisq imħassbin fuq affarijiet oħra biex jiżviluppaw apprezzament mill-​qalb għall-​kelma t’Alla. Dawn jisimgħuha, iżda ma jimmeditawx fuqha. Għalhekk, qalbhom tibqaʼ insensittiva għaliha. Qabel ma jsiru jħobbuha, “jiġi x-​xitan u jaħtfilhom il-​kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw.” (Luqa 8:12) Jistaʼ dan jiġi evitat?

11. Kif nistgħu ma nħallux il-​kundizzjoni taʼ qalbna ssir bħal ħamrija iebsa?

11 Hemm ħafna x’jistaʼ jsir biex il-​qalb ma ssirx bħal ħamrija mhux produttiva li tinsab mal-​mogħdija. Ħamrija iebsa u li tintrifes ħafna tistaʼ ssir ratba u produttiva jekk tinħarat u tinbidel id-​direzzjoni tal-​mogħdija. B’mod simili, meta jitwarrab ħin għall-​istudju u l-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla, dan jistaʼ jwassal biex il-​qalb issir bħal ħamrija tajba u produttiva. Huwa fundamentali li dak li jkun ma jsirx imħasseb wisq fuq l-​affarijiet tal-​ħajja taʼ kuljum. (Luqa 12:​13-15) Minflok, kun ċert li jkollok il-​ħin disponibbli biex tirrifletti dwar “l-​aħjar” affarijiet fil-​ħajja.—Filippin 1:​9-11.

“Fuq il-​Blat”—Dawk li Jibżgħu

12. Liema hija l-​vera raġuni għala x-​xitla tinxef fit-​tieni tip taʼ ħamrija msemmi fit-​tixbiha taʼ Ġesù?

12 Meta ż-​żerriegħa taqaʼ fuq it-​tieni tip taʼ ħamrija, ma tibqax sempliċement fil-​wiċċ, bħalma kien fl-​ewwel każ. Joħorġu l-​għeruq u tinbet. Iżda mbagħad, meta titlaʼ x-​xemx, ix-​xitla tinħaraq bis-​sħana tax-​xemx u tinxef. Madankollu, innota dan id-​dettall importanti. Ir-​raġuni vera għala x-​xitla tinxef m’hijiex is-​sħana. Wara kollox, ix-​xitla li tikber fil-​ħamrija t-​tajba wkoll qiegħda fix-​xemx, iżda ma tinxifx—anzi, tiffjorixxi. X’inhu li jagħmel id-​differenza? Ġesù jispjega li din ix-​xitla tinxef “għax il-​ħamrija ma kinitx fonda” u għax ‘ma kellhiex tira.’ (Mattew 13:​5, 6; Luqa 8:6) “Blat” li jkun qiegħed eżatt taħt is-​saff taʼ fuq tal-​ħamrija ma jħallix liż-​żerriegħa tniżżel l-​għeruq fil-​fond biżżejjed sabiex issib it-​tira (l-umdità taħt wiċċ il-​ħamrija) u tkun fis-​sod. Ix-​xitla tinxef għaliex il-​ħamrija m’hijiex fonda.

13. Individwi taʼ liema tip huma bħal ħamrija mhux fonda, u x’inhi l-​vera raġuni għall-​mod kif jirreaġixxu?

13 Din il-​parti tat-​tixbiha tirreferi għall-​individwi li l-​kelma “jilqgħuha bil-​ferħ” u jsegwu lil Ġesù biż-​żelu “għal ftit taż-​żmien.” (Luqa 8:13) Meta jiġu esposti għax-​xemx taħraq taʼ ‘l-​għawġ jew it-​taħbit,’ tant jibdew jibżgħu li jispiċċaw jitilfu l-​ferħ u s-​saħħa tagħhom u jaqtgħu qalbhom milli jibqgħu jsegwu ’l Ġesù. (Mattew 13:21) Madankollu, il-​vera raġuni għall-​biżaʼ tagħhom m’hijiex l-​oppożizzjoni. Wara kollox, miljuni taʼ dixxipli taʼ Kristu jissaportu diversi forom taʼ għawġ, iżda xorta jibqgħu leali. (2 Korintin 1:8; 7:5) Ir-​raġuni vera għala xi wħud jibżgħu u jitilqu mill-​verità hi li l-​kundizzjoni taʼ qalbhom iebsa bħall-​blat ma tħallihomx jimmeditaw fil-​fond biżżejjed fuq affarijiet pożittivi u spiritwali. Minħabba f’hekk, l-​apprezzament li jiżviluppaw għal Jehovah u għall-​kelma tiegħu jkun wisq superfiċjali u dgħajjef biex jiflaħ għall-​oppożizzjoni. Kif jistaʼ individwu jevita li jiġrilu hekk?

14. Liema passi għandu jieħu individwu biex ma jħallix il-​kundizzjoni taʼ qalbu ssir bħal ħamrija li m’hijiex fonda?

14 Individwu għandu jkun ċert li l-​ostakli kollha bħall-​blat ma weħlux f’qalbu. Ostakli bħal dawn jistgħu jkunu li wieħed jibqaʼ jżomm f’qalbu, li jkollu egoiżmu li ma jkunx daqshekk ovvju, jew xi sentimenti simili taʼ rabja moħbija. Jekk diġà jeżisti tfixkil bħal dan, il-​qawwa tal-​kelma t’Alla tistaʼ teliminah. (Ġeremija 23:29; Efesin 4:22; Lhud 4:12) Imbagħad, il-​meditazzjoni bit-​talb se ‘tħawwel il-​kelma’ fil-​fond tal-​qalb taʼ l-​individwu. (Ġakbu 1:21) Dan se jagħtih is-​saħħa biex ikampa maż-​żmien taʼ skuraġġiment u l-​kuraġġ biex jibqaʼ leali minkejja l-​provi.

“Qalb ix-​Xewk” —Dawk Maqsumin bejn Ħaġa u Oħra

15. (a) It-​tielet tip taʼ ħamrija li jsemmi Ġesù għala huwa taʼ min jagħti kasu b’mod speċjali? (b) Fl-​aħħar mill-​aħħar, x’jiġrilha l-​ħamrija tat-​tielet tip, u għala?

15 Il-​ħamrija tat-​tielet tip, dik bix-​xewk, hija taʼ min jagħti kasha b’mod speċjali għaliex f’ċerti aspetti hija simili għall-​ħamrija, jew l-​art, it-​tajba. Bħall-​ħamrija t-​tajba, il-​ħamrija bix-​xewk tħalli ż-​żerriegħa toħroġ l-​għeruq u tinbet. Għall-​ewwel, ma jkunx hemm differenza fil-​mod kif tikber ix-​xitla l-​ġdida f’dawn iżżewġ tipi taʼ ħamrija. Madankollu, maż-​żmien tiżviluppa kundizzjoni li fl-​aħħarnett tispiċċa toħnoq il-​pjanta. Kuntrarju għall-​ħamrija t-​tajba, din il-​ħamrija timtela bix-​xewk. Hekk kif ix-​xitla ż-​żgħira tibda togħla ’l fuq mill-​ħamrija, din tiffaċċja l-​kompetizzjoni ‘mix-​xewk li jikber magħha.’ Għall-​ewwel iż-​żewġ xtieli jissaraw bejniethom għas-​sustanzi, id-​dawl, u l-​wisaʼ, iżda fl-​aħħar mill-​aħħar ix-​xewk jegħleb ix-​xitla u ‘joħnoqha.’—Luqa 8:7.

16. (a) Liema individwi jixbhu l-​ħamrija bix-​xewk? (b) Skond it-​tliet rakkonti taʼ l-​Evanġelju, ix-​xewk x’jirrappreżenta?—Ara n-​nota taʼ taħt.

16 Individwi taʼ liema tip jixbhu l-​ħamrija bix-​xewk? Ġesù jispjega: “Huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-​inkwiet żejjed u l-​għana u l-​pjaċiri tal-​ħajja joħnoqhom u l-​frott tagħhom ma jsirx.” (Luqa 8:14) L-​istess bħalma ż-​żerriegħa taʼ dak li jiżraʼ u x-​xewk jitilgħu fl-​istess waqt, hekk ukoll xi individwi jipprovaw jagħmlu l-​wisaʼ għall-​kelma t’Alla u għall-​“pjaċiri tal-​ħajja” fl-​istess waqt. Il-​verità tal-​kelma t’Alla tinżeraʼ f’qalbhom, iżda tkun f’kompetizzjoni m’affarijiet oħra li jissaraw għall-​attenzjoni tagħhom. Il-​qalb figurattiva tagħhom tkun maqsuma bejn ħaġa u oħra. (Luqa 9:​57-62) Dan il-​fatt ma jħallihomx iwarrbu biżżejjed ħin għal meditazzjoni bit-​talb u fil-​fond fuq il-​kelma t’Alla. Huma jonqsu li jagħtu ruħhom għall-​kelma t’Alla, u għalhekk ma jkollhomx l-​apprezzament mill-​qalb li għandhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jissaportu. Bil-​mod il-​mod, l-​affarijiet mhux spiritwali jsiru iktar importanti għalihom mill-​interessi spiritwali, sakemm ‘jinħonqu [“għalkollox,” NW].’c Xi tmiem ikrah għal dawk li ma jħobbux lil Jehovah b’qalbhom kollha!—Mattew 6:24; 22:37.

17. X’għażliet irridu nagħmlu f’ħajjitna sabiex ma nħallux li ninħonqu mix-​xewk figurattiv imsemmi fit-​tixbiha taʼ Ġesù?

17 Meta nġibu l-​ewwel l-​affarijiet spiritwali qabel dawk materjali, nevitaw li niġu maħnuqin mill-​uġigħ u l-​pjaċiri taʼ din id-​dinja. (Mattew 6:​31-​33; Luqa 21:​34-​36) Qatt m’għandna nittraskuraw il-​qari tal-​Bibbja u l-​meditazzjoni fuq dak li naqraw. Se nsibu iktar ħin għal meditazzjoni bit-​talb u konċentrata jekk nissimplifikaw ħajjitna kemm jistaʼ jkun. (1 Timotju 6:​6-8) Il-​qaddejja t’Alla li għamlu dan—li qishom qaċċtu x-​xewk ’il barra mill-​ħamrija biex ix-​xitla li tagħti l-​frott ikollha iktar sustanzi, dawl, u wisaʼ—qed jesperjenzaw il-​barka taʼ Jehovah. Sandra, li għandha 26 sena, tgħid: “Meta nimmedita fuq il-​barkiet li għandi fil-​verità, ninduna kemm id-​dinja ma tistaʼ toffri xejn li jistaʼ jitqabbel magħhom!”—Salm 84:12 (84:​11, NW).

18. Bħala Kristjani kif nistgħu nibqgħu nżommu fil-​kelma t’Alla u nissaportu?

18 Mela, b’mod ċar, ilkoll kemm aħna, kbar u żgħar, se nibqgħu nżommu fil-​kelma t’Alla u nissaportu bħala d-​dixxipli taʼ Kristu sakemm il-​kelma t’Alla tibqaʼ tgħammar fina. Għal din ir-​raġuni, ejja nkunu ċerti li l-​ħamrija tal-​qalb figurattiva tagħna qatt ma ssir iebsa, mhux fonda, jew mimlija ħaxix ħażin iżda tibqaʼ ratba u fonda. B’dan il-​mod, se nkunu nistgħu nagħtu ruħna għalkollox għall-​kelma t’Alla u ‘nagħmlu l-​frott billi nżommu sħiħ.’—Luqa 8:15.

[Noti taʼ taħt]

a F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw l-​ewwel ħtieġa minn fost tlieta. It-​tnejn l-​oħra se jiġu diskussi fl-​artikli li jmiss.

b Per eżempju, biex timmedita bit-​talb fuq porzjon li tkun qrajt mill-​Bibbja, tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed dan jurini waħda jew iktar mill-​kwalitajiet taʼ Jehovah? Kif inhu relatat mat-​tema tal-​Bibbja? Kif nistaʼ napplikah fil-​ħajja tiegħi jew nużah biex ngħin lil ħaddieħor?’

c Skond it-​tliet rakkonti tal-​parabbola taʼ Ġesù fl-​Evanġelji, iż-​żerriegħa tiġi maħnuqa mill-​uġigħ u l-​pjaċiri taʼ din id-​dinja: “L-​inkwiet żejjed għall-​ħwejjeġ tad-​dinja,” “ir-​rabta mal-​ġid taʼ l-​art,” “il-​ġibda għal ħwejjeġ oħra,” u “l-​pjaċiri tal-​ħajja.”​—Mark 4:​19; Mattew 13:22; Luqa 8:​14; Ġeremija 4:​3, 4.

X’Inhuma t-​Tweġibiet Tiegħek?

• Għala rridu nibqgħu ‘nżommu fil-​kelma’ taʼ Ġesù?

• Kif nistgħu nħallu l-​kelma t’Alla tibqaʼ f’qalbna?

• Liema tipi taʼ individwi huma rappreżentati mill-​erbaʼ tipi differenti taʼ ħamrija li semma Ġesù?

• Kif tistaʼ ssib il-​ħin biex timmedita fuq il-​kelma t’Alla?

[Kaxxa/Stampa f’Paġna 10]

“SĦAĦ FIL-​VERITÀ”

ĦAFNA wħud li ilhom jaqdu bħala dixxipli taʼ Ġesù għal żmien twil, sena wara l-​oħra juru li huma “sħaħ fil-​verità.” (2 Pietru 1:12) X’jgħinhom jissaportu? Ikkunsidra xi ftit mill-​kummenti tagħhom.

“Nispiċċa kull ġurnata billi naqra silta mill-​Bibbja u ngħid talba. Imbagħad noqgħod naħseb fuq dak li nkun qrajt.”—Jean, tgħammdet fl-​1939.

“Il-​fatt li nimmedita fuq kif Jehovah, xi ħadd daqshekk grandjuż, tant iħobbna, jagħtini sens taʼ sigurtà u jsaħħaħni biex nibqaʼ leali.”—Patricia, tgħammdet fl-​1946.

“Billi żammejt drawwiet tajba taʼ studju tal-​Bibbja u billi dejjem tajt ruħi għalkollox ‘għall-​affarijiet profondi t’Alla,’ irnexxieli nibqaʼ għaddejja.”—1 Korintin 2:​10, NW; Anna, tgħammdet fl-​1939.

“Jien naqra l-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati mill-​Bibbja bl-​iskop li neżamina lil qalbi u l-​intenzjonijiet tiegħi.”—Zelda, tgħammdet fl-​1943.

“L-​isbaħ ħinijiet għalija huma meta mmur nimxi u noqgħod nitkellem maʼ Jehovah fit-​talb u nurih eżatt kif inħossni.”—Ralph, tgħammed fl-​1947.

“Jien nibda l-​jum billi nikkunsidra l-​iskrittura taʼ kuljum u naqra silta mill-​Bibbja. B’dan il-​mod ikolli dejjem xi ħaġa ġdida fuqiex nimmedita matul il-​jum.”—Marie, tgħammdet fl-​1935.

“Għalija, id-​diskussjonijiet vers b’vers taʼ xi ktieb mill-​Bibbja veru jerġgħu jagħtuni s-​saħħa.”—Daniel, tgħammed fl-​1946.

Int meta tieħu l-​ħin biex timmedita bit-​talb fuq il-​kelma t’Alla?—Danjel 6:11b [6:10b, NW]; Mark 1:35; Atti 10:9.

[Stampa f’paġna 13]

Billi nġibu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel, aħna nistgħu ‘nagħmlu l-​frott billi nżommu sħiħ’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja