LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa—1993 | Jannar 1
    • Il-​Manjiera tar-​Ritorn taʼ Kristu

      3. Ħafna nies x’jemmnu dwar ir-​ritorn taʼ Kristu?

      3 Skond il-​ktieb An Evangelical Christology, “it-​tieni miġja jew ir-​ritorn taʼ Kristu (parousia) tistabbilixxi s-​saltna t’Alla, finalment, bil-​miftuħ, u għall-​eternità.” Bosta jemmnu li r-​ritorn taʼ Kristu se jkun jidher bil-​miftuħ, viżibbli b’mod litterali għal kulħadd fuq il-​pjaneta. Biex jappoġġaw lil din l-​idea, ħafna jippontaw lejn Rivelazzjoni 1:7, li jaqra: “Ħares! Hu ġej mas-​sħab, u kull għajn se tarah, u dawk li nifduh.” Imma għandu dan il-​vers jittieħed b’mod litterali?

      4, 5. (a) Kif nafu li Rivelazzjoni 1:7 ma jfissirx f’sens litterali? (b) Kliem Ġesù stess kif jikkonferma din il-​fehma?

      4 Ftakar li l-​ktieb taʼ Rivelazzjoni hu ppreżentat “b’sinjali.” (Rivelazzjoni 1:1) Dan il-​passaġġ, allura, irid ikun simboliku; wara kollox, kif jistgħu “dawk li nifduh” jaraw ir-​ritorn taʼ Kristu? Ilhom mejtin kważi 20 seklu! Iktar minn hekk, l-​anġli qalu li Kristu kellu jirritorna “bl-​istess manjiera” li biha telaq. Sewwa, kif telaq hu? B’miljuni jħarsu? Le, kienu biss ftit uħud leali li raw il-​ġrajja sseħħ. U meta kellmuhom l-​anġli, kienu l-​appostli litteralment qegħdin jaraw il-​vjaġġ taʼ Kristu tul triqtu lejn is-​sema? Le, sħaba għattiet lil Ġesù mill-​vista tagħhom. F’xi ħin wara dan, hu żgur li daħal fis-​smewwiet tal-​ispirtu bħala esseri spirtu, inviżibbli għall-​għajnejn umani. (1 Korintin 15:50) Mela, l-​iktar l-​iktar, l-​appostli raw biss il-​bidu tal-​vjaġġ taʼ Ġesù; ma setgħux joqogħdu jaraw it-​tmiem tiegħu, ir-​ritorn tiegħu lejn il-​preżenza taʼ Missieru, Jehovah, fis-​sema. Dan huma setgħu jagħrfuh biss bil-​għajnejn tal-​fidi tagħhom.—Ġwann 20:17.

      5 Il-​Bibbja tgħallem li Ġesù jirritorna b’mod li jixtiebah ferm. Ġesù nnifsu qal ftit qabel mewtu: “Ftit ieħor u d-​dinja ma tilmaħnix iżjed.” (Ġwann 14:19) Hu qal ukoll li “s-​saltna t’Alla mhix ġejja b’osservanza impressjonanti.” (Luqa 17:20) F’liema sens, allura, “kull għajn se tarah”? Biex inwieġbu, l-​ewwel għandna bżonn li nifhmu b’mod ċar il-​kelma li Ġesù u s-​segwaċi tiegħu wżaw f’konnessjoni mar-​ritorn tiegħu.

      6. (a) Kliem bħal “ritorn,” “wasla,” avvent,” u “miġja” għala mhux adegwat biex jittraduċi l-​kelma Griega pa·rou·siʹa? (b) X’juri li l-​pa·rou·siʹa, jew il-​“preżenza,” iddum sejra ferm iktar minn xi sempliċi ġrajja momentarja?

      6 Il-​fatt hu li Kristu se jagħmel iktar milli sempliċement “jirritorna.” Dik il-​kelma, bħal “miġja,” “wasla,” jew “avvent,” timplika ġrajja singulari f’mument qasir ferm taʼ żmien. Imma l-​kelma Griega wżata minn Ġesù u mis-​segwaċi tiegħu tfisser ferm iktar. Il-​kelma hija pa·rou·siʹa, li litteralment tfisser “li tkun biswit” jew “preżenza.” Il-​biċċa l-​kbira tal-​istudjużi jaqblu li din il-​kelma tinkorpora mhux biss wasla imma wkoll il-​preżenza li tiġi wara—bħal fil-​każ taʼ żjara Statali minn xi persunaġġ irjali. Din il-​preżenza mhix xi ġrajja momentarja; hija era speċjali, perijodu mmarkat taʼ żmien. F’​Mattew 24:37-39, Ġesù qal li “l-​preżenza [pa·rou·siʹa] taʼ Bin il-​bniedem” kellha tkun bħal “jiem Noè” li laħqu l-​quċċata bid-​Dulluvju. Noè kien ilu jibni l-​arka u jwissi lill-​ħżiena għal għexur taʼ snin qabel wasal id-​Dulluvju u kines lil dik is-​sistema dinjija korrotta. Bl-​istess mod, allura, il-​preżenza inviżibbli taʼ Kristu ddum tul perijodu taʼ għexur taʼ snin qabel ma hi wkoll tilħaq il-​quċċata tagħha b’qerda kbira.

      7. (a) Xi prova hemm li l-​pa·rou·siʹa, mhix viżibbli għall-​għajnejn umani? (b) Kif u meta se jitwettqu dawk l-​iskritturi li jiddeskrivu r-​ritorn taʼ Kristu bħala viżibbli għal “kull għajn”?

      7 Bla dubju, il-​pa·rou·siʹa mhix viżibbli b’mod litterali għall-​għajnejn umani. Kieku kien hekk, Ġesù għala qattaʼ tant ħin, bħalma se naraw, jagħti lis-​segwaċi tiegħu sinjal biex igħinhom jagħrfu din il-​preżenza tiegħu?a Madankollu, meta Kristu jiġi biex jeqred lis-​sistema dinjija taʼ Satana, il-​fatt tal-​preżenza tiegħu se tkun li jinduna bih kulħadd b’mod li jispikka. Ikun imbagħad li “kull għajn se tarah.” Saħansitra l-​opponenti taʼ Ġesù se jkollhom jagħrfu, b’diżappunt għalihom, li r-​renju taʼ Kristu huwa ħaġa reali.—Ara Mattew 24:30; 2 Tessalonkin 2:8; Rivelazzjoni 1:5, 6.

  • Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa—1993 | Jannar 1
    • a Lura fl-​1864 it-​teologu R. Govett poġġieha b’dan il-​mod: “Għalija dan jidher deċiżiv ferm. Il-​għoti taʼ sinjal tal-​Preżenza juri li dan hu sigriet. Ma neħtieġu ebda sinjal biex jagħmel magħrufa l-​preżenza taʼ xi ħaġa li naraw.”

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja