Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
1-7 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 1-3
“Qorbot is-saltna tas-smewwiet”
(Mattew 3:1, 2) F’dawk il-jiem ġie Ġwanni l-Battista jippriedka fix-xagħri tal-Lhudija, 2 u jgħid: “Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet.”
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 3:1, 2
jipprietka: Il-kelma Griega bażikament tfisser “li tipproklama bħal messaġġier pubbliku.” Dan jenfasizza l-mod tal-proklamazzjoni: normalment din tkun dikjarazzjoni pubblika bil-miftuħ minflok prietka lil xi grupp.
Saltna: L-ewwel darba li tidher il-kelma Griega besileja, li tirreferi għal gvern irjali kif ukoll għat-territorju u n-nies taħt it-tmexxija taʼ sultan. Mill-162 darba li tidher din il-kelma Griega fl-Iskrittura Griega Kristjana, 55 minnhom insibuhom fir-rakkont taʼ Mattew u ħafna minnhom jirreferu għat-tmexxija t’Alla fis-sema. Mattew tant uża spiss dan it-terminu li l-Evanġelju tiegħu jistaʼ jissejjaħ l-Evanġelju tas-Saltna.
Saltna tas-smewwiet: Din l-espressjoni tidher xi 30 darba u tidher biss fl-Evanġelju taʼ Mattew. Fl-Evanġelji taʼ Marku u Luqa, minflokha ntużat il-frażi “s-saltna t’Alla,” u dan jindika li s-Saltna t’Alla hi bbażata fis-smewwiet u se tmexxi mis-smewwiet, il-post fejn jgħixu l-ħlejjaq spirti.—Mt 21:43; Mk 1:15; Lq 4:43; Da 2:44; 2Ti 4:18.
qorbot: Hawnhekk, fis-sens li l-Mexxej tal-futur tas-Saltna fis-sema daqt kien se jidher.
(Mattew 3:4) Dan Ġwanni kellu lbiesu mix-xagħar tal-ġemel u ħżiem tal-ġild madwar ġenbejh; u kien jiekol ġurati u għasel salvaġġ.
nwtsty midja
L-ilbies u d-dehra taʼ Ġwanni l-Għammied
Ġwanni kien jilbes libsa li kienet magħmula mix-xagħar tal-ġemel u kienet tintrabat maʼ qaddu permezz taʼ ċinturin, jew ħżiem, tal-ġild li setaʼ jintuża biex titfaʼ fih affarijiet żgħar. Il-profeta Elija kien jilbes ilbies simili. (2Sl 1:8) Ix-xagħar tal-ġemel kien materjal inferjuri li normalment kienu jilbsuh il-foqra. Dan ma kellu x’jaqsam xejn mal-materjal fin magħmul mill-ħarir jew mill-għażel li kienu jilbsu s-sinjuri. (Mt 11:7-9) Peress li Ġwanni kien Nażirit mit-twelid, jistaʼ jkun li xagħru qatt ma kien ġie maqtugħ. X’aktarx li bl-ilbies u d-dehra tiegħu, wieħed mill-ewwel setaʼ jinduna li kien jgħix ħajja sempliċi, jiġifieri devot għalkollox biex jagħmel ir-rieda t’Alla.
Ġurati
Fil-Bibbja, il-kelma “ġurati” tirreferi għall-ġurati kollha li jpassu fi qtajjaʼ kbar u li għandhom antenni qosra li bihom kapaċi jħossu. Skont analisi li saret f’Ġerusalemm, 75 fil-mija mill-ġurat tad-deżert hu proteini. Meta llum jintuża għall-ikel, titneħħa r-ras, is-saqajn, il-ġwienaħ, u ż-żaqq. Il-kumplament, il-parti bejn l-għonq u ż-żaqq, jittiekel nej jew misjur. Jingħad li dawn l-insetti fit-togħma qishom gambli jew granċijiet u fihom ħafna proteini.
Għasel salvaġġ
Fl-istampa hawnhekk hawn doqqajs (bejta) magħmul minn naħal salvaġġ (1) u xehda mimlija bl-għasel (2). L-għasel li kiel Ġwanni jistaʼ jkun li kien minn taʼ speċi taʼ naħal magħruf bħala Apis mellifera syriaca, li kien naħal tal-post. Din l-ispeċi hija mdorrija tgħix fil-klima sħuna u xotta tad-deżert tal-Lhudija imma mhix tajba biex il-bniedem irabbiha peress li hi aggressiva. Madankollu, sad-disaʼ seklu wara Kristu (WK), in-nies li kienu jgħixu Ġerusalemm kienu jżommu n-naħal f’ċilindri tal-fuħħar. Instabu ħafna fdalijiet taʼ dawn f’nofs dik li kienet żona urbana (issa magħrufa bħala Tel Rehov), li qiegħda fil-Wied tal-Ġordan. L-għasel minn dan id-doqqajs kien minn speċi taʼ naħal li milli jidher ġie importat minn dik li llum hi magħrufa t-Turkija.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
(Mattew 1:3) Ġuda nissel lil Pereż u lil Żeraħ minn Tamar; Pereż nissel lil Ħesron; Ħesron nissel lil Ram;
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 1:3
Tamar: L-ewwel mara minn ħamsa li ssemmiet fil-ġenealoġija tal-Messija li kiteb Mattew. L-erbgħa l-oħra huma Raħab u Rut, li t-tnejn ma kinux nisa Iżraelin (vs. 5); Bat-seba, “mart Urija” (vs. 6); u Marija (vs. 16). Dawn in-nisa x’aktarx li ġew inklużi fil-ġenealoġija li kienet qed isemmi irġiel biss minħabba li hemm xi ħaġa li tispikka fil-mod kif kull waħda minnhom saret antenata taʼ Ġesù.
(Mattew 3:11) Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma minħabba l-indiema tagħkom; imma dak li ġej warajja hu b’saħħtu iktar minni, u jien ma jistħoqqlix inneżżagħlu s-sandli minn saqajh. Dan jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 3:11
jgħammidkom: Jew “iniżżilkom.” Il-kelma Griega baptiżo tfisser “għaddas; niżżel.” Referenzi Bibliċi oħrajn jindikaw li l-magħmudija tinvolvi li dak li jkun jinżel taħt l-ilma għalkollox. Darba minnhom, Ġwanni kien qed jgħammed f’post fil-Wied tal-Ġordan qrib Salim “għax kien hemm kwantità kbira taʼ ilma hemmhekk.” (Ġw 3:23) Meta Filippu għammed lill-ewnuku Etjopjan, huma t-tnejn “niżlu fl-ilma.” (At 8:38) L-istess kelma Griega ntużat fis-Settanta fit-2Sl 5:14 meta ddeskriviet li Nagħman “għodos fil-Ġordan sebaʼ darbiet.”
Qari tal-Bibbja
(Mattew 1:1-17) Ktieb in-nisel taʼ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham: 2 Abraham nissel lil Iżakk; Iżakk nissel lil Ġakobb; Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu; 3 Ġuda nissel lil Pereż u lil Żeraħ minn Tamar; Pereż nissel lil Ħesron; Ħesron nissel lil Ram; 4 Ram nissel lil Għamminadab; Għamminadab nissel lil Naħson; Naħson nissel lil Salmon; 5 Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab; Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut; Għobed nissel lil Ġesse; 6 Ġesse nissel lil David is-sultan. David nissel lil Salamun minn mart Urija; 7 Salamun nissel lil Reħobogħam; Reħobogħam nissel lil Abija; Abija nissel lil Asa; 8 Asa nissel lil Ġeħosafat; Ġeħosafat nissel lil Ġeħoram; Ġeħoram nissel lil Użżija; 9 Użżija nissel lil Ġotam; Ġotam nissel lil Aħaż; Aħaż nissel lil Ħeżekija; 10 Ħeżekija nissel lil Manasse; Manasse nissel lil Amon; Amon nissel lil Ġosija; 11 Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu fi żmien l-eżilju lejn Babilonja. 12 Wara l-eżilju lejn Babilonja, Ġekonija nissel lil Saltijel; Saltijel nissel lil Żerubbabel; 13 Żerubbabel nissel lil Abijud; Abijud nissel lil Eljakim; Eljakim nissel lil Għażor; 14 Għażor nissel lil Sadok; Sadok nissel lil Akim; Akim nissel lil Eljud; 15 Eljud nissel lil Elegħażar; Elegħażar nissel lil Mattan; Mattan nissel lil Ġakobb; 16 Ġakobb nissel lil Ġużeppi r-raġel taʼ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jgħidulu Kristu. 17 Mela, il-ġenerazzjonijiet kollha minn Abraham sa David kienu erbatax, u minn David sa l-eżilju lejn Babilonja erbatax, u mill-eżilju lejn Babilonja sal-Kristu erbatax.
8-14 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 4-5
“Dak li nitgħallmu minn Ġesù mill-Prietka taʼ fuq il-Muntanja”
(Mattew 5:3) “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 5:3
Henjin: Din mhijiex sempliċiment kundizzjoni li tkun ferħan, bħal meta persuna tkun qed tieħu pjaċir. Minflok, meta tintuża għall-bnedmin, din tirreferi għal kundizzjoni li wieħed ikun imbierek minn Alla u jgawdi l-approvazzjoni tiegħu. Dan it-terminu jintuża wkoll biex jiddeskrivi lil Alla u lil Ġesù fil-glorja tiegħu tas-sema.—1Ti 1:11; 6:15.
dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom: L-espressjoni Griega tradotta “dawk li huma konxji,” letteralment tfisser, “dawk li huma foqra (fil-bżonn; batuti; tallaba).” F’dan il-kuntest tintuża għal dawk li għandhom bżonn u huma konxji sew taʼ dan. L-istess kelma ntużat b’referenza għat-“tallab” Lazzru f’Lq 16:20, 22. Il-frażi Griega li xi tradutturi jittraduċuha dawk li huma “foqra fl-ispirtu” tagħti l-idea taʼ nies li huma konxji ħafna taʼ kemm huma foqra spiritwalment u li għandhom bżonn lil Alla.
(Mattew 5:7) “Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 5:7
iħennu: It-termini li tuża l-Bibbja li jiġu tradotti “jħennu” u “ħniena” mhumiex limitati għall-maħfra jew il-qalb tajba fil-ġudizzju. Spiss tiddeskrivi s-sentimenti taʼ li wieħed jagħder u jitħassar lil dak li jkun, u minħabba f’hekk jitqanqal biex jieħu l-inizjattiva ħalli jgħin lil dawk fil-bżonn.
(Mattew 5:9) “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 5:9
iġibu l-paċi: Mhux biss iżommu l-paċi imma wkoll iġibu l-paċi fejn ma jkunx hemm.
Għallem lil Uliedek Ikunu Paċifiċi
Il-ġenituri Kristjani juru ħeġġa kbira biex iħarrġu lil uliedhom ħalli ‘jfittxu l-paċi u jiġru warajha.’ (1 Pietru 3:11) L-hena li jiġi meta wieħed iġib il-paċi jisboq dak kollu li huwa meħtieġ biex hu jegħleb sentimenti taʼ suspett, frustrazzjoni, u riżentiment.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
(Mattew 4:9) u qallu: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-art u tagħmilli att taʼ qima.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 4:9
tagħmilli att taʼ qima: Il-verb Grieg li jistaʼ jiġi tradott “tqim,” hawnhekk qiegħed f’forma taʼ verb li jindika azzjoni tal-mument. Il-fatt li l-frażi ġiet tradotta “tagħmilli att taʼ qima” turi li x-Xitan ma talabx lil Ġesù biex jibqaʼ jqimu b’mod kontinwu; talab “att taʼ qima” taʼ darba biss.
(Mattew 4:23) Imbagħad mar idur il-Galilija kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom u jippriedka l-aħbar tajba tas-saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa fost in-nies.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 4:23
jgħallem . . . jipprietka: Li wieħed jgħallem hu differenti milli jipprietka fis-sens li l-għalliem jagħmel iktar milli sempliċement jiddikjara xi ħaġa; hu jistruwixxi, jispjega, juża argumenti persważivi, u jagħti prova.
Qari tal-Bibbja
(Mattew 5:31-48) “Iktar minn hekk intqal, ‘Kulmin jiddivorzja lil martu, ħa jagħtiha ċertifikat tad-divorzju.’ 32 Madankollu, jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, iqegħedha fil-periklu li tagħmel adulterju, u kulmin jiżżewweġ mara li ġiet divorzjata b’dan il-mod jagħmel adulterju. 33 “Jerġaʼ smajtu li lil dawk taʼ żmien il-qedem intqalilhom, ‘Tiksirx il-ħalfa li tagħmel, imma wettaq il-wegħdi li tagħmel lil Ġeħova.’ 34 Madankollu, jien ngħidilkom: Taħilfu b’xejn, la bis-sema, għax hu t-tron t’Alla, 35 la bl-art, għax hi l-banketta għal saqajh, u lanqas b’Ġerusalemm, għax hi l-belt tas-Sultan il-kbir. 36 Lanqas b’rasek ma trid taħlef, għax int anqas biss xagħra waħda ma tistaʼ tagħmilha bajda jew sewda. 37 Iżda l-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le; għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin. 38 “Smajtu li ntqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ 39 Madankollu, jien ngħidilkom: Tirreżistux lil min hu mill-agħar; imma kulmin jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll. 40 U jekk xi ħadd ikun irid itellgħek il-qorti biex jiħodlok il-libsa, agħtih ukoll il-mantar; 41 u jekk xi ħadd fl-awtorità jġiegħlek timxi miegħu kilometru, mur miegħu tnejn. 42 Agħti lil min jitolbok, u twarrabx minn min irid jissellef mingħandek mingħajr imgħax. 43 “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek.’ 44 Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; 45 sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex. 46 Għax jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom? Mhux hekk ukoll jagħmlu l-kolletturi tat-taxxi? 47 U jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-nies tal-ġnus? 48 Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.
15-21 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 6-7
“Ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna”
(Mattew 6:10) Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.
Il-privileġġ tat-talb
12 X’għandu jkun l-iktar importanti fit-talb tagħna? Ġeħova u r-rieda tiegħu. Għandna nirringrazzjawh minn qalbna għal dak kollu li għamel għalina. (1 Kronaki 29:10-13) Dan nafuh għax meta Ġesù kien fuq l-art, hu għallem lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. (Aqra Mattew 6:9-13.) Hu qal li l-ewwel għandhom jitolbu biex l-isem t’Alla jitqaddes, jiġifieri, li jiġi trattat bħala li hu sagru jew qaddis. Imbagħad Ġesù wera li għandna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla u biex ir-rieda t’Alla sseħħ mad-dinja kollha. Ġesù qal li huwa biss wara li nitolbu għal dawn l-affarijiet importanti ħafna li għandna nitolbu għall-bżonnijiet persunali tagħna. Meta npoġġu lil Ġeħova u r-rieda tiegħu l-ewwel fit-talb tagħna, inkunu qed nuru x’inhu l-iktar importanti għalina.
(Mattew 6:24) “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 6:24
ilsir: Il-verb Grieg jirreferi għal xi ħadd li jaħdem bħala lsir, jiġifieri xi ħadd li jaħdem għal sid wieħed biss. Ġesù hawnhekk kien qed jgħid li Kristjan ma jistax jagħti d-devozzjoni esklużiva lil Alla, bħalma jixraqlu, u fl-istess ħin jiddedika ruħu biex ikollu affarijiet materjali.
(Mattew 6:33) “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 6:33
ibqgħu fittxu: Il-forma tal-verb Grieg tindika azzjoni kontinwa u tistaʼ tiġi tradotta “fittxu kontinwament.” Is-segwaċi veri taʼ Ġesù mhumiex se jfittxu s-Saltna għal xi żmien biss, u mbagħad wara dak iż-żmien ifittxu affarijiet oħra. Minflok, huma dejjem għandhom jagħmlu s-Saltna l-ewwel post f’ħajjithom.
is-Saltna: Xi manuskritti Griegi antiki jpoġġuha “s-Saltna t’Alla.”
tiegħu: Din il-kelma tirreferi għal Alla, “Missierkom tas-sema” li jissemma f’Mt 6:32.
sewwa: Dawk li jfittxu s-sewwa t’Alla jagħmlu r-rieda tiegħu mill-qalb u jġibu ħajjithom fi qbil mal-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Dan it-tagħlim kien differenti għalkollox minn dak tal-Fariżej, li kienu jfittxu li jistabbilixxu s-sewwa tagħhom stess.—Mt 5:20.
Fittex is-Saltna, mhux l-affarijiet materjali
18 Aqra Mattew 6:33. Jekk inpoġġu s-Saltna l-ewwel f’ħajjitna, imbagħad Ġeħova se jipprovdi kulma jkollna bżonn. Ġesù spjega għala nistgħu nkunu ċerti minn dik il-wegħda. Hu qal: “Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha.” Ġeħova jaf x’għandek bżonn saħansitra qabel ma tirrealizza dan int stess. (Filippin 4:19) Hu jaf liema ħwejjeġ se jkollok bżonn dalwaqt. Hu jaf ukoll x’ikel se jkollok bżonn. U hu jaf li int u l-familja tiegħek għandkom bżonn post fejn tgħixu. Ġeħova se jagħmel ċert li jkollok dak li verament għandek bżonn.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
(Mattew 7:12) “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll; fil-fatt, dan ifissru l-Liġi u l-Profeti.
Segwi r-Regola tad-Deheb fil-ministeru tiegħek
14 Immaġina li jum fost l-oħrajn nirċievu telefonata imma ma nagħrfux il-leħen. Ma nafux min hu, imma jistaqsina x’tip taʼ ikel nippreferu nieklu. Aħna nibdew nitħassbu min hu li ċempel u xi jrid verament. Biex ma nkunux maledukati, forsi nitkellmu ftit miegħu imma mbagħad nuruh li nippreferu ntemmu l-konversazzjoni. Min-naħa l-oħra, immaġina li dak li ċempel qalilna min hu u qalilna li xogħlu hu li jgħin lin-nies jieklu ikel tajjeb għas-saħħa. Hu jispjegalna li għandu xi informazzjoni utli. X’aktarx se nkunu iktar lesti li nisimgħuh. Infatti, aħna napprezzaw meta dak li jkun jgħidilna mill-ewwel min hu meta jkellimna. Kif nistgħu nuru l-istess rispett lejn in-nies li niltaqgħu magħhom?
15 F’ħafna territorji għandna ngħidu ċar u tond lill-inkwilin għala qed inżuruh. Veru li għandna informazzjoni taʼ valur u li l-inkwilin għandu bżonnha. Iżda immaġina li ma ngħidux min aħna u għala qegħdin hemm imma sempliċement naqbdu u nibdew il-preżentazzjoni tagħna b’mistoqsija bħal din: “Kieku tistaʼ ssolvi problema fid-dinja, liema waħda tkun?” Aħna nistaqsu l-mistoqsija biex insiru nafu x’jaħseb l-inkwilin u mbagħad nidderieġu l-konversazzjoni lejn il-Bibbja. Madankollu, l-inkwilin forsi jibda jaħseb: ‘Dan min hu, u għala qed jistaqsini din il-mistoqsija? Xi jrid verament?’ Aħna rridu li l-inkwilin iħossu komdu jkellimna. (Flp. 2:3, 4) Kif nistgħu nagħmlu dan?
16 Indokratur li jivvjaġġa sab effettiv il-metodu li ġej. Wara li jsellem lill-inkwilin, jagħtih kopja tal-fuljett Tixtieq Tkun Taf il-Verità? u jgħid: “Illum qed nagħtu wieħed bħal dan lil kull min joqgħod f’dawn l-inħawi. Dan jiddiskuti sitt mistoqsijiet li jistaqsu ħafna nies. Din hi l-kopja tiegħek.” Il-ħu jgħid li meta n-nies ikunu jafu għala qed iżurhom, ħafna donnhom jirrilassaw u jkun iktar faċli li jkompli l-konversazzjoni. Il-ħu mbagħad isaqsi lill-inkwilin: “Qatt ħsibt dwar xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet?” Jekk l-inkwilin jagħżel waħda, il-ħu jiftaħ il-fuljett u jiddiskuti x’tgħid il-Bibbja dwar dik il-mistoqsija. Jekk le, il-ħu jagħżel mistoqsija u jkompli l-konversazzjoni mingħajr ma jġiegħel lill-inkwilin iħossu skomdu. Naturalment, hemm ħafna modi kif tibda konversazzjoni. F’xi pajjiżi, jeħtieġ li nsegwu ċerti drawwiet meta nsellmu lin-nies qabel ma ngħidulhom għala qegħdin hemm. Jeħtieġ nifhmu li huwa importanti li naġġustaw il-preżentazzjoni tagħna sabiex in-nies ikunu jridu jisimgħu l-messaġġ tagħna.
(Mattew 7:28, 29) Issa, meta Ġesù temm dan id-diskors, ġara li l-folol baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallimhom; 29 għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi tagħhom.
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 7:28, 29
baqgħu mistagħġbin: Il-verb Grieg kif inhu użat hawnhekk jagħti x’jifhem li kliemu kellu effett kbir u dejjiemi fuq il-folol.
bil-mod kif għallimhom: Din l-espressjoni tirreferi għal mod kif Ġesù għallem, jiġifieri l-metodi tiegħu. Fost affarijiet oħrajn dan jinkludi dak li għażel x’jgħallem, allura din l-espressjoni tistaʼ tirreferi wkoll għal dak kollu li għallem fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja.
mhux bħall-iskribi tagħhom: Minflok ma kkwota rabbini li kienu jitqiesu bħala awtorità, bħalma kienet id-drawwa tal-iskribi, Ġesù tkellem bħala r-rappreżentant taʼ Ġeħova, bħala persuna li għandu l-awtorità, billi bbaża t-tagħlim tiegħu fuq il-Kelma t’Alla.—Ġw 7:16.
Qari tal-Bibbja
(Mattew 6:1-18) “Oqogħdu attenti li s-sewwa li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-nies, biex tidhru; inkella ma jkollkom l-ebda premju mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. 2 Għalhekk, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, toqgħodx iddoqq it-trombi, bħalma jagħmlu l-ipokriti fis-sinagogi u fit-toroq, sabiex ifaħħruhom in-nies. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-premju tagħhom bis-sħiħ. 3 Imma int, meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, tħallix lil idek ix-xellugija tkun taf x’qed tagħmel il-leminija, 4 biex l-għotjiet taʼ ħniena tiegħek isiru fil-moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura. 5 “Ukoll, meta titolbu, tkunux bħall-ipokriti; għax dawn iħobbu jitolbu bil-wieqfa fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq prinċipali sabiex jarawhom in-nies. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-premju tagħhom bis-sħiħ. 6 Iżda int, meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura. 7 Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-nies tal-ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem. 8 Għalhekk, tagħmlux bħalhom, għax Alla Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh. 9 “Hekk, mela, itolbu: “‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. 10 Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art. 11 Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum; 12 u aħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna. 13 U ddaħħalniex fit-tentazzjoni, imma eħlisna mill-Ħażin.’ 14 “Għax jekk taħfru lill-bnedmin in-nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-sema se jaħfrilkom ukoll; 15 filwaqt li jekk ma taħfrux lill-bnedmin in-nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-nuqqasijiet tagħkom. 16 “Meta ssumu, toqogħdux turu wiċċ imdejjaq bħall-ipokriti, għax dawn ikerrhu wiċċhom sabiex f’għajnejn il-bnedmin jidhru li qed isumu. Tassew ngħidilkom, Dawn qed jieħdu l-premju tagħhom bis-sħiħ. 17 Imma int, meta ssum, idlek rasek u aħsel wiċċek, 18 biex ma tidhirx li qed issum għall-bnedmin imma għal Missierek li qiegħed fil-moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.
22-28 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 8-9
“Ġesù kien iħobb in-nies”
(Mattew 8:1-3) Wara li niżel minn fuq il-muntanja marru warajh folol kbar. 2 U, ara, resaq lejh raġel marid bil-ġdiem u miel quddiemu u qallu: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” 3 Għalhekk, ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.” U minnufih tnaddaf mill-ġdiem tiegħu.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 8:3
messu: Il-Liġi Mosajka kienet titlob li dawk morda bil-ġdiem jinżammu kwarantina biex oħrajn ma jiħdux il-marda. (Lev. 13:45, 46; Num. 5:1-4) Madankollu, il-mexxejja reliġjużi Lhud żiedu iktar regoli. Pereżempju, kulħadd kellu jżomm 4 kubiti ’l bogħod, jiġifieri kważi 2 metri, minn xi ħadd li kellu l-ġdiem, imma meta kien ikun ir-riħ, id-distanza kienet taʼ 100 kubitu, jiġifieri madwar 45 metru. Regoli bħal dawn wasslu biex dawk morda bil-ġdiem jiġu trattati b’kefrija. L-istorja titkellem b’mod pożittiv dwar rabbi li kien jistaħba minn dawk morda bil-ġdiem u dwar ieħor li kien igaralhom il-ġebel biex iżommhom ’il bogħod. Għall-kuntrarju, Ġesù tant iddispjaċieh minħabba s-sitwazzjoni taʼ niket taʼ wieħed bil-ġdiem li għamel xi ħaġa li Lhud oħrajn lanqas biss kienet tgħaddilhom minn moħħhom—hu mess ir-raġel. Hu għamel dan minkejja li setaʼ jfejqu b’kelma waħda biss.—Mt. 8:5-12.
Irrid: Ġesù mhux biss aċċetta t-talba imma esprima xewqa kbira biex jaqtagħlu xewqtu, u dan wera li hu m’għamilx dan sempliċement għax kien iħossu obbligat.
(Mattew 9:9-13) Imbagħad, waqt li kien għaddej minn hemmhekk, Ġesù lemaħ raġel li kien jismu Mattew bil-qiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi, u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.” Dak il-ħin stess qam u mar warajh. 10 Iktar tard, waqt li kien qiegħed id-dar mal-mejda, ara, ġew ħafna kolletturi tat-taxxi u midinbin u poġġew maʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. 11 Imma malli raw dan, il-Fariżej bdew jgħidu lid-dixxipli tiegħu: “L-għalliem tagħkom għala jiekol mal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin?” 12 Peress li semagħhom, qal: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva. 13 Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’ Għax jien ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 9:10
qiegħed . . . mal-mejda: Jew jiekol. Li toqgħod mal-medja maʼ xi ħadd kien jindika li hemm ħbiberija maʼ dak li jkun. B’hekk, il-Lhud fi żmien Ġesù normalment qatt ma kienu joqogħdu mal-mejda, jew jieklu, ma xi ħadd li ma kienx Lhudi.
kolletturi tat-taxxi: Ħafna Lhud kienu jiġbru t-taxxi għall-awtoritajiet Rumani. In-nies kienu jobogħdu lil dawn il-Lhud għax mhux biss kienu jaħdmu id f’id maʼ qawwa barranija li ma kinux jaħmlu, imma wkoll għax b’qerq kienu jieħdu iktar flus mit-taxxa dovuta. Il-kolletturi tat-taxxi ġeneralment kienu jiġu mwarrbin minn Lhud oħrajn, u kienu jitpoġġew fuq l-istess livell tal-midinbin u l-prostituti.—Mt 11:19; 21:32.
(Mattew 9:35-38) U Ġesù mar idur il-bliet u l-irħula kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom u jippriedka l-aħbar tajba tas-saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa. 36 Malli ra l-folol tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. 37 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Iva, il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. 38 Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 9:36
tħassarhom: Il-verb Grieg splagkniżomaj li jintuża f’din l-espressjoni għandu x’jaqsam mal-kelma “intestini” (splagkna), u dan jindika sentiment li wieħed jesperjenza fil-ġewwieni tiegħu, emozzjoni qawwija ħafna. Din hija l-iktar kelma qawwija bil-Grieg għas-sentiment taʼ mogħdrija.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
(Mattew 8:8-10) Il-fizzjal taʼ l-armata wieġeb u qal: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, imma għid biss il-kelma u l-qaddej tiegħi jfiq. 9 Għax jien ukoll, għalkemm qiegħed taħt awtorità, għandi s-suldati taħti, u lil wieħed ngħidlu, ‘Mur!’ u jmur, u lil ieħor, ‘Ejja!’ u jiġi, u lill-ilsir tiegħi, ‘Agħmel dan!’ u jagħmlu.” 10 Malli semaʼ dan, Ġesù baqaʼ mistagħġeb u qal lil dawk li marru warajh: “Ngħidilkom il-verità, Fl-ebda bniedem f’Israel ma sibt fidi daqshekk kbira.
“Jien Tajtkom Eżempju”
16 B’mod simili, meta ċenturjun—x’aktarx Ġentil, Ruman—resaq fuq Ġesù u talbu jfejjaq ilsir marid, Ġesù kien jaf bid-difetti tas-suldat. Dak iż-żmien ċenturjun x’aktarx li kien ikollu passat mimli b’ħafna atti taʼ vjolenza, dmija, u qima falza. Madankollu, Ġesù ffoka fuq xi ħaġa tajba—il-fidi tar-raġel li kienet tant tispikka. (Mattew 8:5-13) Iktar tard, meta Ġesù kellem lir-raġel ħażin li kien imdendel ħdejh fuq iz-zokk tat-tortura, Ġesù ma ċanfarx lir-raġel għad-delitti li kien wettaq imma inkuraġġieh b’tama għall-futur. (Luqa 23:43) Ġesù kien jaf tajjeb li, jekk iħares lejn oħrajn b’mod negattiv u bil-kritika, kulma kien se jagħmel kien li jiskuraġġihom. Bla dubju l-isforzi tiegħu biex isib it-tajjeb f’oħrajn inkuraġġew lil ħafna biex isiru saħansitra aħjar.
(Mattew 9:16, 17) “Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; għax is-saħħa tar-roqgħa tiġbed il-libsa u t-tiċrita tikber. 17 Lanqas ma jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud taʼ l-inbid qodma; għax jekk jagħmlu hekk, il-ġlud jinfaqgħu u l-inbid jinxtered u l-ġlud ma jibqgħux tajbin. Imma n-nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda, u t-tnejn jibqgħu tajbin.”
Id-dixxipli taʼ Ġesù għax ma jsumux?
Ġesù qed jgħin lid-dixxipli taʼ Ġwanni l-Battista jifhmu li ħadd m’għandu jistenna li s-segwaċi taʼ Ġesù jgħixu fi qbil mal-prattiki antiki tal-Ġudaiżmu, bħas-sawm regolari. Hu ma ġiex biex jirranġa u jtawwal dawn il-prattiki antiki, li wara kollox dalwaqt kienu se jitwarrbu. Il-qima li qed jinkuraġġixxi Ġesù mhijiex waħda li ssegwi l-Ġudaiżmu taʼ dak iż-żmien, bil-ħafna tradizzjonijiet tal-bniedem. Le, mhux qed jipprova jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima jew jitfaʼ nbid ġdid fi ġlud tal-inbid ibsin u qodma.
Qari tal-Bibbja
(Mattew 8:1-17) Wara li niżel minn fuq il-muntanja marru warajh folol kbar. 2 U, ara, resaq lejh raġel marid bil-ġdiem u miel quddiemu u qallu: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” 3 Għalhekk, ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.” U minnufih tnaddaf mill-ġdiem tiegħu. 4 Imbagħad Ġesù qallu: “Ara li ma tgħid lil ħadd, imma mur, uri ruħek lill-qassis, u offri l-għotja li ordna Mosè, bħala xiehda għalihom.” 5 Meta daħal Kafarnahum, ġie għandu fizzjal taʼ l-armata li talbu bil-ħrara 6 u qallu: “Sinjur, il-qaddej tiegħi jinsab mixħut id-dar bil-paralisi u hu muġugħ ħafna.” 7 Hu qallu: “Niġi u nfejqu.” 8 Il-fizzjal taʼ l-armata wieġeb u qal: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, imma għid biss il-kelma u l-qaddej tiegħi jfiq. 9 Għax jien ukoll, għalkemm qiegħed taħt awtorità, għandi s-suldati taħti, u lil wieħed ngħidlu, ‘Mur!’ u jmur, u lil ieħor, ‘Ejja!’ u jiġi, u lill-ilsir tiegħi, ‘Agħmel dan!’ u jagħmlu.” 10 Malli semaʼ dan, Ġesù baqaʼ mistagħġeb u qal lil dawk li marru warajh: “Ngħidilkom il-verità, Fl-ebda bniedem f’Israel ma sibt fidi daqshekk kbira. 11 Imma ngħidilkom li se jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu mal-mejda m’Abraham u Iżakk u Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet; 12 filwaqt li wlied is-saltna se jintefgħu fid-dlam taʼ barra. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.” 13 Imbagħad Ġesù qal lill-fizzjal taʼ l-armata: “Mur. Ħa jsirlek skond il-fidi li wrejt.” U l-qaddej fieq dak il-ħin. 14 Imbagħad Ġesù daħal għand Pietru u ra lill-kunjata tiegħu mixħuta bid-deni. 15 Għalhekk, messilha idha, u d-deni ħallieha, u qamet u bdiet taqdih. 16 Malli sar fil-għaxija ġabulu ħafna nies maħkumin mid-demonji; u hu keċċa l-ispirti b’kelma waħda, u fejjaq lil kulmin kien magħdur; 17 sabiex jitwettaq dak li ntqal mill-profeta Isaija: “Hu stess ħa l-weġgħat tagħna u ġarr il-mard tagħna.”
29 taʼ Jannar–4 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 10-11
“Ġesù offra serħan”
(Mattew 10:29, 30) Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. 30 Għax saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud.
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 10:29, 30
għasafar tal-bejt: Il-kelma Griega strutijon hija kelma li tfisser kwalunkwe għasfur żgħir, imma spiss tirreferi għall-għasafar tal-bejt, l-irħas għasafar li jinbiegħu għall-ikel.
għal munita taʼ valur żgħir: Jew għal assarjun, li kienet paga li raġel kien jaqlaʼ fi tliet kwarti xogħol. (Ara sgd 18B) F’din l-okkażjoni, matul it-tielet vjaġġ tiegħu fil-Galilija, Ġesù qal li żewġ għasafar tal-bejt kienu jiswew assarjun. Darb’oħra, milli jidher xi sena wara matul il-ministeru tiegħu fil-Lhudija, Ġesù qal li ħames għasafar tal-bejt setgħu jinkisbu għal żewġ muniti taʼ valur żgħir. (Lq 12:6) Meta nqabblu dawn iż-żewġ rakkonti, nindunaw li l-għasafar tal-bejt tant ma kellhomx valur għan-negozjanti li l-ħames wieħed kienu jagħtuh b’xejn.
saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud: Jingħad li bħala medja, xagħar f’rasna għandna iktar minn 100,000. L-għarfien kbir li Ġeħova għandu dwar dettalji żgħar bħal dawn huwa garanzija li hu jinteressah ferm minn kull segwaċi taʼ Kristu.
nwtsty midja
Għasfur tal-bejt
L-għasafar tal-bejt kienu l-irħas għasafar li jinbiegħu għall-ikel. Tnejn minnhom setgħu jinxtraw b’ammont li raġel kien jaqlaʼ fi tliet kwarti xogħol. It-terminu Grieg setaʼ jirreferi għal varjetà t’għasafar żgħar, inkluż l-għasfur tal-bejt komuni (Passer domesticus biblicus) u l-għasfur tal-bejt Spanjol (Passer hispaniolensis), li għad hemm ħafna minnhom f’Iżrael.
(Mattew 11:28) Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 11:28
mgħobbijin: Dawk li Ġesù sejjaħ biex imorru għandu kienu “mgħobbijin” b’ansjetà u mħabbtin. Il-qima tagħhom lil Ġeħova kienet saret taʼ toqol minħabba t-tradizzjonijiet tal-bniedem li ġew miżjuda mal-Liġi Mosajka. (Mt 23:4) Anki s-Sabat, li l-iskop tiegħu kien biex ikun jum taʼ mistrieħ, kien sar taʼ piż.—Eżo 23:12; Mk 2:23-28; Lq 6:1-11.
jien inserraħkom: Il-kelma Griega għal serħan tistaʼ tirreferi għal mistrieħ letterali (Mt 26:45; Mk 6:31) u għal serħan minn taħbit sabiex wieħed ikun jistaʼ jirkupra u jerġaʼ jikseb saħħtu (2Ko 7:13; Flm. 7). Il-kuntest juri li wieħed jieħu “l-madmad” taʼ Ġesù (Mt 11:29) kien se jinvolvi xogħol, u mhux mistrieħ. Il-verb attiv Grieg b’Ġesù bħala s-suġġett jagħti l-ħsieb li hu jsaħħaħ u jagħti l-enerġija lil uħud għajjenin ħalli jkunu jixtiequ jieħdu l-madmad tiegħu li hu ħafif u ħelu.
(Mattew 11:29, 30) Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. 30 Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 11:29
Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom: Ġesù uża “madmad” figurattiv fis-sens taʼ sottomissjoni għall-awtorità u d-direzzjoni. Jekk kellu f’moħħu madmad doppju, wieħed li Alla poġġa fuq Ġesù, allura hu kien qed jistieden lid-dixxipli tiegħu biex jidħlu taħt il-madmad miegħu u hu kien se jgħinhom. F’dan il-każ, il-frażi setgħet tiġi tradotta: “Idħlu taħt il-madmad tiegħi miegħi.” Jekk il-madmad hu wieħed li Ġesù stess ipoġġi fuq oħrajn, allura dan jirreferi għal li nkunu sottomessi għall-awtorità u d-direzzjoni taʼ Kristu bħala d-dixxipli tiegħu.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
(Mattew 11:2, 3) Imma Ġwanni, peress li semaʼ mill-ħabs dwar l-għemejjel tal-Kristu, bagħat jgħidlu mad-dixxipli tiegħu: 3 “Int Dak li għandu jiġi, jew għandna nistennew lil ħaddieħor?”
Ġwanni jrid jismaʼ mingħand Ġesù
Tinstemaʼ din il-mistoqsija xi ftit stramba? Ġwanni hu raġel devot li, meta għammed lil Ġesù kważi sentejn qabel, ra l-ispirtu t’Alla nieżel fuq Ġesù u semaʼ lil Alla japprovah. M’għandniex għalfejn naħsbu li l-fidi taʼ Ġwanni ddgħajfet. Li kieku kien hekk, Ġesù ma kienx jitkellem daqstant tajjeb dwar Ġwanni, kif jagħmel f’din l-okkażjoni. Imma jekk Ġwanni mhux qed ikollu d-dubji, għala jagħmillu din il-mistoqsija lil Ġesù?
Ġwanni forsi sempliċement irid li Ġesù jikkonfermalu direttament li hu l-Messija. Dan kieku kien se jsaħħaħ lil Ġwanni hekk kif kien qed jinfena fil-ħabs. U l-mistoqsija taʼ Ġwanni milli jidher tfisser iktar minn hekk. Hu midħla tal-profeziji tal-Bibbja li juru li l-Midluk t’Alla se jkun sultan u ħellies. Però, ħafna xhur wara li Ġesù ġie mgħammed, Ġwanni qiegħed il-ħabs. Allura Ġwanni qed jistaqsi jekk hux ġej xi ħadd ieħor, xi ħadd li se jilħaq flok Ġesù, biex ngħidu hekk, u li se jwettaq bis-sħiħ dak kollu li kien imbassar dwar il-Messija.
(Mattew 11:16-19) “Maʼ min se nqabbilha din il-ġenerazzjoni? Tixbah lil tfal żgħar bil-qiegħda fis-swieq li jgħajtu lil sħabhom 17 u jgħidulhom, ‘Daqqejnielkom il-flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma ħabbattux fuq sidirkom bin-niket.’ 18 Bl-istess mod, Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob, u madankollu n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju’; 19 Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob, u xorta n-nies jgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid, ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin.’ Xorta waħda, l-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”
Gwaj għal ġenerazzjoni li ma tridx tagħti widen
Ġesù għandu rispett kbir għal Ġwanni l-Battista, imma l-biċċa l-kbira min-nies kif iħarsu lejn Ġwanni? “Din il-ġenerazzjoni,” jgħid Ġesù, “tixbah lil tfal żgħar bil-qiegħda fis-swieq li jgħajtu lil sħabhom u jgħidulhom, ‘Daqqejnielkom il-flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma ħabbattux fuq sidirkom bin-niket.’”—Mattew 11:16, 17.
Xi jrid ifisser Ġesù? Hu jiċċara dan il-punt: “Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob, u madankollu n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju’; Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob, u xorta n-nies jgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid, ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin.’” (Mattew 11:18, 19) Minn banda, Ġwanni għex ħajja sempliċi bħala Nażirit, saħansitra ma xorobx inbid, iżda din il-ġenerazzjoni tgħid li hu maħkum minn demonju. (Numri 6:2, 3; Luqa 1:15) Mill-banda l-oħra, Ġesù jgħix bħal irġiel oħrajn. Hu jiekol u jixrob b’mod bilanċjat, imma jakkużawh li jiekol u jixrob iżżejjed. Donnhom b’xejn ma jkunu sodisfatti dawn in-nies.
Qari tal-Bibbja
(Mattew 11:1-19) Issa, meta temm jagħti l-istruzzjonijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, Ġesù telaq minn hemmhekk biex jgħallem u jippriedka fil-bliet tagħhom. 2 Imma Ġwanni, peress li semaʼ mill-ħabs dwar l-għemejjel tal-Kristu, bagħat jgħidlu mad-dixxipli tiegħu: 3 “Int Dak li għandu jiġi, jew għandna nistennew lil ħaddieħor?” 4 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li qed tisimgħu u taraw: 5 L-għomja qed jaraw, iz-zopop qed jimxu, l-imġiddmin qed jiġu mnaddfin, u t-torox qed jisimgħu, il-mejtin qed jitqajmu, u lill-foqra qed tixxandrilhom l-aħbar tajba; 6 u hieni min ma jitfixkilx minħabba fija.” 7 Waqt li dawn kienu fi triqithom, Ġesù beda jgħid lill-folol rigward Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fix-xagħri? Qasba tixxejjer mar-riħ? 8 Mela, xi ħriġtu taraw? Raġel liebes ilbies fin? Tabilħaqq, dawk lebsin ilbies fin qegħdin fid-djar tas-slaten. 9 Allura għala ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, u ferm iktar minn profeta. 10 Dan hu li dwaru hu miktub, ‘Ara! Qed nibgħat lill-messaġġier tiegħi quddiemek, u dan iħejji triqtek qablek!’ 11 Tassew ngħidilkom, Fost dawk li twieldu min-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista; imma min hu fost l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet hu akbar minnu. 12 Imma minn żmien Ġwanni l-Battista s’issa, is-saltna tas-smewwiet hi l-mira li qed jirsistu għaliha l-bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha. 13 Għax kemm il-Profeti u kemm il-Liġi pprofetizzaw sa Ġwanni; 14 u dan hu ‘Elija li għandu jiġi,’ jekk tridu taċċettaw dan. 15 Min għandu widnejn, ħa jismaʼ. 16 “Maʼ min se nqabbilha din il-ġenerazzjoni? Tixbah lil tfal żgħar bil-qiegħda fis-swieq li jgħajtu lil sħabhom 17 u jgħidulhom, ‘Daqqejnielkom il-flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma ħabbattux fuq sidirkom bin-niket.’ 18 Bl-istess mod, Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob, u madankollu n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju’; 19 Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob, u xorta n-nies jgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid, ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin.’ Xorta waħda, l-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”