Ibqaʼ agħmel progress bħala predikatur
1. Liema eżempji mill-ewwel seklu juru li għandna nagħmlu progress bħala predikaturi?
1 Il-Kristjani għandhom jagħmlu progress bħala predikaturi. Din hi r-raġuni għala Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu taħriġ li għenhom itejbu l-abbiltajiet tagħhom fl-ippritkar. (Lq. 9:1-5; 10:1-11) U hu għalhekk li Akwila u Prixilla ħadu lil Apollo magħhom u “fissrulu t-triq t’Alla iktar eżatt.” (Atti 18:24-26) Għall-istess raġuni, Pawlu ħeġġeġ lill-evanġelizzatur t’esperjenza Timotju biex ikompli jkun medhi fit-tagħlim tiegħu ħalli ‘kulħadd jara li qed javanza.’ (1 Tim. 4:13-15) Ilna kemm ilna nitjassru għall-Mulej bħala pubblikaturi tal-aħbar tajba, għandna bżonn inkomplu nirfinaw fl-abbiltajiet tal-ippritkar.
2. Kif nistgħu nitgħallmu minn ħaddieħor?
2 Tgħallem minn ħaddieħor: Mod wieħed kif nistgħu ntejbu l-abbiltajiet tagħna hu billi nitgħallmu minn ħaddieħor. (Prov. 27:17) Għalhekk, oqgħod attent meta pubblikaturi oħra jagħmlu l-preżentazzjoni tagħhom. Saqsi għal suġġerimenti speċifiċi, u ismaʼ bir-reqqa dak li jgħidu. (Prov. 1:5) Tħossok inċert dwar kif se tagħmel żjara lura, tibda studju tal-Bibbja, jew tieħu sehem f’xi aspett ieħor tal-ministeru? Ħu l-inizjattiva, u saqsi lill-indokratur tal-grupp tiegħek jew pubblikatur t’esperjenza għal taħriġ. Ftakar ukoll li l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jistaʼ jtejjeb l-abbiltajiet tagħna, allura itlob għalih b’mod regulari.—Lq. 11:13.
3. Kif għandna nirreaġixxu jekk ningħataw suġġeriment, forsi anke jekk ma saqsejniex għalih?
3 Tiħux għalik jekk tingħata xi suġġeriment biex titjieb, anki jekk ma saqsejtx għas-suġġeriment. (Ekk. 7:9) Bħal Apollo, aċċetta l-għajnuna bl-umiltà u l-gratitudni. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru l-għerf.—Prov. 12:15.
4. Ġesù liema raġuni soda ta dwar għala għandna nibqgħu nagħmlu progress bħala evanġelizzaturi?
4 Il-progress jigglorifika lil Alla: Permezz taʼ tixbiha, Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu progress bħala predikaturi. Hu qabbel lilu nnifsu maʼ dielja u s-segwaċi midlukin tiegħu maʼ friegħi. Hu qal li l-Missier inaddaf kull fergħa li tagħti l-frott “biex tagħti iktar frott.” (Ġw. 15:2) Eżatt bħalma sid id-dielja jixtieq li l-friegħi tad-dielja tiegħu jkunu iktar produttivi, hekk ukoll Ġeħova jrid li nkomplu nikbru fl-abbiltà tagħna li nipproduċu “l-frott tax-xofftejn.” (Ebr. 13:15) X’riżultat sodisfaċenti jkun hemm meta nagħmlu progress bħala evanġelizzaturi? Ġesù jagħtina t-tweġiba: “Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott.”—Ġw. 15:8.