LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/1 pp. 9-14
  • “Bxajjar taʼ Ferħ” mill-Apokalissi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Bxajjar taʼ Ferħ” mill-Apokalissi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Proklamaturi taʼ Bxajjar taʼ Ferħ
  • Dak li Nitgħallmu minn Apokalissi
  • Il-​Ħaruf Jistħoqqlu Ġieħ
  • ‘Il-​Ġudizzji Tiegħu Huma Veri u Ġusti’
  • Ir-​Renju Millennjali Glorjuż
  • Kunu Qarrejja Henjin tal-Ktieb t’Apokalissi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Il-ktieb tar-Rivelazzjoni—Xi jfisser?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Ġenna tal-Art mill-Ġdid!
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Ħelsien fir-Rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/1 pp. 9-14

“Bxajjar taʼ Ferħ” mill-​Apokalissi

“Rajt anġlu ieħor qiegħed itir f’nofs is-​sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem x’jiddikjara bħala bxajjar taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art.”—RIVELAZZJONI 14:6, NW.

1. Filwaqt li x-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li l-​ktieb t’Apokalissi huwa ispirat, dawn għala m’humiex xi “setta apokalittika”?

KUNTRARJU għall-​akkużi miġjubin kontrihom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah m’humiex xi “setta apokalittika” jew “kult taʼ l-​aħħar tad-​dinja.” Madankollu, huma fil-​fatt jaċċettaw l-​Apokalissi, jew il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, bħala parti mill-​Kelma ispirata t’Alla. Veru, ħadd ma jistaʼ jiċħad il-​fatt li Apokalissi fih messaġġi taʼ ġudizzju kontra l-​ħżiena. Imma fix-​xogħol tagħhom taʼ għoti taʼ xiehda, il-​qaddejja t’Alla jiffokaw prinċipalment fuq it-​tama taʼ l-​għaġeb li toffri l-​Bibbja, inkluż dik li tinstab fl-​Apokalissi jew Rivelazzjoni. B’hekk, ma jżidu jew inaqqsu xejn mill-​kliem profetiku li jinstab hemmhekk.—Apokalissi 22:18, 19.

Proklamaturi taʼ Bxajjar taʼ Ferħ

2. Liema huma xi skritturi li taʼ spiss jużaw ix-​Xhieda taʼ Jehovah fix-​xogħol tagħhom taʼ l-​ippridkar?

2 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss jikkwotaw din l-​istqarrija taʼ Ġesù bħala bażi Skritturali għall-​ministeru pubbliku tagħhom: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna . . . [‘jiġi proklamat,’ NW, nota taʼ taħt] fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) U x’inhu “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna”? Bosta Xhieda jwieġbu billi jikkwotaw versi minn Apokalissi kapitlu 20 u 21 li jirreferu għar-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu u għall-​gvern tas-​Saltna tiegħu u għas-​soċjetà umana, fejn mhux se jkun hemm mewt, biki, u tbatija “iżjed.”—Apokalissi 20:6; 21:1, 4.

3. Il-​ministeru pubbliku tax-​Xhieda taʼ Jehovah maʼ liema missjoni jikkorrispondi?

3 Bħala proklamaturi taʼ dawn il-​bxajjar taʼ ferħ, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​fatt qed iservu taʼ strument biex iwasslu l-​kliem tal-​messaġġier simboliku tas-​sema li l-​missjoni tiegħu hija deskritta wkoll f’Apokalissi. “Rajt anġlu ieħor qiegħed itir f’nofs is-​sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem x’jiddikjara bħala bxajjar taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6, NW) L-​“aħbar tajba taʼ dejjem” tinkludi t-​tħabbira li “s-​saltniet [jew, il-​ħakma] taʼ din id-​dinja saru s-​saltniet taʼ Sidna, u taʼ Kristu tiegħu” u li kien wasal il-​“waqt” taʼ Jehovah biex ‘jeqred lil dawk li jeqirdu l-​art.’ (Rivelazzjoni 11:15, 17, 18, KŻ) M’hijiex din verament aħbar tajba?

Dak li Nitgħallmu minn Apokalissi

4. (a) Liema veritajiet fundamentali huma msemmijin f’kapitlu 1 t’Apokalissi? (b) X’inhu meħtieġ minn dawk li jixtiequ jibbenefikaw mill-​bxajjar taʼ ferħ?

4 L-​ewwel kapitlu tal-​ktieb t’Apokalissi jiftaħ billi jippreżenta lil Jehovah bħala “‘l-​Alfa’ u ‘l-​Omega’, . . . li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jistaʼ kollox.” U jippreżenta lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala x-​“[X]hud . . . [“Leali,” NW],” il-​“Kbir fost il-​mejtin,” u l-​“Prinċep tas-​slaten tad-​dinja.” Jitkellem ukoll dwar Ġesù bħala “Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-​saħħa taʼ demmu.” (Apokalissi 1:5, 8) B’hekk, mill-​bidunett, Apokalissi jistqarr veritajiet fundamentali li jsalvaw il-​ħajja. “Dawk li jgħammru fuq l-​art” m’humiex se jibbenefikaw mill-​bxajjar taʼ ferħ li jingħatawlhom jekk ma jirrikonoxxux is-​sovranità taʼ Jehovah, ma jpoġġux fidi fid-​demm imxerred taʼ Ġesù, u ma jemmnux li Jehovah rxoxtah u li Kristu issa hu l-​Ħakkiem maħtur minn Alla.—Salm 2:6-8.

5. Kristu f’liema rwol jidher fit-​tieni u t-​tielet kapitli t’Apokalissi?

5 Iż-​żewġ kapitli li jmiss juru lil Kristu Ġesù bħala l-​Indokratur ċelestjali kollu mħabba tal-​kongregazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu fuq l-​art. Ir-​romblu indirizzat lil sebgħa mill-​kongregazzjonijiet Kristjani li eżistew fl-​Asja Minuri fl-​ewwel seklu E.K. kien fih inkuraġġiment u pariri sodi li għadhom japplikaw sal-​lum. Il-​messaġġi li ntbagħtu lill-​kongregazzjonijiet ġeneralment jibdew bi kliem bħal “Jien naf l-​għemejjel tiegħek” jew “Jien naf it-​tribulazzjoni . . . tiegħek.” (Rivelazzjoni 2:2, 9, NW) Iva, Kristu kien jaf eżattament x’kien qed jiġri fil-​kongregazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu. Lil xi wħud, hu faħħarhom għall-​imħabba, il-​fidi, ix-​xogħol iebes fil-​ministeru, is-​sabar, u l-​fedeltà tagħhom lejn ismu u lejn il-​kelma tiegħu. Lil oħrajn ċanfarhom talli kienu ħallew l-​imħabba tagħhom għal Jehovah u għal Ibnu tibred, jew talli kienu waqgħu fl-​immoralità sesswali, fl-​idolatrija, jew fis-​settarjaniżmu apostat.

6. Il-​viżjoni li hemm f’kapitlu 4 x’tgħinhom jifhmu lin-​nies?

6 Kapitlu 4 jipprovdi viżjoni li tqanqal il-​biżaʼ tat-​tron t’Alla Jehovah fis-​sema. Fiha nilmħu l-​glorja tal-​preżenza taʼ Jehovah u taʼ l-​arranġament li se juża għall-​ħakma mis-​sema. Il-​ħakkiema inkurunati, li t-​tronijiet tagħhom jinsabu mdawrin mat-​tron ċentrali taʼ l-​univers, imilu quddiem Jehovah u jipproklamaw: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u s-​setgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.”—Apokalissi 4:11.

7. (a) L-​anġlu x’jgħidilhom biex jagħmlu lill-​abitanti taʼ l-​art? (b) X’inhi parti importanti mix-​xogħol edukattiv tagħna?

7 Għandha din xi tifsira għan-​nies illum? Dażgur li għandha. Jekk huma jridu jgħixu taħt is-​Saltna Millennjali, iridu bilfors jagħmlu dak li l-​“anġlu . . . [li] qiegħed itir f’nofs is-​sema” jipproklama: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għaliex is-​siegħa tal-​ġudizzju minnu waslet.” (Rivelazzjoni 14:6, 7, NW) Wieħed mill-​iskopijiet prinċipali tax-​xogħol taʼ edukazzjoni minn fuq il-​Bibbja li qed isir mix-​Xhieda taʼ Jehovah hu li jgħin lil “dawk li jgħammru fuq l-​art” biex ikunu jafu u jqimu lil Jehovah, jirrikonoxxuh bħala l-​Ħallieq, u jissottomettu ruħhom minn jeddhom għas-​sovranità tiegħu taʼ tjieba.

Il-​Ħaruf Jistħoqqlu Ġieħ

8. (a) Liema stampa tingħata taʼ Kristu f’kapitli 5 u 6? (b) X’jistaʼ jitgħallem minn din il-​viżjoni kulmin jagħti widen għall-​bxajjar taʼ ferħ?

8 Iż-​żewġ kapitli li jmiss, 5 u 6, jippreżentaw lil Ġesù Kristu bħala Ħaruf li jinstab li jistħoqqlu jiftaħ ir-​romblu b’sebaʼ siġilli, u b’hekk dan jirrivela b’lingwa simbolika l-​ġrajjiet li qed iseħħu fi żmienna. (Qabbel Ġwann 1:29.) L-​ilħna mis-​sema lil dan il-​Ħaruf simboliku jgħidulu: “Int jistħoqqlok tieħu l-​ktieb, u tiftaħ is-​siġilli tiegħu, għax int kont maqtul, u b’demmek ksibt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin, li għad isaltnu fuq l-​art.” (Apokalissi 5:9, 10) Din il-​viżjoni tgħallimna li fuq il-​bażi tad-​demm imxerred taʼ Kristu, ċerti bnedmin minn kull oriġini jiġu msejħin biex ikunu miegħu fis-​sema u ‘jsaltnu fuq l-​art.’ (Qabbel Apokalissi 1:5, 6.) In-​numru limitat tagħhom jiġi rivelat iktar tard f’Apokalissi.

9. Kristu kif jiġi preżentat f’kapitlu 6?

9 F’din l-​istess viżjoni, Kristu jiġi preżentat ukoll bħala r-​rikkieb inkurunat fuq żiemel abjad, li jinsab għaddej “rebbieħ, biex ikompli jirbaħ.” B’ferħ, hu se jkollu rebħa fuq l-​effetti ħżiena simbolizzati mit-​tliet rikkieba l-​oħra taʼ l-​Apokalissi, li r-​rikba furjuża tagħhom ġabet gwerer, ġuħ, u mewt fuq l-​umanità mis-​sena kruċjali 1914. (Apokalissi 6:1-8) L-​irwol uniku taʼ Kristu, il-​Ħaruf t’Alla, fis-​salvazzjoni taʼ l-​umanità u fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ l-​għaġeb taʼ Jehovah huwa tema prinċipali fix-​xogħol taʼ tagħlim minn fuq il-​Bibbja li qed isir mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

10. (a) Liema informazzjoni importanti nsibu f’kapitlu 7? (b) Kristu kif tkellem dwar dawk li se jirċievu s-​Saltna?

10 Kapitlu 7 fih bxajjar li huma verament taʼ ferħ. Huwa fil-​ktieb t’Apokalissi biss li nsibu n-​numru taʼ dawk li Ġesù sejħilhom il-​“merħla ċkejkna” u li lilhom jagħti s-​Saltna Missier il-​Ħaruf. (Luqa 12:32; 22:28-30) Dawn jiġu siġillati minn Alla Jehovah permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu. (2 Korintin 1:21, 22) L-​appostlu Ġwanni, li rċieva l-​Apokalissi, jixhed: “Smajt x’kien l-​għadd taʼ l-​issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf.” (Apokalissi 7:4) Dan in-​numru preċiż hu konfermat iktar tard f’kapitlu ieħor bħala li hu t-​total taʼ dawk “mifdija minn fost il-​bnedmin” biex jaħkmu mal-​Ħaruf fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema. (Apokalissi 14:1-4) Waqt li l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu jagħtu tifsiriet vagi u mhux konvinċenti taʼ dan in-​numru, huwa interessanti li l-​istudjuż tal-​Bibbja E. W. Bullinger jgħid hekk dwar dan in-​numru: “Din hi stqarrija sempliċi taʼ fatt: numru definit f’kuntrast maʼ numru indefinit f’dan l-​istess kapitlu.”

11. (a) Liema bxajjar taʼ ferħ nistgħu nsibu f’kapitlu 7? (b) Liema prospetti jinfetħu għall-​membri tal-​“kotra kbira”?

11 Bullinger għal liema numru indefinit kien qed jirreferi? Fil-​vers 9, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Wara dan ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 7:9) Min huma dawk li jifformaw din il-​kotra kbira, x’inhi l-​waqfa preżenti tagħhom quddiem Alla, u x’hemm maħżun għalihom fil-​futur? It-​tweġiba apokalittika hi aħbar tajba għall-​abitanti taʼ l-​art. Naqraw: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-​taħbit il-​kbir [“tribulazzjoni l-​kbira,” NW], u l-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.” Permezz tal-​fidi tagħhom fid-​demm imxerred taʼ Kristu, huma se jiġu protetti matul it-​“tribulazzjoni l-​kbira.” Kristu se “jwassalhom ħdejn ilmijiet taʼ l-​għejun tal-​ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Apokalissi 7:14-17) Iva, miljuni taʼ nies li qed jgħixu llum jistgħu jsiru parti minn dik il-​kotra li ħadd ma jistaʼ jgħoddha li se tibqaʼ ħajja wara t-​tmiem tas-​sistema t’affarijiet mill-​agħar li teżisti fil-​preżent. Bħala sudditi tas-​Sultan Ġesù Kristu matul ir-​Renju Millennjali tiegħu, huma se jiġu gwidati minnu lejn ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. M’hijiex din aħbar tajba?

‘Il-​Ġudizzji Tiegħu Huma Veri u Ġusti’

12, 13. (a) X’insibu f’kapitli 8 sa 19? (b) Nies taʼ qalb onesta għala m’għandhomx għalfejn jinkwetaw minħabba dawn il-​profeziji?

12 Il-​kontenut taʼ kapitli 8 sa 19 huwa r-​raġuni prinċipali għala l-​ktieb t’Apokalissi, jew Rivelazzjoni, huwa magħruf bħala ktieb li jbassar katastrofijiet tal-​biżaʼ. Dawn il-​kapitli fihom messaġġi taʼ ġudizzju li jolqtu fil-​laħam il-​ħaj (simbolizzati mid-​daqq tat-​trombi, kastigi, u bwieqi taʼ korla divina) li huma diretti kontra d-​diversi elementi tas-​sistema t’affarijiet taʼ Satana. Dawn il-​ġudizzji se jiġu esegwiti l-​ewwel kontra r-​reliġjon falza (“Babilonja l-​Kbira”), imbagħad kontra s-​sistemi politiċi li jiċħdu lil Alla, li huma simbolizzati minn bhejjem salvaġġi.—Apokalissi 13:1, 2; 17:5-7, 15, 16.a

13 Dawn il-​kapitli jagħtu stampa tat-​tindifa li ssir fis-​smewwiet, meta Satana u d-​demonji tiegħu jiġu mitfugħin lejn il-​viċinanzi taʼ l-​art. Dan jipprovdi l-​unika spjegazzjoni loġika għall-​inkwiet kbir li d-​dinja ilha għaddejja minnu sa mill-​1914, li qatt qabel ma kien hawn bħalu. (Apokalissi 12:7-12) Dawn jiddeskrivu wkoll, b’lingwa simbolika, il-​qerda tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana fuq l-​art. (Apokalissi 19:19-21) Għandhom nies taʼ qalb onesta jibqgħu xxokkjati minħabba dawn il-​ġrajjiet drammatiċi? Le, għax waqt l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzji t’Alla, kotra kbira fis-​sema tgħajjat: “Hallelujah! Is-​Salvazzjoni u l-​glorja u l-​qawwa taʼ Alla tagħna, għax veri u ġusti huma l-​ġudizzji tiegħu.”—Apokalissi 19:1, 2.

14, 15. (a) It-​tmiem taʼ din is-​sistema preżenti t’affarijiet mill-​agħar kif se jinġieb bit-​tjieba? (b) Din il-​parti taʼ l-​Apokalissi għala għandha tkun raġuni għal ferħ għal nies taʼ qalb onesta?

14 Jehovah m’huwiex se jġib sistema ġusta t’affarijiet qabel ma jneħħi minn fuq l-​art lil dawk li qed jeqirduha. (Apokalissi 11:17, 18; 19:11-16; 20:1, 2) Madankollu, ebda bniedem jew stat politiku m’għandu l-​awtorità jew il-​poter li jwettaq dan. Huma biss Jehovah u Ġesù Kristu, is-​Sultan u Mħallef maħtur tiegħu, li jistgħu jagħmlu dan bit-​tjieba.—2 Tessalonikin 1:6-9.

15 Bħalma juri tant ċar il-​ktieb t’Apokalissi, Jehovah għandu l-​iskop li jtemm lil din is-​sistema mill-​agħar tal-​preżent. Dan il-​fatt għandu jkun raġuni għal ferħ għal dawk l-​irġiel u n-​nisa li qed “jitniehdu u jitbikkew minħabba l-​qżiżijiet kollha li jsiru fiha.” (Eżekjel 9:4) Dan għandu jġagħalhom jaraw l-​urġenza taʼ li jagħtu kas is-​sejħa magħmula mill-​anġlu li kellu l-​bxajjar taʼ ferħ, u li ddikjara: “Ibżgħu minn Alla . . . għax ġiet is-​siegħa tal-​ħaqq tiegħu, u inxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-​sema u l-​art.” (Apokalissi 14:7) Jalla nies bħal dawn iqimu u jaqdu lil Jehovah spalla maʼ spalla max-​Xhieda tiegħu, “li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u li għandhom . . . [“ix-​xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar,” NW] Ġesù.”—Apokalissi 12:17.

Ir-​Renju Millennjali Glorjuż

16. (a) Il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu għala ċaħduha t-​tama tal-​Millennju? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jemmnu li t-​talba mudell se titwettaq?

16 Kapitli 20 sa 22 tal-​ktieb t’Apokalissi fihom il-​bażi Skritturali għat-​tama fil-​Millennju. Din hija l-​unika parti mill-​Bibbja li attwalment issemmi perijodu t’elf sena li se jiġi preċiż qabel eternità taʼ hena fis-​sema u fuq l-​art. Il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ċaħduha t-​tama tal-​Millennju. Ladarba d-​domma tal-​knisja tiddikjara li t-​tajbin imorru fis-​sema u l-​ħżiena jmorru fl-​infern, m’hemm ebda lok għal ġenna fuq l-​art. It-​talba mudell, li fiha nitolbu biex “ir-​rieda [t’Alla] tkun magħmula fuq l-​art bħalma hi fis-​sema,” m’għadha tfisser xejn għall-​biċċa l-​kbira tal-​membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. (Mattew 6:10, New International Version) Imma dan ma japplikax għax-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma jemmnu b’qalbhom kollha li Alla Jehovah m’għamilx l-​art biex tibqaʼ “baħħ” imma biex “jgħammru fiha.” (Isaija 45:12, 18) B’hekk, il-​profezija tal-​qedem, it-​talba mudell, u t-​tama apokalittika tal-​Millennju huma kollha fi qbil. Matul ir-​Renju t’Elf Sena tiegħu, Kristu se jara li r-​rieda taʼ Jehovah tintgħamel fuq l-​art, saħansitra bħalma hi fis-​sema.

17. Liema ħaġa tindika li “l-​elf sena” għandna niħduhom letteralment?

17 It-​terminu “elf sena” jidher sitt darbiet fl-​ewwel sebaʼ versi t’Apokalissi kapitlu 20. Taʼ min jinnota l-​fatt li dan it-​terminu jiġi wżat erbaʼ darbiet bl-​artiklu definit “l-​,” u b’hekk juri li qed jirreferi għal millennju letterali, mhux sempliċement għal perijodu twil taʼ żmien mhux speċifiku, bħalma jipprovaw ibellgħuhielna l-​kummentaturi tal-​Kristjaneżmu. X’se jiġri matul il-​Millennju? L-​ewwel, Satana se jintrabat biex ma jkun jistaʼ jagħmel xejn matul dan il-​perijodu kollu. (Apokalissi 20:1-3; qabbel Lhud 2:14.) X’aħbar tajba din!

18. (a) Il-​Millennju għala jistaʼ jissejjaħ “jum” taʼ ħaqq? (b) X’se jseħħ fit-​tmiem taʼ l-​elf sena?

18 Ladarba tingħata “setgħa li jagħmlu l-​ħaqq” lil dawk li “jsaltnu maʼ Kristu għal elf sena,” dan il-​perijodu fil-​fatt, hu “jum” t’elf sena taʼ ħaqq. (Apokalissi 20:4, 6; qabbel Atti 17:31; 2 Pietru 3:8.) Il-​mejtin se jiġu rxoxtati u, flimkien maʼ dawk li jsalvaw mit-​“tribulazzjoni l-​kbira,” se jiġu ġudikati b’mod rett skond l-​għemejjel, jew l-​azzjonijiet, tagħhom matul dak iż-​żmien. (Apokalissi 20:12, 13) Fit-​tmiem taʼ l-​elf sena, Satana se jiġi maħlul għal ftit taż-​żmien sabiex jissottometti lill-​umanità għal prova finali li warajha kemm hu, kemm id-​demonji tiegħu, kif ukoll kwalunkwe ribell fuq l-​art li jsegwi lilu, se jinqerdu għal dejjem. (Apokalissi 20:7-10) Dawk il-​bnedmin li jgħaddu minn dan it-​test se jkollhom isimhom miktub bla ma jkun jistaʼ jitħassar fil-​“ktieb tal-​ħajja” u se jiddaħħlu f’ħajja hienja għall-​eternità, waqt li jaqdu u jqimu lil Jehovah fuq art magħmula ġenna.—Apokalissi 20:14, 15; Salm 37:9, 29; Isaija 66:22, 23.

19. (a) Għala nistgħu nkunu żguri li l-​wegħdi taʼ l-​għaġeb li hemm fil-​ktieb t’Apokalissi se jitwettqu bla ebda dubju taʼ xejn? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Dawn huma bxajjar taʼ ferħ li hemm imniżżlin f’Apokalissi. M’humiex wegħdi fiergħa magħmulin mill-​bniedem. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: ‘Ikteb, għax dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’” (Apokalissi 21:5) X’irridu nagħmlu aħna biex ikollna sehem mit-​twettiq taʼ dawn il-​bxajjar taʼ ferħ? Il-​ktieb t’Apokalissi fih ħafna pariri għal dawk li jridu jogħġbu lil Alla. Jekk nobdu dawn il-​pariri, dan se jġibilna hena bla tarf, issa u għal dejjem, bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Għal spjegazzjoni fid-​dettall tal-​ktieb t’Apokalissi, ara l-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat fl-​1988 mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Punti għal Reviżjoni

◻ Liema veritajiet fundamentali li jinsabu f’Apokalissi kapitli 4 sa 6 jifformaw parti importanti mill-​bxajjar taʼ ferħ?

◻ Liema bxajjar taʼ ferħ jinstabu f’Apokalissi kapitlu 7?

◻ Nies taʼ qalb onesta għala m’għandhomx għalfejn jinkwetaw minħabba l-​messaġġi taʼ ġudizzju li hemm f’Apokalissi?

◻ Il-​Millennju b’liema modi se jkun “jum” taʼ ħaqq?

[Stampa f’paġna 10]

Is-​Sultan Ġesù Kristu se jeħles lill-​art kompletament mill-​gwerer, mill-​ġuħ, u mill-​mewt

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja