L-Organizzazzjoni taʼ Jehovah Tappoġġja l-Ministeru Tiegħek
“Rajt anġlu ieħor jittajjar fl-għoli tas-sema, bl-Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru.”—APOKALISSI 14:6.
1. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif ġew imġarrbin, u għala baqgħu ħajjin?
GĦALA huwa daqstant importanti li tirrikonoxxi l-irwol taʼ l-organizzazzjoni tas-sema taʼ Jehovah f’li tappoġġja l-ministeru Kristjan? Sewwa, setgħu x-Xhieda taʼ Jehovah jwettqu l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’dinja ostili mingħajr l-appoġġ tal-qtajjaʼ tas-sema taʼ Jehovah? Ix-Xhieda għamlu dan l-ippridkar matul seklu taʼ nazzjonaliżmu estrem, sistemi politiċi totalitarji, gwerer dinjin, u diversi avversitajiet. Mingħajr l-għajnuna taʼ Jehovah setgħu x-Xhieda jissuperaw ir-ruxxmata taʼ attakki internazzjonali taʼ preġudizzju, tagħwiġ taʼ ġustizzja, u spiss persekuzzjoni vjolenti li ġew immirati fuqhom?—Salm 34:8 [Salm 34:7, NW].
Sopravivenza Minkejja Oppożizzjoni mad-Dinja Kollha
2. Liema parallel hemm bejn il-Kristjani veri taʼ l-ewwel seklu u dawk tal-lum?
2 F’dan is-seklu 20, għedewwa, kemm reliġjużi u kemm politiċi, qajmu kull ostaklu possibbli, legali u mhux, biex jipprovaw ifixklu jew joħonqu x-xogħol taʼ Jehovah. Aħwa Kristjani rġiel u nisa ġew ippersegwitati, irrappreżentati ħażin, inġurjati, u mmalafamati—ħafna saħansitra nqatlu—spiss kaġun tat-tixwix tal-kleru taʼ Babilonja l-Kbira. Jistaʼ jingħad, bħal fil-każ tal-Kristjani bikrin, li “dwar din is-setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħ[h]a.” Sewwa sew bħalma l-kleru Lhudi taʼ żmien Kristu ġġieled b’ħiltu kollha biex iwaqqaflu l-ministeru tiegħu, hekk il-kleru u l-apostati, id f’id man-namrati politiċi tagħhom, ipprovaw joħonqu x-xogħol kbir u edukattiv taʼ xiehda tan-nies taʼ Jehovah.—Atti 28:22; Mattew 26:59, 65-67.
3. X’nistgħu nitgħallmu mill-integrità taʼ Henryka Żur?
3 Ħu bħala eżempju dak li ġara fil-Polonja fl-1 taʼ Marzu, 1946. Henryka Żur, tfajla Xhud taʼ 15-il sena minn viċin Chelm, akkumpanjat lil Xhud ieħor, biex iżuru lil nies interessati f’raħal fil-qrib. Ġew arrestati minn membri taʼ skwadra militari Kattolika msejħa Narodowe Siły Zbrojne (Forzi Armati Nazzjonali). Il-ħu ġie msawwat bl-aħrax imma rnexxielu jiskansa l-mewt. Imma Henryka ma ħelsithiex. Din ġiet ittorturata b’mod orribbli għal ħafna sigħat hekk kif ipprovaw jisforzawha trodd is-salib. Wieħed minn dawk li tturmentawha qal: “Minn ġewwa emmen li trid, sempliċement rodd is-salib bħall-Kattoliċi. Inkella għandek balla tistenniek!” Iddgħajfet hi fl-integrità tagħha? Le. Il-beżżiegħa reliġjużi kaxkruha għal ġo foresta fil-qrib u sparawlha. Xorta waħda, hi kienet vittorjuża! Ma rnexxilhomx ikissru l-integrità tagħha.a—Rumani 8:35-39.
4. Elementi politiċi u reliġjużi kif ipprovaw joħonqu x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna?
4 Għal iktar minn mitt sena, il-qaddejja t’Alla taʼ żmienna ġew ittrattati bi ħruxija u bla rispett. Minħabba li x-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex, u ma jixtiqux ikunu, parti mir-reliġjonijiet ewlenin taʼ Satana, huma meqjusin bħala priża addattata għal taħt difrejn kwalunkwe kritiku ppreġudikat jew opponent fanatiku. Huma ġew attakkati b’mod aħrax mill-elementi politiċi. Ħafna Xhieda ngħataw il-martirju minħabba l-fidi tagħhom. Saħansitra l-hekk imsejħin demokraziji pprovaw jostakolaw l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Sa lura fl-1917 fil-Kanada u l-Istati Uniti, il-kleru qanqal akkużi taʼ sovversjoni kontra l-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-Xhieda dak iż-żmien. Uffiċjali tal-Watch Tower Society ġew mitfugħin il-ħabs inġustament, u kien biss iktar tard li ġew eżonerati.—Apokalissi 11:7-9; 12:17.
5. Liema kliem serva biex jinkuraġġixxi ’l-qaddejja taʼ Jehovah?
5 Satana uża kull mezz għad-dispożizzjoni tiegħu biex jipprova jwaqqaf ix-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda taʼ ħut Kristu u taʼ l-imseħbin leali tagħhom. Iżda, bħalma juru tant u tant esperjenzi, la theddid, la intimidazzjoni, la vjolenza fiżika, la ħabsijiet, la kampijiet tal-konċentrament, u lanqas saħansitra l-mewt ma sikktu lix-Xhieda taʼ Jehovah. U dan kien il-każ matul l-istorja kollha. Għal darba wara l-oħra, il-kliem taʼ Eliżew serva taʼ inkuraġġiment: “La tibżax! hemm . . . aktar magħna milli magħhom.” Raġuni waħda hi li anġli leali jissuperaw fl-għadd lill-qtajjaʼ tax-Xitan!—2 Slaten 6:16; Atti 5:27-32, 41, 42.
Jehovah Jbierek Ippridkar Żeluż
6, 7. (a) Liema sforzi bikrin saru biex tiġi ppridkata l-aħbar tajba? (b) Liema bidla taʼ benefiċċju seħħet fl-1943?
6 Matul is-seklu 20, ix-Xhieda taʼ Jehovah wżaw ħafna avvanzi fit-teknoloġija sabiex iżidu u jgħaġġlu x-xogħol kbir taʼ għoti taʼ xiehda qabel jiġi t-tmiem. Lura fl-1914, Pastor Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Bible and Tract Society, ippromwova l-użu bikri taʼ slajds u stampi jiċċaqalqu, issinkronizzati maʼ kummentarju bbażat fuq il-Bibbja fuq diski fonografiċi, fi produzzjoni dwar il-Bibbja, twila tmien sigħat, imsejħa “The Photo-Drama of Creation.” Din għaġġbet lil udjenzi f’ħafna pajjiżi f’dak iż-żmien. Iktar tard, fis-snin tletin u erbgħin, ix-Xhieda saru magħrufin għall-ippridkar tagħhom minn dar għal dar b’fonografi li jinġarru, u kienu jużaw rikordings taʼ taħditiet Bibliċi ppreżentati minn J. F. Rutherford, it-tieni president tas-Soċjetà.
7 Fis-sena 1943 ittieħed pass kuraġġuż taħt id-direzzjoni taʼ Nathan H. Knorr, it-tielet president tas-soċjetà, meta ġie deċiż li titwaqqaf skola għal ministri f’kull kongregazzjoni. Ix-Xhieda kienu se jiġu mħarrġin jippridkaw u jgħallmu minn dar għal dar mingħajr l-użu tar-rikordings fonografiċi. Minn dakinhar ’l hawn ġew organizzati skejjel oħrajn għat-taħriġ tal-missjunarji, ministri pijunieri full-time, anzjani tal-kongregazzjoni, u indokraturi responsabbli fil-fergħat tal-Watch Tower Society. X’kien ir-riżultat?
8. Ix-Xhieda kif urew fidi kbira fl-1943?
8 Lura fl-1943, f’nofs it-Tieni Gwerra Dinjija, kien hemm biss 129,000 Xhud attiv f’54 pajjiż. Iżda dawn kellhom fidi u determinazzjoni li Mattew 24:14 kien se jitwettaq qabel jiġi t-tmiem. Kienu konvinti li Jehovah kien se jġiegħel li l-messaġġ importanti taʼ twissija jiġi pproklamat l-ewwel qabel is-sekwenza taʼ ġrajjiet li kienu se jtemmu lil din is-sistema t’affarijiet korrotta. (Mattew 24:21; Apokalissi 16:16; 19:11-16, 19-21; 20:1-3) Ġew ippremjati l-isforzi tagħhom?
9. Liema fatti juru li x-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda rnexxa?
9 Hemm issa minn taʼ l-inqas 13-il pajjiż li għandhom iktar minn 100,000 Xhud attiv kull wieħed. Għadd ġmielu minnhom huma pajjiżi ddominati mill-Knisja Kattolika. Madankollu, ħares lejn is-sitwazzjoni. Il-Brażil għandu madwar 450,000 pubblikatur taʼ l-aħbar tajba, u ’l fuq minn 1,200,000 attendew għall-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu fl-1997. Il-Messiku huwa eżempju ieħor, bi kważi 500,000 Xhud u ’l fuq minn 1,600,000 fiċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar. Pajjiżi Kattoliċi oħrajn huma l-Italja (xi 225,000 Xhud), Franza (madwar 125,000), Spanja (’il fuq minn 105,000), u l-Arġentina (iktar minn 115,000). Fl-Istati Uniti, fejn ir-reliġjonijiet Protestanti, Kattoliċi, u Lhud huma predominanti, hemm xi 975,000 Xhud u ’l fuq minn 2,000,000 attendew għall-Mafkar. Ċertament li folol kbar qed joħorġu bi ħġarhom minn Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, bit-tagħlim mistiku tagħha u qed iduru lejn il-wegħdi sempliċi u ċerti t’Alla dwar “smewwiet ġodda u art ġdida.”—2 Pietru 3:13; Isaija 2:3, 4; 65:17; Apokalissi 18:4, 5; 21:1-4.
Naddattaw għall-Bżonnijiet tan-Nies
10. Kif inbidlu ċ-ċirkostanzi f’xi nħawi?
10 Ħafna minn dawk li daru lejn Jehovah permezz taʼ Kristu Ġesù nstabu minn dar għal dar. (Ġwann 3:16; Atti 20:20) Imma ntużaw ukoll metodi oħrajn. Iż-żminijiet inbidlu, u kundizzjonijiet ekonomiċi huma tali li ħafna nisa issa jaħdmu barra mid-dar. Spiss, matul il-ġimgħa, ftit nies issibhom id-dar. B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah addattaw għas-sitwazzjoni. Bħal Ġesù u d-dixxipli bikrin, huma jmorru fejn u meta jsibu n-nies.—Mattew 5:1, 2; 9:35; Mark 6:34; 10:1; Atti 2:14; 17:16, 17.
11. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fejn qed jippridkaw illum, u b’liema riżultat?
11 Ix-Xhieda qed jieħdu l-inizjattiva u qed jippridkaw b’mod diskret lil nies f’postijiet kbar taʼ parking, ċentri tal-ħwienet, fabbriki, uffiċini u postijiet tan-negozju, skejjel, għases tal-pulizija, pompi tal-petrol, lukandi u restoranti, u fit-triqat. Fil-fatt, huma jippridkaw kulfejn isibu n-nies. U meta n-nies ikunu d-dar, imbagħad ix-Xhieda jkomplu jżuruhom hemmhekk. Dan il-metodu adattabbli u prattiku qed jirriżulta f’distribuzzjoni miżjuda taʼ letteratura tal-Bibbja. Uħud bħal nagħaġ qegħdin jinstabu. Qed jinbdew studji ġodda tal-Bibbja. L-akbar xogħol edukattiv fl-istorja umana qed jitwettaq b’mod żeluż minn ’il fuq minn ħames miljun u nofs ministru volontier! Għandek int il-privileġġ li tkun wieħed minnhom?—2 Korintin 2:14-17; 3:5, 6.
X’Iqanqal lix-Xhieda taʼ Jehovah?
12. (a) Jehovah kif qed jgħallem lill-poplu tiegħu? (b) Dan it-tagħlim x’effett għandu?
12 Liema rwol għandha l-organizzazzjoni tas-sema f’dan kollu? Isaija pprofetizza: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej, kbir għad ikun ġid [“il-paċi taʼ,” NW] uliedek.” (Isaija 54:13) Jehovah qed jgħallem lil din il-fratellanza dinjija magħquda permezz taʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu fuq l-art—fis-Swali tas-Saltna, fil-konvenzjonijiet, u fl-assembleat. Dan jirriżulta f’unità u paċi. It-tagħlim taʼ Jehovah pproduċa poplu uniku, nies mgħallmin biex iħobbu lil xulxin u lill-ġâr tagħhom bħalhom infushom, biex ma jobogħdux lill-ġirien tagħhom, jgħixu fejn jgħixu f’din id-dinja mifruda u li tifred.—Mattew 22:36-40.
13. Kif nistgħu nkunu ċerti li direzzjoni anġelika hija involuta fix-xogħol taʼ l-ippridkar?
13 L-imħabba hija dik il-ħaġa li tqanqal lix-Xhieda taʼ Jehovah biex jibqgħu jippridkaw minkejja l-apatija jew il-persekuzzjoni. (1 Korintin 13:1-8) Huma jafu li x-xogħol tagħhom li jsalva l-ħajja huwa ddireġut mis-sema, bħalma jistqarr Apokalissi 14:6. X’inhu l-messaġġ li qed jiġi pproklamat taħt direzzjoni anġelika? “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu, u inxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.” L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna jeżalta isem Jehovah. In-nies qed jiġu mistednin biex jagħtu glorja lill-Ħallieq, Alla, u mhux lill-ħlejjaq jew lill-evoluzzjoni bla direzzjoni. U x-xogħol taʼ l-ippridkar għala hu daqstant urġenti? Għaliex waslet is-siegħa taʼ ġudizzju—ġudizzju kontra Babilonja l-Kbira u l-aspetti l-oħrajn kollha tas-sistema viżibbli t’affarijiet taʼ Satana.—Apokalissi 14:7; 18:8-10.
14. Min hu involut f’din il-kampanja kbira taʼ tagħlim?
14 L-ebda Kristjan iddedikat m’huwa eżentat minn dan ix-xogħol taʼ ppridkar. Anzjani spiritwali jieħdu t-tmexxija f’li jippridkaw mal-kongregazzjoni. Pijunieri mħarrġin huma okkupati bis-sħiħ fix-xogħol. Pubblikaturi żelużi tal-messaġġ tas-Saltna, kemm jekk jistgħu jippridkaw biss għal ftit sigħat fix-xahar jew għal ħafna, qed jifirxu l-messaġġ għal ġo kull rokna taʼ l-art.—Mattew 28:19, 20; Lhud 13:7, 17.
15. X’inhu dak li jindika l-impatt taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah?
15 Dan l-isforz kollu għamel impatt fuq id-dinja? Evidenza sempliċi waħda li dan għamel impatt hija l-għadd taʼ drabi li x-Xhieda taʼ Jehovah jissemmew fi programmi televiżivi u f’artikli tal-gazzetti. Dawn spiss jenfasizzaw il-persistenza u d-determinazzjoni tagħna f’li nikkuntattjaw lil kulħadd. Iva, iż-żelu u l-preżenza kontinwa tagħna jagħmlu impressjoni profonda, saħansitra jekk il-maġġuranza tan-nies jirrifjutaw il-messaġġ u l-messaġġiera!
Iż-Żelu Tagħna biex Inlestu x-Xiehda
16. Liema attitudni għandha tintwera issa fiż-żmien limitat li baqaʼ?
16 Ma nafux kemm baqaʼ iżjed żmien għal din is-sistema t’affarijiet, u lanqas m’għandna bżonn inkunu nafu dment li l-motiv tagħna f’li naqdu lil Jehovah huwa pur. (Mattew 24:36; 1 Korintin 13:1-3) Imma li nafu hu li sabiex jintwerew l-imħabba, il-qawwa, u l-ġustizzja taʼ Jehovah, l-aħbar tajba trid tiġi ppridkata “l-ewwel.” (Mark 13:10) Għalhekk, minkejja kemm snin għandna mnejn ilna nistennew bil-ħerqa t-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, inġusta u vjolenti, irridu b’mod żeluż ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna skond iċ-ċirkostanzi tagħna. Jistaʼ jkun li aħna xjuħ jew morda, imma xorta waħda nistgħu naqdu lil Jehovah biż-żelu li kellna meta konna iżgħar u iżjed b’saħħitna. Forsi m’għadniex nistgħu nqattgħu l-istess ammont taʼ ħin bħal qabel fil-ministeru, imma ċertament li nistgħu nżommu l-kwalità tas-sagrifiċċju tagħna taʼ tifħir lil Jehovah.—Lhud 13:15.
17. Irrakkonta esperjenza inkuraġġanti li tistaʼ tgħinna lkoll.
17 Għalhekk, kemm jekk aħna żgħażagħ jew xjuħ, ejjew nuru żelu u naqsmu l-messaġġ pożittiv tagħna dwar id-dinja l-ġdida maʼ kulmin niltaqgħu. Ejjew inkunu bħat-tifla mistħija, taʼ sebaʼ snin, fl-Awstralja li marret il-ħanut m’ommha. Kienet semgħet fis-Sala tas-Saltna kemm hu importanti li kulħadd jippriedka, u għalhekk poġġiet żewġ browxers dwar il-Bibbja fil-basket tagħha. Waqt li ommha kienet aljenata tixtri, it-tifla ċkejkna sparixxiet. Meta ommha marret tfittixha, sabitha toffri browxer lil waħda mara! L-omm resqet lejhom biex tiskuża ruħha għal xi inkonvenjent li bintha setgħet ikkaġunat lil dik il-mara. Imma l-mara kienet aċċettat il-browxer bl-edukazzjoni kollha. Meta l-omm kienet għal darb’oħra waħedha maʼ bintha, staqsietha kif irnexxielha trabbi l-kuraġġ u tavviċina mara li ma tafhiex. “Kulma għedt kien, Wieħed, Tnejn, Tlieta! U mort!”
18. Kif nistgħu nuru spirtu ammirevoli?
18 Ilkoll kemm aħna neħtieġu spirtu bħal dak tat-tifla Awstraljana, sabiex navviċinaw bl-aħbar tajba lil nies li ma nafuhomx jew saħansitra lil xi uffiċjali. Forsi nibżgħu li jiksruna. Ejjew ma ninsewx dak li qal Ġesù: “Toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.”—Luqa 12:11, 12.
19. Kif tħossok int dwar il-ministeru tiegħek?
19 Mela afda fl-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla hekk kif tavviċina lin-nies bil-ħlewwa bl-aħbar tajba. Miljuni taʼ nies ipoġġu l-fiduċja tagħhom fi rġiel u nisa li taʼ spiss ma jkunux jimmeritawha u li llum hawn u għada m’humiex. Aħna nafdaw f’Jehovah u fl-organizzazzjoni tiegħu tas-sema—Kristu Ġesù, l-anġli qaddisin, u Kristjani midlukin irxoxtati—li huma ħajjin għal dejjem! Għalhekk ftakar: “Hemm . . . aktar magħna milli magħhom”!—2 Slaten 6:16.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iżjed eżempji, ara n-1994 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 217-20.
Int Kif Twieġeb?
◻ L-organizzazzjoni tas-sema t’Alla liema rwol kellha fis-sopravivenza tan-nies taʼ Jehovah?
◻ Liema elementi politiċi u reliġjużi attakkaw lix-Xhieda taʼ Jehovah fis-seklu 20?
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif addattaw il-ministeru tagħhom għall-bżonnijiet taż-żminijiet?
◻ X’inhu dak li jimmotivak biex tippriedka?
[Stampa f’paġna 17]
Henryka Żur
[Stampi f’paġni 18]
Ġappun
Martinik
Stati Uniti
Kenja
Stati Uniti
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw kulmeta u kulfejn isibu n-nies
[Stampa f’paġna 20]
Kmieni f’dan is-seklu, kienu jintużaw il-fonografi biex jixxerred il-messaġġ tas-Saltna