LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 9 pp. 79-89
  • Il-Qawwa tat-Tama taʼ l-Irxoxt

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Qawwa tat-Tama taʼ l-Irxoxt
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Fundamentali għall-​Fidi Kristjana
  • Juża ‘l-​Muftieħ taʼ Ħades’
  • Imsaħħin Permezz tat-​Tama taʼ l-​Irxoxt
  • Qawwa Tat-Tama Taʼ L-Irxoxt
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • It-Tama taʼ l-Irxoxt—Xi Tfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Se Jkun Hemm Irxoxt tat-Twajbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 9 pp. 79-89

Kapitlu Disgħa

Il-​Qawwa tat-​Tama taʼ l-​Irxoxt

1. Mingħajr it-​tama taʼ l-​irxoxt, kieku liema prospett ikollhom il-​mejtin?

TLIFT lil xi maħbubin fil-​mewt? Mingħajr l-​irxoxt, ma kienx ikollok tama li qatt terġaʼ tarahom. Kieku se jibqgħu fil-​kundizzjoni li tiddeskrivi l-​Bibbja meta tistqarr: “Il-​mejtin ma jafu xejn; . . . għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet [il-qabar] fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:​5, 10.

2. Liema prospett meraviljuż huwa possibbli permezz taʼ l-​irxoxt?

2 Bi ħniena kbira, permezz taʼ l-​irxoxt, Jehovah ta l-​opportunità imprezzabbli lil għadd kbir taʼ nies li mietu biex iqumu mill-​mewt u jgawdu ħajja taʼ dejjem. Dan ifisser li int jistaʼ jkollok it-​tama taʼ ferħ li xi darba, fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, se terġaʼ tingħaqad mal-​maħbubin tiegħek li raqdu fil-​mewt.—Mark 5:​35, 41, 42; Atti 9:​36-​41.

3. (a) B’liema modi l-​irxoxt wera li hu importanti biex jitwettaq l-​iskop taʼ Jehovah? (b) It-​tama taʼ l-​irxoxt meta hija speċjalment sors taʼ saħħa għalina?

3 Minħabba l-​irxoxt, m’għandniex għalfejn ikollna biżaʼ esaġerat mill-​mewt. Jehovah jistaʼ, mingħajr ħsara dejjiema għall-​qaddejja leali tiegħu, iħalli lil Satana jmur sa l-​estrem biex jagħti prova taʼ l-​akkuża malizzjuża tiegħu li “l-​bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu.” (Ġob 2:4) Ġesù baqaʼ leali lejn Alla saħansitra sal-​mewt, u għalhekk Alla rxoxtah għall-​ħajja fis-​sema. B’hekk, Ġesù setaʼ jippreżenta l-​valur tas-​sagrifiċċju uman perfett tiegħu quddiem it-​tron taʼ Missieru fis-​sema, bil-​benefiċċju li jsalvalna ħajjitna. Permezz taʼ l-​irxoxt, dawk li huma mill-​“merħla ċkejkna,” bħala werrieta sħab maʼ Kristu, għandhom it-​tama li jkunu magħqudin miegħu fis-​Saltna tas-​sema. (Luqa 12:32) Għal oħrajn, hemm it-​tama taʼ rxoxt għal ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. (Salm 37:​11, 29) Il-​Kristjani kollha jqisu t-​tama taʼ l-​irxoxt bħala sors taʼ saħħa iktar min-​normal meta jgħaddu minn provi li jġibuhom wiċċ imbwiċċ mal-​mewt.—2 Korintin 4:7.

Għala Fundamentali għall-​Fidi Kristjana

4. (a) F’liema sens l-​irxoxt huwa wieħed “mill-​ewwel elementi tat-​tagħlim”? (b) L-​irxoxt xi jfisser għad-​dinja in ġenerali?

4 L-​irxoxt huwa wieħed “mill-​ewwel elementi tat-​tagħlim,” kif jistqarr Lhud 6:​1, 2. Huwa parti mill-​pedament tal-​fidi li mingħajru qatt ma nistgħu nsiru Kristjani maturi. (1 Korintin 15:​16-19) Madankollu, it-​tagħlim Bibliku taʼ l-​irxoxt huwa xi ħaġa stramba għall-​ħsieb tad-​dinja in ġenerali. Neqsin mill-​ispiritwalità, iktar u iktar nies jaraw din il-​ħajja biss bħala realtà. B’hekk, huma jgħixu fil-​ġiri wara l-​pjaċiri. Imbagħad, hemm dawk is-​segwaċi tar-​reliġjonijiet tradizzjonali—kemm ġewwa kif ukoll barra l-​Kristjaneżmu—li jaħsbu li għandhom ruħ immortali. Imma dan it-​twemmin ma jistax ikun fi qbil mat-​tagħlim Bibliku taʼ l-​irxoxt, ladarba l-​irxoxt ma kienx ikun neċessarju li kieku l-​bnedmin kellhom ruħ immortali. Jekk tipprova tgħaqqad dawn iż-​żewġ ideat flimkien iktar tkompli titħawwad minflok timtela bit-​tama. Kif nistgħu ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta li jridu jkunu jafu l-​verità?

5. (a) Qabel ma wieħed ikun jistaʼ japprezza l-​irxoxt, x’għandu bżonn ikun jaf? (b) Liema skritturi kieku tuża int biex tispjega dwar ir-​ruħ? il-​kundizzjoni tal-​mejtin? (ċ) X’jistaʼ jsir jekk xi ħadd juża traduzzjoni tal-​Bibbja li tidher li qed taħbi l-​verità?

5 Qabel ma wħud bħal dawn jistgħu jifhmu kemm l-​irxoxt hu provvediment meraviljuż, għandhom bżonn ikollhom fehma korretta dwar ir-​ruħ u l-​kundizzjoni tal-​mejtin. Taʼ spiss, kulma jkun hemm bżonn huma ftit skritturi biex dawn is-​suġġetti jkunu ċari għal wieħed li għandu l-​ġuħ għall-​verità tal-​Bibbja. (Ġenesi 2:​7, KŻ; Salm 146:​3, 4, KŻ; Eżekjel 18:​4, KŻ; 1 Korintin 15:45) Madankollu, xi traduzzjonijiet moderni u edizzjonijiet tal-​Bibbja f’parafrażi jaħbu l-​verità dwar ir-​ruħ. Għalhekk, jistaʼ jkun hemm bżonn li tikkunsidra l-​espressjonijiet użati fil-​lingwi oriġinali tal-​Bibbja.

6. Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd jifhem x’inhuma r-​ruħ u l-​ispirtu?

6 Ħafna verżjonijiet tal-​Bibbja huma konsistenti meta jittraduċu t-​terminu Ebrajk neʹfex u l-​kelma Griega li tikkorrispondi magħha psi·keʹ bħala “ruħ.” Ħafna verżjonijiet Bibliċi, inkluż il-​Bibbji bil-​Malti, m’humiex konsistenti imma ġieli jittraduċu l-​istess kliem oriġinali mhux biss bħala “ruħ” imma wkoll bħala “ħlejqa,” “esseri,” “persuna,” u “ħajja”; “in-​neʹfex tiegħi” tistaʼ tiġi tradotta “jien,” u “n-​neʹfex tiegħek,” “int.” L-​istess nistgħu ngħidu dwar it-​termini oriġinali għal “spirtu” (bl-Ebrajk ruʹach u bil-​Grieg pneuʹma) li jiġu tradotti forza tal-​ħajja jew nifs. Studju bir-​reqqa dwar kif jintużaw il-​kliem bl-​Ebrajk u bil-​Grieg għal “ruħ” fil-​Bibbja se jgħin lil student sinċier biex jara li t-​termini bil-​lingwa oriġinali tradotti “ruħ” jirreferu kemm għan-​nies kif ukoll għall-​annimali. Imma dawn it-​termini qatt ma jagħtu l-​idea li r-​ruħ jew l-​ispirtu huwa xi ħaġa inviżibbli, li ma tistax tintmess, u li tistaʼ toħroġ mill-​ġisem fil-​mewt u tibqaʼ teżisti xi mkien ieħor.

7. Kif tispjega mill-​Bibbja l-​kundizzjoni taʼ dawk fil-​qabar komuni tal-​bnedmin? f’Geħenna?

7 Il-​Bibbji bil-​Malti jittraduċu t-​terminu Ebrajk sheʼohlʹ (Xeol), it-​terminu Grieg haiʹdes (Ħades), u t-​terminu Grieg geʹen·na (Geħenna) bħala “infern,” “Post il-​Mejtin,” “Art l-​Imwiet,” fost oħrajn. Fil-​lingwi oriġinali tal-​Bibbja jidher ċar li kemm Xeol u kemm Ħades jirreferu għall-​qabar komuni tal-​bnedmin u għandhom x’jaqsmu mal-​mewt, mhux mal-​ħajja. (Salm 89:49 [89:​48, NW]; Apokalissi 20:13) L-​Iskrittura toffri wkoll il-​prospett taʼ ritorn mill-​qabar komuni permezz taʼ l-​irxoxt. (Ġob 14:13; Isaija 26:19; Atti 2:31) B’kuntrast, m’hemm l-​ebda ħajja futura għal dawk li jmorru f’Geħenna, u xejn ma jissemma dwar li r-​ruħ għandha xi eżistenza konxja hemmhekk.—Mattew 10:28.a

8. Kif jistaʼ wieħed li jifhem sew l-​irxoxt ikun influwenzat fl-​attitudni u l-​azzjonijiet tiegħu?

8 B’dawn is-​suġġetti spjegati b’mod ċar, wieħed imbagħad jistaʼ jiġi megħjun jifhem x’jistaʼ jfisser għalih l-​irxoxt. Jistaʼ jibda japprezza l-​imħabba taʼ Jehovah li għamel dan il-​provvediment meraviljuż. In-​niket li jħossu dawk li tilfu lill-​maħbubin tagħhom fil-​mewt jistaʼ jittaffa permezz taʼ l-​istennija ferriħija li jerġgħu jingħaqdu flimkien magħhom fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Li wieħed jifhem dawn l-​affarijiet huwa vitali wkoll biex jifhem it-​tifsir tal-​mewt taʼ Kristu. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu rrealizzaw li l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu huwa fundamentali għall-​fidi Kristjana, u li dan fetaħ it-​triq għall-​irxoxt t’oħrajn. Huma ppridkaw b’żelu dwar l-​irxoxt taʼ Ġesù u dwar it-​tama li jagħti. Għalhekk, ukoll, dawk li llum japprezzaw l-​irxoxt huma ħerqanin li jaqsmu din il-​verità prezzjuża m’oħrajn.—Atti 5:​30-32; 10:​42, 43.

Juża ‘l-​Muftieħ taʼ Ħades’

9. Ġesù b’liema mod jużahom l-​ewwel ‘l-​imfietaħ tal-​Mewt u taʼ Ħades’?

9 Dawk kollha li se jassoċjaw maʼ Kristu fis-​Saltna tiegħu tas-​sema jridu eventwalment imutu. Imma huma jafu sew l-​assiguranza li ta meta qal: “Jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem taʼ dejjem, u għandi jinsabu l-​imfietaħ tal-​Mewt u taʼ Post il-​Mejtin [jew, Ħades].” (Apokalissi 1:18) X’ried ifisser? Kien qed jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​esperjenza tiegħu stess. Hu wkoll kien miet. Imma Alla ma ħalliehx f’Ħades. Fit-​tielet jum, Jehovah personalment qajmu għall-​ħajja bħala spirtu u tah l-​immortalità. (Atti 2:​32, 33; 10:40) Iżjed minn hekk, Alla tah ‘l-​imfietaħ tal-​Mewt u taʼ Ħades’ biex jużahom ħalli jeħles lil oħrajn mill-​qabar komuni tal-​bnedmin u mill-​effetti tad-​dnub taʼ Adam. Peress li jippossiedi dawn l-​imfietaħ, Ġesù għandu l-​abbiltà li jqajjem lis-​segwaċi leali tiegħu mill-​mewt. Hu jirxoxta l-​ewwel lill-​membri tal-​kongregazzjoni tiegħu li huma midlukin bl-​ispirtu, filwaqt li jagħtihom l-​għotja prezzjuża taʼ ħajja immortali fis-​sema, sewwa sew bħalma Missieru ta lilu.—Rumani 6:5; Filippin 3:​20, 21.

10. Meta jseħħ l-​irxoxt tal-​Kristjani midlukin li jmutu leali?

10 Il-​Kristjani midlukin leali meta kellhom jesperjenzaw l-​irxoxt għas-​sema? Il-​Bibbja tindika li dan diġà beda. L-​appostlu Pawlu spjega li dawn kellhom iqumu ‘f’jum il-​miġja taʼ Kristu,’ li bdiet fis-​sena 1914. (1 Korintin 15:23) Issa, matul il-​preżenza tiegħu, meta wħud leali mill-​midlukin imutu minn fuq l-​art m’għandhomx għalfejn jibqgħu mejtin sakemm il-​Mulej tagħhom jirritorna. Hekk kif imutu, huma jiġu mqajmin fl-​ispirtu, ‘jitbiddlu, f’waqt wieħed, f’teptipa taʼ għajn.’ X’ferħ jesperjenzaw, ladarba l-​għemejjel tajbin li jkunu għamlu “jmorru magħhom”!—1 Korintin 15:​51, 52; Apokalissi 14:13.

11. Liema rxoxt se jkun hemm għan-​nies in ġenerali, u meta se jibda?

11 Imma l-​irxoxt tal-​werrieta tas-​Saltna għall-​ħajja fis-​sema m’huwiex l-​uniku rxoxt. Il-​fatt li f’Apokalissi 20:6 huwa msejjaħ l-​“ewwel qawmien” jindika li hemm irxoxt ieħor. Dawk li jibbenefikaw minn dan l-​irxoxt taʼ l-​aħħar se jkollhom il-​prospett ferrieħi taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Dan meta se jseħħ? Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi juri li se jkun wara li jitneħħew “l-​art u s-​sema”—is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar preżenti, bl-​awtoritajiet li jmexxuha. It-​tmiem taʼ din is-​sistema qadima huwa tassew fil-​qrib. Wara dan, fiż-​żmien maħtur minn Alla, se jibda l-​irxoxt fuq l-​art.—Apokalissi 20:​11, 12.

12. Min se jkun inkluż fost l-​uħud leali li se jqumu għall-​ħajja fuq l-​art, u dan għala huwa prospett eċċitanti?

12 Min se jkun inkluż f’dan l-​irxoxt fuq l-​art? Fosthom se jkun hemm il-​qaddejja leali taʼ Jehovah miż-​żminijiet tal-​qedem, irġiel u nisa li minħabba l-​fidi qawwija tagħhom fl-​irxoxt ‘irrifjutaw il-​ħelsien.’ Jiġifieri, ma kinux se jikkompromettu l-​integrità tagħhom lejn Alla sabiex jevitaw mewta vjolenti u qabel iż-​żmien. X’għaxqa se tkun li nsiru nafuhom personalment u nisimgħu mingħandhom direttament id-​dettalji rigward il-​ġrajjiet li huma msemmijin biss fil-​qosor fil-​Bibbja! Se jiġu rxoxtati wkoll għall-​ħajja fuq l-​art—Abel, l-​ewwel xhud leali taʼ Jehovah; Ħenok u Noè, proklamaturi mingħajr biżaʼ tal-​messaġġ taʼ twissija mingħand Alla qabel id-​Dilluvju; Abraham u Sara, li laqgħu lill-​anġli; Mosè, li permezz tiegħu ngħatat il-​Liġi fuq il-​Muntanja Sinaj; profeti kuraġġużi bħal Ġeremija, li ra l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K.; u Ġwanni l-​Għammied, li semaʼ lil Alla nnifsu jidentifika lil Ġesù bħala Ibnu. Minn barra dawn, se jkun hemm ukoll ħafna rġiel u nisa leali li mietu matul dawn l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar preżenti.—Lhud 11:​4-38; Mattew 11:11.

13, 14. (a) X’se jiġrilhom Ħades u l-​mejtin li jinsabu fih? (b) Min se jkun inkluż fl-​irxoxt, u għala?

13 Maż-​żmien, oħrajn minbarra l-​qaddejja leali t’Alla wkoll se jiġu mqajmin mill-​mewt, u b’hekk ma jitħalla ħadd fil-​qabar komuni tal-​bnedmin. Il-​fatt li l-​qabar se jiġi żvojtat għalkollox mill-​mejtin tiegħu jistaʼ jidher mill-​użu li Ġesù se jagħmel mill-​‘muftieħ taʼ Ħades’ għan-​nom taʼ l-​umanità. Dan huwa muri f’viżjoni mogħtija lill-​appostlu Ġwanni, li fiha ra lil Ħades jiġi ‘mixħut fil-​belliegħa tan-​nar.’ (Apokalissi 20:14) Xi jfisser dan? Ifisser li Ħades, il-​qabar komuni tal-​bnedmin, jinqered kompletament. Ma jibqax jeżisti iktar, peress li jitbattal kompletament mill-​mejtin tiegħu, għax minbarra li jqajjem lill-​aduraturi leali kollha taʼ Jehovah, Ġesù kollu ħniena se jġib lura saħansitra lil nies ħżiena. Il-​Kelma t’Alla tassigurana: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.”—Atti 24:15.

14 Ħadd minn dawn il-​ħżiena ma se jiġi mqajjem sempliċement biex jiġi ġudikat li reġaʼ ħaqqu l-​mewt. F’ambjent fejn is-​sewwa se jittrijonfa maʼ l-​art kollha taħt is-​Saltna t’Alla, huma se jiġu megħjunin iġibu ħajjithom fi qbil mal-​mogħdijiet taʼ Jehovah. Il-​viżjoni wriet li se jinfetaħ ‘il-​ktieb tal-​ħajja.’ Għaldaqstant, se jkollhom l-​opportunità li isimhom ikun miktub fih. Se jsir ‘ħaqq minnhom fuq l-​għemejjel’ li jkunu għamlu wara l-​irxoxt tagħhom. (Apokalissi 20:​12, 13) B’hekk, meta tqis kollox, l-​irxoxt tagħhom jistaʼ jkun wieħed “għall-​ħajja” u mhux bilfors wieħed “għall-​kundanna.”—Ġwann 5:​28, 29.

15. (a) Min mhux se jiġi rxoxtat? (b) L-​għarfien tal-​verità dwar l-​irxoxt kif għandu jeffettwana?

15 Madankollu, mhux kulmin għex u miet se jiġi rxoxtat. Xi wħud ikkommettew dnubiet li m’hemm l-​ebda maħfra għalihom. Dawn ma jkunux f’Ħades, imma f’Geħenna, fejn jesperjenzaw qerda dejjiema. Inklużi fosthom se jkun hemm ukoll dawk li jinqerdu fit-​tribulazzjoni l-​kbira, li tinsab fil-​qrib. (Mattew 12:​31, 32; 23:33; 24:​21, 22; 25:​41, 46; 2 Tessalonikin 1:​6-9) B’hekk, filwaqt li Jehovah juri ħniena straordinarja f’li jeħles lill-​mejtin minn Ħades, it-​tama taʼ l-​irxoxt ma tipprovdi l-​ebda bażi biex inkunu indifferenti dwar kif ngħixu issa. M’hemm l-​ebda rxoxt għal dawk li jirribellaw apposta kontra s-​sovranità taʼ Jehovah. Dan l-​għarfien għandu jqanqalna biex nuru li napprezzaw profondament il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla hekk kif ngħixu ħajjitna skond ir-​rieda tiegħu.

Imsaħħin Permezz tat-​Tama taʼ l-​Irxoxt

16. It-​tama taʼ l-​irxoxt kif tistaʼ tkun sors taʼ saħħa kbira?

16 Dawk minna li tassew jemmnu fit-​tama taʼ l-​irxoxt jistgħu jiksbu saħħa kbira minn dan. Fil-​preżent, meta nikbru fl-​età, nafu li ma nistgħux nipposponu l-​mewt b’mod indefinit—minkejja l-​proċeduri mediċi li jintużaw. (Koħèlet 8:8) Jekk aħna qdejna lealment lil Jehovah maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, nistgħu nħarsu lejn il-​futur b’fiduċja sħiħa. Nafu li permezz taʼ l-​irxoxt se nerġgħu ngawdu l-​ħajja, fiż-​żmien xieraq t’Alla. U x’ħajja se tkun din! “Il-​ħajja vera,” kif sejħilha l-​appostlu Pawlu.—1 Timotju 6:19; Lhud 6:​10-12.

17. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-​integrità lejn Jehovah?

17 Il-​fatt li nafu li hemm irxoxt u wkoll lil Dak li hu s-​sors taʼ dan il-​provvediment iġagħalna nkunu sodi fil-​fidi. Dan isaħħaħna biex inkunu leali lejn Alla saħansitra jekk dawk li jippersegwitawna b’mod vjolenti jhedduna bil-​mewt. Satana ilu juża l-​biżaʼ minn mewt qabel il-​waqt bħala mezz biex iżomm lin-​nies fil-​jasar. Imma Ġesù ma kellux biżaʼ bħal dan. Ta prova li kien leali lejn Jehovah sal-​mewt. Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa tiegħu, Ġesù pprovda l-​mezz biex jeħles lill-​oħrajn minn dan il-​biżaʼ.—Lhud 2:​14, 15.

18. X’kien li għen lill-​qaddejja taʼ Jehovah jagħtu prova taʼ l-​għaġeb bħala wħud li jżommu l-​integrità tagħhom?

18 Bħala riżultat tal-​fidi tagħhom kemm fil-​provvediment tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu kif ukoll fl-​irxoxt, il-​qaddejja taʼ Jehovah taw prova taʼ l-​għaġeb bħala wħud li jżommu l-​integrità. Meta jkunu taħt pressjoni, huma juru li ‘ma jgħożżux ħajjithom’ iktar milli jħobbu lil Jehovah. (Apokalissi 12:11) B’mod għaqli, huma ma jabbandunawx il-​prinċipji Kristjani sabiex isalvaw il-​ħajja preżenti tagħhom. (Luqa 9:​24, 25) Huma jafu li anki jekk jitilfu ħajjithom issa minħabba li jappoġġaw lealment is-​sovranità taʼ Jehovah, hu se jippremjahom permezz taʼ l-​irxoxt. Għandek int din il-​kwalità taʼ fidi? Ikollok jekk tassew tħobb lil Jehovah u tgħożż dak li tassew tfisser it-​tama taʼ l-​irxoxt.

[Nota taʼ taħt]

a Il-Glossarju tat-​Testment il-​Ġdid taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija taħt il-​kelma “Infern” jgħid: “Kelma Latina li tfisser taħt l-​art, u twieġeb għall-​kelma Griega hades u l-​Lhudi xeol, fejn jgħammru l-​mejtin. Għall-​ewwel kienet tfisser biss il-​post fejn jgħammru l-​mejtin, tajbin jew ħżiena, Lq 16,23. Fit-​T.Ġ. tistaʼ tfisser ukoll qerda, Mt 11,23; Lq 10,15; jew il-​mewt, Mt 16,18; Lq 16,23. F’din it-​traduzzjoni nqdejna b’din il-​kelma biex ittraduċejna ġehenna.”

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Għala wieħed għandu bżonn ikollu fehma korretta dwar ir-​ruħ u l-​kundizzjoni tal-​mejtin qabel ma jkun jistaʼ japprezza l-​irxoxt?

• Min se jqum mill-​mewt, u dan l-​għarfien kif għandu jeffettwana?

• Kif issaħħaħna t-​tama taʼ l-​irxoxt?

[Stampi f’paġna 84, 85]

Jehovah iwiegħed li se jkun hemm irxoxt għan-​nies sewwa u għal dawk li m’humiex

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja