Uża Preżentazzjoni Adattata
1. X’nistgħu nitgħallmu mill-fatt li l-Kristjani tal-bidu kienu jbiddlu l-preżentazzjoni tagħhom?
1 Il-Kristjani tal-bidu ppritkaw l-aħbar tajba lil nies taʼ kulturi u reliġjonijiet differenti. (Kol. 1:23) Għalkemm il-messaġġ kien l-istess—dwar is-Saltna t’Alla—il-preżentazzjoni kienet titbiddel skont l-udjenza. Pereżempju, meta Pietru tkellem maʼ Lhud li kellhom rispett profond għall-Iskrittura beda billi kkwota mill-profeta Ġoel. (Atti 2:14-17) Min-naħa l-oħra, innota l-mod kif Pawlu rraġuna mal-Griegi kif jidher f’Atti 17:22-31. Illum il-ġurnata, in-nies f’xi nħawi jirrispettaw l-Iskrittura, u nistgħu bil-libertà kollha nirreferu għall-Bibbja hekk kif immorru minn dar għal dar. Madanakollu, jistaʼ jkollna nużaw l-għaqal meta nitkellmu maʼ dawk li ma jkollhom ebda interess fil-Bibbja jew fir-reliġjon jew maʼ dawk li jkunu jagħmlu parti minn reliġjon li mhix Kristjana.
2. Kif nistgħu nużaw l-offerta taʼ letteratura biex ngħinu lil dawk li jirrispettaw il-Bibbja kif ukoll lil dawk li ma jirrispettawhiex?
2 Uża l-Offerta taʼ Letteratura b’Mod Effettiv: L-offerti taʼ letteratura għal din is-sena taʼ servizz se jitbiddlu kull xahrejn u se jiffokaw fuq rivisti, fuljetti, u browxers. Anke jekk in-nies fit-territorju tagħna ġeneralment ma jkunux interessati fil-Bibbja, xorta se nkunu nistgħu noffru xi ħaġa li x’aktarx tinteressahom. Forsi ma naqrawx skrittura fl-ewwel żjara jew ma nirreferux b’mod dirett għall-Bibbja, imma meta jintwera l-interess nistgħu mmorru lura bil-mira li ngħinu lill-inkwilin jibni l-fidi fil-Ħallieq u fil-Kelma mnebbħa tiegħu. Mill-banda l-oħra, jekk inkunu qed nippritkaw fi nħawi fejn in-nies jirrispettaw il-Bibbja, nistgħu nużaw letteratura u preżentazzjoni li tibni fuq dan is-suġġett. Infatti, nistgħu noffru l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jew il-browxer Ismaʼ Minn Alla u Tgħix Għal Dejjem fi kwalunkwe żmien, tkun xi tkun l-offerta tax-xahar. L-importanti hu li tintuża preżentazzjoni adattata.
3. Qalb in-nies fit-territorju tagħna b’liema mod tixbah lill-ħamrija?
3 Ipprepara “l-Ħamrija”: Il-qalb taʼ individwu tixbah ħafna ’l-ħamrija. (Lq. 8:15) Xi ħamrija teħtieġ iktar preparazzjoni qabel ma ż-żerriegħa tal-verità Biblika tkun tistaʼ tqabbad l-għeruq u tikber. Evanġelizzaturi tal-ewwel seklu ħawlu b’suċċess f’kull tip taʼ ħamrija, u dan ġabilhom sodisfazzjon u ferħ. (Atti 13:48, 52) Nistgħu nesperjenzaw suċċess simili billi nagħtu attenzjoni għall-preżentazzjoni tagħna.