Kapitlu Tlieta
“Int Għidilhom Din il-Kelma”
1. (a) Kif kienu simili Ġesù u Ġeremija? (b) Għala għandna nimitaw lil Ġeremija fil-ministeru tagħna?
ĠESÙ KRISTU hu l-eżempju ewlieni li nsegwu meta nippritkaw l-aħbar tajba. Iżda, hu interessanti li n-nies fl-ewwel seklu li osservaw lil Ġesù kultant ħasbu fil-profeta Ġeremija. (Mt. 16:13, 14) Bħal fil-każ taʼ Ġesù, Ġeremija rċieva kmand divin biex jipprietka. Pereżempju, darba minnhom Alla qallu: “Int għidilhom din il-kelma, ‘Dan qal Ġeħova.’” (Ġer. 13:12, 13; Ġw. 12:49) U fil-ministeru tiegħu Ġeremija wera kwalitajiet simili għal dawk li wera Ġesù.
2. Il-bżonnijiet tan-nies illum kif inhuma simili għal dawk tal-Lhud fi żmien Ġeremija?
2 Madanakollu, xi Xhieda forsi jgħidu: ‘Ix-xogħol tal-ippritkar tagħna hu differenti minn dak taʼ Ġeremija. Hu kien il-kelliemi t’Alla għal ġens li kien dedikat Lilu, filwaqt li l-maġġuranza tan-nies li nippritkawlhom aħna ma jafux lil Ġeħova.’ Dan hu veru. Imma sa żmien Ġeremija, il-biċċa l-kbira mil-Lhud kienu saru “bla għaqal” u kienu telqu lill-Alla l-veru. (Aqra Ġeremija 5:20-22.) Kellhom bżonn jinbidlu biex jaqdu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli. L-istess nistgħu ngħidu għan-nies illum—kemm jekk jgħidu li huma Kristjani u kemm jekk le—huma għandhom bżonn jitgħallmu jibżgħu minn Ġeħova u jitgħallmu dwar il-qima vera. Ejja naraw kif nistgħu naqdu lill-Alla l-veru u ngħinu lin-nies billi nimitaw lil Ġeremija.
‘ĠEĦOVA MESSLI ĦALQI’
3. Alla x’għamel lil Ġeremija fil-bidu tax-xogħol tiegħu, u l-profeta kif ħassu dwar dan?
3 Ftakar li fil-bidu tal-ministeru profetiku tiegħu, Ġeremija semaʼ dan il-kliem: “Mur għand kulmin se nibagħtek; u tkellem kulma nikkmandak. Tibżax minħabba wiċċhom, għax ‘jien miegħek biex neħilsek,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.” (Ġer. 1:7, 8) U mbagħad Alla għamel xi ħaġa mhux mistennija. Ġeremija jgħidilna: “Ġeħova ħareġ idu u messha maʼ ħalqi. U Ġeħova qalli: ‘Jien poġġejtlek kliemi f’fommok. Ara, illum qabbadtek [bħala profeta].’” (Ġer. 1:9, 10) Minn dakinhar ’il quddiem, Ġeremija kien jaf li hu tkellem f’isem Alla li Jistaʼ Kollox.a Bl-appoġġ sħiħ Tiegħu, iż-żelu taʼ Ġeremija għas-servizz sagru kiber.—Is. 6:5-8.
4. Liema eżempji taʼ żelu li jispikka fl-ippritkar tistaʼ tirrakkonta?
4 Ġeħova ma jmiss lil ħadd fiżikament mill-qaddejja tiegħu llum. Però, permezz tal-ispirtu tiegħu jagħtihom xewqa kbira biex ixandru l-aħbar tajba. Ħafna minnhom juru żelu li jispikka. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Maruja fi Spanja. Għal iktar minn 40 sena, kienet paralizzata f’idejha u f’saqajha. Huwa diffiċli għaliha li tipprietka minn bieb għal bieb, għalhekk issib modi oħrajn biex tieħu sehem fil-ministeru. Mod wieħed hu billi tikteb l-ittri. Maruja tiddetta l-kliem lil bintha u din tiktbu. Matul xahar li fih għamlet sforz speċjali, Maruja u s-“segretarja” tagħha bagħtu iktar minn 150 ittra, u f’kull envelop poġġew fuljett. Permezz tal-isforzi tagħhom, l-aħbar tajba waslet tistaʼ tgħid f’kull dar f’raħal viċin. Maruja qalet lil bintha, “Jekk ittra waħda milli bgħatna tasal f’idejn xi ħadd li għandu qalb sinċiera, Ġeħova jberikna bi studju tal-Bibbja.” Anzjan lokali jikteb, “Nirringrazzja lil Ġeħova għal aħwa nisa bħal Maruja, li jgħallmu lil oħrajn iqisu taʼ valur dak li verament hu importanti.”
5. (a) Ġeremija kif żamm iż-żelu tiegħu meta ffaċċja l-apatija? (b) Kif tistaʼ żżomm iż-żelu tiegħek biex tipprietka l-aħbar tajba?
5 Fi żmien Ġeremija, il-biċċa l-kbira mill-abitanti taʼ Ġerusalemm ‘ma sabu l-ebda għaxqa’ fil-verità t’Alla. Waqaf il-profeta milli jipprietka għax kien hemm tant nies apatetiċi lejn il-messaġġ? Le! Ġeremija qal: “Jien imtlejt bil-korla taʼ Ġeħova. Għejejt inżomm ġo fija.” (Ġer. 6:10, 11) Kif tistaʼ żżomm żelu bħal dan? Mod wieħed hu billi timmedita fuq il-privileġġ tiegħek li ma jitqabbel maʼ xejn taʼ li tirrappreżenta lill-Alla l-veru. Int taf li wħud prominenti taʼ din id-dinja żebilħu l-isem tal-Alla l-veru. Aħseb ukoll dwar kif il-mexxejja reliġjużi qarrqu bin-nies fit-territorju tiegħek, l-istess kif għamlu l-qassisin taʼ żmien Ġeremija. (Aqra Ġeremija 2:8, 26, 27.) B’kuntrast, l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla li tipprietka tassew hi espressjoni taʼ qalb tajba min-naħa t’Alla lejn l-umanità. (Lam. 3:31, 32) Iva, jekk timmedita fuq verità bħal din tistaʼ tiġi megħjun iżżomm iż-żelu tiegħek biex tiddikjara l-aħbar tajba u tgħin lil uħud bħal nagħaġ.
6. Xi sfidi ffaċċja Ġeremija li setgħu qatgħulu qalbu?
6 X’aktarx taqbel li mhuwiex dejjem faċli li żżomm iż-żelu fil-ministeru Kristjan. Hekk kif Ġeremija qeda lil Ġeħova, hu wkoll iffaċċja sfidi serji, inkluż profeti foloz. Tistaʼ taqra dwar waħda minnhom f’Ġeremija kapitlu 28. Il-maġġuranza tan-nies ma tawx kas il-messaġġ tiegħu, u kultant ħassu xi ftit jew wisq waħdu. (Ġer. 6:16, 17; 15:17) Iktar minn hekk, xi drabi kellu jissaporti għedewwa li heddewlu ħajtu.—Ġer. 26:11.
Għala tistaʼ tafda f’Ġeħova biex jgħinek tegħleb l-isfidi int u tipprietka l-aħbar tajba?
“QARRAQT BIJA, O ĠEĦOVA”
7, 8. Alla b’liema mod li kien taʼ benefiċċju ‘qarraq’ b’Ġeremija?
7 Matul perijodu meta Ġeremija ffaċċja twaqqigħ għaċ-ċajt u insulti jum wara l-ieħor, hu esprima s-sentimenti tiegħu lil Alla. F’liema sens, taħseb int, tistaʼ tgħid li Ġeħova ‘qarraq’ bil-profeta leali tiegħu, kif imsemmi f’Ġeremija 20:7, 8?—Aqra.
8 Ġeħova żgur li ma ingannax jew qarraq b’Ġeremija billi uża xi pjan makakk u diżonest kontrih. Pjuttost, Alla ‘qarraq’ bil-profeta tiegħu f’sens pożittiv u taʼ benefiċċju. Ġeremija ħass li l-oppożizzjoni kienet kbira wisq u li waħdu ma setax ikompli jwettaq l-inkarigu tiegħu mogħti minn Alla. Imma wettqu, bl-appoġġ u bl-għajnuna taʼ Dak li Jistaʼ Kollox. Għalhekk, tistaʼ tgħid li Ġeħova ssuperah, billi wera li kien ħafna iktar b’saħħtu minn Ġeremija u l-inklinazzjonijiet umani tiegħu. Meta dan il-bniedem t’Alla ħaseb li ma felaħx iktar u li ma setax jibqaʼ sejjer hekk, Ġeħova pperswadieh b’tali mod li Ġeremija ġie mqarraq, biex ngħidu hekk. Alla wera li kien iktar b’saħħtu mid-dgħufijiet tal-profeta. Anke meta Ġeremija ma ġiex milqugħ tajjeb u meta ffaċċja l-apatija u l-vjolenza, hu setaʼ jkompli jipprietka.
9. Għala tistaʼ tikseb kuraġġ mill-kliem taʼ Ġeremija 20:11?
9 Ġeħova wera li kien bħal “wieħed setgħan u tal-biżaʼ” maġenb Ġeremija billi appoġġah. (Ġer. 20:11) U Alla jistaʼ jsaħħaħ lilek ukoll sabiex tibqaʼ żeluż għall-qima vera u tħabrek minkejja problemi kbar. Tistaʼ tiħodha kif ġiet espressa fi traduzzjoni oħra—Ġeħova se jkun “gwerrier tal-biżaʼ” bilwieqfa maġenbek.—Karm Żammit.
10. X’int determinat li tagħmel meta tiffaċċja l-oppożizzjoni?
10 L-appostlu Pawlu enfasizza dan il-punt meta ħeġġeġ lill-Kristjani li ffaċċjaw oppożizzjoni. Hu kiteb: “Ġibu ruħkom kif jixraq lill-aħbar tajba dwar il-Kristu, sabiex . . . inkun nistaʼ nismaʼ . . . li qed iżżommu sod fi spirtu wieħed, u li b’ruħ waħda qed tistinkaw spalla maʼ spalla għall-fidi taʼ l-aħbar tajba, u bl-ebda mod ma tibżgħu minn dawk li jopponukom.” (Flp. 1:27, 28) Bħalma għamlu Ġeremija u l-Kristjani fl-ewwel seklu, int tistaʼ u għandek tistrieħ fuq Alla li Jistaʼ Kollox hekk kif twettaq il-ministeru tiegħek. Jekk xi nies jiddieħqu bik jew jattakkawk, ftakar li Ġeħova jkun maġenbek u jistaʼ jimliek bil-qawwa. Hu għamel dan għal Ġeremija u għamel l-istess għal ħafna minn ħutek; għalhekk jistaʼ jagħmel l-istess għalik. Itolbu bil-ħerqa għall-għajnuna, u kun fiduċjuż li hu se jwieġeb it-talba tiegħek. Int ukoll forsi ssib li ġejt ‘imqarraq’ hekk kif Alla jagħtik is-saħħa biex tiffaċċja b’suċċess l-ostakli bil-qlubija minflok bil-biżaʼ. Iva, tistaʼ tagħmel bil-wisq iktar milli qatt ħsibt li hu possibbli.—Aqra Atti 4:29-31.
11, 12. (a) Liema aġġustamenti tistaʼ tagħmel ħalli titkellem maʼ iktar nies fil-ministeru tiegħek? (b) Liema possibbiltajiet lokali tissuġġerixxi l-istampa f’paġna 39?
11 Dak li naqraw dwar is-servizz taʼ Ġeremija jistaʼ jgħinna b’diversi modi biex inkunu ministri iktar effettivi tal-aħbar tajba. Wara li kien qeda bħala l-profeta taʼ Ġeħova għal iktar minn 20 sena, hu setaʼ jgħid: “Jien kellimtkom kemm-il darba, iva, kont inbakkar fil-għodu biex inkellimkom, imma intom ma smajtux.” (Ġer. 25:3) Iva, kien iqum kmieni biex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa prattika mill-eżempju tiegħu? F’ħafna kongregazzjonijiet, hemm pubblikaturi li jqumu kmieni biex ikellmu lin-nies fl-istejġ tal-karozzi tal-linja u fl-istazzjonijiet tal-ferroviji. Fi nħawi tal-kampanja, ħafna Xhieda jbakkru biex iżuru lil bdiewa u oħrajn li jkunu barra dak il-ħin. Tistaʼ taħseb f’modi oħrajn kif int personalment tistaʼ tapplika din it-tagħlima mill-ministeru leali taʼ Ġeremija? Xi ngħidu dwar li tqum kmieni biżżejjed biex tkun preżenti mill-bidu nett f’laqgħa għas-servizz tal-għalqa?
12 Minbarra dan, li tipprietka minn dar għal dar waranofsinhar u filgħaxija spiss iġib miegħu riżultati eċċellenti f’ħafna pajjiżi. Xi pubblikaturi saħansitra jippritkaw billejl billi jżuru lil ħaddiema f’pompi tal-petrol, f’restoranti, u fi stabbilimenti oħrajn li huma miftuħin 24 siegħa kuljum. Tistaʼ int taġġusta l-iskeda tiegħek ħalli tkun tistaʼ tipprietka meta jkun hemm l-iktar ċans li ssib in-nies id-dar jew xi mkien ieħor?
Għala tħossok fiduċjuż li Ġeħova qed jappoġġak hekk kif ixxandar il-messaġġ tiegħu?
13, 14. (a) L-eżempju taʼ Ġeremija x’jistaʼ jgħallimna dwar li nagħmlu żjajjar lura? (b) X’jenfasizza l-bżonn li nkunu taʼ min joqgħod fuqna fejn jidħlu ż-żjajjar lura?
13 Xi drabi, Ġeħova kkmanda lil Ġeremija biex iħabbar messaġġi profetiċi waqt li jkun fil-bibien tat-tempju jew taʼ Ġerusalemm. (Ġer. 7:2; 17:19, 20) Billi għamel dikjarazzjonijiet bħal dawn fil-bibien, Ġeremija wassal il-kelma taʼ Ġeħova lil għadd kbir taʼ nies. U peress li ħafna, inkluż irġiel prominenti tal-belt, merkanti, u negozjanti, użaw l-istess bieb b’mod regulari, jistaʼ jkun li kellem lil xi nies darba wara l-oħra bi sforz biex jgħinhom jifhmu dak li kienu semgħu qabel. X’nistgħu nitgħallmu minn dan dwar li nagħmlu żjajjar lura lil dawk li wrew interess?
14 Ġeremija kien jaf li l-ħajjiet tan-nies kienu jiddependu minn xogħlu bħala profeta. Darba, meta ma setax iwettaq istruzzjonijiet divini biex jitkellem man-nies, hu bagħat lill-ħabib tiegħu Baruk minfloku. (Aqra Ġeremija 36:5-8.) Kif nistgħu nimitaw lil Ġeremija f’dan ir-rigward? Inżommu kelmitna meta ngħidu lill-inkwilin li se nerġgħu lura? Jekk ma nkunux nistgħu nżommu appuntament għal żjara lura jew studju tal-Bibbja fid-dar, nirranġaw biex xi ħadd imur minflokna? Ġesù qal: “Il-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva.” (Mt. 5:37) Hu essenzjali li nżommu kelmitna għax aħna nirrappreżentaw l-Alla tal-verità u tal-ordni.—1 Kor. 14:33, 40.
Għamilt aġġustamenti fl-iskeda u fil-metodi tal-ippritkar tiegħek sabiex tkun tistaʼ tagħti xhieda lil iktar nies?
15, 16. (a) Ħafna kif segwew l-eżempju taʼ Ġeremija f’li jkabbru l-ministeru tagħhom? (b) X’lezzjoni tgħallimt mill-esperjenza taċ-Ċilì, bħalma jidher f’paġna 40?
15 Ġeremija inkuraġġixxa lil-Lhud f’Babilonja billi kitbilhom ittra dwar “il-kelma t-tajba” taʼ Ġeħova dwar li jinġiebu lura f’pajjiżhom. (Ġer. 29:1-4, 10) Illum, “il-kelma t-tajba” dwar dak li dalwaqt se jagħmel Ġeħova wkoll tistaʼ tinxtered effettivament permezz tal-ittri u t-telefon. Tistaʼ int tuża dawn il-metodi biex tgħin lill-qraba jew oħrajn li jgħixu f’postijiet ’il bogħod jew li hu diffiċli tikkuntattjahom?
16 Pubblikaturi tas-Saltna llum spiss jiksbu riżultati pożittivi billi jsegwu l-eżempju taʼ Ġeremija li wettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħu. Xhud fiċ-Ċilì marret fuq mara li kienet ħierġa mill-istazzjon tal-ferrovija taħt l-art. Din ferħet ħafna bil-messaġġ tal-Bibbja u aċċettat diskussjoni tal-Bibbja f’darha. Iżda, ix-Xhud ma kitbitx l-indirizz tal-mara. Wara, għax fehmet l-importanza taʼ li tikkultiva l-interess tal-mara fil-verità, l-oħt talbet lil Ġeħova għall-għajnuna. L-għada, marret lura fl-istazzjon fl-istess ħin. Hi reġgħet iltaqgħet mal-mara. Din id-darba għamlet ċert li tikteb l-indirizz u iktar tard żaret lill-mara f’darha biex tgħinha tifhem l-Iskrittura. Il-ġudizzji t’Alla dalwaqt se jiġu fuq id-dinja taʼ Satana. Imma hemm tama għal dawk li jindmu u jpoġġu l-fidi fl-aħbar tajba. (Aqra Lamentazzjonijiet 3:31-33.) Għalhekk, ejja nuru li naqblu maʼ dan billi naħdmu t-territorju tagħna b’mod kuxjenzjuż.
Tagħmel l-isforzi meħtiġin biex tikkultiva l-interess kollu li ssib?
“FORSI JISIMGĦU U JDURU LURA, KULL WIEĦED”
17. Kif tistaʼ timita l-ħarsa taʼ Ġeremija fit-territorju tiegħek?
17 Ġeħova ma riedx li n-nies jitilfu ħajjithom. Xi għaxar snin qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm, hu uża lil Ġeremija biex jitkellem dwar tama għal dawk eżiljati f’Babilonja. Naqraw: “Nitfaʼ għajnejja fuqhom għall-ġid, u rreġġagħhom lura lejn dan il-pajjiż. U nibnihom, u ma nġarrafhomx; inħawwilhom, u ma nqaċċathomx mill-għeruq.” Ġeremija setaʼ jgħid lil uħud bħal dawn: “Hemm tama għall-futur tiegħek.” (Ġer. 24:6; 26:3; 31:17) Ġeremija ħares lejn in-nies bl-istess mod kif ħares lejhom Alla. Hu wettaq il-ministeru tiegħu bi tħassib ġenwin, u qalilhom bit-tħeġġiġ taʼ Ġeħova: “Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minn triqtu l-ħażina, u rranġaw l-għemejjel tagħkom.” (Ġer. 35:15) Tistaʼ taħseb f’modi oħrajn kif tistaʼ turi interess persunali profond fin-nies fit-territorju tiegħek?
18, 19. (a) Liema ħarsa rridu niċħdu aħna u nippritkaw l-aħbar tajba? (b) Liema attitudni taʼ Ġeremija għandna nimitaw?
18 L-imħabba profonda taʼ Ġeremija għan-nies qatt ma battiet. Fil-qerda taʼ Ġerusalemm, hu baqaʼ jħoss il-mogħdrija għalihom. (Aqra Lamentazzjonijiet 2:11.) Il-Lhud ma setgħu jwaħħlu f’ħadd ħlief fihom infushom għar-rovina tagħhom. Madanakollu, Ġeremija ma qalx, ‘M’għedtilkomx jien?’ Minflok, ħass dispjaċir kbir għal dak li kien ġralhom. B’mod simili, il-ministeru tagħna m’għandux isir taʼ rutina, magħmul biss minħabba l-obbligu li għandna. L-isforzi tagħna biex nagħtu xhieda għandhom jagħtu prova taʼ kemm inħobbu lill-Alla meraviljuż tagħna kif ukoll lin-nies, li huma maħluqin fix-xbieha tiegħu.
Turi lin-nies li jimpurtak minnhom?
19 L-ebda privileġġ jew pożizzjoni f’din id-dinja ma tistaʼ tisboq dik taʼ li nagħtu xhieda għan-nom tal-Alla l-veru. Ġeremija hekk ħassu, u għalhekk kiteb: “Kliemek ġie għandi, u jien kiltu; u kelmtek saret għalija l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova.” (Ġer. 15:16) Hekk kif nippritkaw l-aħbar tajba, ħafna iktar nies jistgħu jsiru jafu u jħobbu lil Dak li lilu jafu ħajjithom. Billi naqdu biż-żelu u bl-imħabba, kif għamel Ġeremija, se nagħtu sehemna għal dan l-iskop.
Meta nqisu l-eżempju taʼ Ġeremija, liema modi oħrajn biex tinxtered “il-kelma t-tajba” taʼ Ġeħova għandek mnejn tipprova fil-futur?
a Bħalma ġara hawn, Ġeħova spiss qabbad lil messaġġiera anġeliċi biex jippreżentaw irwieħhom bħallikieku kien qed jitkellem Hu.—Mħ. 13:15, 22; Gal. 3:19.