Tagħtix Wisaʼ lix-Xitan
“Tagħtux ċans lix-Xitan.”—EFESIN 4:27, Byington.
1. Ħafna għala bdew jiddubitaw jekk ix-Xitan jeżistix jew le?
GĦAL sekli sħaħ, ħafna nies kienu jaħsbu li x-Xitan għandu l-qrun, liebes l-aħmar, u juża furkettun biex jitfaʼ lin-nies ħżiena fl-infern tan-nar. Il-Bibbja ma turix li dan huwa minnu. Madankollu, bla dubju taʼ xejn, dawn l-ideat żbaljati ġagħlu lil miljuni taʼ nies jiddubitaw jekk ix-Xitan jeżistix verament jew jekk dan it-terminu jirreferix biss għall-prinċipju tal-ħażen.
2. X’inhuma xi fatti li tagħti l-Iskrittura dwar ix-Xitan?
2 Il-Bibbja tipprovdi evidenza taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess u testimonjanza ċara li x-Xitan jeżisti. Ġesù Kristu rah fil-qasam taʼ l-ispirti u tkellem miegħu meta kien fuq l-art. (Ġob 1:6; Mattew 4:4-11) Għalkemm l-Iskrittura ma turix x’inhu l-isem oriġinali tiegħu, din issejjaħlu x-Xitan (li jfisser “Kalunnjatur”) minħabba li hu kkalunnja lil Alla. Hu jissejjaħ ukoll Satana (li jfisser “Avversarju”), ladarba hu jopponi lil Ġeħova. Satana x-Xitan huwa msejjaħ “is-serp oriġinali,” milli jidher minħabba li uża s-serp biex iqarraq b’Eva. (Rivelazzjoni 12:9; 1 Timotju 2:14) Hu magħruf ukoll bħala l-“Ħażin.”—Mattew 6:13.a
3. Liema mistoqsija se nikkunsidraw?
3 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, qatt ma rridu nkunu b’xi mod jew ieħor bħal Satana, l-akbar għadu taʼ luniku Alla veru. Għalhekk, irridu nisimgħu mill-parir taʼ l-appostlu Pawlu: “Tagħtux ċans lix-Xitan.” (Efesin 4:27, Byington) Mela allura, liema huma xi karatteristiki li għandu Satana u li m’għandniex nimitaw?
Timitax lill-Kalunnjatur il-Kbir
4. Il-“Ħażin” kif ikkalunnja lil Alla?
4 Il-“Ħażin” jistħoqqlu jissejjaħ ix-Xitan, għax hu kalunnjatur. Kalunnja hija stqarrija falza, mimlija mibegħda, u tħassar ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd. Alla kkmanda lil Adam: “Mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Eva kienet taf dwar dan, imma permezz tas-serp, ix-Xitan qalilha: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:4, 5) Din kienet kalunnja kollha mibegħda kontra Alla Ġeħova!
5. Dijotrefe għala kellu jagħti kont taʼ l-ikkalunnjar tiegħu?
5 L-Iżraelin ġew kmandati: “Tmurx ixxerred qlajjaʼ fuq niesek.” (Levitiku 19:16) L-appostlu Ġwanni qal dan dwar kalunnjatur taʼ żmienu: “Ktibt xi ħaġa lill-kongregazzjoni, imma Dijotrefe, li jħobb ikollu l-pożizzjoni ewlenija fosthom, ma jilqaʼ xejn mingħandna bir-rispett. Huwa għalhekk li, jekk niġi, infakkar l-għemil tiegħu li qed ikompli jwettaq u l-kliem mill-agħar li qed ipaċpaċ fuqna.” (3 Ġwanni 9, 10) Dijotrefe kien qed jikkalunnja lil Ġwanni, u għalhekk kellu jagħti kont taʼ l-azzjonijiet tiegħu. Liema Kristjan leali jixtieq ikun bħal Dijotrefe u jimita lil Satana, il-kalunnjatur il-kbir?
6, 7. Għala għandna nevitaw li nikkalunnjaw lil xi ħadd?
6 Spiss, isiru stqarrijiet taʼ kkalunnjar u akkużi foloz kontra l-qaddejja taʼ Ġeħova. “Il-qassisin ewlenin u l-iskribi bdew iqumu bil-wieqfa u jakkużawh [lil Ġesù] bl-herra.” (Luqa 23:10) Pawlu kien akkużat b’mod falz mill-Qassis il-Kbir Ananija u oħrajn. (Atti 24:1-8) U l-Bibbja titkellem dwar Satana bħala li hu “l-akkużatur taʼ ħutna, dak li lejl u nhar jakkużahom quddiem Alla tagħna.” (Rivelazzjoni 12:10) Dawk l-aħwa li ġew akkużati b’mod falz huma l-Kristjani midlukin li qegħdin fuq l-art f’dawn l-aħħar jiem.
7 L-ebda Kristjan ma jrid jikkalunnja lil xi ħadd jew jagħmel xi akkużi foloz. Madankollu, dan jistaʼ jiġri jekk ma nisimgħux il-fatti kollha qabel nixhdu kontra xi ħadd. Skond il-Liġi Mosajka, jekk xi ħadd kien jixhed b’mod falz apposta setaʼ jingħata l-mewt. (Eżodu 20:16; Dewteronomju 19:15-19) Iktar minn hekk, fost l-affarijiet li Ġeħova jobgħod hemm “fomm li jixhed bil-qerq il-gideb.” (Proverbji 6:16-19) Mela żgur li ma rridux nimitaw lil dak li hu minn taʼ quddiem biex jikkalunnja u jakkuża b’mod falz.
Warrab il-Mogħdijiet tal-Qattiel Oriġinali
8. Ix-Xitan b’liema mod “kien qattiel meta beda”?
8 Ix-Xitan huwa qattiel. “Dan kien qattiel meta beda,” qal Ġesù. (Ġwanni 8:44) Meta dawwar lil Adam u Eva ’l bogħod minn Alla, Satana għall-ewwel darba sar qattiel. Hu ġab il-mewt fuq l-ewwel koppja umana u n-nisel tagħha. (Rumani 5:12) Tajjeb ninnotaw li din l-azzjoni ma tistax tiġi attribwita lil xi prinċipju tal-ħażen, imma bilfors lil xi persuna.
9. Bħalma juri l-1 Ġwanni 3:15, kif nistgħu nsiru qattiela?
9 Wieħed mill-Għaxar Kmandamenti li ġew mogħtija lil Iżrael kien “la toqtolx.” (Dewteronomju 5:17) L-appostlu Pietru qalilhom hekk lill-Kristjani: “Ħalli ħadd minnkom ma jsofri bħala qattiel.” (1 Pietru 4:15) Għalhekk, bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna m’aħniex se nikkommettu qtil. Madankollu, jekk aħna nobogħdu lil wieħed minn sħabna l-Kristjani, tant li nixtiquh mejjet, inkunu ħatja quddiem Alla. “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel,” kiteb l-appostlu Ġwanni, “u tafu li f’ebda qattiel ma tibqaʼ l-ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwanni 3:15) L-Iżraelin kienu kmandati: “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek.” (Levitiku 19:17) Jalla ma ndumux ma nirranġaw kwalunkwe problema li għandha mnejn tqum bejnna u bejn wieħed minn sħabna fit-twemmin, sabiex il-qattiel Satana ma jkissirx l-unità Kristjana li ngawdu.—Luqa 17:3, 4.
Ibqaʼ Sod Kontra l-Akbar Giddieb
10, 11. X’għandna nagħmlu sabiex inkunu nistgħu nieqfu sodi kontra Satana, l-akbar giddieb?
10 Ix-Xitan huwa giddieb. Ġesù qal: “Meta jigdeb, jitkellem skond il-karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) Satana gideb lil Eva, filwaqt li Ġesù ġie fid-dinja biex jixhed għall-verità. (Ġwanni 18:37) Jekk irridu nibqgħu sodi kontra x-Xitan bħala segwaċi taʼ Kristu, ma nistgħux nużaw il-gideb u l-qerq. Irridu ‘ngħidu s-sewwa.’ (Żakkarija 8:16; Efesin 4:25) Ġeħova li hu “Alla tas-sewwa” jbierek biss lix-Xhieda tiegħu li jgħidu l-verità. Il-ħżiena m’għandhom l-ebda dritt jirrappreżentawh.—Salm 31:6 (31:5, NW); 50:16; Isaija 43:10.
11 Jekk ngħożżu l-ħelsien spiritwali li għandna mill-gideb sataniku, se naqbdu qabda soda mal-Kristjanità, “it-triq tal-verità.” (2 Pietru 2:2; Ġwanni 8:32) It-tagħlim Kristjan kollu huwa “l-verità taʼ l-aħbar tajba.” (Galatin 2:5, 14) Is-salvazzjoni tagħna tiddependi milli ‘nimxu fil-verità’—li nżommu magħha u nibqgħu sodi kontra “missier il-gidba.”—3 Ġwanni 3, 4, 8.
Irreżisti lill-Ewwel Apostata
12, 13. Kif għandna nittrattawhom lill-apostati?
12 L-ispirtu li sar ix-Xitan darba kien fil-verità. Imma “ma żammx sħiħ fil-verità,” qal Ġesù, “għax il-verità mhix fih.” (Ġwanni 8:44) Dan l-ewwel apostat ma waqafx milli jopponi lill-“Alla tas-sewwa.” Xi Kristjani taʼ l-ewwel seklu daħlu fin-“nassa tax-Xitan,” u milli jidher saru vittmi minħabba li ġew żvijati mill-verità. Għalhekk, Pawlu ħeġġeġ lill-ħaddiem sieħbu Timotju biex jgħallimhom bil-ħlewwa biex b’hekk ikunu jistgħu jirkupraw spiritwalment u jinħelsu min-nassa taʼ Satana. (2 Timotju 2:23-26) M’għandniex xi ngħidu, huwa ħafna aħjar li nżommu sod mal-verità minflok ma nidħlu fin-nassa minħabba l-irraġunar taʼ l-apostati.
13 Minħabba li semgħu mix-Xitan u ma warrbux il-gideb tiegħu, l-ewwel koppja umana saret apostata. Mela, għandna aħna nisimgħu lill-apostati, naqraw il-letteratura tagħhom, jew neżaminaw il-Web sites li għandhom fuq l-Internet? Jekk inħobbu lil Alla u l-verità, m’aħniex se nagħmlu hekk. M’għandniex indaħħlu lill-apostati fi djarna jew saħansitra nsellmulhom, għax jekk nagħmlu hekk inkunu qed ‘nieħdu sehem fl-għemejjel mill-agħar tagħhom.’ (2 Ġwanni 9-11) Jalla qatt ma nċedu għall-qerq tax-Xitan billi nabbandunaw “it-triq tal-verità” Kristjana biex insegwu għalliema foloz li jfittxu li “jintroduċu ideat li jġibu l-qerda,” u li jipprovaw ‘jisfruttawna bi kliem qarrieq.’—2 Pietru 2:1-3, Byington.
14, 15. Pawlu liema twissija tahom lill-anzjani minn Efesu u lill-ħaddiem sieħbu Timotju?
14 Lill-anzjani minn Efesu Pawlu qalilhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha li minnha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-demm taʼ Ibnu stess. Jien naf li wara t-tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:28-30) Maż-żmien, apostati bħal dawn veru dehru u bdew “jitkellmu affarijiet mgħawġin.”
15 Madwar is-sena 65 E.K., l-appostlu ħeġġeġ lil Timotju sabiex ‘jimmaniġġa sew il-kelma tal-verità.’ Pawlu kiteb: “Imma aħrab minn diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis; għax huma se jkomplu jagħmlu iktar u iktar dak li hu kontra r-rieda t’Alla, u kelmithom se tinxtered bħall-kankru. Fost dawn hemm Imeni u Filetu. Dawn l-irġiel tbiegħdu mill-verità, għax jgħidu li l-irxoxt diġà seħħ; u qed jaqilbu l-fidi taʼ xi wħud.” L-apostasija kienet bdiet! “Madankollu,” żied jgħid Pawlu, “il-pedament sod t’Alla jibqaʼ wieqaf.”—2 Timotju 2:15-19.
16. Minkejja l-qerq taʼ l-akbar apostat, aħna għala bqajna leali lejn Alla u l-Kelma tiegħu?
16 Satana spiss uża lill-apostati sabiex ikun jistaʼ jħassar il-qima vera—imma kollu għalxejn. Madwar l-1868, Charles Taze Russell beda jeżamina bir-reqqa d-duttrini li tant kienu ilhom aċċettati mill-knejjes tal-Kristjaneżmu u sab li l-Iskrittura kienet qed tiġi interpretata ħażin. Russell u xi ftit uħud oħra li bdew ifittxu l-verità fformaw klassi għall-istudju tal-Bibbja f’Pittsburgh, Pennsylvania, l-Amerika. Fil-140 sena li għaddew minn dakinhar ’l hawn, il-qaddejja taʼ Ġeħova kisbu iktar għarfien, u l-imħabba għal Alla u l-Kelma tiegħu kibret. Minkejja l-qerq taʼ l-akbar apostat, il-fatt li l-ilsir leali u għaqli baqaʼ spiritwalment għassa għen lil dawn il-Kristjani veri biex jibqgħu leali lejn Ġeħova u l-Kelma tiegħu.—Mattew 24:45.
Qatt Tħalli lill-Ħakkiem tad-Dinja Jkollu Setgħa Fuqek
17-19. X’inhi d-dinja li qiegħda taħt il-qawwa tax-Xitan, u għala m’għandniex inħobbuha?
17 Mod ieħor kif Satana jfittex li jaqbadna fin-nassa tiegħu hu billi jħajjarna nħobbu din id-dinja—is-soċjetà umana li mhix sewwa u li tinsab ’il bogħod minn Alla. Ġesù sejjaħ lix-Xitan “il-ħakkiem tad-dinja” u qal: “Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.” (Ġwanni 14:30) Jalla Satana qatt ma jkollu setgħa fuqna! M’għandniex xi ngħidu, aħna nirrikonoxxu li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Kien għalhekk li x-Xitan setaʼ joffri lil Ġesù “s-saltniet kollha tad-dinja” għal att apostata wieħed taʼ qima—xi ħaġa li Iben Alla rrifjuta li jagħmel b’mod ċar u sod. (Mattew 4:8-10) Id-dinja li jaħkem Satana tobgħodhom lis-segwaċi taʼ Kristu. (Ġwanni 15:18-21) Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Ġwanni wissiena biex ma nħobbux id-dinja!
18 Ġwanni kiteb: “Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih; għax kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja. Iktar minn hekk, id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:15-17) M’għandniex inħobbu d-dinja għax il-mod taʼ ħajja tagħha jappella għall-ġisem midneb u huwa totalment l-oppost tal-livelli t’Alla Ġeħova.
19 Xi ngħidu jekk f’qalbna nħobbu lil din id-dinja? Jekk inhu l-każ, ejja nitolbu lil Alla biex jgħinna negħlbu din l-imħabba u x-xewqat tal-laħam li huma konnessi magħha. (Galatin 5:16-21) Żgur li jekk inżommu f’moħħna li “l-ispirti mill-agħar” huma “l-ħakkiema dinjin” inviżibbli taʼ din is-soċjetà umana li mhix sewwa se nkomplu nistinkaw biex nibqgħu “mingħajr tebgħa mid-dinja.”—Ġakbu 1:27; Efesin 6:11, 12; 2 Korintin 4:4.
20. Għala jistaʼ jingħad li aħna ‘m’aħniex parti mid-dinja’?
20 Ġesù qal hekk dwar id-dixxipli tiegħu: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:16) Kemm il-Kristjani midlukin u kemm sħabhom dedikati jistinkaw biex jibqgħu nodfa moralment u spiritwalment, separati minn din id-dinja. (Ġwanni 15:19; 17:14; Ġakbu 4:4) Din id-dinja mimlija ħażen tobgħodna minħabba li nżommu ’l bogħod minnha u għax aħna ‘predikaturi tal-ġustizzja.’ (2 Pietru 2:5) Veru, aħna ngħixu qalb is-soċjetà umana, li tinkludi wħud li huma żienja, adulteri, imbroljuni, idolatri, ħallelin, giddieba, u sakranazzi. (1 Korintin 5:9-11; 6:9-11; Rivelazzjoni 21:8) Imma aħna ma niġux influwenzati minn dan “l-ispirtu tad-dinja,” għax m’aħniex kontrollati minn din il-qawwa li tippromwovi d-dnub.—1 Korintin 2:12.
Tagħtix Wisaʼ lix-Xitan
21, 22. Kif tistaʼ tapplika l-parir taʼ l-appostlu Pawlu li hu mniżżel f’Efesin 4:26, 27?
21 Minflok ma niġu motivati mill-“ispirtu tad-dinja,” aħna mmexxijin mill-ispirtu t’Alla, li jipproduċi fina kwalitajiet bħalma huma l-imħabba u r-rażna. (Galatin 5:22, 23) Dawn jgħinuna nifilħu l-attakki li x-Xitan jagħmel fuq il-fidi tagħna. Hu jridna ‘ninkeddu,’ imma l-ispirtu t’Alla jgħinna biex ma ‘ninkorlawx u ma nirrabjawx.’ (Salm 37:8) Veru, kultant ikollna raġun għala nirrabjaw, imma Pawlu tana dan il-parir: “Inkorlaw, iżda tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-Xitan.”—Efesin 4:26, 27.
22 Imma r-rabja tistaʼ twassal għad-dnub jekk nibqgħu nħossuna provokati. Jekk nibqgħu nħossuna hekk inkunu qed nagħtu ċans lix-Xitan biex joħloq nuqqas taʼ qbil fil-kongregazzjoni jew iqanqalna nagħmlu għemejjel mill-agħar. Għalhekk, hemm bżonn li nirranġaw malajr xi nuqqas taʼ qbil li jkollna m’oħrajn b’mod li jogħġob lil Alla. (Levitiku 19:17, 18; Mattew 5:23, 24; 18:15, 16) Għalhekk, ejja nħallu lilna nfusna niġu gwidati mill-ispirtu t’Alla, neżerċitaw ir-rażna u qatt ma nħallu r-rabja, lanqas meta din tkun ġustifikata, twassal għall-imrar, il-malizzja, u l-mibegħda.
23. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
23 Aħna ddiskutejna xi karatteristiki li xXitan għandu u li m’għandniex nimitaw. Imma xi qarrejja għandhom mnejn jaħsbu: Għandna għalfejn nibżgħu minn Satana? Għala jġib il-persekuzzjoni fuq il-Kristjani? U kif nistgħu nevitaw li niġu megħluba mix-Xitan?
[Nota taʼ taħt]
a Ara s-serje t’artikli “Huwa x-Xitan Reali?” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 2005.
X’Inhi t-Tweġiba Tiegħek?
• Għala m’għandna qatt nikkalunnjaw lil xi ħadd?
• Fi qbil maʼ l-1 Ġwanni 3:15, kif nistgħu nevitaw li nkunu qattiela?
• Kif għandna nqisuhom lill-apostati, u għala?
• Għala m’għandniex inħobbu d-dinja?
[Stampa f’paġna 23]
Aħna qatt ma se nħallu lix-Xitan ikisser l-unità Kristjana tagħna
[Stampi f’paġna 24]
Ġwanni għala ħeġġiġna biex ma nħobbux id-dinja?