Kunu Qarrejja Henjin tal-Ktieb t’Apokalissi
“Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem taʼ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub.”—APOKALISSI 1:3.
1. F’liema ċirkustanzi kien l-appostlu Ġwanni meta kiteb il-ktieb t’Apokalissi, u dawn il-viżjonijiet għal liema skop ġew imniżżlin bil-miktub?
“JIENA, Ġwanni, . . . sibt ruħi fil-gżira jisimha Patmos minħabba l-Kelma taʼ Alla u x-xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 1:9) Dawn kienu ċ-ċirkustanzi li fihom l-appostlu Ġwanni kiteb il-ktieb t’Apokalissi, jew Rivelazzjoni. Ħafna jaħsbu li hu ġie eżiljat lejn Patmos matul il-ħakma taʼ l-Imperatur Ruman Domizjanu (81-96 E.K.), li inforza l-qima lejn l-imperatur u sar persekutur tal-Kristjani. Waqt li Ġwanni kien Patmos, hu rċieva serje taʼ viżjonijiet li niżżilhom bil-miktub. Dawn ma rrakkontahomx biex iwerwer lill-Kristjani tal-bidu, imma biex isaħħaħhom, ifarraġhom, u jinkuraġġihom minħabba l-provi li kienu għaddejjin minnhom u dawk li kienu għad iridu jiġu fuqhom.—Atti 28:22; Apokalissi 1:4; 2:3, 9, 10, 13.
2. Is-sitwazzjoni li kienu fiha Ġwanni u l-Kristjani sħabu għala hija taʼ interess għall-Kristjani li qed jgħixu llum?
2 Iċ-ċirkustanzi li fihom inkiteb dan il-ktieb Bibliku huma sinjifikanti ferm għall-Kristjani li qed jgħixu llum. Ġwanni kien għaddej mill-persekuzzjoni għaliex kien xhud għal Jehovah u għal Ibnu, Kristu Ġesù. Kemm hu u kemm il-Kristjani sħabu kienu qed jgħixu f’ambjent ostili għaliex, filwaqt li huma kienu qed jagħmlu ħilithom biex ikunu ċittadini tajbin, ma setgħu qatt jipprattikaw il-qima lejn l-imperatur. (Luqa 4:8) F’ċerti pajjiżi llum, il-Kristjani veri jinsabu f’sitwazzjoni simili, fejn l-Istat jassumi d-dritt li jiddetermina hu x’inhu aċċettabbli reliġjożament billi jibbaża dan fuq attitudnijiet u opinjonijiet reliġjużi kurrenti. Għalhekk, kemm ifarraġna dan il-kliem li hemm fl-introduzzjoni tal-ktieb t’Apokalissi: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem taʼ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!” (Apokalissi 1:3) Iva, qarrejja attenti u ubbidjenti t’Apokalissi jistgħu jsibu l-hena veru u jirċievu ħafna barkiet.
3. Min hu s-Sors tar-Rivelazzjoni li ngħatat lil Ġwanni?
3 Min hu s-Sors oriġinali tar-Rivelazzjoni, u liema mezz taʼ komunikazzjoni jintuża sabiex din tiġi trasmessa? L-ewwel vers jgħidilna: “Ir-Rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-anġlu tiegħu jfissirha lill-qaddej tiegħu Ġwanni.” (Apokalissi 1:1) Fi kliem sempliċi, is-Sors attwali tar-Rivelazzjoni hu Alla Jehovah, li taha lil Ġesù, u Ġesù, permezz t’anġlu, għaddieha lil Ġwanni. Jekk inkomplu niflu ftit bir-reqqa nsibu li Ġesù uża wkoll l-ispirtu qaddis biex iwassal messaġġi lill-kongregazzjonijiet u biex jagħti viżjonijiet lil Ġwanni.—Apokalissi 2:7, 11, 17, 29; 3:6, 13, 22; 4:2; 17:3; 21:10; qabbel Atti 2:33.
4. Jehovah liema mezz għadu juża llum biex imexxi lin-nies tiegħu fuq l-art?
4 Jehovah għadu juża lil Ibnu, il-“kap tal-kongregazzjoni,” biex jgħallem lill-qaddejja tiegħu fuq l-art. (Efesin 5:23, NW; Isaija 54:13; Ġwann 6:45) Jehovah juża wkoll l-ispirtu tiegħu biex jistruwixxi lill-poplu tiegħu. (Ġwann 15:26; 1 Korintin 2:10) U sewwa sew bħalma Ġesù uża “lill-qaddej tiegħu Ġwanni” biex jgħaddi ikel spiritwali li jsostni lill-kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu, hekk ukoll illum, hu qed juża lill-“ilsir leali u diskret,” li hu magħmul minn ‘ħutu’ midlukin hawn fuq l-art, biex jagħti “l-ikel [spiritwali] . . . fiż-żmien xieraq” lin-nies taʼ daru u lil sħabhom. (Mattew 24:45-47, NW; Mattew 25:40) Henjin huma dawk li jirrikonoxxu s-Sors taʼ “kull ħaġa tajba” li nirċievu f’dak li hu ikel spiritwali kif ukoll il-mezz taʼ komunikazzjoni li Hu qed juża.—Ġakbu 1:17.
Kongregazzjonijiet taħt id-Direzzjoni taʼ Kristu
5. (a) Il-kongregazzjonijiet Kristjani u l-indokraturi tagħhom maʼ xiex inhuma mxebbhin? (b) Minkejja l-imperfezzjoni umana, liema ħaġa se tikkontribwixxi għall-hena tagħna?
5 Fil-kapitli tal-bidu t’Apokalissi, il-kongregazzjonijiet Kristjani huma mxebbhin maʼ kandelabri. L-indokraturi tagħhom huma mxebbhin m’anġli (messaġġiera) u maʼ kwiekeb. (Apokalissi 1:20)a Waqt li rrefera għalih innifsu, Kristu qal lil Ġwanni biex jikteb: “Dan jgħidlek Dak li għandu s-sebaʼ kwiekeb f’idu l-leminija; Dak li jimxi fost is-sebaʼ kandelabri tad-deheb.” (Apokalissi 2:1) Is-sebaʼ messaġġi li ntbagħtu lis-sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-Asja juru li fl-ewwel seklu E.K., il-kongregazzjonijiet u l-anzjani tagħhom kellhom it-tajjeb tagħhom u d-dgħjufijiet tagħhom. Is-sitwazzjoni llum hija l-istess. Għalhekk, aħna se nkunu ferm iktar henjin jekk qatt ma nwarrbu minn quddiem għajnejna l-fatt li Kristu, il-Kap tagħna, qiegħed f’nofs il-kongregazzjonijiet. Hu jaf eżattament x’qed jiġri. L-indokraturi b’mod simboliku qegħdin “f’idu l-leminija,” jiġifieri, taħt il-kontroll u d-direzzjoni tiegħu u jridu jagħtu kont lilu għall-mod li bih qed jirgħu il-kongregazzjonijiet.—Atti 20:28; Lhud 13:17.
6. X’juri li l-indokraturi m’humiex l-uniċi nies li jridu jagħtu kont lil Kristu?
6 Madankollu, inkunu qed inqarrqu bina nfusna jekk naħsbu li l-indokraturi biss iridu jagħtu kont lil Kristu taʼ l-għemejjel tagħhom. F’wieħed mill-messaġġi tiegħu, Kristu qal: “Ħalli jkunu jafu . . . [“l-kongregazzjonijiet,” NW] kollha li jiena hu dak li jifli l-ġewwieni u l-qalb u li jagħti lil kull wieħed minnkom skond ma ħaqqu għall-opri tiegħu.” (Apokalissi 2:23) Dan huwa twissija u inkuraġġiment fl-istess ħin—twissija li Kristu jaf il-motivi li għandna mnaqqxin fil-fond, u inkuraġġiment għaliex jassigurana li Kristu jaf bl-isforzi li qed nagħmlu u se jberikna jekk aħna nagħmlu kulma nistgħu.—Mark 14:6-9; Luqa 21:3, 4.
7. Il-Kristjani ġewwa Filadelfja kif kienu ‘żammew il-kelma dwar l-issaportar taʼ Ġesù’?
7 Il-messaġġ taʼ Kristu lill-kongregazzjoni fil-belt taʼ Filadelfja, ġewwa Lidja, ma fih ebda ċanfira, imma fil-fatt fih wegħda li għandha tkun taʼ interess kbir għalina. “Talli int . . . [“żammejt il-kelma dwar l-issaportar tiegħi,” NW], jiena wkoll inħares lilek mis-siegħa tat-tiġrib li ġejja fuq id-dinja kollha biex iġġarrab lil kull min jgħammar fl-art.” (Apokalissi 3:10) Bil-Grieg, “żammejt il-kelma dwar l-issaportar tiegħi” jistaʼ jfisser ukoll “ħarist dak li għedt jien dwar l-issaportar.” Vers 8 jissuġġerixxi li l-Kristjani taʼ Filadelfja mhux talli kienu obdew il-kmandi taʼ Kristu imma talli kienu segwew il-parir tiegħu biex huma stess jissaportu bil-fedeltà.—Mattew 10:22; Luqa 21:19.
8. (a) Ġesù liema wegħda għamlilhom lill-Kristjani taʼ Filadelfja? (b) Illum min hu effettwat mis-“siegħa tat-tiġrib”?
8 Ġesù żied li hu kellu jħarishom mis-“siegħa tat-tiġrib.” Aħna ma nafux eżattament dan x’kien ifisser għal dawk il-Kristjani lura f’dak iż-żmien. Għalkemm il-persekuzzjoni ċediet xi ftit wara l-mewt taʼ Domizjanu fis-sena 96 E.K., ma damitx ma bdiet mewġa oħra taʼ persekuzzjoni taħt Trajanu (98-117 E.K.), li bla dubju ġabet magħha iktar provi. Imma l-akbar “siegħa tat-tiġrib” isseħħ “f’jum il-Mulej” matul iż-“żmien taʼ l-aħħar,” li fih ninsabu aħna bħalissa. (Apokalissi 1:10; Danjel 12:4) Il-Kristjani midlukin bl-ispirtu għaddew minn żmien partikulari taʼ ttestjar matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u immedjatament kif spiċċat. Iżda, is-“siegħa tat-tiġrib” għadha għaddejja. Din teffettwa lid-“dinja kollha,” inkluż il-miljuni li jifformaw il-kotra kbira, li għandhom it-tama li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira. (Apokalissi 3:10; 7:9, 14) Kemm se nkunu henjin jekk ‘inħarsu dak li Ġesù qal dwar is-sabar,’ jiġifieri: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.”—Mattew 24:13.
Sottomissjoni Hienja lejn is-Sovranità taʼ Jehovah
9, 10. (a) Il-viżjoni tat-tron taʼ Jehovah b’liema modi għandha teffettwana? (b) Il-qari tagħna t’Apokalissi kif se jikkontribwixxi għall-hena tagħna?
9 Il-viżjoni li tingħata f’Apokalissi kapitli 4 u 5 tat-tron taʼ Jehovah u taʼ dak kollu li hemm madwaru għandha timlina bi stagħġib kbir. Għandna nibqgħu impressjonati bl-espressjonijiet sinċieri taʼ tifħir li jgħidu dawn il-ħlejjaq ċelestjali potenti hekk kif jissottomettu ruħhom bil-ferħ għas-sovranità taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Apokalissi 4:8-11) Il-vuċijiet tagħna għandhom jinstemgħu fost dawk li qed jgħidu: “Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf, jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma, għal dejjem taʼ dejjem.”—Apokalissi 5:13.
10 B’mod prattiku, dan ifisser li nkunu ferħanin li nissottomettu ruħna għar-rieda taʼ Jehovah f’kollox. L-appostlu Pawlu kiteb: “Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.” (Kolossin 3:17) Il-qari tagħna t’Apokalissi se jagħmilna verament henjin jekk fil-profond taʼ moħħna u qalbna nirrikonoxxu s-sovranità taʼ Jehovah u nikkunsidraw ir-rieda tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjitna.
11, 12. (a) Is-sistema dinjija taʼ Satana kif se titheżżeż u tinqered? (b) Skond Apokalissi kapitlu 7, min se jkun “jiflaħ iżomm” f’dak iż-żmien?
11 Il-bażi għall-hena fuq livell persunali u fuq livell universali hija sottomissjoni hienja lejn is-sovranità taʼ Jehovah. Dalwaqt, terremot kbir simboliku se jheżżeż is-sistema dinjija taʼ Satana mis-sisien tagħha u jeqridha. Ma se jkun hemm ebda post taʼ kenn għall-bnedmin li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-gvern tas-Saltna tas-sema f’idejn Kristu, li jirrappreżenta s-sovranità leġittima t’Alla. Il-profezija tistqarr: “Is-slaten taʼ l-art, il-kapijiet, il-mexxejja l-kbar, l-għonja, is-setgħana u l-ilsiera u l-ħielsa kollha, marru jinħbew fl-għerien u qalb il-blat tal-muntanji, u bdew jgħidu lill-muntanji u lill-blat: ‘Ordmuna u aħbuna minn wiċċ dak li hemm bilqiegħda fuq it-tron u mill-korla tal-Ħaruf, għax wasal il-Jum il-Kbir tal-korla tagħhom! U min jiflaħ iżomm?’”—Apokalissi 6:12, 15-17.
12 F’konnessjoni maʼ din il-mistoqsija, fil-kapitlu li jmiss l-appostlu Ġwanni jiddeskrivi lil dawk li jifformaw il-kotra kbira, li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira, bħala li huma “weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” (Apokalissi 7:9, 14 [NW], Apokalissi 7:15) Il-fatt li jinsabu weqfin quddiem it-tron t’Alla juri li huma jirrikonoxxu dak it-tron u jissottomettu ruħhom għalkollox lejn is-sovranità taʼ Jehovah. Għalhekk, huma approvati minnu.
13. (a) Lil min iqimu l-maġġuranza taʼ l-abitanti taʼ l-art, u x’inhu simbolizzat mill-marka fuq ġbinhom jew fuq idhom? (b) Allura għala se jkun hemm bżonn li nissaportu?
13 Mill-banda l-oħra, kapitlu 13 juri l-bqija taʼ l-abitanti taʼ l-art bħala li qed iqimu lis-sistema politika taʼ Satana, simbolizzata minn bhima salvaġġa. Huma jirċievu marka fuq ‘ġbinhom’ jew fuq ‘idhom,’ li turi l-appoġġ mentali u fiżiku tagħhom għal din is-sistema. (Apokalissi 13:1-8, 16, 17) Imbagħad, kapitlu 14 iżid: “Min jinxteħet iqim il-Bhima [“salvaġġa,” NW] u x-xbieha tagħha u jieħu l-marka fuq ġbinu jew fuq idu, hu wkoll jixrob mill-inbid tal-korla taʼ Alla li hemm imferragħ safi fit-tazza tal-qilla tiegħu . . . F’dan qiegħed is-sabar [“l-issaportar,” NW] tal-qaddisin, taʼ dawk li jħarsu l-preċetti taʼ Alla u l-fidi f’Ġesù.” (Apokalissi 14:9, 10, 12) Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar se tqum il-mistoqsija: Int lil min tappoġġa? Lil Jehovah u s-sovranità tiegħu jew lis-sistema politika li tiċħad lil Alla simbolizzata mill-bhima salvaġġa? Henjin se jkunu dawk li jevitaw li jirċievu l-marka tal-bhima u li jissaportu lealment waqt li jissottomettu ruħhom lejn is-sovranità taʼ Jehovah.
14, 15. Liema messaġġ jinterrompi d-deskrizzjoni t’Apokalissi dwar Armageddon, u b’liema tifsira għalina?
14 Il-ħakkiema tad-“dinja kollha” resqin bil-ħeffa lejn konfrontazzjoni maʼ Jehovah dwar il-kwistjoni tas-sovranità. Il-quċċata se tkun Armageddon, il-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 16:14, 16) Eżatt f’nofs id-deskrizzjoni tal-ġbir tal-ħakkiema dinjin għall-gwerra kontra Jehovah nsibu rimarka interessanti ferm. Ġesù nnifsu jinterrompi l-viżjoni biex jgħid: “Arani ġej bħal ħalliel! Hieni min jishar u jieħu ħsieb l-ilbiesi tiegħu biex ma jimxix għarwien u jarawlu l-għera tiegħu.” (Apokalissi 16:15) Dan għandu mnejn jalludi għall-għassiesa tat-tempju Leviti li lbieshom kien jiġi mċarrat minn fuqhom u kienu jiġu avveliti pubblikament jekk jinstabu reqdin matul l-għassa tagħhom.
15 Il-messaġġ huwa ċar: Jekk irridu nsalvaw f’Armageddon, irridu nibqgħu mqajmin spiritwalment u nżommu fuqna l-ilbies simboliku li jidentifikana bħala Xhieda leali t’Alla Jehovah. Henjin se nkunu aħna jekk nevitaw li nitħeddlu spiritwalment u nkomplu għaddejjin bla waqfien, waqt li nieħdu sehem b’mod żeluż f’li nxerrdu l-“Evanġelju taʼ dejjem” dwar is-Saltna stabbilita t’Alla.—Apokalissi 14:6.
‘Hieni Min Iħares Dawn il-Kelmiet’
16. L-aħħar kapitli t’Apokalissi għala huma raġuni partikulari għall-hena?
16 Il-qarrejja henjin tal-ktieb t’Apokalissi għandhom għalfejn jitqanqlu bil-ferħ hekk kif jaqraw l-aħħar kapitli, li jiddeskrivu t-tama glorjuża tagħna—sema ġdid u art ġdida, jiġifieri, gvern tas-Saltna mimli tjieba li jaħkem mis-sema fuq soċjetà umana ġdida u mnaddfa, u dan kollu għat-tifħir taʼ dak “Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 21:22) Malli spiċċat is-serje taʼ viżjonijiet taʼ l-għaġeb, il-messaġġier anġeliku qal lil Ġwanni: “Dawn il-kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom: il-Mulej stess, Alla taʼ . . . [“l-espressjonijiet imnebbħin,” NW] tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija taʼ dan il-ktieb.”—Apokalissi 22:6, 7.
17. (a) Liema assiguranza tingħata f’Apokalissi 22:6? (b) Liema affarijiet għandna noqogħdu attenti biex nevitaw?
17 Il-qarrejja henjin t’Apokalissi se jiftakru li kliem simili għal dan deher fil-bidu tal-“ktieb.” (Apokalissi 1:1, 3) Dan il-kliem jassigurana li “dak” kollu li hu profetizzat f’dan l-aħħar ktieb tal-Bibbja se “jiġri ma jdumx.” Aħna tant dħalna sew fiż-żmien tat-tmiem li l-ġrajjiet konnessi miegħu mbassrin f’Apokalissi bilfors iridu jseħħu dalwaqt waħda wara l-oħra bil-ħeffa. Għalhekk, tidher kemm tidher li hi stabbli s-sistema taʼ Satana, m’għandniex inħallu dan ibenninna biex norqdu. Il-qarrej attent se jiftakar it-twissijiet mogħtijin fil-messaġġi mibgħutin lis-sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-Asja u se jevita n-nases tal-materjaliżmu, l-idolatrija, l-immoralità, il-bruda, u s-settarjaniżmu apostat.
18, 19. (a) Ġesù għala għad irid jiġi, u f’liema tama li esprima Ġwanni għandna sehem aħna? (b) Jehovah għal liema skop għad irid ‘jiġi’?
18 Fil-ktieb t’Apokalissi, Ġesù jħabbar diversi drabi: “Dalwaqt niġi.” (Apokalissi 2:16; 3:11; 22:7, 20a) Hu għad irid jiġi biex jesegwixxi ħaqq fuq Babilonja l-Kbira, fuq is-sistema politika taʼ Satana, u fuq il-bnedmin kollha li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom lejn is-sovranità taʼ Jehovah, li bħalissa hi espressa permezz tas-Saltna Messjanika. Aħna ningħaqdu b’vuċi waħda maʼ l-appostlu Ġwanni, li esklama: “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!”—Apokalissi 22:20b.
19 Jehovah nnifsu jistqarr: “Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli nrodd lil kull wieħed skond ma ħaqqu għal għemilu.” (Apokalissi 22:12) Waqt li nistennew il-premju glorjuż taʼ ħajja bla tmiem bħala parti mis-“sema ġdid” jew mill-“art ġdida” mwegħdin, jalla nestendu din l-istedina b’żelu kbir lin-nies kollha taʼ qalb onesta: “‘Ejja!’ U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apokalissi 22:17) Jalla dawn ukoll isiru qarrejja henjin tal-ktieb t’Apokalissi, il-ktieb ispirat li jqanqal l-ispirazzjoni!
[Nota taʼ taħt]
a Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 28-9, 136 (nota taʼ taħt).
Punti għal Reviżjoni
◻ Jehovah liema mezz taʼ komunikazzjoni uża biex jittrasmetti r-Rivelazzjoni, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
◻ Għala għandna nkunu henjin li naqraw il-messaġġi mibgħutin lis-sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-Asja?
◻ Kif nistgħu niġu protetti matul is-“siegħa tat-tiġrib”?
◻ X’hena se jkollna jekk nosservaw il-kliem tal-ktieb li fih ir-Rivelazzjoni?
[Stampa f’paġna 15]
Henjin huma dawk li jirrikonoxxu s-Sors tal-bxajjar taʼ ferħ
[Stampa f’paġna 18]
Hieni hu min jishar