LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/1 pp. 14-19
  • Kunu Qarrejja Henjin tal-Ktieb t’Apokalissi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kunu Qarrejja Henjin tal-Ktieb t’Apokalissi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kongregazzjonijiet taħt id-​Direzzjoni taʼ Kristu
  • Sottomissjoni Hienja lejn is-​Sovranità taʼ Jehovah
  • ‘Hieni Min Iħares Dawn il-​Kelmiet’
  • Il-ktieb tar-Rivelazzjoni—Xi jfisser?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • “Bxajjar taʼ Ferħ” mill-Apokalissi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni Xi Jfisser Għalik Illum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ħelsien fir-Rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/1 pp. 14-19

Kunu Qarrejja Henjin tal-​Ktieb t’Apokalissi

“Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija u jħarsu dak li hemm miktub.”—APOKALISSI 1:3.

1. F’liema ċirkustanzi kien l-​appostlu Ġwanni meta kiteb il-​ktieb t’Apokalissi, u dawn il-​viżjonijiet għal liema skop ġew imniżżlin bil-​miktub?

“JIENA, Ġwanni, . . . sibt ruħi fil-​gżira jisimha Patmos minħabba l-​Kelma taʼ Alla u x-​xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 1:9) Dawn kienu ċ-​ċirkustanzi li fihom l-​appostlu Ġwanni kiteb il-​ktieb t’Apokalissi, jew Rivelazzjoni. Ħafna jaħsbu li hu ġie eżiljat lejn Patmos matul il-​ħakma taʼ l-​Imperatur Ruman Domizjanu (81-96 E.K.), li inforza l-​qima lejn l-​imperatur u sar persekutur tal-​Kristjani. Waqt li Ġwanni kien Patmos, hu rċieva serje taʼ viżjonijiet li niżżilhom bil-​miktub. Dawn ma rrakkontahomx biex iwerwer lill-​Kristjani tal-​bidu, imma biex isaħħaħhom, ifarraġhom, u jinkuraġġihom minħabba l-​provi li kienu għaddejjin minnhom u dawk li kienu għad iridu jiġu fuqhom.—Atti 28:22; Apokalissi 1:4; 2:3, 9, 10, 13.

2. Is-​sitwazzjoni li kienu fiha Ġwanni u l-​Kristjani sħabu għala hija taʼ interess għall-​Kristjani li qed jgħixu llum?

2 Iċ-​ċirkustanzi li fihom inkiteb dan il-​ktieb Bibliku huma sinjifikanti ferm għall-​Kristjani li qed jgħixu llum. Ġwanni kien għaddej mill-​persekuzzjoni għaliex kien xhud għal Jehovah u għal Ibnu, Kristu Ġesù. Kemm hu u kemm il-​Kristjani sħabu kienu qed jgħixu f’ambjent ostili għaliex, filwaqt li huma kienu qed jagħmlu ħilithom biex ikunu ċittadini tajbin, ma setgħu qatt jipprattikaw il-​qima lejn l-​imperatur. (Luqa 4:8) F’ċerti pajjiżi llum, il-​Kristjani veri jinsabu f’sitwazzjoni simili, fejn l-​Istat jassumi d-​dritt li jiddetermina hu x’inhu aċċettabbli reliġjożament billi jibbaża dan fuq attitudnijiet u opinjonijiet reliġjużi kurrenti. Għalhekk, kemm ifarraġna dan il-​kliem li hemm fl-​introduzzjoni tal-​ktieb t’Apokalissi: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-​kliem taʼ din il-​profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-​żmien qorob!” (Apokalissi 1:3) Iva, qarrejja attenti u ubbidjenti t’Apokalissi jistgħu jsibu l-​hena veru u jirċievu ħafna barkiet.

3. Min hu s-​Sors tar-​Rivelazzjoni li ngħatat lil Ġwanni?

3 Min hu s-​Sors oriġinali tar-​Rivelazzjoni, u liema mezz taʼ komunikazzjoni jintuża sabiex din tiġi trasmessa? L-​ewwel vers jgħidilna: “Ir-​Rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-​qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-​anġlu tiegħu jfissirha lill-​qaddej tiegħu Ġwanni.” (Apokalissi 1:1) Fi kliem sempliċi, is-​Sors attwali tar-​Rivelazzjoni hu Alla Jehovah, li taha lil Ġesù, u Ġesù, permezz t’anġlu, għaddieha lil Ġwanni. Jekk inkomplu niflu ftit bir-​reqqa nsibu li Ġesù uża wkoll l-​ispirtu qaddis biex iwassal messaġġi lill-​kongregazzjonijiet u biex jagħti viżjonijiet lil Ġwanni.—Apokalissi 2:7, 11, 17, 29; 3:6, 13, 22; 4:2; 17:3; 21:10; qabbel Atti 2:33.

4. Jehovah liema mezz għadu juża llum biex imexxi lin-​nies tiegħu fuq l-​art?

4 Jehovah għadu juża lil Ibnu, il-​“kap tal-​kongregazzjoni,” biex jgħallem lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art. (Efesin 5:23, NW; Isaija 54:13; Ġwann 6:45) Jehovah juża wkoll l-​ispirtu tiegħu biex jistruwixxi lill-​poplu tiegħu. (Ġwann 15:26; 1 Korintin 2:10) U sewwa sew bħalma Ġesù uża “lill-​qaddej tiegħu Ġwanni” biex jgħaddi ikel spiritwali li jsostni lill-​kongregazzjonijiet taʼ l-​ewwel seklu, hekk ukoll illum, hu qed juża lill-​“ilsir leali u diskret,” li hu magħmul minn ‘ħutu’ midlukin hawn fuq l-​art, biex jagħti “l-​ikel [spiritwali] . . . fiż-​żmien xieraq” lin-​nies taʼ daru u lil sħabhom. (Mattew 24:45-47, NW; Mattew 25:40) Henjin huma dawk li jirrikonoxxu s-​Sors taʼ “kull ħaġa tajba” li nirċievu f’dak li hu ikel spiritwali kif ukoll il-​mezz taʼ komunikazzjoni li Hu qed juża.—Ġakbu 1:17.

Kongregazzjonijiet taħt id-​Direzzjoni taʼ Kristu

5. (a) Il-​kongregazzjonijiet Kristjani u l-​indokraturi tagħhom maʼ xiex inhuma mxebbhin? (b) Minkejja l-​imperfezzjoni umana, liema ħaġa se tikkontribwixxi għall-​hena tagħna?

5 Fil-​kapitli tal-​bidu t’Apokalissi, il-​kongregazzjonijiet Kristjani huma mxebbhin maʼ kandelabri. L-​indokraturi tagħhom huma mxebbhin m’anġli (messaġġiera) u maʼ kwiekeb. (Apokalissi 1:20)a Waqt li rrefera għalih innifsu, Kristu qal lil Ġwanni biex jikteb: “Dan jgħidlek Dak li għandu s-​sebaʼ kwiekeb f’idu l-​leminija; Dak li jimxi fost is-​sebaʼ kandelabri tad-​deheb.” (Apokalissi 2:1) Is-​sebaʼ messaġġi li ntbagħtu lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-​Asja juru li fl-​ewwel seklu E.K., il-​kongregazzjonijiet u l-​anzjani tagħhom kellhom it-​tajjeb tagħhom u d-​dgħjufijiet tagħhom. Is-​sitwazzjoni llum hija l-​istess. Għalhekk, aħna se nkunu ferm iktar henjin jekk qatt ma nwarrbu minn quddiem għajnejna l-​fatt li Kristu, il-​Kap tagħna, qiegħed f’nofs il-​kongregazzjonijiet. Hu jaf eżattament x’qed jiġri. L-​indokraturi b’mod simboliku qegħdin “f’idu l-​leminija,” jiġifieri, taħt il-​kontroll u d-​direzzjoni tiegħu u jridu jagħtu kont lilu għall-​mod li bih qed jirgħu il-​kongregazzjonijiet.—Atti 20:28; Lhud 13:17.

6. X’juri li l-​indokraturi m’humiex l-​uniċi nies li jridu jagħtu kont lil Kristu?

6 Madankollu, inkunu qed inqarrqu bina nfusna jekk naħsbu li l-​indokraturi biss iridu jagħtu kont lil Kristu taʼ l-​għemejjel tagħhom. F’wieħed mill-​messaġġi tiegħu, Kristu qal: “Ħalli jkunu jafu . . . [“l-​kongregazzjonijiet,” NW] kollha li jiena hu dak li jifli l-​ġewwieni u l-​qalb u li jagħti lil kull wieħed minnkom skond ma ħaqqu għall-​opri tiegħu.” (Apokalissi 2:23) Dan huwa twissija u inkuraġġiment fl-​istess ħin—twissija li Kristu jaf il-​motivi li għandna mnaqqxin fil-​fond, u inkuraġġiment għaliex jassigurana li Kristu jaf bl-​isforzi li qed nagħmlu u se jberikna jekk aħna nagħmlu kulma nistgħu.—Mark 14:6-9; Luqa 21:3, 4.

7. Il-​Kristjani ġewwa Filadelfja kif kienu ‘żammew il-​kelma dwar l-​issaportar taʼ Ġesù’?

7 Il-​messaġġ taʼ Kristu lill-​kongregazzjoni fil-​belt taʼ Filadelfja, ġewwa Lidja, ma fih ebda ċanfira, imma fil-​fatt fih wegħda li għandha tkun taʼ interess kbir għalina. “Talli int . . . [“żammejt il-​kelma dwar l-​issaportar tiegħi,” NW], jiena wkoll inħares lilek mis-​siegħa tat-​tiġrib li ġejja fuq id-​dinja kollha biex iġġarrab lil kull min jgħammar fl-​art.” (Apokalissi 3:10) Bil-​Grieg, “żammejt il-​kelma dwar l-​issaportar tiegħi” jistaʼ jfisser ukoll “ħarist dak li għedt jien dwar l-​issaportar.” Vers 8 jissuġġerixxi li l-​Kristjani taʼ Filadelfja mhux talli kienu obdew il-​kmandi taʼ Kristu imma talli kienu segwew il-​parir tiegħu biex huma stess jissaportu bil-​fedeltà.—Mattew 10:22; Luqa 21:19.

8. (a) Ġesù liema wegħda għamlilhom lill-​Kristjani taʼ Filadelfja? (b) Illum min hu effettwat mis-​“siegħa tat-​tiġrib”?

8 Ġesù żied li hu kellu jħarishom mis-​“siegħa tat-​tiġrib.” Aħna ma nafux eżattament dan x’kien ifisser għal dawk il-​Kristjani lura f’dak iż-​żmien. Għalkemm il-​persekuzzjoni ċediet xi ftit wara l-​mewt taʼ Domizjanu fis-​sena 96 E.K., ma damitx ma bdiet mewġa oħra taʼ persekuzzjoni taħt Trajanu (98-117 E.K.), li bla dubju ġabet magħha iktar provi. Imma l-​akbar “siegħa tat-​tiġrib” isseħħ “f’jum il-​Mulej” matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” li fih ninsabu aħna bħalissa. (Apokalissi 1:10; Danjel 12:4) Il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu għaddew minn żmien partikulari taʼ ttestjar matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, u immedjatament kif spiċċat. Iżda, is-​“siegħa tat-​tiġrib” għadha għaddejja. Din teffettwa lid-​“dinja kollha,” inkluż il-​miljuni li jifformaw il-​kotra kbira, li għandhom it-​tama li jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira. (Apokalissi 3:10; 7:9, 14) Kemm se nkunu henjin jekk ‘inħarsu dak li Ġesù qal dwar is-​sabar,’ jiġifieri: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.”—Mattew 24:13.

Sottomissjoni Hienja lejn is-​Sovranità taʼ Jehovah

9, 10. (a) Il-​viżjoni tat-​tron taʼ Jehovah b’liema modi għandha teffettwana? (b) Il-​qari tagħna t’Apokalissi kif se jikkontribwixxi għall-​hena tagħna?

9 Il-​viżjoni li tingħata f’Apokalissi kapitli 4 u 5 tat-​tron taʼ Jehovah u taʼ dak kollu li hemm madwaru għandha timlina bi stagħġib kbir. Għandna nibqgħu impressjonati bl-​espressjonijiet sinċieri taʼ tifħir li jgħidu dawn il-​ħlejjaq ċelestjali potenti hekk kif jissottomettu ruħhom bil-​ferħ għas-​sovranità taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Apokalissi 4:8-11) Il-​vuċijiet tagħna għandhom jinstemgħu fost dawk li qed jgħidu: “Lil dak li qiegħed fuq it-​tron u lill-​Ħaruf, jingħata t-​tifħir u l-​ġieħ u l-​glorja u l-​ħakma, għal dejjem taʼ dejjem.”—Apokalissi 5:13.

10 B’mod prattiku, dan ifisser li nkunu ferħanin li nissottomettu ruħna għar-​rieda taʼ Jehovah f’kollox. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-​Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-​Missier permezz tiegħu.” (Kolossin 3:17) Il-​qari tagħna t’Apokalissi se jagħmilna verament henjin jekk fil-​profond taʼ moħħna u qalbna nirrikonoxxu s-​sovranità taʼ Jehovah u nikkunsidraw ir-​rieda tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjitna.

11, 12. (a) Is-​sistema dinjija taʼ Satana kif se titheżżeż u tinqered? (b) Skond Apokalissi kapitlu 7, min se jkun “jiflaħ iżomm” f’dak iż-​żmien?

11 Il-​bażi għall-​hena fuq livell persunali u fuq livell universali hija sottomissjoni hienja lejn is-​sovranità taʼ Jehovah. Dalwaqt, terremot kbir simboliku se jheżżeż is-​sistema dinjija taʼ Satana mis-​sisien tagħha u jeqridha. Ma se jkun hemm ebda post taʼ kenn għall-​bnedmin li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-​gvern tas-​Saltna tas-​sema f’idejn Kristu, li jirrappreżenta s-​sovranità leġittima t’Alla. Il-​profezija tistqarr: “Is-​slaten taʼ l-​art, il-​kapijiet, il-​mexxejja l-​kbar, l-​għonja, is-​setgħana u l-​ilsiera u l-​ħielsa kollha, marru jinħbew fl-​għerien u qalb il-​blat tal-​muntanji, u bdew jgħidu lill-​muntanji u lill-​blat: ‘Ordmuna u aħbuna minn wiċċ dak li hemm bilqiegħda fuq it-​tron u mill-​korla tal-​Ħaruf, għax wasal il-​Jum il-​Kbir tal-​korla tagħhom! U min jiflaħ iżomm?’”—Apokalissi 6:12, 15-17.

12 F’konnessjoni maʼ din il-​mistoqsija, fil-​kapitlu li jmiss l-​appostlu Ġwanni jiddeskrivi lil dawk li jifformaw il-​kotra kbira, li joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira, bħala li huma “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.” (Apokalissi 7:9, 14 [NW], Apokalissi 7:15) Il-​fatt li jinsabu weqfin quddiem it-​tron t’Alla juri li huma jirrikonoxxu dak it-​tron u jissottomettu ruħhom għalkollox lejn is-​sovranità taʼ Jehovah. Għalhekk, huma approvati minnu.

13. (a) Lil min iqimu l-​maġġuranza taʼ l-​abitanti taʼ l-​art, u x’inhu simbolizzat mill-​marka fuq ġbinhom jew fuq idhom? (b) Allura għala se jkun hemm bżonn li nissaportu?

13 Mill-​banda l-​oħra, kapitlu 13 juri l-​bqija taʼ l-​abitanti taʼ l-​art bħala li qed iqimu lis-​sistema politika taʼ Satana, simbolizzata minn bhima salvaġġa. Huma jirċievu marka fuq ‘ġbinhom’ jew fuq ‘idhom,’ li turi l-​appoġġ mentali u fiżiku tagħhom għal din is-​sistema. (Apokalissi 13:1-8, 16, 17) Imbagħad, kapitlu 14 iżid: “Min jinxteħet iqim il-​Bhima [“salvaġġa,” NW] u x-​xbieha tagħha u jieħu l-​marka fuq ġbinu jew fuq idu, hu wkoll jixrob mill-​inbid tal-​korla taʼ Alla li hemm imferragħ safi fit-​tazza tal-​qilla tiegħu . . . F’dan qiegħed is-​sabar [“l-​issaportar,” NW] tal-​qaddisin, taʼ dawk li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u l-​fidi f’Ġesù.” (Apokalissi 14:9, 10, 12) Iktar ma jgħaddi ż-​żmien, iktar se tqum il-​mistoqsija: Int lil min tappoġġa? Lil Jehovah u s-​sovranità tiegħu jew lis-​sistema politika li tiċħad lil Alla simbolizzata mill-​bhima salvaġġa? Henjin se jkunu dawk li jevitaw li jirċievu l-​marka tal-​bhima u li jissaportu lealment waqt li jissottomettu ruħhom lejn is-​sovranità taʼ Jehovah.

14, 15. Liema messaġġ jinterrompi d-​deskrizzjoni t’Apokalissi dwar Armageddon, u b’liema tifsira għalina?

14 Il-​ħakkiema tad-​“dinja kollha” resqin bil-​ħeffa lejn konfrontazzjoni maʼ Jehovah dwar il-​kwistjoni tas-​sovranità. Il-​quċċata se tkun Armageddon, il-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 16:14, 16) Eżatt f’nofs id-​deskrizzjoni tal-​ġbir tal-​ħakkiema dinjin għall-​gwerra kontra Jehovah nsibu rimarka interessanti ferm. Ġesù nnifsu jinterrompi l-​viżjoni biex jgħid: “Arani ġej bħal ħalliel! Hieni min jishar u jieħu ħsieb l-​ilbiesi tiegħu biex ma jimxix għarwien u jarawlu l-​għera tiegħu.” (Apokalissi 16:15) Dan għandu mnejn jalludi għall-​għassiesa tat-​tempju Leviti li lbieshom kien jiġi mċarrat minn fuqhom u kienu jiġu avveliti pubblikament jekk jinstabu reqdin matul l-​għassa tagħhom.

15 Il-​messaġġ huwa ċar: Jekk irridu nsalvaw f’Armageddon, irridu nibqgħu mqajmin spiritwalment u nżommu fuqna l-​ilbies simboliku li jidentifikana bħala Xhieda leali t’Alla Jehovah. Henjin se nkunu aħna jekk nevitaw li nitħeddlu spiritwalment u nkomplu għaddejjin bla waqfien, waqt li nieħdu sehem b’mod żeluż f’li nxerrdu l-​“Evanġelju taʼ dejjem” dwar is-​Saltna stabbilita t’Alla.—Apokalissi 14:6.

‘Hieni Min Iħares Dawn il-​Kelmiet’

16. L-​aħħar kapitli t’Apokalissi għala huma raġuni partikulari għall-​hena?

16 Il-​qarrejja henjin tal-​ktieb t’Apokalissi għandhom għalfejn jitqanqlu bil-​ferħ hekk kif jaqraw l-​aħħar kapitli, li jiddeskrivu t-​tama glorjuża tagħna—sema ġdid u art ġdida, jiġifieri, gvern tas-​Saltna mimli tjieba li jaħkem mis-​sema fuq soċjetà umana ġdida u mnaddfa, u dan kollu għat-​tifħir taʼ dak “Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 21:22) Malli spiċċat is-​serje taʼ viżjonijiet taʼ l-​għaġeb, il-​messaġġier anġeliku qal lil Ġwanni: “Dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom: il-​Mulej stess, Alla taʼ . . . [“l-​espressjonijiet imnebbħin,” NW] tal-​profeti, bagħat l-​anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-​qaddejja tiegħu bil-​ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-​kelmiet tal-​profezija taʼ dan il-​ktieb.”—Apokalissi 22:6, 7.

17. (a) Liema assiguranza tingħata f’Apokalissi 22:6? (b) Liema affarijiet għandna noqogħdu attenti biex nevitaw?

17 Il-​qarrejja henjin t’Apokalissi se jiftakru li kliem simili għal dan deher fil-​bidu tal-​“ktieb.” (Apokalissi 1:1, 3) Dan il-​kliem jassigurana li “dak” kollu li hu profetizzat f’dan l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja se “jiġri ma jdumx.” Aħna tant dħalna sew fiż-​żmien tat-​tmiem li l-​ġrajjiet konnessi miegħu mbassrin f’Apokalissi bilfors iridu jseħħu dalwaqt waħda wara l-​oħra bil-​ħeffa. Għalhekk, tidher kemm tidher li hi stabbli s-​sistema taʼ Satana, m’għandniex inħallu dan ibenninna biex norqdu. Il-​qarrej attent se jiftakar it-​twissijiet mogħtijin fil-​messaġġi mibgħutin lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-​Asja u se jevita n-​nases tal-​materjaliżmu, l-​idolatrija, l-​immoralità, il-​bruda, u s-​settarjaniżmu apostat.

18, 19. (a) Ġesù għala għad irid jiġi, u f’liema tama li esprima Ġwanni għandna sehem aħna? (b) Jehovah għal liema skop għad irid ‘jiġi’?

18 Fil-​ktieb t’Apokalissi, Ġesù jħabbar diversi drabi: “Dalwaqt niġi.” (Apokalissi 2:16; 3:11; 22:7, 20a) Hu għad irid jiġi biex jesegwixxi ħaqq fuq Babilonja l-​Kbira, fuq is-​sistema politika taʼ Satana, u fuq il-​bnedmin kollha li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom lejn is-​sovranità taʼ Jehovah, li bħalissa hi espressa permezz tas-​Saltna Messjanika. Aħna ningħaqdu b’vuċi waħda maʼ l-​appostlu Ġwanni, li esklama: “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!”—Apokalissi 22:20b.

19 Jehovah nnifsu jistqarr: “Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-​ħlas ħalli nrodd lil kull wieħed skond ma ħaqqu għal għemilu.” (Apokalissi 22:12) Waqt li nistennew il-​premju glorjuż taʼ ħajja bla tmiem bħala parti mis-​“sema ġdid” jew mill-​“art ġdida” mwegħdin, jalla nestendu din l-​istedina b’żelu kbir lin-​nies kollha taʼ qalb onesta: “‘Ejja!’ U min hu bil-​għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-​ilma tal-​Ħajja.” (Apokalissi 22:17) Jalla dawn ukoll isiru qarrejja henjin tal-​ktieb t’Apokalissi, il-​ktieb ispirat li jqanqal l-​ispirazzjoni!

[Nota taʼ taħt]

a Ara Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, paġni 28-9, 136 (nota taʼ taħt).

Punti għal Reviżjoni

◻ Jehovah liema mezz taʼ komunikazzjoni uża biex jittrasmetti r-​Rivelazzjoni, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

◻ Għala għandna nkunu henjin li naqraw il-​messaġġi mibgħutin lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet taʼ l-​Asja?

◻ Kif nistgħu niġu protetti matul is-​“siegħa tat-​tiġrib”?

◻ X’hena se jkollna jekk nosservaw il-​kliem tal-​ktieb li fih ir-​Rivelazzjoni?

[Stampa f’paġna 15]

Henjin huma dawk li jirrikonoxxu s-​Sors tal-​bxajjar taʼ ferħ

[Stampa f’paġna 18]

Hieni hu min jishar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja