“Fuq Kollox, Ħa Jkollkom Imħabba Profonda”
“Qorob it-tmiem taʼ kollox. . . . Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.”—1 PIETRU 4:7, 8.
ĠESÙ kien jaf li l-aħħar ftit sigħat maʼ lappostli tiegħu kienu prezzjużi. Hu kien konxju dwar x’kien hemm lest għalihom. Huma kellhom biċċa xogħol kbira x’jagħmlu, imma kellhom ikunu mibgħuda u persegwitati, bħalma kien hu. (Ġwanni 15:18-20) F’dik l-aħħar lejla flimkien, Ġesù fakkarhom iktar minn darba fil-bżonn li ‘jħobbu lil xulxin.’—Ġwanni 13:34, 35; 15:12, 13, 17.
2 L-appostlu Pietru, li kien preżenti f’dik il-lejla, fehmu l-punt. Snin wara, meta kiteb ftit qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm, Pietru enfasizza l-importanza taʼ l-imħabba. Hu ta parir lill-Kristjani: “Qorob it-tmiem taʼ kollox. . . . Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.” (1 Pietru 4:7, 8) Il-kliem taʼ Pietru għandu ħafna tifsir għal dawk li qed jgħixu matul “l-aħħar jiem” taʼ din is-sistema dinjija. (2 Timotju 3:1) X’inhi l-“imħabba profonda”? Għala huwa importanti li jkollna mħabba bħal din għal oħrajn? U kif nistgħu nuru li għandna din l-imħabba?
“Imħabba Profonda”—X’inhi?
3 Ħafna jaħsbu li l-imħabba hija sentiment li jrid jiġi b’mod naturali. Imma Pietru ma kienx sempliċement qed jitkellem dwar kwalunkwe tip taʼ mħabba; kien qed jitkellem dwar l-imħabba fl-iktar għamla nobbli tagħha. Il-kelma “mħabba” fl-1 Pietru 4:8 hija traduzzjoni tal-kelma Griega agape. Dan it-terminu jfisser imħabba mhix egoista li hija gwidata, jew immexxija, minn prinċipji. Skond xogħol wieħed taʼ referenza, l-imħabba agape tistaʼ tiġi kontrollata minħabba li primarjament din m’hijiex sentiment imma deċiżjoni li twassal lil dak li jkun biex jaġixxi b’ċertu mod. Peress li writna tendenza egoistika, għandna bżonn it-tfakkiriet biex nuru mħabba lejn xulxin, u din nuruha bil-gwida tal-prinċipji li ġejjin minn Alla.—Ġenesi 8:21; Rumani 5:12.
4 Dan ma jfissirx li aħna nħobbu lil xulxin sempliċement għax inħossuna obbligati li nagħmlu hekk. Agape m’hijiex nieqsa mill-affezzjoni u s-sentimenti. Pietru qal li aħna jrid ‘ikollna mħabba profonda [letteralment, “tiġġebbed kemm tiflaħ”] lejn xulxin.’a (Kingdom Interlinear) Madankollu, imħabba bħal din tirrikjedi sforz. Dwar il-kelma Griega tradotta “profonda,” wieħed studjuż jgħid: “Din iġġibilna f’moħħna stampa tal-muskoli t’atleta li jiġġebbdu kemm jifilħu hekk kif l-aħħar ftit saħħa li jkun fadallu jużaha biex itemm il-ġirja.”
5 Għalhekk, l-imħabba tagħna m’għandhiex tkun limitata biex nagħmlu biss dak li jkun faċli jew inkella nuruha biss maʼ ftit nies. L-imħabba Kristjana titlob li nuru l-imħabba anki meta jkun diffiċli li nagħmlu dan. (2 Korintin 6:11-13) Bla dubju, din l-għamla taʼ mħabba hija xi ħaġa li rridu nikkultivaw u naħdmu fuqha, l-istess bħalma atleta jrid jitħarreġ u jaħdem biex jirfina l-abbiltajiet tiegħu. Huwa vitali li jkollna mħabba bħal din bejnietna. Għala? Mill-inqas għal tliet raġunijiet.
Għala Għandna Nħobbu lil Xulxin?
6 L-ewwel, “għax l-imħabba hi minn Alla.” (1 Ġwanni 4:7) Ġeħova, li hu s-Sors taʼ din il-kwalità li tressaqna lejn xulxin, ħabbna l-ewwel. L-appostlu Ġwanni jgħid: “B’dan intweriet limħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.” (1 Ġwanni 4:9) L-Iben t’Alla ‘ntbagħat’ billi sar bniedem, wettaq il-ministeru tiegħu, u miet fuq zokk tat-tortura—dan kollu biex aħna “niksbu l-ħajja.” Kif għandna nwieġbu għal dan l-akbar mod kif Ġeħova esprima mħabbtu? Ġwanni jgħid: “Jekk Alla ħabbna b’dan il-mod, mela aħna għandna l-obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:11) Innota li Ġwanni jikteb, “Jekk Alla ħabbna b’dan il-mod”—mhux biss lilek imma lilna. Il-punt huwa ċar: Jekk Alla jħobb lil sħabna fit-twemmin, mela aħna għandna nħobbuhom ukoll.
7 It-tieni, issa huwa żmien speċjalment vitali biex inħobbu lil xulxin sabiex inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna li huma fil-bżonn għaliex “qorob it-tmiem taʼ kollox.” (1 Pietru 4:7) Aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Il-kundizzjonijiet fid-dinja, diżastri naturali, u l-oppożizzjoni jagħmlulna kollox iktar diffiċli. Meta nsibu ruħna f’ċirkustanzi ebsin, għandna bżonn nersqu saħansitra eqreb lejn xulxin. L-imħabba profonda se tgħaqqadna flimkien u timmotivana biex ‘nieħdu ħsieb xulxin.’—1 Korintin 12:25, 26.
8 It-tielet, għandna bżonn inħobbu lil xulxin għaliex ma rridux ‘nagħtu wisaʼ lix-Xitan’ biex jieħu vantaġġ minna. (Efesin 4:27) Satana malajr juża l-imperfezzjonijiet taʼ sħabna fit-twemmin—id-dgħjufijiet, in-nuqqasijiet, u l-iżbalji tagħhom—bħala ostakli għalina. Se nħallu aħna xi kumment bla ħsieb jew xi azzjoni li ma kellhiex issir iġġagħalna nitbiegħdu mill-kongregazzjoni? (Proverbji 12:18) Żgur li le jekk għandna mħabba profonda lejn xulxin! Imħabba bħal din tgħinna nżommu l-paċi u naqdu lil Alla magħqudin “spalla maʼ spalla.”—Sofonija 3:9, NW.
Kif Turi Li Tħobb Lil Oħrajn
9 Trid tibda turi l-imħabba mid-dar. Ġesù qal li s-segwaċi ġenwini tiegħu kellhom jintgħarfu mill-imħabba li juru lejn xulxin. (Ġwanni 13:34, 35) L-imħabba ma tridx tidher biss fil-kongregazzjoni imma anki fil-familja—bejn l-imseħbin fiż-żwieġ u bejn il-ġenituri u wliedhom. M’huwiex biżżejjed li tħoss l-imħabba għall-membri tal-familja; għandna bżonn nesprimuha b’modi pożittivi.
10 L-imseħbin fiż-żwieġ kif jistgħu juru mħabba lejn xulxin? Raġel li ġenwinament iħobb lil martu juriha bi kliemu u b’għemilu—kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat—li hu jgħożżha. Hu jirrispetta d-dinjità persunali tagħha u jagħti każ il-ħsibijiet, il-fehmiet, u s-sentimenti tagħha. (1 Pietru 3:7) Hu jpoġġi l-interessi tagħha qabel tiegħu, u jagħmel dak kollu li jistaʼ biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet materjali, spiritwali, u emozzjonali tagħha. (Efesin 5:25, 28) Mara li verament tħobb lil żewġha turih “rispett profond,” anki jekk xi drabi ma jwettaqx dak li tkun qed tistenna minnu. (Efesin 5:22, 33) Hi tappoġġa lis-sieħeb tagħha u tkun sottomessa lejh, u mhux titlob affarijiet li m’humiex raġunevoli, imma tikkoopera miegħu biex jibqgħu ffokati fuq affarijiet spiritwali.—Ġenesi 2:18; Mattew 6:33.
11 Ġenituri, kif tistgħu turu mħabba lejn uliedkom? Il-fatt li taħdmu iebes biex tipprovdulhom l-affarijiet materjali huwa turija taʼ l-imħabba tagħkom. (1 Timotju 5:8) Imma t-tfal għandhom bżonn iktar mill-ikel, ħwejjeġ, u fejn joqogħdu. Jekk iridu jsiru jħobbu u jaqdu lill-Alla veru, għandhom bżonn taħriġ spiritwali. (Proverbji 22:6) Dan ifisser li l-membri tal-familja jridu jagħmlu l-ħin biex flimkien jistudjaw il-Bibbja, joħorġu fil-ministeru, u jattendu l-laqgħat Kristjani. (Dewteronomju 6:4-7) Sabiex dawn l-attivitajiet isiru b’mod regulari, hemm bżonn taʼ sagrifiċċju konsiderevoli, speċjalment f’dawn iż-żminijiet kritiċi. It-tħassib u l-isforzi tiegħek biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tat-tfal huma espressjoni taʼ mħabba, għax b’hekk turi li int jinteressak mill-ġid etern tagħhom.—Ġwanni 17:3.
12 Huwa importanti wkoll li l-ġenituri juru mħabba billi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet emozzjonali taʼ wliedhom. It-tfal huma vulnerabbli; il-qlub żgħar tagħhom għandhom bżonn ikunu żguri mill-imħabba tagħkom. Għidulhom li tħobbuhom, u uruhom ħafna affezzjoni, għax meta tesprimu ruħkom b’dan il-mod tkunu qed taċċertawhom li huma taʼ min iħobbhom u li huma taʼ valur. Faħħruhom bil-ħlewwa u minn qalbkom, għax b’hekk huma jindunaw li intom taraw u tapprezzaw l-isforzi tagħhom. Iddixxiplinawhom bl-imħabba, għax korrezzjoni bħal din turihom li intom jinteressakom mit-tip taʼ persuna li qegħdin isiru. (Efesin 6:4) Dawn l-espressjonijiet taʼ mħabba li tant isaħħuna se jgħinu biex tinbena familja magħquda u ferħana li tkun preparata aħjar biex tirreżisti l-pressjonijiet taʼ dawn il-jiem taʼ l-aħħar.
13 L-imħabba tqanqalna biex ma niffokawx fuq in-nuqqasijiet taʼ l-oħrajn. Ftakar li meta Pietru wissa lill-qarrejja tiegħu biex ikollhom “imħabba profonda lejn xulxin,” hu ta r-raġuni għala dan huwa daqshekk importanti: “Għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) Li “tgħatti” d-dnubiet ma jfissirx li ‘taħbi’ dnubiet serji. Dawn għandhom jiġu rapportati b’mod xieraq, u wħud responsabbli fil-kongregazzjoni għandhom jieħdu ħsiebhom. (Levitiku 5:1; Proverbji 29:24) Tkun verament xi ħaġa bla mħabba—u mhux skritturali—li tħalli lil min jidneb b’mod serju jkompli jweġġaʼ jew jittratta ħażin lil uħud innoċenti.—1 Korintin 5:9-13.
14 Fil-biċċa l-kbira mill-każi, l-iżbalji u nnuqqasijiet taʼ sħabna fit-twemmin ma jkunux kbar ħafna. Xi drabi, ilkoll kemm aħna niżbaljaw fi kliemna jew f’dak li nagħmlu, niddiżappuntaw jew anki nweġġgħu lil xulxin. (Ġakbu 3:2) Għandna aħna nkunu pronti biex immorru nxandru n-nuqqasijiet t’oħrajn? Ħaġa bħal din żgur isservi biex toħloq l-inkwiet fil-kongregazzjoni. (Efesin 4:1-3) Jekk aħna mmexxijin mill-imħabba, mhux se noqogħdu ‘nqassu’ fuq aduraturi sħabna. (Salm 50:20) Bħalma l-kisi bil-ġibs u ż-żebgħa jgħattu d-difetti taʼ ħajt, hekk ukoll l-imħabba tgħatti l-imperfezzjonijiet taʼ l-oħrajn.—Proverbji 17:9.
15 L-imħabba se tqanqalna biex ngħinu lil dawk li għandhom ħafna bżonn. Hekk kif il-kundizzjonijiet fl-aħħar jiem ikomplu sejrin lura, jistaʼ jkun hemm drabi meta sħabna fit-twemmin ikollhom bżonn għajnuna materjali jew fiżika. (1 Ġwanni 3:17, 18) Per eżempju, hemm xi membru tal-kongregazzjoni tagħna li nqalatlu xi diffikultà finanzjarja kbira jew li tilef l-impjieg tiegħu? Mela, fil-każ, nistgħu noffru xi ftit għajnuna materjali skond ma jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħna. (Proverbji 3:27, 28; Ġakbu 2:14-17) Hemm xi armla anzjana li għandha bżonn xi manutenzjoni fid-dar? Mela forsi nistgħu nieħdu l-inizjattiva biex ngħinu f’xi parti mix-xogħol li jkun hemm.—Ġakbu 1:27.
16 L-imħabba lejn oħrajn m’hijiex limitata biss għal dawk li joqogħdu qribna. Xi drabi, nistgħu nisimgħu rapporti dwar il-qaddejja t’Alla f’pajjiżi oħra li sfaw vittmi taʼ tempesti qalila, terremoti, jew inkwiet ċivili. Jistgħu jkunu fi bżonn iddisprat għall-ikel, ħwejjeġ, u affarijiet oħra. Ma tagħmilx differenza jekk ikunu minn razza jew grupp etniku ieħor. Aħna ‘nħobbu l-fratellanza kollha.’ (1 Pietru 2:17) Għalhekk, bħall-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu, aħna ħerqanin biex nappoġġaw ix-xogħol li jiġi organizzat biex tingħata l-għajnuna. (Atti 11:27-30; Rumani 15:26) Meta nuru l-imħabba b’dawn il-modi kollha, aħna nsaħħu r-rabta li tgħaqqadna f’dawn l-aħħar jiem.—Kolossin 3:14.
17 L-imħabba tqanqalna biex naqsmu l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla m’oħrajn. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù. Għalfejn kien jippriedka u jgħallem? Hu ‘tħassar’ lill-folol minħabba l-kundizzjoni spiritwali fqira li kienu jinsabu fiha. (Marku 6:34) Huma kienu ġew traskurati u mmexxija ħażin mir-rgħajja reliġjużi foloz li suppost kellhom jgħallmuhom veritajiet spiritwali u jagħtuhom tama. Għalhekk, b’qalbu mqanqla bi mħabba u mogħdrija profondi, Ġesù farraġ lin-nies bl-“aħbar tajba tas-saltna t’Alla.”—Luqa 4:16-21, 43.
18 Illum, ukoll, ħafna nies ġew traskurati u mmexxijin ħażin spiritwalment u m’għandhomx tama. Jekk aħna, bħal Ġesù, inkunu sensittivi għall-bżonnijiet spiritwali taʼ dawk li għadhom ma jafux lill-Alla veru, imbagħad se nkunu mqanqlin mill-imħabba u l-mogħdrija biex naqsmu magħhom l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. (Mattew 6:9, 10; 24:14) Meta nqisu l-ftit żmien li fadal, qatt ma kien urġenti daqs illum li nippridkaw dan il-messaġġ li jsalva l-ħajjiet.—1 Timotju 4:16.
“Qorob it-Tmiem taʼ Kollox”
19 Ftakar li qabel ma ta l-parir biex inħobbu lil xulxin, Pietru beda bil-kliem: “Qorob it-tmiem taʼ kollox.” (1 Pietru 4:7) Din id-dinja mill-agħar dalwaqt se titneħħa biex tagħmel wisaʼ għad-dinja ġdida u ġusta t’Alla. (2 Pietru 3:13) Għalhekk, issa m’huwiex iż-żmien li nħossuna kuntenti b’din il-ħajja. Ġesù wissiena: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.”—Luqa 21:34, 35.
20 Mela akkost taʼ kollox, ejja ‘nibqgħu għassa,’ u nibqgħu konxji taż-żmien li qed ngħixu fih. (Mattew 24:42) Ejja noqogħdu għassa għal kull tentazzjoni taʼ Satana li tistaʼ taljenana. Ħalli qatt ma nħallu din id-dinja bierda u bla mħabba tfixkilna milli nuru l-imħabba m’oħrajn. Fuq kollox, ejja nersqu eqreb lejn l-Alla veru, Ġeħova, li dalwaqt se jwettaq l-iskop glorjuż li għandu għall-art permezz tas-Saltna Messjanika tiegħu.—Rivelazzjoni 21:4, 5.
[Nota taʼ taħt]
a Fl-1 Pietru 4:8, traduzzjonijiet oħra tal-Bibbja jgħidu li għandna nħobbu lil xulxin “sinċerament,” “intensament,” jew “kollna ħeġġa.”
MISTOQSIJIET TAʼ STUDJU
• Ġesù liema parir ta lid-dixxipli tiegħu qabel telaq, u x’juri li Pietru fehem il-punt? (Pari. 1-2)
• L-“imħabba profonda” x’inhi? (Pari. 3-5)
• Għala għandna nħobbu lil xulxin? (Pari. 6-8)
• Kif tistaʼ turi li tħobb lil oħrajn? (Pari. 9-18)
• Għala dan m’huwiex iż-żmien biex inkunu kuntenti b’din il-ħajja, u xi rridu nkunu determinati li nagħmlu? (Pari. 19-20)
[Stampa f’paġna 29]
Familja magħquda tkun preparata aħjar biex tirreżisti l-pressjonijiet taʼ dawn il-jiem taʼ l-aħħar
[Stampa f’paġna 30]
L-imħabba se tqanqalna biex ngħinu lil dawk li għandhom ħafna bżonn
[Stampa f’paġna 31]
Huwa att taʼ mħabba li naqsmu l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla m’oħrajn