Uħud Imdaħħlin Fiż-Żmien Jippridkaw Bla Waqfien
1 Hekk kif in-nies jikbru fiż-żmien, ħafna minnhom iħarsu ’l quddiem lejn li jirtiraw mix-xogħol sekulari u regulari tagħhom u jgawdu ħajja bla ħsibijiet tul il-bqija taʼ ħajjithom. Forsi jħossuhom li ħadmu iebes biżżejjed u issa jistħoqqilhom ftit tal-mistrieħ. Jew forsi jridu biss igawdu l-ħajja, jew dak li baqaʼ minnha.—Luqa 12:19.
2 Bħala qaddejja dedikati taʼ Jehovah, aħna għandna ħarsa differenti lejn il-ħajja. Nafu li ma nistgħux nirtiraw mis-servizz t’Alla. Ħarsitna hija pożittiva għax qed naħdmu “għall-ħajja taʼ dejjem.” (Ġuda 21) Snin sħaħ t’għarfien u esperjenza akkumulati jistgħu jtejbu d-dixxerniment u d-dehen taʼ dak li jkun. B’hekk wieħed jistaʼ jsir iktar għaref u bilanċjat u juri apprezzament iktar profond lejn il-ħajja. Dawn l-attributi kollha jiswew ħafna lil wieħed li hu ministru taʼ l-aħbar tajba.
3 Li wieħed jixjieħ m’hijiex biss kwistjoni taʼ xjuħija fiżika; tinvolvi wkoll l-attitudni mentali taʼ dak li jkun. Jekk tistenna li tgħix għal żmien twil u tistinka biex iżżomm ħarsa żagħżugħa, il-possibbiltà li jirnexxilek fit-tnejn tistaʼ tiżdied. Nies imdaħħlin fiż-żmien jistgħu jtejbu ħajjithom billi jżidu l-għarfien spiritwali tagħhom u jaqsmuh m’oħrajn.—1 Kor. 9:23.
4 Eżempji Reali Fil-Ħajja: Fl-età taʼ 86, waħda oħt qalet: “Meta nimmedita fuq is-60 sena li għaddew minn mindu sirt naf il-verità, il-wegħda rassiguranti t’Alla tfur ġewwa qalbi. Iva, Jehovah li se jaġixxi bil-lealtà maʼ wħud leali qed iħallina naħsdu l-ferħ bil-bosta.” (Salm 18:26) Ħu anzjan fiż-żmien jiftakar kif il-mewt taʼ martu kienet daqqa taʼ ħarta kbira għalih, u wara dan saħħtu marret lura ħafna. Hu qal: “Madankollu, bil-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah, irkuprajt biżżejjed biex inkun nistaʼ nidħol fis-servizz taʼ pijunier sentejn wara. Kemm jien grat lejn Jehovah li saħħti attwalment tjiebet b’din iż-żjieda fl-attività taʼ l-ippridkar!”
5 Kemm hi ħaġa taʼ min ifaħħarha li daqstant uħud imdaħħlin fiż-żmien huma ddeterminati li jkomplu jippridkaw safejn jippermettulhom is-saħħa u l-ħila tagħhom—bla waqfien! Għandhom kull raġuni għalfejn jesklamaw: “O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.”—Salm 71:17.