LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 16 pp. 124-132
  • “Ejja l-Maċedonja”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ejja l-Maċedonja”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Alla Kien Qed Jgħidilna Biex Immorru” (Atti 16:6-15)
  • “Il-Folla Kollha Ħaditha Kontrihom” (Atti 16:16-24)
  • “Tgħammdu bla Dewmien” (Atti 16:25-34)
  • “Issa Jridu Joħorġuna bil-Moħbi?” (Atti 16:35-40)
  • “Il-paċi t’Alla . . . tisboq kull ħsieb”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Sila—Sors taʼ Inkuraġġiment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Gwardjan tal-ħabs jitgħallem dwar Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 16 pp. 124-132

KAPITLU 16

“Ejja l-Maċedonja”

Ingawdu l-barkiet meta naċċettaw inkarigu u nissaportu l-persekuzzjoni bil-ferħ

Ibbażat fuq Atti 16:6-40

1-3. (a) Pawlu u l-imseħbin tiegħu kif esperjenzaw id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis? (b) Liema ġrajjiet se nikkunsidraw?

GRUPP taʼ nisa jitilqu mill-belt taʼ Filippi fil-Maċedonja. Ma jdumux ma jaslu ħdejn ix-xmara dejqa taʼ Gangite. Skont id-drawwa tagħhom, huma jpoġġu bilqiegħda f’xatt ix-xmara biex jitolbu lill-Alla taʼ Iżrael. Ġeħova josservahom.—2 Kron. 16:9; Salm 65:2.

2 Sadanittant, iktar minn 800 kilometru ’l bogħod minn Filippi lejn il-Lvant, grupp taʼ rġiel jitilqu mill-belt taʼ Listra fin-Nofsinhar tal-Galazja. Xi jiem wara, huma jaslu fi triq prinċipali Rumana li hi ċangjata u li tagħti għall-Punent, l-iktar reġjun li joqogħdu nies fih tad-distrett tal-Asja. L-irġiel—Pawlu, Sila, u Timotju—huma ħerqanin biex jivvjaġġaw f’din it-triq sabiex iżuru Efesu u bliet oħrajn, fejn eluf taʼ nies għandhom bżonn jisimgħu dwar Kristu. Madankollu, saħansitra qabel ma jistgħu jibdew il-vjaġġ, l-ispirtu qaddis iwaqqafhom b’mod li mhuwiex deskritt fil-Bibbja. Ma jitħallewx jippritkaw fl-Asja. Għala? Ġesù—permezz tal-ispirtu t’Alla—irid jiggwida lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu biex jgħaddu mill-Asja Minuri, jaqsmu l-Baħar Eġew, u jaslu ħdejn ix-xtut taʼ dik ix-xmara żgħira jisimha Gangite.

3 Il-mod kif Ġesù ggwida lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu matul dan il-vjaġġ mhux tas-soltu fil-Maċedonja fih lezzjonijiet taʼ valur għalina llum. Għalhekk, ejja nirrivedu ftit mill-ġrajjiet li seħħew matul it-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, li beda madwar is-sena 49 WK.

“Alla Kien Qed Jgħidilna Biex Immorru” (Atti 16:6-15)

4, 5. (a) Xi ġralhom Pawlu u l-imseħbin tiegħu ħdejn il-Bitinja? (b) Id-dixxipli x’deċiżjoni ħadu, u b’liema riżultat?

4 Minħabba li ma tħallewx jippritkaw fl-Asja, Pawlu u l-imseħbin tiegħu daru lejn it-Tramuntana biex jippritkaw fil-bliet tal-Bitinja. Sabiex waslu hemmhekk, għandhom mnejn imxew għal ġranet sħaħ fuq mogħdijiet mhux ċangjati bejn ir-reġjuni tal-Friġja u tal-Galazja li kellhom popolazzjoni mxerrda. Madankollu, xħin waslu viċin il-Bitinja, Ġesù reġaʼ uża l-ispirtu qaddis biex iwaqqafhom. (Atti 16:6, 7) Sadanittant, l-irġiel bilfors li ħassewhom konfużi. Kienu jafu x’għandhom jippritkaw u kif jippritkaw, imma ma kinux jafu fejn jippritkaw. Kienu ħabbtu, biex ngħidu hekk, fuq il-bieb li jagħti għall-Asja—imma għal xejn. Kienu ħabbtu fuq il-bieb li jagħti għall-Bitinja—għal darb’oħra għal xejn. Xorta waħda, Pawlu kien determinat li jibqaʼ jħabbat sakemm isib bieb li jinfetaħlu. L-irġiel imbagħad ħadu deċiżjoni li setgħet dehret bla sens. Daru lejn il-Punent u mxew għal 550 kilometru, u qabżu belt wara l-oħra sakemm waslu ħdejn il-port taʼ Troas, il-bieb naturali li jagħti għall-Maċedonja. (Atti 16:8) Hemmhekk, għat-tielet darba, Pawlu ħabbat fuq bieb, u—iva!—infetaħ beraħ.

5 Luqa, wieħed mill-kittieba tal-Evanġelji, li ngħaqad maʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu fi Troas, jirrapporta x’ġara: “Billejl Pawlu kellu viżjoni. Hu ra raġel mill-Maċedonja wieqaf quddiemu li beda jitolbu bil-ħniena: ‘Ejja l-Maċedonja u għinna.ʼ Malli ra l-viżjoni, aħna pprovajna mmorru l-Maċedonja, għax wasalna għall-konklużjoni li Alla kien qed jgħidilna biex immorru nxandrulhom l-aħbar tajba.”a (Atti 16:9, 10) Fl-aħħar, Pawlu kien jaf fejn kellu jipprietka. Min jaf kemm ħassu ferħan Pawlu li ma qatax qalbu f’nofs il-vjaġġ! Minnufih, l-erbat irġiel salpaw lejn il-Maċedonja.

L-appostlu Pawlu u Timotju fuq vapur. Timotju jipponta lejn xi ħaġa ’l bogħod waqt li hemm il-ħaddiem tal-vapur jaħdmu.

“Għalhekk, tlaqna bil-baħar minn Troas.”—Atti 16:11

6, 7. (a) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dak li seħħ matul il-vjaġġ taʼ Pawlu? (b) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

6 X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Innota dan: Kien biss wara li Pawlu telaq lejn l-Asja li l-ispirtu t’Alla intervjena, kien biss wara li Pawlu resaq viċin il-Bitinja li Ġesù aġixxa, u kien biss wara li Pawlu wasal Troas li Ġesù dderiġieh lejn il-Maċedonja. Ġesù, bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, illum għandu mnejn jiggwidana b’mod simili. (Kol. 1:18) Pereżempju, forsi ilna xi ftit naħsbu dwar li naqdu bħala pijunier jew li mmorru ngħixu f’post fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna hu akbar. Madankollu, jistaʼ jkun biss wara li nieħdu passi definiti biex nilħqu l-mira tagħna li Ġesù, permezz tal-ispirtu t’Alla, se jiggwidana. Għala? Aħseb dwar dan l-eżempju: Sewwieq jistaʼ jidderieġi l-karozza tiegħu biex iddur lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, imma biss jekk il-karozza tkun miexja. B’mod simili, Ġesù jidderiġina biex inkabbru l-ministeru tagħna, imma biss jekk inkunu mexjin—jekk inkunu qed nagħmlu sforz kbir biex nagħmlu dan.

7 Però, xi ngħidu jekk l-isforzi tagħna ma jirnexxux mill-ewwel? Għandna naqtgħu qalbna, u nirraġunaw li l-ispirtu t’Alla mhuwiex qed jiggwidana? Le. Ftakar li Pawlu wkoll iffaċċja xi xkiel. Madankollu, baqaʼ jfittex sakemm sab bieb li nfetaħlu. Nistgħu nkunu ċerti li l-perseveranza tagħna biex infittxu “bieb kbir għax-xogħol” se tiġi premjata b’mod simili.—1 Kor. 16:9.

8. (a) Iddeskrivi l-belt taʼ Filippi. (b) Liema ġrajja taʼ ferħ irriżultat mill-ippritkar taʼ Pawlu f’“post li fih kien isir it-talb”?

8 Wara li waslu fid-distrett tal-Maċedonja, Pawlu u l-imseħbin tiegħu vvjaġġaw lejn Filippi—belt li l-abitanti tagħha kienu kburin li kienu ċittadini Rumani. Għas-suldati Rumani rtirati li kienu jgħixu hemmhekk, il-kolonja taʼ Filippi kienet bħal Italja żgħira—Ruma ċkejkna fil-Maċedonja. ’Il barra minn bieb il-belt, ħdejn xmara dejqa, il-missjunarji sabu post fejn ħasbu li kien hemm “post li fih kien isir it-talb.”b F’jum is-Sabat, marru ħdejn dan il-post u sabu grupp taʼ nisa li nġabru hemmhekk biex iqimu lil Alla. Id-dixxipli qagħdu bilqiegħda u kellmuhom. Mara jisimha Lidja “kienet qed tismaʼ, u Ġeħova għenha tagħti kas.” Lidja tant tqanqlet minn dak li tgħallmet mingħand il-missjunarji li hi u dawk taʼ darha tgħammdu. Imbagħad ġiegħlet lil Pawlu u lil dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu biex imorru u joqogħdu fid-dar tagħha.c—Atti 16:13-15.

9. Ħafna llum kif imitaw l-eżempju taʼ Pawlu, u dan irriżulta f’liema barkiet?

9 Immaġina l-ferħ li kien hemm minħabba l-magħmudija taʼ Lidja! Min jaf kemm ħassu hieni Pawlu li kien aċċetta l-istedina biex imur il-Maċedonja u li Ġeħova kien iddeċieda li juża lilu u l-imseħbin tiegħu biex iwieġeb it-talb taʼ dawn in-nisa li kellhom il-biżaʼ t’Alla! Illum, diversi aħwa rġiel u nisa—żgħar u kbar, waħedhom u miżżewġin—bl-istess mod imorru joqogħdu f’pajjiżi fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna hu akbar. Huwa minnu li jiffaċċjaw diffikultajiet, imma dawn donnhom jintesew meta jqabbluhom mas-sodisfazzjon li jħossu hekk kif isibu nies bħal Lidja, li jħaddnu l-veritajiet tal-Bibbja. Tistaʼ int tagħmel aġġustamenti li jippermettulek tmur f’territorju fejn il-bżonn hu akbar? Ikun hemm barkiet jistennewk. Pereżempju, ikkunsidra lil Aaron, ħu li għandu fuq l-20 sena u li mar joqgħod f’pajjiż fl-Amerika Ċentrali. Hu jidwi s-sentimenti taʼ ħafna meta jgħid: “Il-fatt li naqdi f’pajjiż ieħor għenni biex nikber spiritwalment u biex nersaq eqreb lejn Ġeħova. U s-servizz tal-għalqa hu tal-ġenn—qed nikkonduċi tmien studji tal-Bibbja!”

Żewġ aħwa qed jippritkaw lil żagħżugħa. Ġuvni jħares lejhom biex jara fuqiex qed jitkellmu.

Illum, aħna kif nistgħu ‘ngħaddu l-Maċedonja’?

“Il-Folla Kollha Ħaditha Kontrihom” (Atti 16:16-24)

10. L-attività tad-demonji kif kienet involuta f’li tqajjem l-oppożizzjoni għall-ippritkar taʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu?

10 Satana ċertament li kien inkorlat minħabba li l-aħbar tajba kienet rabbiet l-għeruq f’parti mid-dinja li fiha hu u d-demonji tiegħu għandhom mnejn ma kinux ġew sfidati. Allura, mhux taʼ b’xejn li l-attività demonika kienet involuta f’li tqajjem l-oppożizzjoni għall-ippritkar taʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu! Hekk kif komplew iżuru l-post tat-talb, qaddejja maħkuma minn demonju, li kienet taqlaʼ l-flus għas-sidien tagħha billi kienet tagħmel it-tbassir, baqgħet issegwi lil Pawlu u l-imseħbin tiegħu, tgħajjat: “Dawn l-irġiel huma l-ilsiera tal-Alla l-Iktar Għoli li qed ixandrulkom kif tistgħu ssalvaw.” Id-demonju għandu mnejn ġiegħel lit-tfajla tgħajjat dan il-kliem biex jagħti l-impressjoni li t-tbassir tagħha u t-tagħlim taʼ Pawlu kienu ġejjin mill-istess sors. B’hekk, l-attenzjoni taʼ dawk li kienu qed josservaw setgħet tiġi aljenata mis-segwaċi veri taʼ Kristu. Imma Pawlu sikket lit-tfajla billi keċċa d-demonju.—Atti 16:16-18.

11. Wara li d-demonju tkeċċa mit-tfajla, xi ġralhom Pawlu u Sila?

11 Meta s-sidien tal-qaddejja saru jafu li s-sors tal-qligħ faċli tagħhom kien sparixxa, imtlew bl-għadab. Huma kaxkru lil Pawlu u lil Sila lejn is-suq, fejn l-amministraturi—uffiċjali li kienu jirrappreżentaw lil Ruma—kienu jiġġudikaw. Is-sidien appellaw għall-preġudizzju u l-patrijottiżmu tal-imħallfin, billi sa ċertu punt qalu: ‘Dawn il-Lhud qed jaqilgħu l-inkwiet billi jgħallmu drawwiet li aħna r-Rumani ma nistgħux naċċettawhom.’ Il-kliem tagħhom kellu riżultati immedjati. “Il-folla kollha [fis-suq] ħaditha kontrihom [għal Pawlu u Sila],” u l-maġistrati ordnaw li “jsawtuhom bil-bsaten.” Wara dan, Pawlu u Sila ġew imkaxkrin lejn il-ħabs. L-għassies tal-ħabs tefaʼ lill-irġiel feruti fil-ħabs taʼ ġewwa u rabtilhom saqajhom fil-qjud. (Atti 16:19-24) Meta l-għassies tal-ħabs għalaq il-bieb, fil-ħabs kien hemm dlam taqtgħu b’sikkina, tant li Pawlu u Sila bilkemm setgħu jaraw lil xulxin. Madankollu, Ġeħova kien qed jara kollox.—Salm 139:12.

12. (a) Id-dixxipli taʼ Kristu kif qiesu l-persekuzzjoni, u għala? (b) Liema forom t’oppożizzjoni għadhom jużaw Satana u l-aġenti tiegħu?

12 Snin qabel, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Se jippersegwitaw lilkom.” (Ġw. 15:20) B’hekk, meta Pawlu u l-imseħbin tiegħu għaddew il-Maċedonja, kienu lesti biex jiffaċċjaw l-oppożizzjoni. Meta faqqgħet il-persekuzzjoni, ma qisuhiex bħala sinjal tad-diżapprovazzjoni taʼ Ġeħova, imma bħala espressjoni tar-rabja taʼ Satana. Illum, l-aġenti taʼ Satana għadhom jużaw metodi simili għal dawk li ntużaw f’Filippi. Opponenti qarriqin jirrappreżentawna ħażin fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol, u b’hekk iqanqlu l-oppożizzjoni. F’xi pajjiżi, opponenti reliġjużi jakkużawna fil-qorti, billi sa ċertu punt jgħidu: ‘Dawn ix-Xhieda jaqilgħu l-inkwiet billi jgħallmu drawwiet li aħna bħala nies reliġjużi ma nistgħux naċċettawhom.’ F’xi postijiet, sħabna fit-twemmin jiġu msawtin u mitfugħin il-ħabs. Madankollu, Ġeħova qed jara kollox.—1 Pt. 3:12.

“Tgħammdu bla Dewmien” (Atti 16:25-34)

13. X’ġiegħel lill-għassies tal-ħabs jistaqsi: “X’għandi nagħmel biex insalva?”

13 Pawlu u Sila żgur li kellhom bżonn ftit tal-ħin biex jirkupraw mentalment u fiżikament minħabba t-taqlib li esperjenzaw dakinhar. Madankollu, sa nofsillejl kienu rkupraw mis-swat li qalgħu sal-punt li kienu “qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant.” Imbagħad, f’daqqa waħda, terremot heżżeż il-ħabs! L-għassies tal-ħabs qam, ra li l-bibien kienu miftuħin, u beżaʼ li l-ħabsin kienu ħarbu. Peress li kien jaf li kien se jiġi kastigat talli ħalliehom jaħarbu, “hu ħa x-xabla tiegħu u kien se joqtol lilu nnifsu.” Imma Pawlu għajjat: “Tagħmilx hekk, għax aħna kollha hawn għadna!” L-għassies tal-ħabs inkwetat għall-aħħar staqsa: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” Pawlu u Sila ma setgħux isalvawh; Ġesù biss setaʼ jsalvah. Għaldaqstant wiġbuh: “Għandek temmen fil-Mulej Ġesù biex tiġi salvat.”—Atti 16:25-31.

14. (a) Pawlu u Sila liema għajnuna tawh lill-għassies tal-ħabs? (b) Liema barka rċivew Pawlu u Sila talli ffaċċjaw il-persekuzzjoni bil-ferħ?

14 Kienet il-mistoqsija tal-għassies tal-ħabs ġejja mill-qalb? Pawlu ma ddubitax mis-sinċerità tar-raġel. L-għassies tal-ħabs kien Ġentil, u ma kienx familjari mal-Iskrittura. Qabel ma setaʼ jsir Kristjan, kellu bżonn jitgħallem u jaċċetta veritajiet Skritturali bażiċi. Għalhekk, Pawlu u Sila ħadu l-ħin biex ikellmuh dwar “il-kelma taʼ Ġeħova.” Filwaqt li kienu medhijin jgħallmu l-Iskrittura, l-irġiel forsi nsew kemm kienu muġugħin minħabba d-daqqiet li kienu qalgħu. Però, l-għassies tal-ħabs innota l-ġrieħi fondi f’daharhom, u naddfilhom il-feriti. Imbagħad hu u n-nies taʼ daru “tgħammdu bla dewmien.” X’barka rċivew Pawlu u Sila talli ffaċċjaw il-persekuzzjoni bil-ferħ!—Atti 16:32-34.

15. (a) Għadd taʼ Xhieda llum kif segwew l-eżempju taʼ Pawlu u Sila? (b) Għala għandna nkomplu nżuru lil dawk li joqogħdu fit-territorju tagħna?

15 Bħal Pawlu u Sila, ħafna Xhieda fi żmienna ppritkaw l-aħbar tajba waqt li kienu l-ħabs minħabba l-fidi tagħhom, b’riżultati mill-aħjar. Pereżempju, f’pajjiż wieħed fejn l-attivitajiet tagħna kienu projbiti, f’ċertu żmien, 40 fil-mija mix-Xhieda kollha li kienu qed jgħixu hemmhekk kienu tgħallmu l-verità dwar Ġeħova waqt li kienu l-ħabs! (Is. 54:17) Innota wkoll li l-għassies tal-ħabs talab għall-għajnuna biss wara li seħħ it-terremot. B’mod simili, xi individwi llum li qatt ma taw widen għall-messaġġ tas-Saltna għandhom mnejn jagħmlu dan wara li l-ħajja persunali tagħhom f’daqqa waħda tinqaleb taʼ taħt fuq minħabba xi ġrajja taʼ niket. Billi fedelment inżuru lil dawk li joqogħdu fit-territorju tagħna darba wara l-oħra, nagħmlu żgur li aħna disponibbli biex ngħinuhom.

“Issa Jridu Joħorġuna bil-Moħbi?” (Atti 16:35-40)

16. Fil-ġurnata taʼ wara li Pawlu u Sila ġew imsawtin, is-sitwazzjoni kif inqalbet?

16 L-għodwa taʼ wara li sawtuhom, l-amministraturi ordnaw li Pawlu u Sila jinħelsu. Imma Pawlu qal: “Għalkemm aħna Rumani, huma sawtuna quddiem in-nies mingħajr m’għaddewna ġuri u tefgħuna l-ħabs. U issa jridu joħorġuna bil-moħbi? Le, ma tarax! Ħa jiġu joħorġuna huma stess.” Malli saru jafu li ż-żewġt irġiel kienu ċittadini Rumani, il-maġistrati “bdew jibżgħu,” għax kienu marru kontra d-drittijiet tal-irġiel.d Is-sitwazzjoni kienet inqalbet. Id-dixxipli kienu ġew imsawtin fil-pubbliku; issa l-maġistrati kellhom jitolbu apoloġija fil-pubbliku. Lil Pawlu u lil Sila talbuhom bil-ħrara biex jitilqu minn Filippi. Iż-żewġ dixxipli obdew, imma l-ewwel ħadu l-ħin biex jinkuraġġixxu lill-grupp taʼ dixxipli ġodda li kien qed jikber. Kien biss wara dan li telqu.

17. Id-dixxipli ġodda liema lezzjoni importanti kienu tgħallmu minħabba li osservaw is-sabar taʼ Pawlu u Sila?

17 Kieku d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Rumani kienu ġew rispettati iktar kmieni, Pawlu u Sila x’aktarx li setgħu evitaw li jiġu msawtin. (Atti 22:25, 26) Madankollu, dan setaʼ jagħti lid-dixxipli f’Filippi l-impressjoni li l-irġiel kienu użaw il-pożizzjoni tagħhom biex jiskansaw it-tbatija għan-nom taʼ Kristu. Dan kif kien se jeffettwa l-fidi tad-dixxipli li ma kinux ċittadini Rumani? Wara kollox, il-liġi ma kinitx se tipproteġihom mis-swat. Għaldaqstant, billi ssaportew il-kastig, Pawlu u sieħbu bl-eżempju wrew lill-kredenti ġodda li s-segwaċi taʼ Kristu jistgħu jibqgħu sodi minkejja l-persekuzzjoni. Barra minn hekk, billi talbu li ċ-ċittadinanza tagħhom tiġi rikonoxxuta, Pawlu u Sila sforzaw lill-maġistrati biex jistqarru pubblikament li kienu aġixxew kontra l-liġi. Dan, min-naħa l-oħra, setaʼ jwaqqafhom milli jimmaltrattaw lil sħab Pawlu fit-twemmin u jipprovdi ċerta protezzjoni legali minn attakki simili fil-futur.

18. (a) L-indokraturi Kristjani llum kif jimitaw l-eżempju taʼ Pawlu? (b) Kif ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba’ fi żmienna?

18 Illum, l-indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana wkoll imexxu bl-eżempju tagħhom. Dak kollu li jistennew li jagħmlu sħabhom fit-twemmin, ir-ragħajja Kristjani huma lesti li jagħmluh huma stess. B’mod simili, bħal Pawlu, aħna nikkunsidraw bir-reqqa kif u fejn għandna nużaw id-drittijiet legali tagħna biex niksbu l-protezzjoni. Jekk ikun hemm il-bżonn, aħna nappellaw lill-qrati ġudizzjarji lokali, nazzjonali, u saħansitra internazzjonali biex niksbu protezzjoni legali ħalli nwettqu l-qima tagħna. L-objettiv tagħna mhuwiex riforma soċjali, imma li ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba,’ bħalma Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni f’Filippi xi għaxar snin wara li kien ġie mitfugħ il-ħabs hemmhekk. (Flp. 1:7) Xorta waħda, minkejja x’jistaʼ jkun ir-riżultat taʼ dawn il-każi fil-qrati, bħal Pawlu u l-imseħbin tiegħu, aħna determinati li nkomplu ‘nxandru l-aħbar tajba’ kull fejn imexxina l-ispirtu t’Alla.—Atti 16:10.

LUQA—IL-KITTIEB TAL-ATTI

Sa kapitlu 16, vers 9, il-ktieb tal-​Atti hu rakkontat b’mod strett fit-tielet persuna. Jiġifieri, il-kittieb jirrapporta biss dak li qalu u għamlu oħrajn. Madankollu, f’​Atti 16:10, 11, hemm bidla f’dan l-istil. Pereżempju, f’vers 11 il-kittieb jgħid: “Tlaqna bil-baħar minn Troas u morna Samotraċja.” Dan hu meta Luqa, il-kittieb, daħal fix-xena. Imma ladarba l-isem taʼ Luqa ma jidher imkien fl-​Atti tal-Appostli, kif nafu li hu kien, fil-fatt, il-kittieb?

Luqa bilqiegħda maʼ mejda, jikteb fuq skroll.

It-tweġiba tinsab fl-introduzzjonijiet tal-ktieb tal-​Atti u tal-Evanġelju taʼ Luqa. Iż-żewġ introduzzjonijiet huma indirizzati lil ċertu “Teofilu.” (Lq. 1:1, 3; Atti 1:1) Il-kliem tal-ftuħ tal-​Atti jgħid: “Teofilu, fl-ewwel rakkont jien spjegajtlek dak kollu li Ġesù għamel u għallem..” Ladarba l-awtoritajiet tal-qedem jaqblu li “l-ewwel rakkont,” l-Evanġelju, inkiteb minn Luqa, allura bilfors li hu kiteb ukoll il-ktieb tal-​Atti.

Ma nafux ħafna dwar Luqa. Ismu jidher tliet darbiet biss fil-Bibbja. L-appostlu Pawlu jsejjaħ lil Luqa “t-tabib maħbub” u wieħed mill-“ħaddiema” sħabu. (Kol. 4:14; Flm. 24) Is-sezzjonijiet tal-ktieb tal-​Atti li fihom Luqa jinkludi lilu nnifsu fir-rakkont jindikaw li Luqa ngħaqad mal-appostlu Pawlu l-ewwel darba minn Troas għal Filippi madwar is-sena 50 WK, imma li meta Pawlu telaq minn Filippi, Luqa ma kienx għadu miegħu. Iż-żewġt irġiel reġgħu ltaqgħu f’Filippi madwar is-sena 56 WK u vvjaġġaw maʼ sebaʼ aħwa oħrajn minn Filippi sa Ġerusalemm, fejn Pawlu ġie arrestat. Sentejn wara, Luqa akkumpanja lil Pawlu, li kien għadu fil-ktajjen, minn Ċesarija sa Ruma. (Atti 16:10-17, 40; 20:5–21:17; 24:27; 27:1–28:16) Meta Pawlu, li kien ġie mitfugħ il-ħabs għat-tieni darba f’Ruma, induna li l-esekuzzjoni tiegħu kienet fil-qrib, “Luqa biss” kien miegħu. (2 Tim. 4:6, 11) Huwa ċar li Luqa vvjaġġa distanzi twal u kien lest li jsofri tbatijiet minħabba l-aħbar tajba.

Luqa ma sostniex li kien xhud taʼ dak li kiteb dwar Ġesù. Għall-kuntrarju, hu qal li beda ‘jinvestiga l-affarijiet kollha li ġraw’ bbażati fuq ir-rakkonti taʼ dawk li “raw b’għajnejhom stess.” Iktar minn hekk, hu ‘kiteb dawn l-affarijiet skont kif ġraw, għax fittixt il-fatti kollha mill-bidu u sibt informazzjoni eżatta.’ (Lq. 1:1-3) Ir-riżultati tax-xogħol iebes taʼ Luqa juru li kien riċerkatur diliġenti. Forsi hu intervista lil Eliżabetta, lil Marija, omm Ġesù, u lil oħrajn sabiex jiġbor l-informazzjoni li kellu bżonn. Ħafna minn dak li kiteb jidher biss fl-Evanġelju tiegħu.—Lq. 1:5-80.

Pawlu qal li Luqa kien tabib, u f’dak li kiteb nistgħu naraw l-interess tiegħu bħala tabib f’dawk li jbatu. Biex insemmu ftit eżempji: Luqa nnota li meta Ġesù fejjaq lil raġel maħkum minn demonju, “id-demonju . . . ħareġ minnu bla ma weġġgħu”; li l-kunjata tal-appostlu Pietru kienet imnikkta ferm minħabba “deni qawwi”; u li mara li Ġesù għen “kienet ilha 18-il sena marida minħabba li kellha demonju. Hi kienet mgħawġa ganċ u ma setgħetx tiddritta.”—Lq. 4:35, 38; 13:11.

B’mod ċar, Luqa poġġa “x-xogħol tal-Mulej” l-ewwel f’ħajtu. (1 Kor. 15:58) L-objettiv tiegħu ma kienx li jsus wara karriera sekulari jew prominenza, imma sempliċement li jgħin lil oħrajn ikunu jafu u jaqdu lil Ġeħova.

LIDJA—IL-BEJJIEGĦA TAD-DRAPP VJOLA

Lidja kienet tgħix f’Filippi, belt prominenti fil-Maċedonja. Oriġinarjament kienet minn Tjatira, belt fir-reġjun jismu Lidja fil-Punent tal-Asja Minuri. Biex taħdem bħala bejjiegħa tad-drapp vjola, Lidja kienet marret toqgħod in-naħa l-oħra tal-Baħar Eġew. X’aktarx li kienet tinnegozja f’diversi tipi t’affarijiet tad-drapp vjola —twapet, tapizzeriji, drappijiet, u saħansitra żebgħa. Skrizzjoni li nstabet f’Filippi tixhed għall-preżenza taʼ grupp taʼ negozjanti li kienu jbigħu d-drapp vjola f’din il-belt.

Lidja turi biċċa drapp.

Lidja hi deskritta bħala mara “li tqim lil Alla,” u dan x’aktarx ifisser li kienet proselita tal-​Ġudaiżmu. (Atti 16:14) Għandha mnejn saret taf bil-qima taʼ Ġeħova fil-belt tagħha. B’kuntrast maʼ Filippi, din il-belt kellha post li fih kienu jiltaqgħu l-Lhud. Xi wħud jemmnu li l-isem Lidja kien laqam—li jfisser “mara mil-Lidja”—li ngħatalha f’Filippi. Madankollu, hemm evidenza miktuba li turi li l-isem Lidja kien jintuża wkoll bħala isem proprju.

In-nies tal-Lidja u l-ġirien tagħhom kienu famużi għas-sengħa tagħhom f’li jiżbgħu l-affarijiet bil-vjola minn żmien Omeru, fid-disaʼ jew it-tmien seklu QK (qabel Kristu). Tabilħaqq, l-ilma taʼ Tjatira kien magħruf li jipproduċi “l-iktar kuluri jgħajtu u permanenti.”

Materjali tad-drapp vjola kienu affarijiet lussużi, li setgħu jaffordjawhom biss is-sinjuri. Għalkemm kien hemm diversi sorsi magħrufin għaż-żebgħa tad-drapp vjola, l-aħjar u l-iktar wieħed li jiswa flus—li kien jintuża fuq għażel fin—kien jiġi mill-gandoffli tal-Mediterran. Qatra waħda taʼ żebgħa setgħet tiġi estratta minn kull mollusk, u kellhom jiġu proċessati xi 8,000 gandoffla biex tinkiseb biss gramma waħda tal-likwidu prezzjuż; b’hekk, id-drapp taʼ dan il-kulur kien iqum ħafna flus.

Ladarba n-negozju taʼ Lidja kien jeħtieġ kapital sostanzjali, u kellha dar kbira li setgħu joqogħdu fiha erbat irġiel—Pawlu, Sila, Timotju, u Luqa—x’aktarx li hi kienet negozjanta taʼ suċċess u għanja. Luqa jsemmi ‘lilha u tad-dar tagħha.ʼ Dan jistaʼ jfisser li kienet toqgħod maʼ xi qraba, imma tistaʼ tindika wkoll li kellha xi lsiera u qaddejja. (Atti 16:15) U l-fatt li qabel ma telqu mill-belt, Pawlu u Sila ltaqgħu maʼ xi aħwa f’din id-dar taʼ din il-mara ospitabbli jissuġġerixxi li d-dar tagħha saret post fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel Kristjani f’Filippi.—Atti 16:40.

Meta kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Filippi xi għaxar snin wara, Pawlu ma semmihiex lil Lidja. Għalhekk, id-dettalji li hemm f’​Atti kapitlu 16 huma kulma nafu dwarha.

a Ara l-kaxxa “Luqa—Il-Kittieb tal-​Atti.”

b Forsi l-Lhud ma tħallewx ikollhom sinagoga fil-belt minħabba n-natura militari taʼ Filippi. Jew il-belt forsi ma kienx fiha għaxart irġiel Lhud—in-numru minimu meħtieġ biex tiġi stabbilita sinagoga.

c Ara l-kaxxa “Lidja—Il-Bejjiegħa tad-Drapp Vjola.”

d Il-liġi Rumana kienet tistqarr li ċittadin dejjem kien intitolat għal ġuri xieraq u qatt ma kellu jiġi kastigat fil-pubbliku mingħajr ma jkun kundannat.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja