Għasses Kontra l-Idolatrija taʼ Kull Xorta
“Xi qbil għandu t-tempju t’Alla mal-idoli?”—2 KORINTIN 6:16.
1. It-tabernaklu u t-tempji taʼ Izrael kienu karatteristiċi taʼ liema ħaġa?
JEHOVAH għandu tempju li ma jakkomodax lill-idoli. Kien ikkaratterizzat mit-tabernaklu taʼ Iżrael mibni minn Mosè u mit-tempji mibnijin iktar tard f’Ġerusalemm. Dawk l-istrutturi rrappreżentaw “[i]l-vera tinda,” it-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. (Ebrej 8:1-5) Dak it-tempju huwa l-arranġament li bih wieħed jersaq lejn Alla fil-qima fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tar-rahan taʼ Ġesù Kristu.—Ebrej 9:2-10, 23.
2. Min huma dawk li jsiru kolonni fit-tempju spiritwali kbir t’Alla, u liema pożizzjoni hi gawduta mill-folla kbira?
2 Kull Kristjan midluk isir “kolonna fit-tempju t’Alla,” billi jirċievi post fis-sema. “Folla kbira” tal-adoraturi l-oħra taʼ Jehovah qiegħda ‘tagħti servizz sagru lil Alla’ f’dak li kien irrappreżentat mill-bitħa tal-Ġentili fit-tempju mibni mill-ġdid minn Erodi. Minħabba fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma għandhom waqfa taʼ tjieba li tirriżulta f’li jinżammu ħajjin biex igħaddu minn ġot-“tribulazzjoni l-kbira.”—Rivelazzjoni 3:12; 7:9-15.
3, 4. Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin fuq l-art maʼ liema ħaġa hi mxebbha, u trid tkun ħielsa minn liema tinġis?
3 Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin fuq l-art hija mxebbha b’mod figurattiv maʼ tempju ieħor ħieles mill-idolatrija. Lil uħud bħal dawn “[i]ssiġillati bl-ispirtu qaddis,” l-appostlu Pawlu qal: “Intom ġejtu mibnijin fuq il-pedament tal-appostli u l-profeti, waqt li Kristu Ġesù nnifsu huwa l-ġebla tal-kantuniera tal-pedament. F’għaqda miegħu l-bini kollu kemm hu, billi huwa magħqud flimkien b’mod armonjuż, qiegħed jikber f’tempju qaddis għal Jehovah. F’għaqda miegħu intom, ukoll, qegħdin tiġu mibnijin flimkien f’post għal Alla biex jabitah bl-ispirtu.” (Efesin 1:13; 2:20-22) Dawn il-144,000 uħud issiġillati huma “ġebel ħaj” li qegħdin ‘jinbnew f’dar spiritwali bil-għan taʼ saċerdozju qaddis.’—1 Pietru 2:5; Rivelazzjoni 7:4; 14:1.
4 Ladarba dawn is-sotto-qassisin huma “l-bini t’Alla,” hu ma jħallix li dan it-tempju jsir imniġġes. (1 Korintin 3:9, 16, 17) “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux,” wissa Pawlu. “Għax xi sħubija hemm bejn it-tjieba u l-ksur tal-liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam? Iktar minn hekk, x’armonija hemm bejn Kristu u Beljal? Jew x’sehem għandu wieħed leali maʼ wieħed li ma jemminx? U xi qbil għandu t-tempju t’Alla mal-idoli?” Kristjani midlukin, li jappartjenu lil “Jehovah li Jistaʼ Kollox,” iridu jkunu ħielsa mill-idolatrija. (2 Korintin 6:14-18) Dawk tal-folla kbira jridu wkoll jevitaw l-idolatrija taʼ kull xorta.
5. Konxji li Jehovah jistħoqqlu devozzjoni esklussiva, il-veri Kristjani jagħmlu liema ħaġa?
5 Hemm forom taʼ idolatrija kemm diretti u kemm sottili. Le, l-idolatrija mhix illimitata għall-qima taʼ allat foloz irġiel u nisa. Hija l-qima taʼ kull ħaġa jew kull wieħed minbarra Jehovah. Bħala s-Sovran Universali, hu bi dritt jitlob u jixraqlu devozzjoni esklussiva. (Dewteronomju 4:24) Billi huma konxji taʼ dan, il-Kristjani veri jagħtu kas it-twissijiet Skritturali kontra l-idolatrija kollha. (1 Korintin 10:7) Ejjew nikkunsidraw ċerti forom taʼ idolatrija li jridu jiġu evitati mill-qaddejja taʼ Jehovah.
L-Idolatrija tal-Kristjaneżmu Iffigurata bil-Quddiem
6. Eżekjel ra liema affarijiet moqżieża fil-viżjoni?
6 Waqt li kien fl-eżilju Babilonjan fis-sena 612 Q.E.K., il-profeta Eżekjel kellu viżjoni taʼ affarijiet moqżieża pprattikati minn Lhud apostati fit-tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm. Eżekjel ra “simbolu tal-għira.” Sebgħin anzjan kienu osservati qegħdin joffru l-inċens fit-tempju. Nisa kienu jidhru qegħdin jibku minħabba alla falz. U 25 raġel kienu qegħdin iqimu lix-xemx. Dawn l-atti apostati taʼ liema sinjifikat kienu?
7, 8. Is-“simbolu tal-għira” setaʼ kien liema ħaġa, u għala qanqal lil Jehovah għall-għira?
7 L-idolatrija tal-Kristjaneżmu kienet iffigurata bil-quddiem mill-affarijiet moqżieża li Eżekjel ra fil-viżjoni. Per eżempju, hu qal: “Ħares! lejn it-Tramuntana tax-xatba tal-artal kien hemm dan is-simbolu tal-għira fid-daħla. U [Alla Jehovah] [i]ssokta jgħidli: ‘Bin il-bniedem, qiegħed tara x’affarijiet moqżieża kbar qegħdin jagħmlu, l-affarijiet li d-dar taʼ Iżrael qegħdin jagħmlu hawn għalija biex insir ’il bogħod mis-santwarju tiegħi?’”—Eżekjel 8:1-6.
8 Is-simbolu idolatruż tal-għira setaʼ kien arblu sagru li jirrappreżenta l-alla mara falza li l-Kangħaniti kienu jqisuha bħala l-mara tal-alla tagħhom Baal. Kien x’kien is-simbolu, qanqal lil Jehovah għall-għira għaliex qasam id-devozzjoni esklussiva t’Iżrael lejh bi ksur tal-kmandamenti tiegħu: “Jien Jehovah Alla tiegħek . . . Ma jrid ikollok ebda allat oħra kontra wiċċi. Ma tridx tagħmel għalik innifsek xbiha minquxa jew xi forma bħal xi ħaġa li qiegħda fis-smewwiet fuq jew li qiegħda fuq l-art taħt jew li qiegħda fl-ilmijiet taħt l-art. Ma tridx tmil lejhom lanqas tiġi mħajjar taqdihom, għaliex jien Jehovah Alla tiegħek Alla li nesiġi devozzjoni esklussiva.”—Eżodu 20:2-5.
9. Il-Kristjaneżmu kif ipprovoka lil Alla għall-għira?
9 Li jqimu s-simbolu tal-għira fit-tempju t’Alla kienet waħda mill-affarijiet moqżieża kbar li kienu qegħdin isiru minn Iżraeliti apostati. Bl-istess mod, il-knejjes tal-Kristjaneżmu huma mniġġsin b’simboli u xbihat li jiddiżonoraw lil Alla u li jaqsmu d-devozzjoni esklussiva li huma jsostnu li jagħtu lil Dak li lilu jgħidu li jaqdu. Alla huwa wkoll ipprovokat għall-għira għaliex in-nies tal-kleru jirrifjutaw is-Saltna tiegħu bħala l-unika tama tal-bnedmin u jżommu bħala idolu lill-Ġnus Magħquda—“[i]l-ħaġa mistmerra . . . wieqfa f’post qaddis,” fejn m’għandhiex tieqaf.—Mattew 24:15, 16; Mark 13:14.
10. Eżekjel x’ra ġewwa t-tempju, u dan kif jaqbel maʼ dak li jiġi nnotat fil-Kristjaneżmu?
10 Billi jidħol fit-tempju, Eżekjel jirrapporta: “Ħares! kien hemm kull rappreżentazzjoni taʼ affarijiet li jitkaxkru u bhejjem moqżieża, u l-idoli maħmuġin kollha tad-dar taʼ Iżrael, bit-tinqix fuq il-ħajt mad-dawra kollha. U sebgħin raġel mix-xjuħ tad-dar taʼ Iżrael . . . kienu bil-wieqfa quddiemhom, kull wieħed minnhom biċ-ċensier tiegħu f’idu, u l-fwieħa tas-sħaba tal-inċens kienet tielaʼ.” Aħseb ftit! Anzjani Iżraeliti fit-tempju taʼ Jehovah, qegħdin joffru l-inċens lil allat foloz, irrappreżentati minn tinqix moqżież fuq il-ħajt. (Eżekjel 8:10-12) Bl-istess mod, għasafar u annimali selvaġġi huma wżati biex jissimbolizzaw il-pajjiżi tal-Kristjaneżmu, li lilhom in-nies jagħtu devozzjoni. Barra minn hekk, ħafna mill-kleru huma ħatja taʼ li jgħinu biex jiżżvijaw lin-nies billi jirriklamaw it-teorija żballjata tal-evoluzzjoni tal-bniedem minn forom taʼ ħajja annimaleski u sotto-umani minflok ma jappoġġjaw ir-rakkont veru tal-ħolqien tal-Bibbja permezz taʼ Alla Jehovah.—Atti 17:24-28.
11. Nisa Iżraeliti apostati għala kienu qegħdin jibku minħabba Tammuż?
11 Fid-daħla tax-xatba tad-dar taʼ Jehovah, Eżekjel ra nisa Iżraeliti apostati qegħdin jibku minħabba Tammuż. (Eżekjel 8:13, 14) Il-Babilonjani u s-Sirjani kienu jqisu lil Tammuż bħala l-alla tal-ħxejjex li jikbru fl-istaġun tax-xita u jmutu matul il-perijodu tan-nixfa. Il-mewt tagħhom tat stampa taʼ dik taʼ Tammuż, mibki kull sena mill-adoraturi tiegħu fi żmien l-akbar sħana. Bid-dehra mill-ġdid tal-ħxejjex matul l-istaġun tax-xita, Tammuż kien maħsub li ġie lura minn taħt l-art. Hu kien irrappreżentat mill-ewwel ittra taʼ ismu, it-tau antika li kienet il-forma tas-salib. Dan jistaʼ jfakkarna sewwa dwar ir-reverenza idolatruża tal-Kristjaneżmu lejn is-salib.
12. Eżekjel x’rahom jagħmlu lil 25 raġel Iżraelit apostat, u liema azzjoni simili sseħħ fil-Kristjaneżmu?
12 Fil-bitħa ġewwinija tat-tempju, Eżekjel imbagħad ra 25 raġel Iżraelit apostata qegħdin iqimu lix-xemx—ksur tal-kmand taʼ Jehovah kontra idolatrija bħal din. (Dewteronomju 4:15-19) Dawk l-idolaturi wkoll żammew maʼ mnieħer Alla rimja oxxena, li forsi kienet tirrappreżenta lill-organu maskil tal-bniedem. Mhux taʼ b’xejn li Alla ma kienx iwieġeb it-talb tagħhom, saħansitra bħalma l-Kristjaneżmu se jfittex il-għajnuna tiegħu matul it-“tribulazzjoni kbira,” imma għalxejn. (Mattew 24:21) Bħalma dawk l-Iżraeliti apostati qiemu lix-xemx li tagħti d-dawl b’daharhom lejn it-tempju taʼ Jehovah, hekk ukoll il-Kristjaneżmu jagħti dahru lid-dawl mingħand Alla, igħallem duttrini foloz, jagħmel bħala idolu lill-għerf dinji, u jagħlaq għajn waħda lejn l-immoralità.—Eżekjel 8:15-18.
13. Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’liema modi jevitaw il-forom taʼ idolatrija li dehru fil-viżjoni taʼ Eżekjel?
13 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jevitaw il-forom taʼ idolatrija pprattikati fil-Kristjaneżmu, jew Ġerusalemm anti-tipika, kif Eżekjel ra bil-quddiem. Aħna ma nagħmlux bħala idoli lil simboli li jiddiżonoraw lil Alla. Għalkemm nuru rispett lejn “awtoritajiet superjuri” governattivi, is-sottomissjoni tagħna lejhom hija relattiva. (Rumani 13:1-7; Mark 12:17; Atti 5:29) Id-devozzjoni tal-qalb tagħna hija mogħtija lil Alla u lis-Saltna tiegħu. Aħna ma nissostitwux it-teorija tal-evoluzzjoni mal-Ħallieq u l-ħolqien tiegħu. (Rivelazzjoni 4:11) Qatt ma naduraw is-salib jew nagħmlu bħala idolu l-intellettwaliżmu, il-filosofija, jew xi xorta oħra taʼ għerf dinji. (1 Timotew 6:20, 21) Aħna noqogħdu għassa wkoll kontra l-forom l-oħra kollha taʼ idolatrija. X’inhuma xi wħud minn dawn?
Xorta Oħra taʼ Idolatrija
14. Il-qaddejja taʼ Jehovah jieħdu liema pożizzjoni dwar il-“bhima selvaġġa” taʼ Rivelazzjoni 13:1?
14 Il-Kristjani ma jiħdux sehem mal-umanità f’li jagħmlu bħala idolu lil “bhima selvaġġa” simbolika. Qal l-appostlu Ġwanni: “Jien rajt bhima selvaġġa tielaʼ mill-baħar, b’għaxart iqran u sebat irjus, u fuq l-iqran tagħha għaxar dijademi . . . Dawk kollha li jgħammru fuq l-art se jqimuha.” (Rivelazzjoni 13:1, 8) Il-bhejjem jistgħu jissimbolizzaw lil “slaten,” jew qawwiet politiċi. (Danjel 7:17; 8:3-8, 20-25) Mela s-sebat irjus tal-bhima selvaġġa simbolika jirrappreżentaw qawwiet dinjin—l-Eġittu, l-Assirja, il-Babilonja, il-Medo-Persja, il-Greċja, Ruma, u l-għaqda Anglo-Amerikana tal-Britannja u l-Istati Uniti tal-Amerka. Il-kleru tal-Kristjaneżmu juru nuqqas kbir taʼ rispett lejn Alla u Kristu billi jmexxu lill-umanità f’li jagħmlu bħala idolu lis-sistema politika taʼ Satana, “[i]l-ħakkiem taʼ din id-dinja.” (Ġwann 12:31) Bħala Kristjani newtrali u wħud li jappoġġjaw lis-Saltna, madankollu, il-qaddejja taʼ Jehovah jirrifjutaw idolatrija bħal din.—Ġakbu 1:27.
15. In-nies taʼ Jehovah kif iħarsu lejn l-istilel tad-dinja, u wieħed Xhud x’qal f’dan ir-rigward?
15 In-nies t’Alla jżommu lura wkoll milli jagħmlu bħala idolu lill-istilel tad-divertiment u tal-isports tad-dinja. Wara li sar Xhud taʼ Jehovah, wieħed mużiċist qal: “Il-mużika għad-divertiment u għaż-żfin tistaʼ tqanqal xewqat ħżiena . . . Il-kantant ikanta dwar il-hena u l-ħlewwa li ħafna semmiegħa jistgħu jħossu li huma neqsin fis-sieħeb jew sieħba tagħhom. L-artist spiss jiġi identifikat minn dak li qiegħed ikanta dwaru. Xi mużiċisti u kantanti professjonali li jien naf huma għal din ir-raġuni favoriti veri man-nisa. Ladarba wieħed huwa mgħaddas f’din id-dinja taʼ fantasija, dan jistaʼ jwassal għal li hu jagħmel bħala idolu lill-kantant. Jistaʼ jibda b’mod li ma jagħmilx ħsara billi wieħed jitlob awtografu bħala rikordju. Imma xi wħud jibdew iħarsu lejn l-artist bħala l-ideal tagħhom, u billi jpoġġuh fuq pedestall, idawruh f’idolu. Huma jistgħu jdendlu l-istampa tal-istilla mal-ħajt u jibdew jilbsu u jomxtu bħalma jagħmel hu. Il-Kristjani għandhom bżonn iżommu f’moħħhom li l-adorazzjoni tappartjeni biss lil Alla.”
16. Liema ħaġa turi li anġli twajbin ma jaċċettawx l-idolatrija?
16 Iva, Alla biss jixraqlu l-adorazzjoni jew il-qima. Meta Ġwanni ‘waqaʼ ’l isfel biex iqim quddiem saqajn l-anġlu’ li wrieh affarijiet tal-għaġeb, dak il-ħlejqa spirtu ma riedx jiġi idolizzat b’xi mod imma qal: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Kulma jien hu rsir sieħeb tiegħek u taʼ ħutek li huma profeti u taʼ dawk li qegħdin josservaw il-kliem taʼ dan ir-romblu. Qim ’l Alla.” (Rivelazzjoni 22:8, 9) Il-biżaʼ taʼ Jehovah, jew ir-reverenza profonda għalih, tagħmilna nqimu lilu waħdu. (Rivelazzjoni 14:7) B’hekk, id-devozzjoni vera lejn Alla tissalvagwardjana mill-idolatrija.—1 Timotew 4:8.
17. Kif nistgħu noqogħdu għassa kontra l-immoralità sesswali idolatruża?
17 L-immoralità sesswali hija forma oħra taʼ idolatrija rrifjutata mill-qaddejja taʼ Jehovah. Huma jafu li “ebda żieni jew wieħed li mhux nadif jew wieħed rgħib—li jfisser li tkun idolatur—ma għandu xi wirt fis-saltna tal-Kristu u t’Alla.” (Efesin 5:5) L-idolatrija hija nvoluta għaliex ix-xenqa għal gost illeċtu ssir oġġett taʼ devozzjoni. Kwalitajiet devoti jitpoġġew fil-periklu minn xewqat sesswali m’humiex xierqa. Billi jixħet għajnejh u widnejh fuq il-pornografija, wieħed jipperikola kull relazzjoni li jistaʼ jkollu maʼ dak Alla qaddis, Jehovah. (Isaija 6:3) Biex joqogħdu għassa kontra idolatrija bħal din, allura, il-qaddejja t’Alla jridu jevitaw il-pornografija u l-mużika li tikkorrompi. Għandhom bżonn jaqbdu sewwa mal-valuri spiritwali b’saħħithom ibbażati fuq l-Iskrittura, u jridu jibqgħu jilbsu “l-personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fit-tjieba vera u l-lealtà.”—Efesin 4:22-24.
Evita r-Regħba u x-Xenqa
18, 19. (a) X’inhuma r-regħba u x-xenqa? (b) Kif nistgħu noqogħdu għassa kontra r-regħba u x-xenqa idolatrużi?
18 Il-Kristjani joqogħdu għassa wkoll kontra r-regħba u x-xenqa, li huma forom relatati mill-qrib taʼ idolatrija. Ir-regħba hija xewqa eċċessiva jew kilba, u x-xenqa hija regħba għal xi ħaġa li tappartjeni lil ħaddieħor. Ġesù wissa kontra x-xenqa u tkellem dwar raġel għani mxennaq li ma setax jibbenefika mill-ġid tiegħu fil-mewt u kien fl-istat imnikket taʼ li ma kienx “għani lejn Alla.” (Luqa 12:15-21) Pawlu b’mod xieraq ta parir lil sħabu fit-twemmin: “Mewtu . . . lill-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art rigward . . . [i]x-xenqa, li hi idolatrija.”—Kolossin 3:5.
19 Dawk li huma ossessjonati b’imħabba għall-flus, b’kilba għall-ikel u għax-xorb, jew b’ambizzjoni għall-poter jagħmlu lil xewqat bħal dawn l-idoli tagħhom. Bħalma indika Pawlu, persuna rgħiba hija idolatra u mhix se tiret is-Saltna t’Alla. (1 Korintin 6:9, 10; Efesin 5:5) Għalhekk, individwi mgħammdin li jipprattikaw l-idolatrija bħala persuni rgħibin jistgħu jiġu mkeċċijin mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana. Billi napplikaw l-Iskrittura u nitolbu bil-ħerqa, madankollu, nistgħu nevitaw ir-regħba. Igħid Proverbji 30:7-9: “Żewġ affarijiet tlabt mingħandek [Alla Jehovah]. Iżżommhomx lura minni qabel ma mmut. In-nuqqas taʼ verità u l-kelma giddieba poġġihom ’il bogħod minni. Agħtini la faqar u lanqas rikkezzi. Ħallini niblaʼ l-ikel preskritt għalija, biex jalla ma nsirx imxebbaʼ u attwalment niċħad lilek u ngħid: ‘Min hu Jehovah?’ u biex jalla ma niġix fil-faqar u attwalment nisraq u nħebb għall-isem t’Alla tiegħi.” Spirtu bħal dan jistaʼ jgħinna biex noqogħdu għassa kontra r-regħba u x-xenqa idolatrużi.
Oqgħod Għassa Kontra li Tagħmel Lilek Innifsek Idolu
20, 21. In-nies taʼ Jehovah kif igħassu kontra li jagħmlu lilhom infushom idoli?
20 In-nies taʼ Jehovah joqogħdu għassa wkoll kontra li jagħmlu lilhom infushom idoli. F’din id-dinja hija ħaġa komuni li wieħed jagħmel idolu lilu nnifsu u lir-rieda tiegħu stess. Ix-xewqa għall-fama u l-glorja ġġiegħel lil ħafna biex jaġixxu b’modi qarrieqa. Huma jridu li ssir ir-rieda tagħhom, mhux t’Alla. Imma ma jistaʼ jkollna ebda relazzjoni m’Alla jekk inċedu għal li nagħmlu idolu lilna nfusna billi nfittxu bil-qerq li tgħaddi tagħna u nipprovaw nagħmluha taʼ sidien fuq oħrajn. (Proverbji 3:32; Mattew 20:20-28; 1 Pietru 5:2, 3) Bħala s-segwaċi taʼ Ġesù, aħna rrinunzjajna l-affarijiet qarrieqa tad-dinja.—2 Korintin 4:1, 2.
21 Minflok ma jfittxu l-fama, in-nies t’Alla jaqblu mat-twissija taʼ Pawlu: “Kemm jekk qegħdin tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu l-affarijiet kollha għall-glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31) Billi aħna l-qaddejja taʼ Jehovah, ma ninsistux b’mod idolatruż li tgħaddi tagħna imma mimlijin ferħ nagħmlu r-rieda divina, billi naċċettaw id-direzzjoni mingħand “l-irsir fidil u diskret” u nikkoperaw bis-sħiħ mal-organizzazzjoni taʼ Jehovah.—Mattew 24:45-47.
Ibqaʼ Għassa!
22, 23. B’liema mod nistgħu nibqgħu għassa kontra l-idolatrija taʼ kull xorta?
22 Bħala n-nies taʼ Jehovah, aħna ma mmilux quddiem idoli materjali. Aħna noqogħdu għassa wkoll kontra forom sottili taʼ idolatrija. Fil-fatt, irridu nkomplu nevitaw l-idolatrija taʼ kull xorta. Għalhekk naqblu mal-parir taʼ Ġwanni: “Għassu rwieħkom mill-idoli.”—1 Ġwann 5:21.
23 Jekk inti wieħed jew waħda mill-qaddejja taʼ Jehovah, eżerċita dejjem il-kuxjenza u l-qawwiet tas-sensi tiegħek imħarrġin fuq il-Bibbja. (Ebrej 5:14) Allura m’intix se tkun imniġġes mill-ispirtu idolatruż tad-dinja imma se tkun bħat-tliet Ebrej leali u l-Kristjani leali bikrin. Int se tagħti lil Jehovah devozzjoni esklussiva, u hu se jgħinek biex tibqaʼ toqgħod għassa kontra l-idolatrija taʼ kull xorta.
X’Inhuma l-Ħsibijiet Tiegħek?
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jevitaw forom taʼ idolatrija li dehru fil-viżjoni taʼ Eżekjel?
◻ X’inhi l-“bhima selvaġġa” taʼ Rivelazzjoni 13:1, u x-Xhieda taʼ Jehovah liema pożizzjoni jieħdu dwarha?
◻ Għala rridu noqogħdu għassa kontra li nagħmlu bħala idolu lid-divertiment u lill-istilel tal-isports?
◻ Kif nistgħu noqogħdu għassa kontra li nagħmlu lilna nfusna idoli?
◻ Għala rridu nibqgħu għassa kontra l-idolatrija taʼ kull xorta?