Kemm hi Soda l-Fiduċja Tiegħek f’Alla?
“Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna.”—MATTEW 6:33.
1, 2. Liema passi ħa żagħżugħ wieħed dwar ix-xogħol, u għala?
WIEĦED żagħżugħ ried ikun iktar utli fil-kongregazzjoni tiegħu. Il-problema kienet li x-xogħol sekulari tiegħu kien qed itellfu milli jkun regulari għal-laqgħat. Kif ittratta mas-sitwazzjoni? Hu ssimplifika ħajtu, telaq mix-xogħol, u maż-żmien sab xogħol li ma kienx itellfu mill-attivitajiet Kristjani tiegħu. Illum, hu jaqlaʼ ħafna inqas flus minn qabel, imma xorta għadu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja u issa iktar jistaʼ jappoġġa l-kongregazzjoni.
2 Tistaʼ tifhem għala dak iż-żagħżugħ ħa dan il-pass? Li kieku kont fl-istess ċirkustanzi tiegħu, kont int tagħmel l-istess? Huma taʼ min ifaħħarhom lil dawk il-ħafna Kristjani li għamlu hekk, u l-azzjonijiet tagħhom juru li huma għandhom fiduċja fil-wegħda taʼ Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:33) Huma fiduċjużi li s-sigurtà tagħhom ġejja minn Ġeħova u mhux mid-dinja sekulari.—Proverbji 3:23, 26.
3. Xi wħud għala jitħassbu dwar jekk huwiex prattiku li tpoġġi s-Saltna t’Alla l-ewwel illum?
3 Meta jqisu ż-żmien iebes li qed jgħixu fih, xi wħud jitħassbu dwar jekk id-deċiżjoni li ħa dak iż-żagħżugħ kinitx għaqlija. Illum, parti mill-umanità tgħix f’faqar estrem filwaqt li oħrajn igawdu l-ogħla livell t’għajxien li qatt kien hawn fl-istorja. Ħafna minn dawk li jgħixu f’pajjiżi fqar jaħtfu mill-ewwel kwalunkwe opportunità li tistaʼ tagħmlilhom ħajjithom iktar faċli. Min-naħa l-oħra, ħafna li jgħixu f’pajjiżi li huma iktar għonja għandhom mnejn iħossu l-pressjoni li tiġi meta jipprovaw iżommu l-istil taʼ ħajja tagħhom minkejja li l-ekonomiji jkunu dgħajfin, l-oqsma tax-xogħol dejjem jinbidlu, u dawk li jħaddmu jitolbu żżejjed minn dak li jkun. Meta joqogħdu jqisu l-pressjoni li jiffaċċjaw biex jaqilgħu l-għajxien, ħafna jaħsbu, ‘Għadu prattiku li tpoġġi s-Saltna l-ewwel?’ Biex twieġeb dik il-mistoqsija, ikkunsidra l-udjenza li Ġesù kien qed ikellem.
“Tibqgħux Tkunu Ansjużi”
4, 5. Ġesù kif wera kemm hu raġunevoli għall-poplu t’Alla li ma jkunx ansjuż iżżejjed dwar l-affarijiet taʼ kuljum?
4 Ġesù kien il-Galilija, u kien qed ikellem lil folla kbira taʼ nies minn ħafna postijiet differenti. (Mattew 4:25) Ftit biss minn dawn in-nies kienu għonja, jekk kien hemm min hu sinjur wara kollox. X’aktarx li ħafna minnhom kienu fqar. Madankollu, Ġesù ħeġġiġhom biex il-prijorità tagħhom ma tkunx li jiksbu ġid materjali, imma li jaħżnu xi ħaġa li għandha iktar valur—it-teżori spiritwali. (Mattew 6:19-21, 24) Hu qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. Ma tiswiex il-ħajja iktar mill-ikel u l-ġisem mill-ilbies?”—Mattew 6:25.
5 Għal ħafna minn dawk is-semmiegħa, il-kliem taʼ Ġesù setaʼ nstemaʼ li ma kienx prattiku. Huma kienu jafu li jekk ma jaħdmux iebes, il-familji tagħhom kienu se jsofru. Madankollu, Ġesù fakkarhom fl-għasafar. Huma jgħixu minn ġurnata għal oħra, imma Ġeħova jieħu ħsiebhom. Ġesù wkoll fakkarhom fil-mod kif Ġeħova jieħu ħsieb il-fjuri salvaġġi, li s-sbuħija tagħhom tisboq lil dik taʼ Salamun fil-glorja kollha tiegħu. Jekk Ġeħova jieħu ħsieb l-għasafar u l-fjuri, kemm iktar u iktar se jieħu ħsieb lilna? (Mattew 6:26-30) Bħalma qal Ġesù, ħajjitna u ġisimna huma bil-wisq iktar importanti mill-ikel li nixtru sabiex immantnu l-ħajjiet tagħna u mill-ħwejjeġ li niksbu biex ngħattu ġisimna. Jekk niddedikaw lilna nfusna sempliċement għall-ikel u l-ħwejjeġ, u ma nħallux ħin sostanzjali biex naqdu lil Ġeħova, aħna nkunu qed nitilfu l-iskop proprju tal-ħajja.—Koħèlet 12:13.
Ħarsa Bilanċjata
6. (a) Il-Kristjani għalxiex huma responsabbli? (b) Il-Kristjani fiex ipoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom?
6 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma inkuraġġiex lis-semmiegħa tiegħu biex jieqfu jaħdmu u jistennew li Alla b’xi mod jipprovdi għall-familja tagħhom. Anki l-għasafar iridu jfittxu l-ikel għalihom u għaż-żgħar tagħhom. Għalhekk, jekk riedu jieklu, il-Kristjani kellhom jaħdmu. Huma kellhom jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom. Il-qaddejja u l-ilsiera Kristjani kellhom jaħdmu iebes għas-sidien tagħhom. (2 Tessalonikin 3:10-12; 1 Timotju 5:8; 1 Pietru 2:18) L-appostlu Pawlu spiss kien jagħmel it-tined biex imantni lilu nnifsu. (Atti 18:1-4; 1 Tessalonikin 2:9) Però, dawk il-Kristjani ma kinux ifittxu s-sigurtà mix-xogħol sekulari tagħhom. Huma kienu jafdaw f’Ġeħova. B’riżultat taʼ dan, huma kienu jgawdu paċi ġewwinija li oħrajn ma kinux igawduha. Is-salmista qal: “Min jit[ta]ma fil-Mulej hu bħall-għolja taʼ Sijon, li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.”—Salm 125:1.
7. X’għandha mnejn tkun il-ħarsa taʼ dawk li m’għandhomx fiduċja soda f’Ġeħova?
7 Kwalunkwe individwu li m’għandux fiduċja soda f’Ġeħova għandu mnejn jaħsibha b’mod differenti. Il-maġġuranza mill-umanità tqis il-ġid materjali bħala fattur primarju għas-sigurtà. Minħabba f’hekk, xi ġenituri inkuraġġew lit-tfal tagħhom sabiex jinvestu ħafna miż-żgħożija tagħhom f’edukazzjoni iktar għolja, billi ttamaw li dan se jippreparahom għal karriera li trendi ħafna flus. B’dispjaċir, xi familji Kristjani kellhom iħallsu prezz għoli minħabba investiment bħal dan, hekk kif it-tfal tagħhom ma baqgħux jiffokaw fuq affarijiet spiritwali u bdew ifittxu miri materjalistiċi.
8. Il-Kristjani liema bilanċ iżommu?
8 Għalhekk, il-Kristjani għaqlin jirrikonoxxu li l-parir taʼ Ġesù japplika llum daqskemm kien japplika fl-ewwel seklu, u huma jipprovaw iżommu bilanċ. Anki jekk ikun hemm bżonn li jqattgħu sigħat twal fix-xogħol sekulari sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet Skritturali tagħhom, huma qatt ma jħallu l-bżonn taʼ li jaqilgħu l-għajxien iġagħalhom jinjoraw l-affarijiet spiritwali li huma iktar importanti.—Koħèlet 7:12.
“Qatt Tkunu Ansjużi”
9. Ġesù kif assigura lil dawk li għandhom fiduċja sħiħa f’Ġeħova?
9 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus qed ifittxu bil-ħerqa. Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha.” (Mattew 6:31, 32) Kemm hu inkuraġġanti dan il-kliem! Jekk għandna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, hu se jkun dejjem lest li jappoġġana. Madankollu, il-kliem taʼ Ġesù huwa taʼ min jaħseb fuqu. Ifakkarna li jekk aħna nfittxu “bil-ħerqa” l-affarijiet materjali, il-ħsieb tagħna se jkun bħal dak tal-“ġnus,” nies li m’humiex Kristjani veri.
10. Meta raġel żagħżugħ avviċina lil Ġesù għal parir, Ġesù kif kixef x’kien iħobb l-iktar iż-żagħżugħ?
10 F’okkażjoni minnhom, raġel żagħżugħ li kien għani mhux ħażin staqsa lil Ġesù x’għandu jagħmel biex ikun jistaʼ jikseb il-ħajja taʼ dejjem. Ġesù fakkru f’dak li kienet teħtieġ il-Liġi, li sa dak iż-żmien kienet għadha tgħodd. Iż-żagħżugħ assigura lil Ġesù: “Dawn kollha ħaristhom; x’jonqosni iktar?” It-tweġiba li ta Ġesù setgħet dehret li ma kinitx prattika għal ħafna wħud. Hu qal: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.” (Mattew 19:16-21) Iż-żagħżugħ telaq imdejjaq għax ma felaħx il-ħsieb li jitlef ġidu. Minkejja kemm kien iħobb lil Ġeħova, hu kien iħobb il-ġid tiegħu iktar.
11, 12. (a) Liema kliem taʼ min jaħseb fuqu lissen Ġesù dwar il-ġid? (b) Il-ġid materjali kif jistaʼ jżommna lura milli naqdu lil Ġeħova?
11 Din il-ġrajja qanqlet lil Ġesù jgħid xi ħaġa mhux mistennija: “Se jkun diffiċli għal raġel għani biex jidħol fis-saltna tas-smewwiet. . . . Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-saltna t’Alla.” (Mattew 19:23, 24) Ried Ġesù jfisser li l-ebda individwu għani m’hu se jiret is-Saltna? Le, għax hu kompla jgħid: “Għal Alla kollox hu possibbli.” (Mattew 19:25, 26) Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova xi wħud li dak iż-żmien kienu għonja fil-fatt saru Kristjani midlukin. (1 Timotju 6:17) Minkejja dan, Ġesù qal dak il-kliem mhux mistenni għal raġuni tajba. Hu kien qed jagħti twissija.
12 Jekk dak li jkun jorbot qalbu mal-ġid materjali bħalma għamel dak iż-żagħżugħ għani, il-ġid jistaʼ jżommu lura milli jaqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Dan jistaʼ jkun minnu kemm għal min diġà huwa għani u kemm għal min ‘huwa determinat li jsir għani.’ (1 Timotju 6:9, 10) Jekk individwu jafda żżejjed fuq l-affarijiet materjali se jkun inqas ‘konxju tal-bżonn spiritwali tiegħu.’ (Mattew 5:3) B’riżultat taʼ dan, hu għandu mnejn ma jħossx l-istess bżonn għall-appoġġ taʼ Ġeħova. (Dewteronomju 6:10-12) Għandu mnejn jibda jistenna li jiġi trattat b’xi mod partikulari fil-kongregazzjoni. (Ġakbu 2:1-4) U jistaʼ jibda jqattaʼ ħafna ħin igawdi l-ġid tiegħu minflok ma jaqdi lil Ġeħova.
Ikkultiva l-Ħarsa Xierqa
13. Dawk f’Laodiċija liema ħarsa żbaljata kellhom?
13 Grupp taʼ nies li kellhom ħarsa żbaljata dwar il-ġid materjali kienu dawk tal-kongregazzjoni taʼ Laodiċija taʼ l-ewwel seklu. Ġesù qalilhom: “Tgħid: ‘Jien sinjur u ksibt ir-rikkezzi u ma jonqosni xejn affattu,’ imma ma tafx li int miżerabbli u miskin u fqir u agħma u għarwien.” Ma kienx il-ġid li wassal lil dawk f’Laodiċija biex ikunu f’dan l-istat spiritwali tal-biki. Imma kien il-fatt li huma fdaw fil-ġid minflok ma straħu fuq Ġeħova. B’hekk, huma kienu spiritwalment fitlin, u Ġesù kien kważi ‘beżaqhom minn ħalqu.’—Rivelazzjoni 3:14-17.
14. Il-Kristjani Ebrej għala kien ħaqqhom it-tifħir taʼ Pawlu?
14 Min-naħa l-oħra, Pawlu faħħar lill-Kristjani Ebrej għall-attitudni li wrew iktar qabel waqt il-persekuzzjoni. Hu qal: “Intom esprimejtu simpatija lejn dawk fil-ħabs kif ukoll issaportejtu bil-ferħ is-serq taʼ ġidkom, billi tafu li għandkom ġid aħjar u li jibqaʼ.” (Ebrej 10:34) Dawk il-Kristjani ma ddisprawx minħabba li kienu tilfu l-ġid materjali. Huma baqgħu ferħanin għax żammew l-iktar ħaġa prezzjuża, il-“ġid aħjar u li jibqaʼ.” Bħall-merkant fil-parabbola taʼ Ġesù li ssagrifika kollox għal perla waħda taʼ valur, huma kienu determinati li ma jabbandunawx it-tama tas-Saltna, minkejja s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu. (Mattew 13:45, 46) X’attitudni mill-aqwa!
15. Oħt Kristjana fil-Liberja kif poġġiet l-interessi tas-Saltna l-ewwel?
15 Ħafna llum ikkultivaw attitudni mill-aqwa bħal din. Per eżempju, fil-Liberja żagħżugħa Kristjana ġiet offruta l-opportunità li tistudja fl-università. F’dan il-pajjiż, offerta bħal din titqies bħala mod kif jistaʼ jkollok futur fis-sod. Madankollu, hi kienet pijuniera, evanġelizzatriċi full-time, u ġiet mistiedna biex taqdi bħala pijuniera speċjali għal ftit taż-żmien. Hi għażlet li tfittex is-Saltna l-ewwel u tibqaʼ fis-servizz full-time. Hi marret għall-inkarigu tagħha u fi tliet xhur bdiet 21 studju tal-Bibbja. Din l-oħt żagħżugħa u eluf oħra bħalha jfittxu l-ewwel is-Saltna, anki jekk dan ikun ifisser li jitilfu xi vantaġġi materjali. Kif iżommu attitudni bħal din f’dinja daqstant materjalista? Huma kkultivaw diversi kwalitajiet mill-aqwa. Ejja niddiskutu xi wħud minn dawn.
16, 17. (a) Għala huwa importanti li nkunu modesti jekk irridu jkollna fiduċja f’Ġeħova? (b) Għala għandna nikkultivaw fiduċja fil-wegħdi t’Alla?
16 Irridu nkunu modesti: Il-Bibbja tgħid: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek. Toqgħodx taħseb kemm inti għaref.” (Proverbji 3:5-7) Kultant ċerta deċiżjoni għandha mnejn tidher li hi prattika minn ħarsa sekulari. (Ġeremija 17:9) Biss, Kristjan sinċier idur lejn Ġeħova għall-gwida. (Salm 48:15 [48:14, NW]) ‘F’kull ma jagħmel’—fil-kwistjonijiet tal-kongregazzjoni, fl-edukazzjoni jew fix-xogħol sekulari, fir-rikreazzjoni, jew fi kwalunkwe ħaġa oħra—hu b’mod modest ifittex il-pariri taʼ Ġeħova.—Salm 73:24.
17 Irid ikollna fiduċja fil-wegħdi taʼ Ġeħova: Pawlu qal: “Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Jekk niddubitaw li Ġeħova se jwettaq il-wegħdi tiegħu, għandu mnejn li jibda jidher loġiku li ‘nużaw id-dinja bis-sħiħ.’ (1 Korintin 7:31) Min-naħa loħra, jekk it-twemmin tagħna huwa sod, se nkunu determinati li nfittxu s-Saltna l-ewwel. Kif nistgħu niżviluppaw twemmin sod? Billi nersqu qrib Ġeħova b’talb regulari u mill-qalb u permezz taʼ studju persunali regulari. (Salm 1:1-3; Filippin 4:6, 7; Ġakbu 4:8) Nistgħu nitolbu bħalma talab is-Sultan David: “Fik nittama, Mulej; jien ngħidlek: ‘Alla tiegħi int!’ Kemm hu kbir il-ġid tiegħek!”—Salm 31:15, 20 (31:14, 19, NW).
18, 19. (a) Il-bżulija kif tistaʼ ssaħħaħ il-fiduċja tagħna f’Ġeħova? (b) Kristjan għala għandu jkun lest li jagħmel sagrifiċċji?
18 Irridu nkunu ħabrieka fix-xogħol taʼ Ġeħova: Pawlu rabat il-fiduċja fil-wegħdi taʼ Ġeħova mal-bżulija meta kiteb: “Aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-istess bżulija sabiex ikollu fiduċja sħiħa fit-tama sat-tmiem.” (Ebrej 6:11) Jekk ikollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova, hu se jappoġġana. Kull darba li nesperjenzaw dak l-appoġġ, il-fiduċja tagħna fih se tissaħħaħ, u se ‘nibqgħu sodi, ma nitħarrkux.’ (1 Korintin 15:58) B’hekk, il-fidi tagħna tiġġedded, u fl-istess ħin inkomplu nikkonfermaw li t-tama tagħna hija ċerta.—Efesin 3:16-19.
19 Irridu nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji: Pawlu ssagrifika karriera promettenti sabiex ikun jistaʼ jsegwi lil Ġesù. Jidher ċar li hu ħa deċiżjoni għaqlija, minkejja li ħajtu kultant kienet diffiċli materjalment. (1 Korintin 4:11-13) Ġeħova ma jwegħedniex ħajja lussuża, u kultant il-qaddejja tiegħu jkollhom jissaportu t-tbatijiet. Il-fatt li nkunu lesti nissimplifikaw l-istil taʼ ħajjitna u nagħmlu sagrifiċċji jagħti prova taʼ kemm aħna determinati li naqdu lil Ġeħova.—1 Timotju 6:6-8.
20. Il-paċenzja għala hija vitali għal dawk li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel?
20 Irridu nkunu paċenzjużi: Id-dixxiplu Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Kunu paċenzjużi sal-preżenza tal-Mulej.” (Ġakbu 5:7) F’din id-dinja mgħaġġla huwa diffiċli tkun paċenzjuż. Aħna rridu li l-affarijiet jiġru malajr. Imma Pawlu jħeġġiġna biex nimitaw lil dawk li “bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.” (Ebrej 6:12) Kun lest li tistenna lil Ġeħova jaġixxi. Ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna—żgur li hi taʼ min jistennieha!
21. (a) Meta npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel xi nkunu qed nuru? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
21 Iva, il-parir taʼ Ġesù biex infittxu s-Saltna l-ewwel huwa prattiku. Meta nagħmlu hekk inkunu qed nuru li aħna verament għandna fiduċja f’Ġeħova u nkunu qed nagħżlu l-aħjar mod għal Kristjan biex jgħix. Madankollu, Ġesù wkoll tana l-parir biex nibqgħu ‘nfittxu l-ewwel . . . s-sewwa [t’Alla].’ Fl-artiklu li jmiss se naraw għala dan il-parir huwa speċjalment bżonnjuż illum.
Tistaʼ Tispjega?
• Ġesù inkuraġġiena biex ikollna liema bilanċ fejn jidħlu l-affarijiet materjali?
• X’nitgħallmu mit-tixbiha taʼ Ġesù tal-ġemel u l-għajn taʼ labra?
• Liema kwalitajiet Kristjani se jgħinuna nfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla?
[Stampa f’paġna 21]
Ħafna minn dawk li semgħu il-kliem taʼ Ġesù kienu fqar
[Stampa f’paġna 23]
Il-merkant fil-parabbola taʼ Ġesù ssagrifika kollox għal perla waħda taʼ valur
[Stampa f’paġna 23]
Iż-żagħżugħ għani ħabb il-ġid materjali iktar milli ħabb lil Alla
[Stampa f’paġna 24]
Jekk inkunu beżlin fis-servizz taʼ Ġeħova, hu se jappoġġana