20 Mod
Kif Tagħmel Iktar Ħin
“Ibqgħu mexjin bl-għerf . . . , u użaw il-ħin bl-aħjar mod.”—Kolossin 4:5.
META tkun identifikajt l-attivitajiet li bihom trid timla l-ġranet u s-sigħat tiegħek, l-isfida hi li t-teorija ottimistika tagħmilha prattika attwali. Is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk tagħmel dan.
1 ŻOMM LISTA TAʼ X’SE TAGĦMEL KULJUM. Ikteb l-affarijiet taħt xulxin fl-ordni li se tagħmilhom. Immarka l-affarijiet li jistħoqqilhom li tqattaʼ iktar ħin fuqhom. Ittikkja kull waħda meta titlesta. Żid l-affarijiet li ma tkunx lestejt fuq il-lista tal-għada.
2 ISSINKRONIZZA L-KALENDARJI TIEGĦEK. Tirriskjax li titlef appuntament għax qiegħed biss fil-kalendarju l-ieħor tiegħek. Jekk għandek kalendarju fil-kompjuter u ieħor f’apparat li żżommu f’idejk, ara jekk tistax tissinkronizzahom it-tnejn.
3 IKTEB “PJAN T’AZZJONI” li jikkonsisti fil-passi kollha li hemm fi proġett, u agħmel dawn fl-ordni xierqa tagħhom.
4 B’MOD ĠENERALI, IPPJANA L-IKTAR AFFARIJIET IMPORTANTI L-EWWEL. Ikun eħfef li ssib il-ħin għal dawk inqas importanti.
5 AGĦMEL MIRI LI HUMA REALISTIĊI. Għandek iktar ċans li ttejjeb l-abbiltà tiegħek f’ċertu xogħol milli ssir il-kap tal-kumpanija fejn taħdem.
6 AĊĊETTA L-FATT LI MHUX SE JKOLLOK ĦIN GĦAL KOLLOX. Jekk inhu possibbli, aħdem iżjed fuq l-attivitajiet li jġibu l-iktar riżultati importanti. Xi ngħidu dwar l-affarijiet l-oħrajn li huma urġenti jew li sempliċement iridu jsiru? Jekk ma tkunx tistaʼ teliminahom jew tiddelegahom, ara jekk tistax tqattaʼ inqas ħin fuqhom. Xi affarijiet li mhumiex importanti jistgħu jistennew xhur jekk ikun hemm bżonn, jew forsi lanqas ikun hemm għalfejn tagħmilhom. Warrab kemm jistaʼ jkun ħin għal dawk l-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu maʼ dak li tħoss li hu verament taʼ siwi meta tqis il-miri tiegħek.
7 IKTEB KIF QED TQATTAʼ L-ĦIN TIEGĦEK. Biex issir taf fejn qed imur il-ħin tiegħek, ikteb kif qed tqattaʼ l-ħin tiegħek għal ġimgħa jew tnejn. Qed jintilef ħafna ħin fuq attivitajiet li mhumiex importanti? Ħafna mill-interruzzjonijiet li qed ikollok jiġu mill-istess individwu jew tnejn? Hemm iktar ċans li tiġi interrott matul ċertu ħin tal-ġurnata jew tal-ġimgħa? Elimina l-attivitajiet li jaħlu l-ħin u li daħlu baxx baxx.
8 IPPJANA INQAS. Jekk tippjana li tmur tixtri l-ikel, issewwi l-karozza, ikollok il-mistidnin, tara film, u tagħmel ftit qari—kollox f’ġurnata waħda—se tagħmel kollox bil-ġenn u x’aktarx li ma tieħu pjaċir b’xejn.
9 NAQQAS L-INTERRUZZJONIJIET. Warrab ftit ħin kuljum li matulu ma tkunx trid li tiġi interrott sakemm ma jkunx assolutament neċessarju. Jekk inhu possibbli, itfi t-telefon tiegħek matul dan il-ħin. Ukoll, itfi l-avviżi elettroniċi (pop-ups) jekk spiss itellfuk fix-xogħol.
10 IPPJANA L-IKTAR XOGĦOL TAʼ SFIDA GĦALL-ĦIN TAL-ĠURNATA META TKUN L-IKTAR ENERĠETIKU U ATTENT.
11 L-AFFARIJIET LI JDEJQUK L-IKTAR AGĦMILHOM MALAJR KEMM JISTAʼ JKUN. Ladarba jkunu lesti, se tħossok iktar enerġetiku biex tagħmel l-attivitajiet li huma inqas taʼ sfida.
12 ĦALLI ĦIN GĦAL DAK LI MHUX MISTENNI. Jekk taħseb li tistaʼ tasal f’post f’madwar 15-il minuta, wiegħed li tkun hemm f’25 minuta. Jekk taħseb li appuntament se jieħu siegħa, ħalli siegħa u 20 minuta. Ħalli ftit mill-ġurnata tiegħek mingħajr pjanijiet.
13 UŻA L-ĦIN BEJN ĦAĠA U OĦRA. Ismaʼ l-aħbarijiet jew xi rekording waqt li tkun qed tqaxxar il-leħja. Aqra sakemm tkun qed tistenna tal-linja jew riekeb fiha. Naturalment tistaʼ tuża dan il-ħin biex tirrilassa. Imma taħlihx u mbagħad iktar tard tinkwieta fuq il-ħin mitluf.
14 APPLIKA R-REGOLA TAʼ 80/20.a Fuq il-lista taʼ x’għandek tagħmel, minn 10 affarijiet hemm xi 2 li huma l-iktar importanti? Huwa possibbli li ċertu xogħol ikun kważi lest wara li tagħti attenzjoni lejn l-iktar aspetti importanti tiegħu?
15 META TĦOSSOK MGĦAKKES BIX-XOGĦOL, ikteb kull ħaġa li għandek tagħmel fuq biċċa karta żgħira. Imbagħad aqsamhom f’żewġ gruppi: “Azzjoni Llum” u “Azzjoni Għada.” Meta jasal l-għada, agħmel l-istess.
16 KULTANT WARRAB IL-ĦIN BIEX ‘TIĊĊARĠJA L-BATTERIJI TIEGĦEK.’ Jekk tmur lura x-xogħol b’moħħok u b’ġismek rilassat għandek mnejn tkun iktar produttiv milli jekk tagħmel sigħat sħaħ sahra.
17 IKTEB DAK LI TKUN QED TAĦSEB. Ikteb il-problema, iddeskrivi għala qed iddejqek, u niżżel bil-miktub is-soluzzjonijiet kollha li jiġuk f’moħħok.
18 TKUNX PERFEZZJONISTA. Kun af meta jkun il-ħin li tieqaf u tibda l-attività importanti li jmiss.
19 AĦDEM BĦAL BNIEDEM PROFESSJONALI. Toqgħodx tistenna li jkollok aptit li tagħmel xi ħaġa. Sempliċement ibda aħdem.
20 KUN FLESSIBBLI. Dawn huma suġġerimenti, mhux regoli stretti. Esperimenta, ara x’jaħdem għalik, u adatta l-ideat għaċ-ċirkustanzi u l-bżonnijiet tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Din l-idea hi bbażata bejn wieħed u ieħor fuq ix-xogħol taʼ Vilfredo Pareto, ekonomista Taljan tad-19-il seklu, u hi magħrufa wkoll bħala l-prinċipju taʼ Pareto. Tinvolvi l-osservazzjoni li spiss 80 fil-mija mir-riżultati jiġu minn 20 fil-mija mill-isforz. Ġiet applikata għal ħafna affarijiet, imma hawnhekk hawn eżempju sempliċi: Meta tapit jitnaddaf, madwar 80 fil-mija mill-ħmieġ li jinġabar x’aktarx li jiġi minn 20 fil-mija mit-tapit, jiġifieri, minn fejn jintuża l-iktar.