Kapitlu 3
Ħobb lil Dawk li Alla Jħobb
“Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref.”—PROVERBJI 13:20.
1-3. (a) Liema verità li ma tistax tiġi injorata tesprimi l-Bibbja? (b) Kif nistgħu nagħżlu ħbieb li se jinfluwenzawna għat-tajjeb?
F’ĊERTU sens, in-nies huma bħal sponoż; għandhom it-tendenza li jixorbu dak li jkun hemm madwarhom. Huwa faċli ħafna li nadottaw—saħansitra mingħajr ma nindunaw—l-attitudnijiet, il-livelli, u l-kwalitajiet taʼ dawk li nassoċjaw mill-qrib magħhom.
2 Il-Bibbja tesprimi verità li ma tistax tiġi injorata meta tgħid: “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Dan il-proverbju mhux qed jitkellem sempliċement dwar kuntatt taʼ darba kultant. L-espressjoni “jimxi maʼ” tissuġġerixxi sħubija kontinwa.a Rigward dan il-vers, xogħol taʼ referenza Biblika jgħid: “Li timxi maʼ individwu jagħti x’jifhem li hemm l-imħabba u r-rabta.” Ma taqbilx li għandna t-tendenza li nimitaw lil dawk li nħobbu? Tabilħaqq, minħabba li nintrabtu emozzjonalment maʼ dawk li nħobbu, dawn jistaʼ jkollhom influwenza qawwija fuqna—għat-tajjeb jew għall-ħażin.
3 Sabiex nibqgħu fl-imħabba t’Alla, huwa vitali li nfittxu ħbieb li se jinfluwenzawna għat-tajjeb. Kif nistgħu nagħmlu dan? Fi kliem sempliċi, nistgħu nagħmlu dan billi nħobbu lil dawk li Alla jħobb, billi nagħmlu lill-ħbieb tiegħu l-ħbieb tagħna. Aħseb ftit. Liema ħbieb nistgħu nagħżlu aħjar minn dawk li għandhom il-kwalitajiet li Ġeħova jfittex fil-ħbieb tiegħu? Għalhekk, ejja neżaminaw it-tip taʼ nies li Alla jħobb. Bil-ħarsa taʼ Ġeħova ċara f’moħħna, se nkunu mħejjijin aħjar biex nagħżlu ħbieb li se jinfluwenzawna għat-tajjeb.
DAWK LI ALLA JĦOBB
4. Ġeħova għala għandu dritt jagħżel lil min jikkwalifika bħala l-ħabib tiegħu, u Ġeħova għala rrefera għal Abraham bħala “l-ħabib tiegħi”?
4 Ġeħova huwa selettiv ħafna meta jiġi biex jagħżel il-ħbieb. M’għandux dritt jagħmel dan? Wara kollox, hu l-Mulej Sovran taʼ l-univers, u ħbiberija miegħu hija l-akbar privileġġ li jistaʼ jkollna. Għalhekk, lil min jagħżel bħala l-ħbieb tiegħu? Ġeħova jersaq qrib lejn dawk li jafdawh u jpoġġu l-fidi kollha tagħhom fih. Per eżempju, ikkunsidra l-patrijarka Abraham, raġel magħruf għall-fidi straordinarja tiegħu. M’hemmx prova akbar tal-fidi għal missier uman milli jintalab joffri lil ibnu bħala sagrifiċċju.b Madankollu, Abraham “kważi offra lil Iżakk,” billi kellu fidi sħiħa “li Alla setaʼ jqajmu saħansitra mill-imwiet.” (Ebrej 11:17-19) Minħabba li Abraham wera fidi u ubbidjenza bħal dawn, Ġeħova b’affezzjoni rrefera għalih bħala “l-ħabib tiegħi.”—Isaija 41:8; Ġakbu 2:21-23.
5. Ġeħova kif iqis lil dawk li jobduh lealment?
5 Ġeħova jqis l-ubbidjenza leali bħala li hija taʼ valur kbir. Hu jħobb lil dawk li huma lesti jpoġġu l-lealtà lejh fuq kull ħaġa oħra. (2 Samwel 22:26) Bħalma rajna f’Kapitlu 1 taʼ din il-pubblikazzjoni, Ġeħova jsib ferħ kbir f’dawk li jagħżlu li jobduh għax iħobbuh. Proverbji 3:32 jgħid: “Hu għandu relazzjoni intima mar-retti.” Dawk li lealment jilħqu l-ħtiġijiet t’Alla jirċievu stedina taʼ qalb tajba mingħand Ġeħova: Jistgħu jkunu mistidnin fit-“tinda” tiegħu—milqugħin biex jaqduh u jistgħu jitolbu lilu fi kwalunkwe ħin.—Salm 15:1-5.
6. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġesù, u Ġeħova kif iħossu dwar dawk li jħobbu lil Ibnu?
6 Ġeħova jħobb lil dawk li jħobbu lil Ġesù, l-Iben uniġenitu tiegħu. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti, u Missieri jħobbu, u niġu għandu u nibqgħu noqogħdu miegħu.” (Ġwanni 14:23) Kif nistgħu nuru mħabbitna għal Ġesù? Ċertament billi nosservaw il-kmandamenti tiegħu, fosthom l-inkarigu li tana biex nippridkaw l-aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Ġwanni 14:15, 21) Ukoll, nuru l-imħabba tagħna għal Ġesù meta ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu,’ billi nimitawh bl-aħjar mod li nistgħu bil-kliem u bl-għemil taʼ bnedmin imperfetti li aħna. (1 Pietru 2:21) Qalb Ġeħova tifraħ bl-isforzi taʼ dawk li l-imħabba tagħhom għal Ibnu tqanqalhom biex jimxu wara l-passi taʼ Kristu.
7. Għala huwa għaqli li nagħmlu ħbieb mal-ħbieb taʼ Ġeħova?
7 Il-fidi, il-lealtà, l-ubbidjenza, u l-imħabba għal Ġesù u l-livelli tiegħu huma fost il-kwalitajiet li Ġeħova jfittex fil-ħbieb Tiegħu. Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Il-ħbieb tal-qalb tiegħi għandhom kwalitajiet u livelli bħal dawn? Għamilt jien il-ħbieb taʼ Ġeħova l-ħbieb tiegħi?’ Huwa għaqli li nagħmlu dan. Individwi li jikkultivaw kwalitajiet divini u jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna biż-żelu jistaʼ jkollhom effett pożittiv fuqna, billi jinfluwenzawna biex ngħixu fi qbil mad-determinazzjoni tagħna biex nogħġbu lil Alla.—Ara l-kaxxa “X’Inhu Ħabib Tajjeb?” f’paġna 29.
NITGĦALLMU MINN EŻEMPJU BIBLIKU
8. X’hemm li jimpressjonak dwar ir-relazzjoni bejn (a) Nagħomi u Rut? (b) it-tliet żgħażagħ Ebrej? (ċ) Pawlu u Timotju?
8 L-Iskrittura fiha ħafna eżempji taʼ wħud li bbenefikaw minħabba li għażlu ħbieb li influwenzawhom għat-tajjeb. Tistaʼ taqra dwar ir-relazzjoni bejn Nagħomi u Rut, il-mara taʼ binha, bejn it-tliet żgħażagħ Ebrej li kellhom ħbiberija soda f’Babilonja, u bejn Pawlu u Timotju. (Rut 1:16; Danjel 3:17, 18; 1 Korintin 4:17; Filippin 2:20-22) Però, ejja niffokaw fuq eżempju ieħor li jispikka: il-ħbiberija bejn David u Ġonatan.
9, 10. X’kienet il-bażi għall-ħbiberija bejn David u Ġonatan?
9 Il-Bibbja tgħid li wara li David qatel lil Gulija, “ruħ Ġonatan intrabtet maʼ ruħ David, u Ġonatan beda jħobbu bħalu nnifsu.” (1 Samwel 18:1) B’hekk, inbdiet ħbiberija dejjiema li, minkejja differenza kbira fl-età, damet sakemm Ġonatan miet f’battalja.c (2 Samwel 1:26) X’kienet il-bażi għall-għaqda b’saħħitha taʼ ħbiberija li fformat bejn dawn iż-żewġt iħbieb?
10 David u Ġonatan kienu magħqudin flimkien bl-imħabba tagħhom għal Alla u x-xewqa kbira li kellhom biex jibqgħu leali lejh. Dawn iż-żewġt irġiel kellhom rabta spiritwali. It-tnejn li huma kellhom kwalitajiet li għamluhom għeżież għal xulxin. Ġonatan bla dubju kien impressjonat bil-kuraġġ u ż-żelu taż-żagħżugħ li bla biżaʼ ddefenda l-isem taʼ Ġeħova. David bla dubju rrispetta r-raġel akbar minnu li lealment appoġġa l-arranġamenti taʼ Ġeħova u bla egoiżmu poġġa l-interessi taʼ David qabel tiegħu stess. Per eżempju, ikkunsidra x’ġara meta David kien qed iħossu skuraġġit ħafna hu u jgħix bħala maħrub fix-xagħri biex jaħrab il-korla tas-sultan mill-agħar Sawl, missier Ġonatan. F’turija rimarkevoli taʼ lealtà, Ġonatan ħa l-inizjattiva u “mar għand David . . . sabiex isaħħaħlu l-fiduċja tiegħu f’Alla.” (1 Samwel 23:16) Immaġina kif ħassu David meta l-ħabib għażiż tiegħu mar u tah l-appoġġ u l-inkuraġġiment!d
11. X’titgħallem dwar il-ħbiberija mill-eżempju taʼ Ġonatan u David?
11 X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġonatan u David? Fuq kollox, naraw li l-iktar ħaġa importanti li l-ħbieb għandu jkollhom komuni bejniethom hija l-valuri spiritwali. Meta nersqu qrib lejn dawk li għandhom l-istess twemmin, valuri morali, u xewqa li jibqgħu leali lejn Alla, nistgħu naqsmu ħsibijiet, sentimenti, u esperjenzi li jinkuraġġuna u jibnuna. (Rumani 1:11, 12) Insibu ħbieb bħal dawn li huma interessati f’affarijiet spiritwali fost sħabna fit-twemmin. Iżda jfisser dan li kulmin jattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna huwa ħabib tajjeb? Le, mhux bilfors.
KIF NAGĦŻLU L-ĦBIEB TAL-QALB TAGĦNA
12, 13. (a) Għala għandna nkunu selettivi meta nagħżlu l-ħbieb anki fost il-Kristjani sħabna? (b) Liema sfida ffaċċjaw xi kongregazzjonijiet taʼ l-ewwel seklu, u minħabba f’hekk Pawlu ta liema twissijiet qawwijin?
12 Anki fil-kongregazzjoni, għandna nkunu selettivi jekk irridu li l-ħbieb tagħna jibnuna spiritwalment. Għandu jissorprendina dan? Mhux neċessarjament. Xi Kristjani fil-kongregazzjoni forsi jdumu iktar biex jilħqu l-maturità spiritwali, sewwasew bħalma xi frott fuq siġra jistaʼ jdum iktar biex isir. B’hekk, f’kull kongregazzjoni nsibu Kristjani li huma f’livelli differenti taʼ maturità spiritwali. (Ebrej 5:12–6:3) M’għandniex xi ngħidu, aħna nuru paċenzja u mħabba lejn dawk li huma iktar ġodda jew iktar dgħajfin, għaliex irridu ngħinuhom jikbru spiritwalment.—Rumani 14:1; 15:1.
13 Kultant jistaʼ jkun hemm sitwazzjoni fil-kongregazzjoni li minħabba fiha jkollna noqogħdu attenti maʼ min nissieħbu. Xi individwi forsi jinvolvu ruħhom f’kondotta dubjuża. Oħrajn forsi jiżviluppaw attitudni taʼ stmerrija jew taʼ tgergir. Xi kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu E.K. ffaċċjaw sfida simili. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-membri kienu leali, xi individwi m’aġixxewx b’mod xieraq. Minħabba li xi wħud fil-kongregazzjoni taʼ Korintu ma żammewx maʼ ċertu tagħlim Kristjan, l-appostlu Pawlu wissa lill-kongregazzjoni: “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:12, 33) Pawlu wissa lil Timotju li anki fost sħabu l-Kristjani jistaʼ jkun hemm xi wħud li ma jaġixxux b’mod xieraq. Lil Timotju ntqallu biex iżomm ’il bogħod minn dawn l-uħud, billi ma jagħmilhomx il-ħbieb tal-qalb tiegħu.—2 Timotju 2:20-22.
14. Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju wara t-twissijiet taʼ Pawlu dwar is-sħubija?
14 Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju wara t-twissijiet taʼ Pawlu? Billi nevitaw sħubija mill-qrib maʼ kwalunkwe persuna—ġewwa jew barra l-kongregazzjoni—li jistaʼ jkollha influwenza ħażina. (2 Tessalonikin 3:6, 7, 14) Aħna rridu nipproteġu l-ispiritwalità tagħna. Ftakar li bħal sponża, aħna nixorbu l-attitudnijiet u l-livelli tal-ħbieb tal-qalb tagħna. Sewwasew bħalma ma nistgħux indaħħlu sponża fil-ħall u nistennewha timtela bl-ilma, hekk ukoll ma nistgħux nissieħbu maʼ dawk li għandhom influwenza negattiva u nistennew li nimtlew b’dak li hu pożittiv.—1 Korintin 5:6.
15. X’tistaʼ tagħmel biex issib ħbieb spiritwali fil-kongregazzjoni?
15 B’ferħ, il-possibbiltà li nsibu ħbieb siewja fost sħabna fit-twemmin hija tassew kbira. (Salm 133:1) Kif tistaʼ ssib ħbieb spiritwali fil-kongregazzjoni? Hekk kif tikkultiva kwalitajiet u mġiba li japprova Alla, bla dubju oħrajn li qed jagħmlu l-istess sforzi biex jogħġbuh se jinġibdu lejk. Fl-istess ħin, għandu mnejn ikollok tieħu xi passi prattiċi u tieħu l-inizjattiva biex tagħmel ħbieb ġodda. (Ara l-kaxxa “Kif Sibna Ħbieb Tajbin,” f’paġna 30.) Fittex lil dawk li juru l-kwalitajiet li int tixtieq timita. Applika l-parir tal-Bibbja biex ‘twessaʼ qalbek,’ billi tfittex ħbiberiji maʼ sħabek fit-twemmin minkejja r-razza, in-nazzjonalità, jew il-kultura. (2 Korintin 6:13; 1 Pietru 2:17) Tagħmilhiex biss maʼ dawk li huma taʼ l-età tiegħek. Ftakar li Ġonatan kien ħafna akbar minn David. Ħafna wħud akbar fl-età jistgħu jsaħħu l-ħbiberija bl-esperjenza u l-għerf tagħhom.
META JQUMU D-DIFFIKULTAJIET
16, 17. Jekk seħibna fit-twemmin iweġġagħna b’xi mod, għala m’għandniex nitilqu mill-kongregazzjoni?
16 Ladarba fil-kongregazzjoni hemm varjetà kbira taʼ personalitajiet u wħud li jiġu minn ambjenti differenti, minn żmien għal żmien jistgħu jqumu l-problemi. Sieħeb fit-twemmin għandu mnejn jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġaʼ s-sentimenti tagħna. (Proverbji 12:18) Kultant iqumu diffikultajiet minħabba differenzi fil-personalità, nuqqas taʼ ftehim, jew opinjonijiet differenti. Se nitfixklu minħabba dawn l-isfidi, u b’hekk inżommu ’l bogħod mill-kongregazzjoni? Mhux jekk għandna mħabba ġenwina għal Ġeħova u għal dawk li jħobb hu.
17 Bħala l-Ħallieq tagħna u Dak li jagħtina l-ħajja, Ġeħova jistħoqqlu l-imħabba u d-devozzjoni sħiħa tagħna. (Rivelazzjoni 4:11) Flimkien maʼ dan, il-kongregazzjoni li jogħġbu juża jistħoqqilha l-appoġġ leali tagħna. (Ebrej 13:17) Għalhekk, jekk wieħed minn sħabna fit-twemmin iweġġagħna jew jiddiżappuntana b’xi mod, m’aħniex se nitilqu mill-kongregazzjoni bħala protesta. Kif qatt nistgħu nagħmlu hekk? Ma kienx Ġeħova li weġġagħna. L-imħabba tagħna għal Ġeħova qatt ma tistaʼ tħallina nagħtu daharna lilu u lill-poplu tiegħu!—Salm 119:165.
18. (a) X’nistgħu nagħmlu biex nippromwovu l-paċi fil-kongregazzjoni? (b) Liema barkiet ingawdu jekk nagħżlu li naħfru meta jkun hemm bażi soda għal dan?
18 Imħabba għal sħabna fit-twemmin tqanqalna biex nippromwovu l-paċi fil-kongregazzjoni. Ġeħova ma jistenniex perfezzjoni minn dawk li jħobb, u lanqas m’għandna aħna. L-imħabba tgħinna ninjoraw nuqqasijiet żgħar, billi niftakru li aħna lkoll imperfetti u niżbaljaw. (Proverbji 17:9; 1 Pietru 4:8) L-imħabba tgħinna biex inkomplu ‘naħfru lil xulxin mill-qalb.’ (Kolossin 3:13) M’huwiex dejjem faċli napplikaw dan il-parir. Jekk inħallu emozzjonijiet negattivi jegħlbuna, għandna mnejn nibqgħu nżommu kontra dak li jkun, forsi billi nħossu li r-rabja tagħna b’xi mod qed tikkastiga lil dak li weġġagħna. Però, fir-realtà li nibqgħu nżommu kontrih huwa taʼ ħsara għalina. Se ngawdu barkiet kbar jekk nagħżlu li naħfru meta jkun hemm bażi soda għal dan. (Luqa 17:3, 4) Dan l-aġir iġib serħan tal-moħħ u l-qalb, iżomm il-paċi fil-kongregazzjoni u, fuq kollox, jgħassilna r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.—Mattew 6:14, 15; Rumani 14:19.
META GĦANDEK TIEQAF TISSIEĦEB MAʼ XI ĦADD
19. Liema sitwazzjonijiet jistgħu jqumu li minħabba fihom ikollna nieqfu nissieħbu maʼ xi ħadd?
19 Kultant, niġu mitlubin biex ma nibqgħux nissieħbu maʼ xi ħadd li darba kien membru tal-kongregazzjoni. Din is-sitwazzjoni tqum meta individwu, li jikser il-liġi t’Alla u ma jindimx, jiġi maqtugħ mis-sħubija jew meta wieħed jiċħad il-fidi billi jgħallem tagħlim falz jew billi jiddiżassoċja lilu nnifsu mill-kongregazzjoni. Il-Kelma t’Alla tgħidilna b’mod ċar biex ‘ma nibqgħux nagħmluha’ maʼ dawn l-uħud.e (1 Korintin 5:11-13; 2 Ġwanni 9-11) Jistaʼ jkun verament taʼ sfida li nevitaw lil xi ħadd li forsi kien ħabib tagħna jew jiġi minna. Se nieħdu waqfa soda, u b’hekk nuru li npoġġu l-lealtà lejn Ġeħova u l-liġijiet ġusti tiegħu qabel kollox? Ftakar li Ġeħova jqis il-lealtà u l-ubbidjenza bħala li għandhom valur kbir.
20, 21. (a) L-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija għala huwa wieħed taʼ mħabba? (b) Għala huwa vitali li nagħżlu l-ħbieb tagħna bl-għaqal?
20 L-arranġament tal-qtugħ mis-sħubija huwa fil-fatt provvediment taʼ mħabba mingħand Ġeħova. B’liema mod? Il-qtugħ mis-sħubija taʼ midneb li ma jindimx huwa turija taʼ mħabba għall-isem qaddis taʼ Ġeħova u għal-livelli tiegħu. (1 Pietru 1:15, 16) Il-qtugħ mis-sħubija jżomm lill-kongregazzjoni fis-sigurtà. Membri leali jiġu protetti mill-influwenza ħażina taʼ wħud li minn jeddhom jidinbu, u b’hekk jistgħu jkomplu bil-qima tagħhom billi jafu li l-kongregazzjoni hija post taʼ kenn u sigurtà minn din id-dinja mill-agħar. (1 Korintin 5:7; Ebrej 12:15, 16) Id-dixxiplina soda turi mħabba għal min ikun għamel il-ħażen. Tistaʼ tkun iċ-ċaqliqa li jkollu bżonn biex jiġi f’sensih u jieħu l-passi meħtieġa biex idur lura lejn Ġeħova.—Ebrej 12:11.
21 Ma nistgħux naħarbu l-fatt li l-ħbieb tal-qalb tagħna jistaʼ jkollhom effett qawwi fuqna li jistaʼ jsawwarna. Għalhekk, huwa vitali li nagħżlu l-ħbieb tagħna bl-għaqal. Billi nagħmlu l-ħbieb taʼ Ġeħova l-ħbieb tagħna, billi nħobbu lil dawk li jħobb Alla, se nkunu mdawrin bl-aqwa ħbieb possibbli. Dak li nieħdu minnhom se jgħinna ngħixu fi qbil mad-determinazzjoni tagħna biex nogħġbu lil Ġeħova.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka tradotta “jagħmilha maʼ” hija tradotta wkoll “jissieħeb maʼ.”—Imħallfin 14:20; Proverbji 22:24.
b Billi talab lil Abraham jagħmel dan, Ġeħova ta stampa bil-quddiem tas-sagrifiċċju li hu nnifsu kien se jagħmel meta offra lill-Iben uniġenitu tiegħu. (Ġwanni 3:16) Fil-każ t’Abraham, Ġeħova interviena u pprovda muntun minflok Iżakk.—Ġenesi 22:1, 2, 9-13.
c David kien żagħżugħ—“daqsxejn taʼ tifel”—meta qatel lil Gulija u kellu madwar 30 sena meta miet Ġonatan. (1 Samwel 17:33; 31:2; 2 Samwel 5:4) Ġonatan, li kellu madwar 60 sena meta miet, milli jidher kien xi 30 sena akbar minn David.
d Kif inhu mniżżel fl-1 Samwel 23:17, Ġonatan semma ħames affarijiet biex jinkuraġġixxi lil David: (1) Ħeġġeġ lil David biex ma jibżax. (2) Aċċerta lil David li l-isforzi taʼ Sawl kienu se jfallu. (3) Fakkar lil David li kien se jsir sultan, bħalma kien wiegħed Alla. (4) Wiegħed lil David li kien se jibqaʼ leali lejh. (5) Qal lil David li anki Sawl kien konxju tal-lealtà taʼ Ġonatan lejn David.
e Għal iktar informazzjoni dwar kif għandna nittrattaw uħud li ġew maqtugħin mis-sħubija jew li ddiżassoċjaw lilhom infushom, ara l-Appendiċi, paġni 207-9.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 29]
X’INHU ĦABIB TAJJEB?
Prinċipju: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Il-ħbieb tiegħi huma wkoll ħbieb taʼ Ġeħova u Ġesù?—Ġwanni 15:14, 16; Ġakbu 2:23.
▪ Il-ħbieb tiegħi jgħinuni niżviluppa drawwiet tajbin?—1 Korintin 15:33.
▪ Il-ħbieb tiegħi jħobbuni biżżejjed biex jikkoreġuni jekk ikun hemm bżonn?—Salm 141:5; Proverbji 27:6.
▪ Il-kliem u l-azzjonijiet tiegħi x’juru dwar it-tip taʼ ħabib li jien għal oħrajn?—Proverbji 12:18; 18:24; 1 Ġwanni 3:16-18.
[Kaxxa f’paġna 30]
KIF SIBNA ĦBIEB TAJBIN
▪ “Għall-ewwel, sibtha diffiċli biex nagħmel ħbieb fil-kongregazzjoni. Imma skoprejt li sehem attiv fil-ministeru għenni niżviluppa kwalitajiet bħall-paċenzja, is-sabar, u mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji. Hekk kif inkompli niżviluppa dawn il-kwalitajiet, insib li nies b’dawn l-istess kwalitajiet jinġibdu lejja, u issa għandi xi ħbieb tal-qalb.”—Shivani.
▪ “Jien tlabt biex inkun nistaʼ nsib ħbieb fil-kongregazzjoni. Imma għal żmien twil ħassejt li t-talb tiegħi ma kienx qed jiġi mwieġeb. Maż-żmien irrealizzajt li fir-realtà ma kont qed nagħmel xejn biex ikolli l-ħbieb. Ma kontx qed nieħu l-inizjattiva. Madankollu, minn mindu bdejt naġixxi fi qbil mat-talb tiegħi, verament inħoss li Ġeħova wieġbu.”—Ryan.
[Stampa f’paġna 33]
Int tistaʼ ssib ħbieb li jibnuk fost l-aduraturi sħabek