LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 7/15 pp. 16-20
  • Dnibt Int Kontra l-Ispirtu Qaddis?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dnibt Int Kontra l-Ispirtu Qaddis?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Indiema Ġġib il-​Maħfra
  • Huma Dinbu Kontra l-​Ispirtu
  • Huma Ma Dinbux Kontra l-​Ispirtu
  • Intaffu l-​Biżaʼ mid-​Dnub
  • Jehovah Jaħfer bil-Kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Hemm xi Dnub li Ma Jinħafirx?
    Stenbaħ!—2003
  • X’inhu d-dnub li ma jinħafirx?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-Ħniena taʼ Jehovah Issalvana mid-Disprament
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 7/15 pp. 16-20

Dnibt Int Kontra l-​Ispirtu Qaddis?

“Hemm dnub li jġib il-​mewt.”​—1 ĠWANNI 5:​16.

1, 2. Kif nafu li huwa possibbli li wieħed jistaʼ jidneb kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla?

“JIEN kont ossessjonata bil-​ħsieb li dnibt kontra l-​ispirtu qaddis.” Hekk kitbet mara fil-​Ġermanja, għalkemm kienet qed taqdi lil Alla. Jistaʼ Kristjan tassew jidneb kontra l-​ispirtu qaddis, jew il-​forza attiva t’Alla?

2 Iva, huwa possibbli li wieħed jidneb kontra l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. “Kull xorta taʼ dnub u dagħwa tinħafrilhom lill-​bnedmin,” qal Ġesù Kristu, “imma d-​dagħa kontra l-​ispirtu ma jinħafirx.” (Mattew 12:31) Aħna mwissijin: “Jekk wara li nkunu rċivejna l-​għarfien eżatt dwar il-​verità nipprattikaw id-​dnub għax irridu, ma jibqaʼ ebda sagrifiċċju għad-​dnubiet, imma stennija tal-​biżaʼ tal-​ġudizzju.” (Ebrej 10:26, 27) U l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Hemm dnub li jġib il-​mewt.” (1 Ġwanni 5:​16) Imma huwa l-​wieħed li jkun dineb serjament li għandu jiddetermina jekk wettaqx “dnub li jġib il-​mewt”?

L-​Indiema Ġġib il-​Maħfra

3. Probabbilment xi jfisser jekk ninsabu mnikktin profondament minħabba xi dnub li nkunu wettaqna?

3 Ġeħova huwa l-​Imħallef finali taʼ dawk li jidinbu. Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna rridu nagħtuh kont, u hu dejjem jagħmel dak li hu sewwa. (Ġenesi 18:25; Rumani 14:12) Ġeħova jiddetermina jekk inkunux wettaqna dnub li ma jinħafirx jew le, u hu jistaʼ jneħħi l-​ispirtu tiegħu minn fuqna. (Salm 51:13 [51:11, NW]) Madankollu, jekk ninsabu mnikktin profondament minħabba xi dnub li nkunu wettaqna, x’aktarx li aħna verament indimna. Iżda, x’inhi l-​indiema vera?

4. (a) Xi jfisser li tindem? (b) Għala l-​kliem tas-​salmista f’Salm 103:10-​14 hu daqshekk taʼ faraġ?

4 Li nindmu jfisser li aħna nbiddlu l-​attitudni tagħna lejn xi dnub li nkunu wettaqna fil-​passat jew li kellna intenzjoni li nwettqu. Ifisser li nħossuna mnikktin jew dispjaċuti u li nduru minn triq midinba. Jekk dnibna serjament imma nkunu ħadna l-​passi meħtiġin biex nuru li tassew indimna, nistgħu niksbu faraġ mill-​kliem tas-​salmista: “[Ġeħova] ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. Daqskemm huma s-​smewwiet ’il fuq mill-​art, hekk hi kbira tjubitu maʼ min jibżaʼ minnu; daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.”​—Salm 103:10-​14.

5, 6. Semmi l-​punt prinċipali taʼ l-​1 Ġwanni 3:​19-​22, u spjega t-​tifsira tal-​kliem taʼ l-​appostlu.

5 Taʼ faraġ ukoll hu l-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni: “B’dan insiru nafu li noriġinaw mill-​verità, u naċċertaw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jikkundannawna dwaru, għax Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox. Maħbubin, jekk qlubna ma jikkundannawniex, nistgħu nitkellmu bil-​libertà m’Alla; u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qed nosservaw il-​kmandamenti tiegħu u qed nagħmlu dak li jogħġob lilu.”​—1 Ġwanni 3:​19-​22.

6 Aħna “nafu li noriġinaw mill-​verità” minħabba l-​fatt li nuru l-​imħabba taʼ l-​aħwa u ma nipprattikawx id-​dnub. (Salm 119:11) Jekk għal xi raġuni nħossuna kundannati, għandna niftakru li “Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” Ġeħova huwa ħanin magħna għax jaf li qed nuru l-​“affezzjoni lejn l-​aħwa mingħajr ipokrisija,” li qed niġġieldu kontra d-​dnub, u li qed nagħmlu l-​isforzi tagħna biex nagħmlu r-​rieda tiegħu. (1 Pietru 1:​22) Qalbna mhux se ‘tikkundannana’ jekk nafdaw f’Ġeħova, nuru l-​imħabba taʼ l-​aħwa, u m’aħniex ħatjin li qed inwettqu xi dnub deliberatament. Se nkunu nistgħu “nitkellmu bil-​libertà m’Alla” fit-​talb, u hu se jwiġibna talli nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.

Huma Dinbu Kontra l-​Ispirtu

7. X’jiddetermina jekk dnub jistax jinħafer jew le?

7 Liema dnubiet ma jinħafrux? Sabiex inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja nikkunsidraw xi eżempji Bibliċi. Dan għandu jkun taʼ faraġ għalina jekk aħna nedmin imma xorta għadna mnikktin ferm minħabba l-​iżbalji serji li nkunu għamilna. Se naraw li sabiex niddeterminaw jekk id-​dnubiet tagħna jistgħux jinħafru jew le, jiddependi mhux biss fuq x’tip taʼ dnub wettaqna; minflok, huwa l-​motiv, il-​kundizzjoni tal-​qalb, u kemm kellna xenqa kbira li nwettqu d-​dnub.

8. Xi mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-​ewwel seklu kif dinbu kontra l-​ispirtu qaddis?

8 Il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-​ewwel seklu li b’mibegħda opponew lil Ġesù Kristu kienu qed jidinbu kontra l-​ispirtu qaddis. Huma raw l-​ispirtu t’Alla jaħdem f’Ġesù hekk kif wettaq mirakli li kienu jonoraw lil Ġeħova. Madankollu, dawn l-​għedewwa taʼ Kristu qalu li din il-​qawwa kienet ġejja minn Satana x-​Xitan. Għalhekk, skond Ġesù, dawk li dgħaw kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla kienu qed iwettqu dnub li ma jinħafirx “la f’din is-​sistema u lanqas f’dik li ġejja.”​—Mattew 12:22-​32.

9. X’inhu d-​dagħa, u x’qal Ġesù dwaru?

9 Id-​dagħa huwa kliem li jħassar ir-​reputazzjoni, hu taʼ ħsara, jew abbużiv. Ladarba Alla huwa s-​Sors taʼ l-​ispirtu qaddis, meta wieħed jgħid affarijiet kontra l-​ispirtu tiegħu jkun bħallikieku qed jitkellem kontra Ġeħova. Meta wieħed juża kliem bħal dan mingħajr ma jindem ma jkollux maħfra. Il-​ġrajja li wasslet lil Ġesù biex jitkellem dwar dnub bħal dan juri li Ġesù kien qed jirreferi għal dawk li minn jeddhom jopponu l-​ħidma taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. Peress li l-​Fariżej raw l-​ispirtu taʼ Ġeħova jaħdem f’Ġesù imma qalu li din il-​qawwa ġejja mix-​Xitan, huma dgħaw kontra l-​ispirtu, u b’hekk dinbu. Għaldaqstant, Ġesù ddikjara: “Kulmin jidgħi kontra l-​ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.”​—Marku 3:​20-​29.

10. Ġesù għala sejjaħ lil Ġuda “bin il-​qerda”?

10 Ikkunsidra wkoll il-​każ taʼ Ġuda l-​Iskarjota. Hu kien jimxi b’mod diżonest, billi kien jisraq mill-​kaxxa tal-​flus li kienet fdata f’idejh. (Ġwanni 12:​5, 6) Iktar tard, Ġuda mar għand il-​mexxejja Lhud u rranġa biex jittradixxi lil Ġesù għal 30 biċċa tal-​fidda. Iva, Ġuda ddispjaċieh wara t-​tradiment, imma qatt ma nidem għad-​dnub li wettaq apposta. Minħabba dan, Ġuda ma jistħoqqlux irxoxt. Għalhekk, Ġesù sejjaħlu “bin il-​qerda.”​—Ġwanni 17:12; Mattew 26:14-​16.

Huma Ma Dinbux Kontra l-​Ispirtu

11-13. Is-​Sultan David kif dineb b’konnessjoni maʼ Batseba, u kif nistgħu niksbu faraġ mill-​mod kif Alla ttratta magħhom?

11 Kultant, xi Kristjani li jistqarru d-​dnub serju tagħhom u li jirċievu għajnuna spiritwali mingħand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni għandhom mnejn ikunu għadhom inkwetati minħabba li jkunu naqsu li jobdu l-​liġi t’Alla fil-​passat. (Ġakbu 5:​14) Jekk aħna ninsabu mnikktin personalment b’dan il-​mod, x’aktarx li se nibbenefikaw meta nikkunsidraw dak li tgħid l-​Iskrittura dwar dawk li nħafrulhom dnubiethom.

12 Is-​Sultan David dineb serjament b’konnessjoni maʼ Batseba, il-​mara t’Urija. Meta ra lil din il-​mara sabiħa tinħasel hekk kif ħares ’l isfel mill-​bejt tiegħu fil-​viċin, David bagħat għaliha fil-​palazz tiegħu u kellu relazzjonijiet sesswali magħha. Iktar tard meta sar jaf li ħarġet tqila, hu għamel komplott biex żewġha, Urija, jorqod magħha ħalli jgħatti l-​adulterju. Meta l-​komplott falla, is-​sultan irranġa biex Urija jinqatel fil-​battalja. Wara dan, Batseba saret il-​mara taʼ David u wilditlu tifel li miet.​—2 Samwel 11:​1-​27.

13 Ġeħova ħa ħsieb il-​kwistjonijiet li kienu jinvolvu lil David u Batseba. Alla ħafirlu lil David, milli jidher billi kkunsidra fatturi bħall-​indiema tiegħu u l-​patt tas-​Saltna li għamel miegħu. (2 Samwel 7:​11-​16; 12:​7-​14) Milli jidher Batseba kellha attitudni niedma, għax kienet privileġġata li ssir omm is-​Sultan Salamun u antenata taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 1:​1, 6, 16) Jekk aħna dnibna, nagħmlu tajjeb jekk niftakru li Ġeħova jagħti kas l-​attitudni niedma tagħna.

14. Fil-​każ tas-​Sultan Manassi kif intwera sa liema punt jaħfer Ġeħova?

14 Il-​każ tas-​Sultan Manassi taʼ Ġuda wkoll juri sa liema punt Ġeħova jaħfer. Hu għamel dak li kien ħażin f’għajnejn Ġeħova. Manassi waqqaf artali lil Bagħal, qiem “l-​eżerċti tas-​sema,” u saħansitra bena artali lil allat foloz f’żewġ btieħi tat-​tempju. Hu għadda lil uliedu min-​nar, inkuraġġixxa prattiki spiritistiċi, u ġagħal lill-​abitanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm “jagħmlu agħar mill-​ġnus li l-​Mulej kien qered minn quddiem Iżrael.” It-​twissijiet mogħtijin mill-​profeti t’Alla ġew injorati. Maż-​żmien, is-​sultan taʼ l-​Assirja ħa lil Manassi fil-​jasar. Meta kien fil-​jasar, Manassi nidem u bl-​umiltà baqaʼ jitlob lil Alla, li ħafirlu u reġaʼ tah il-​kariga taʼ sultan f’Ġerusalemm, fejn hu ppromwova l-​qima vera.​—2 Kronaki 33:​2-​17.

15. Liema ġrajja fil-​ħajja taʼ l-​appostlu Pietru turi li Ġeħova jaħfer “bil-​kbir”?

15 Sekli wara, l-​appostlu Pietru dineb serjament billi ċaħad lil Ġesù. (Marku 14:30, 66-​72) Madankollu, Ġeħova ħafer lil Pietru “bil-​kbir.” (Isaija 55:7, NW) Għala? Għaliex Pietru nidem ġenwinament. (Luqa 22:62) Kien hemm evidenza ċara tal-​maħfra t’Alla 50 jum wara, meta fil-​jum taʼ Pentekoste, Pietru ngħata l-​opportunità speċjali li jagħti xiehda bil-​qlubija dwar Ġesù. (Atti 2:​14-​36) Għandna għalxiex naħsbu li Alla mhux se jaħfer bl-​istess mod lill-​Kristjani llum li tassew jindmu? “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” għanna s-​salmista, “imma għandek hemm il-​maħfra.”​—Salm 130:​3, 4.

Intaffu l-​Biżaʼ mid-​Dnub

16. F’liema ċirkustanzi Alla jagħti l-​maħfra?

16 L-​eżempji li ġejjin għandhom jgħinuna ntaffu l-​ansjetà tagħna minħabba li nkunu dnibna kontra l-​ispirtu qaddis. Dawn juru li Ġeħova jaħfer lill-​midinbin li jindmu. It-​talb ħerqan lil Alla huwa taʼ importanza primarja. Jekk aħna dnibna, nistgħu nitolbu għall-​maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù, il-​ħniena taʼ Ġeħova, l-​imperfezzjoni li writna, u r-​rekord tagħna taʼ servizz leali. Billi nafu li Ġeħova għandu qalb tajba mhix mistħoqqa, aħna nistgħu nfittxu l-​maħfra, fiduċjużi li se tingħatalna.​—Efesin 1:7.

17. Xi rridu nagħmlu jekk dnibna u għandna bżonn l-​għajnuna spiritwali?

17 Xi ngħidu jekk dnibna imma ma jirnexxilniex nitolbu għax id-​dnub tagħna dgħajjifna spiritwalment? F’dan ir-​rigward, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “[Individwu bħal dan] ħa jsejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-​żejt f’isem Ġeħova. U t-​talb tal-​fidi jfejjaq lill-​marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.”​—Ġakbu 5:​14, 15.

18. Għala d-​dnub taʼ individwu ma jfissirx li ma jistax jinħafer anki jekk jitkeċċa mill-​kongregazzjoni?

18 Anki jekk wieħed li għamel il-​ħażin għall-​ewwel ma jindimx u jitkeċċa mill-​kongregazzjoni, ma jfissirx li d-​dnub tiegħu ma jistax jinħafer. Rigward wieħed midluk f’Korintu li dineb u nqataʼ mis-​sħubija, Pawlu kiteb: “Din iċ-​ċanfira mogħtija mill-​maġġuranza hi biżżejjed għal bniedem bħal dan, u għalhekk, għall-​kuntrarju, issa għandkom taħfrulu b’qalb tajba u tfarrġuh, li ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed.” (2 Korintin 2:​6-8; 1 Korintin 5:​1-5) Madankollu, sabiex jirrestawraw ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, uħud li żbaljaw iridu jaċċettaw l-​għajnuna spiritwali taʼ l-​anzjani Kristjani bbażata fuq il-​Bibbja u jagħtu prova li verament nidmu. Huma jridu ‘jagħmlu frott li jixraq lill-​indiema.’​—Luqa 3:8.

19. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu ‘f’saħħitna fil-​fidi’?

19 X’jistaʼ jġagħalna naħsbu li dnibna kontra l-​ispirtu qaddis? Xi fatturi jistgħu jkunu nuqqas taʼ saħħa fiżika u mentali. F’dan il-​każ, it-​talb u l-​mistrieħ jistgħu jkunu t’għajnuna. B’mod speċjali, ma rridux inħallu lil Satana jiskuraġġina biex nieqfu milli naqdu lil Alla. Ladarba Ġeħova ma jiħux pjaċir bil-​mewt tal-​ħżiena, hu żgur li ma jitgħaxxaqx jitlef lil ebda wieħed mill-​qaddejja tiegħu. Għalhekk, jekk qed nibżgħu li dnibna kontra l-​ispirtu, irridu nibqgħu niġu mitmugħin mill-​Kelma t’Alla, inkluż porzjonijiet taʼ faraġ bħal dawk fis-​Salmi. Irridu nibqgħu nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. Jekk nagħmlu hekk se nkunu ‘f’saħħitna fil-​fidi’ u meħlusin mill-​ansjetà minħabba l-​possibbiltà li nkunu wettaqna xi dnub li ma jinħafirx.​—Titu 2:2.

20. Liema rraġunar jistaʼ jgħin individwu jara li hu ma dinibx kontra l-​ispirtu qaddis?

20 Kulmin jibżaʼ li dineb kontra l-​ispirtu qaddis għandu mnejn jistaqsi lilu nnifsu: ‘Dgħajt jien kontra l-​ispirtu qaddis? Ladarba ndimt mid-​dnub tiegħi, biddilt jien il-​ħsieb tiegħi dwar indiema bħal din? Għandi fidi fil-​maħfra t’Alla? Jien apostata li rrifjutajt id-​dawl spiritwali?’ X’aktarx li individwi bħal dawn jirrealizzaw li la jkunu dgħaw kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla u lanqas ma saru apostati. Huma nedmin, u għandhom fidi dejjiema fil-​maħfra taʼ Ġeħova. Jekk inhu hekk, huma ma dinbux kontra l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.

21. Liema mistoqsijiet se jittratta l-​artiklu li jmiss?

21 X’serħan ikollna meta nkunu ċerti li ma dnibniex kontra l-​ispirtu qaddis! Madankollu, fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw mistoqsijiet rigward l-​ispirtu qaddis. Per eżempju, għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna: ‘Tassew qed inħalli lili nnifsi niġi gwidat mill-​ispirtu qaddis t’Alla? Qed nuri l-​frott tiegħu f’ħajti?’

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

• Għala jistaʼ jingħad li wieħed jistaʼ jidneb kontra l-​ispirtu qaddis?

• Xi jfisser li tindem?

• Min dineb kontra l-​ispirtu meta Ġesù kien fuq l-​art?

• Wieħed kif jistaʼ jegħleb l-​ansjetà minħabba li jkun wettaq dnub li ma jinħafirx?

[Stampa f’paġna 17]

Dawk li qalu li Ġesù wettaq il-​mirakli bil-​qawwa taʼ Satana dinbu kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla

[Stampa f’paġna 18]

Għalkemm ċaħad lil Ġesù, Pietru ma wettaqx dnub li ma jinħafirx

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja